Kummissjoni Ewropea > NGE > Ordni Legali > Belġju

L-aħħar aġġornament: 25-05-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Ordni Legali - Belġju

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma l-istrumenti legali jew “is-sorsi tal-liġi” li jistabbilixxu r-regoli tal-liġi? 1.
2. X’inhu l-istatus legali tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, il-konswetudnijiet u l-ġurisprudenza? 2.
3. Il-ġerarkija ta’ dawn is-sorsi legali differenti 3.
4. Modalitajiet tad-dħul fis-seħħ fit-territorju stess tar-regoli li jinsabu fl-istrumenti sopranazzjonali 4.
5. L-awtoritajiet differenti li għandhom is-setgħa li jadottaw ir-regoli tal-liġi 5.
6. Il-proċess ta’ l-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli tal-liġi 6.
7. Il-modalitajiet tad-dħul fis-seħħ tar-regoli nazzjonali 7.
8. Il-mezzi tas-soluzzjoni tat-tilwim li aktarx jinqala’ bejn is-sorsi differenti legali ġewwa Stat Membru 8.

 

1. X’inhuma l-istrumenti legali jew “is-sorsi tal-liġi” li jistabbilixxu r-regoli tal-liġi?

Is-sorsi tal-liġi huma s-sorsi fejn inkunu ċerti x’inhi l-liġi. Issir distinzjoni bejn sorsi formali u materjali. B’mod differenti mis-sorsi formali, is-sorsi materjali ma fihomx regoli attwali tal-liġi. Eżempji ta’ sorsi materjali jinkludu l-bona fidi, l-ekwità u l-imġiba raġonevoli.

Hemm ħames kategoriji distinti ta’ sorsi formali. Tlieta minn dawn il-kategoriji huma sorsi obbligatorji formali – il-leġiżlazzjoni, il-liġi konswetudinarja u l-prinċipji ġenerali tad-dritt. It-tnejn l-oħra m’humiex obbligatorji imma sempliċiment “persważivi” – il-ġurisprudenza u kitbiet akkademiċi.

Il-leġiżlazzjoni hija kkunsidrata f’dettall akbar fil-ġerarkija tan-normi hawn isfel. Id-definizzjoni tagħha hija r-regoli miktubin ppromulgati minn awtorità. Id-definizzjoni tal-liġi konswetudinarja hija l-liġi mhux miktuba li taħdem fid-drawwiet u l-użanzi tal-persuni b’mod ġenerali u l-persuni fil-kummerċ b’mod partikolari. Il-prinċipji ġenerali tad-dritt jesprimu l-valuri superjuri li soċjetà partikolari tixtieq tirrispetta, bħall-prinċipju ta’ l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha, il-proporzjonalità tar-regoli u l-miżuri meħudin u l-prinċipju li l-awtoritajiet iridu jiffunzjonaw skond il-liġi. Ħafna minn dawn il-prinċipji huma stabbiliti f’dawk li jissejħu massimi tal-liġi, bħal “non bis in idem” fil-liġi kriminali u l-prinċipju li “lex posterior derogat legi priori”.

Il-ġurisprudenza u l-kitbiet akkademiċi huma sorsi persważivi tad-dritt. Sentenza torbot biss lill-partijiet fil-kawża; fil-Belġju m’hemmx sistema ta’ preċedent. L-uniċi sentenzi li jorbtu universalment huma dawk mogħtijin mill-Qorti ta’ l-Arbitraġġ (il-Qorti Kostituzzjonali). Il-qrati l-oħra superjuri  huma l-Kunsill ta’ l-Istat (l-ogħla qorti amministrattiva) u l-Qorti tal-Kassazzjoni (l-ogħla qorti li tieħu ħsieb il-liġi ordinarja).

FuqFuq

2. X’inhu l-istatus legali tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, il-konswetudnijiet u l-ġurisprudenza?

Ara l-mistoqsija 1 fuq.

3. Il-ġerarkija ta’ dawn is-sorsi legali differenti

Il-persuni li joqgħodu fil-Belġju huma soġġetti għal diversi kategoriji ta’ regoli tal-liġi. Mhux biss ir-regoli maħruġin mill-awtoritajiet federali Belġjani imma jgħoddu għalihom ukoll ir-regoli maħruġin minn unitajiet f’livell aktar baxx bħall-provinċji u d-distretti lokali (1). Il-Belġju huwa membru wkoll ta’ diversi organizzazzjonijiet internazzjonali u sopranazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill ta’ l-Ewropa u n-NATO. Ir-regoli maħruġin minn dawn l-organizzazzjonijiet japplikaw wkoll għall-awtoritajiet u l-popolazzjoni Belġjani.

Mhux l-awtoritajiet kollha li jagħmlu l-liġijiet għandhom oqsma ta’ ġurisdizzjoni ddemarkati strettament, u mhux il-kategoriji kollha tar-regoli għandhom l-istess status, għalhekk jista’ jkun hemm il-konflitti. Għaldaqstant hemm ġerarkija ta’ normi, il-prinċipju huwa li n-normi ta’ livell inferjuri qatt ma jistgħu jkunu f’konflitt ma’ normi f’livell superjuri.

Fir-rigward tal-liġi Belġjana interna, il-Kostituzzjoni hija l-aktar norma għolja. F’sentenza mogħtija fis-27 ta’ Mejju 1971 il-Qorti tal-Kassazzjoni qalet li l-istrumenti internazzjonali u sopranazzjonali kollha jiġu qabel fil-ġerarkija fuq kull strument intern u għalhekk huma ogħla mill-Kostituzzjoni. Jekk Regolament Ewropew jikkonfliġġi mal-Kostituzzjoni, ir-Regolament jerbaħ.

FuqFuq

Wara l-Kostituzzjoni hemm tliet kategoriji ta’ normi: il-leġiżlazzjoni, li timplimenta d-dispożizzjonijiet u l-psewdo-leġiżlazzjoni, u l-leġiżlazzjoni tirbaħ fuq id-dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni. Il-psewdo-leġiżlazzjoni, li l-aktar tfisser iċ-Ċirkularijiet, torbot biss lill-awtoritajiet imma mhux liċ-ċittadin.

L-istrumenti leġiżlattivi interni fil-Belġju l-aktar li jinstabu f’żewġ livelli paralleli: il-livell federali (bażikament il-livell nazzjonali) u l-livell tal-komponenti (il-komunitajiet u r-reġjuni). Kull wieħed huwa sovran fir-rigward ta’ l-ieħor. L-istrumenti leġiżlattivi federali huma magħrufin bħala Atti jew liġijiet, waqt li l-istrumenti maħruġin mit-tliet Komunitajiet – il-Komunitajiet Fjammingi, Franċiżi u ta’ l-ilsien Ġermaniż – u mir-Reġjun Fjamming u Walloon jissejħu Digrieti. L-istrumenti maħruġin mir-Reġjun Kapitali ta’ Brussell jissejħu Ordinanzi. L-istrumenti ta’ implimentazzjoni għall-Atti huma Digrieti Rjali jew Ministerjali, waqt li strumenti ta’ implimentazzjoni għal Digrieti u Ordinanzi huma digrieti governattivi jew ministerjali.

Il-Belġju għandu aktar unitajiet territorjali barra l-Komunitajiet u r-Reġjuni. L-aktar importanti huma l-provinċji u d-distretti lokali. M’humiex sovrani. L-istrumenti li joħorġu huma regolamenti u deċiżjonijiet, u m’għandhomx status sħiħ leġiżlattiv (ara l-artikolu 159 tal-Kostituzzjoni).

4. Modalitajiet tad-dħul fis-seħħ fit-territorju stess tar-regoli li jinsabu fl-istrumenti sopranazzjonali

Ir-Regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea huma applikabbli direttament, u l-leġiżlatura Belġjana mhix involuta direttament fl-implimentazzjoni tagħhom. Imma hemm il-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni interna għall-approvazzjoni u r-ratifika ta’ trattati internazzjonali. F’ċerti oqsma l-korpi leġiżlattivi kollha fil-Belġju jridu japprovaw u jirratifkaw it-trattati, li jista' jinvolvi proċeduri kkumplikati u li jieħdu ħafna ħin. Il-leġiżlaturi domestiċi huma involuti wkoll fl-implimentazzjoni tad-Direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea, għaliex dawn dejjem jeħtieġu leġiżlazzjoni interna.

FuqFuq

5. L-awtoritajiet differenti li għandhom is-setgħa li jadottaw ir-regoli tal-liġi

L-inizjattiva għal-leġiżlazzjoni federali tista’ tiġi minn membru wieħed jew iżjed tal-Kamra tar-Rappreżentanti, wieħed jew aktar membri tas-Senat jew ir-Re (fil-prattika dan ifisser il-Ministri jew is-Segretarji ta’ l-Istat tiegħu). Dawn, f’kull każ, huma t-tliet komponenti ta’ l-awtorità leġiżlattiva fil-Belġju.

L-Atti huma bbażati fuq xi wieħed miż-żewġ tipi ta’Abbozz – abbozz ta’ membru privat (wetsvoorstel/proposition de loi, imressaq minn membru tal-Kamra jew is-Senat) jew Abbozz tal-Gvern (wetsontwerp/projet de loi, mressaq mir-Re). L-istrumenti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Federali huma ppreparati mill-awtorità eżekuttiva, immexxija mir-Re. Il-poteri jistgħu jkunu ddelegati lil ministru. Għalhekk id-distinzjoni bejn Ordnijiet Irjali u Ministerjali.

Digrieti u ordinanzji proposti jew f’abbozz jitressqu minn membru wieħed jew iżjed tal-kunsill rilevanti jew mill-gvern ta’ sub-unità ta’ l-istat, kif jista’ jkun il-każ. L-istrumenti ta’ implimentazzjoni jintużaw mill-gvern ta’ sub-unità jew minn wieħed mill-ministri tiegħu.

6. Il-proċess ta’ l-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli tal-liġi

Ara l-mistoqsija 5.

7. Il-modalitajiet tad-dħul fis-seħħ tar-regoli nazzjonali

Il-leġiżlazzjoni tidħol fis-seħħ meta toħroġ u tkun ippromulgata mir-Re. Fil-prinċipju tidħol fis-seħħ għaxart ijiem wara l-pubblikazzjoni fil-Belgische Staatsblad/Moniteur belge (Il-Gazzetta ta’ l-Istat Belġjana), ħlief fejn ikun speċifikat mod ieħor (2).

FuqFuq

Il-leġiżlazzjoni tas-sub-unitajiet ta’ l-istat – id-digrieti u l-ordinanzji – tiddaħħal fis-seħħ u tkun ippubblikata mill-gvern tas-sub-unità rilevanti. Tidħol fis-seħħ għaxart ijiem wara l-pubblikazzjoni fil-Belgische Staatsblad/Moniteur belge (il-Gazzetta ta’ l-Istat Belġjan), ħlief fejn ikun speċifikat mod ieħor.

8. Il-mezzi tas-soluzzjoni tat-tilwim li aktarx jinqala’ bejn is-sorsi differenti legali ġewwa Stat Membru

Meta strumenti legali li nħarġu sewwa jidħlu f’konflitt, ikollhom jintużaw tekniki tas-soluzzjoni tal-konflitti. Il-ġerarkija tan-normi tfisser li ħafna konflitti jistgħu jkunu evitati, imma fejn madankollu jinqalgħu l-konflitti, ikollhom jiġu solvuti.

L-Artikolu 142 tal-Kostituzzjoni jikkonferixxi fuq il-Qorti ta’ l-Arbitraġġ il-ġurisdizzjoni waħdanija għar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni għall-kumpatibilità mar-regoli li jiggvernaw il-poteri ta’ l-Istat, il-Komunitajiet u r-Reġjuni. Dawn ir-regoli huma fil-Kostituzzjoni u fil-leġiżlazzjoni li rriformat l-istituzzjonijiet fl-istat federali tal-Belġju.

Il-Qorti ta’ l-Arbitraġġ għandha s-setgħa wkoll li tiddeċiedi f’każijiet meta jkun allegat li l-leġiżlazzjoni tikser id-drittijiet u l-libertajiet fondamentali ggarantiti mit-Titolu II (Artikoli 8-32) tal-Kostituzzjoni. Dawn jinkludu l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza (artikolu 10) u l-projbizzjoni kontra d-diskriminazzjoni (artikolu 11). Il-Qorti ta’ l-Arbitraġġ tista’ tirrivedi wkoll il-leġiżlazzjoni għall-kumpatibilità ma’ l-Artikolu 170 (il-prinċipju tal-legalità quddiem il-liġi tat-taxxa), l-artikolu 172 (l-ugwaljanza quddiem il-liġi tat-taxxa) u l-artikolu 191 (il-protezzjoni ta’ ċittadini barranin) tal-Kostituzzjoni.

Ara wkoll il-Federale Overheidsdienst Justitie Deutsch - français - Nederlands u l-Att speċjali tas-6 ta’ Jannar 1989 tal-Qorti ta'l-Arbitraġġ fi “geconsolideerde wetgeving/législation consolidée”.

Il-Kunsill ta’ l-Istat (3), waqt li jaġixxi fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 159 tal-Kostituzzjoni, jirriżolvi l-konflitti kollha bejn l-istrumenti ta’ implimentazzjoni (ordnijiet u regolamenti) u l-istrumenti leġiżlattivi. U hemm Kumitat ta’ Reviżjoni Parlamentari li jara x'konflitti ta’ interess jista’ jkun hemm.

Aktar tagħrif

(1) Ara l-Federale Overheidsdienst Justitie Deutsch - français - Nederlands, leġiżlazzjoni kkonsolidata, il-Kostituzzjoni ta’ l-1994 u l-Att Speċjali dwar ir-Riforma Istituzzjonali tat-8 ta’Awwissu 1980; ara wkoll il-portal Federali Deutsch - English - français - Nederlands u kklikkja fuq “l-istat” fil-kolonna tax-xellug.

Il-Komunità Fjamminga mal-Kunsill Fjamming (magħruf ukoll bħala il-Parlament Fjamming)

Il-Komunità Franċiża mal-Kunsill tal-Komunità Franċiża

Il-Komunità ta’ l-ilsien Ġermaniż mal-Kunsill tal-Komunità ta’ l-ilsien Ġermaniż

Ir-Reġjun Fjamming ma’ l-istess Kunsill Fjamming

Ir-Reġjun Walloon mal-Kunsill tar-Reġjun Walloon

Ir-Reġjun Kapitali ta’ Brussell, Brussell mal-Kunsill tar-Reġjun Kapitali ta’ Brussell (organizzati wkoll bħala l-Kumitati Fjammingi u Franiċiżi għall-affarijiet tal-Komunità)

Il-Komunitajiet għandhom poteri fuq:

1° l-affarijiet kulturali;

2° l-edukazzjoni ħlief (…);

3° il-kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet, u l-kooperazzjoni internazzjonali, inkluż poteri biex isiru t-trattati f’kwistjonijiet koperti mill-punti 1° u 2°.

Il-Kunsilli tal-Komunitajiet Fjammingi u Franċiżi, kull wieħed fil-qasam tiegħu, joħorġu digrieti li jittrattaw affarijiet tal-persunal u, f’dawn l-affarijiet, il-kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet u l-kooperazzjoni internazzjonali, inkluż poteri biex isiru t-trattati. Il-Kunsill tal-Komunità ta’ l-ilsien Ġermaniż għandu poteri simili.

Il-Kunsilli Reġjonali għandhom poteri f’affarijiet ta’ l-ippjanar ta’ l-użu ta’ l-art, il-monumenti u l-pajsaġġ, l-ekonomija, l-agrikultura eċċ.

(2)Ara l-Federale Overheidsdienst Justitie Deutsch - français - Nederlands, leġiżlazzjoni kkonsolidata, l-Att tal-31 ta’ Mejju 1961 fuq l-użu tal-lingwi fil-leġiżlazzjoni, l-abbozzar, il-pubblikazzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni u r-regolamenti.

(3)Ara l-Federale Overheidsdienst Justitie Deutsch - français - Nederlands, leġiżlazzjoni kkonsolidata, l-Atti kkonsolidati dwar il-Kunsill ta’ l-Istat tat-12 ta’Jannar 1973.

« Ordni Legali - Informazzjoni Ġenerali | Belġju - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 25-05-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit