Kummissjoni Ewropea > NGE > Għajnuna legali > Slovenja

L-aħħar aġġornament: 28-09-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Għajnuna legali - Slovenja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma l-ispejjeż tal-kawża u min għandu normalment iħallashom? 1.
2. Xi tkun l-għajnuna legali? 2.
3. Nista’ nibbenefika mill-għajnuna legali? 3.
4. L-għajnuna legali tista’ tinkiseb fil-kwistjonijiet kollha? 4.
5. Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna legali? 5.
6. Liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi għall-għajnuna legali? 6.
7. Fejn għandi nirreġistra t-talba tiegħi għall-għajnuna legali? 7.
8. Kif insir naf jekk inkunx intitolat għall-għajnuna legali? 8.
9. Jekk inkun intitolat għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel? 9.
10. Jekk inkun intitolat għall-għajnuna legali, min jagħżel l-avukat tiegħi? 10.
11. Jekk inkun intitolat għall-għajnuna legali, tkopri l-ispejjeż kollha tal-kawża? 11.
12. Jekk inkun intitolat għall-għajnuna legali parzjali, min iħallas l-ispejjeż l-oħra? 12.
13. Jekk inkun intitolat għall-għajnuna legali, tkopri xi reviżjonijiet li nista’ nagħmel wara li tinqata’ l-kawża? 13.
14. Jekk inkun intitolat għall-għajnuna legali, tista’ titteħidli qabel ma tinqata’ l-kawża? 14.
15. Jekk ma nkunx intitolat għall-għajnuna legali, nista’ nappella din id-deċiżjoni? 15.

 

1. X’inhuma l-ispejjeż tal-kawża u min għandu normalment iħallashom?

Taħt l-Artikolu 151 ta’ l-Att dwar il-Proċedura Ċivili (ZPP – ara aktar ‘l isfel taħt Aktar Informazzjoni), l-ispejjeż legali jkopru n-nefqa li ssir matul jew bħala riżultat tal-proċedimenti, u d-drittijiet għax-xogħol ta’ l-avukati u ta’ persuni oħra li huma intitolati skond il-liġi (per eżempju, il-periti legali). Fil-bidu, il-partijiet infushom ikollhom iħallsu l-ispejjeż marbuta ma’ l-azzjonijiet li jieħdu. Il-ħlas lura ta’ l-ispejjeż fil-kawżi ċivili u kummerċjali huwa rregolat biz-ZPP, waqt li l-ħlas lura fil-kawżi soċjali u l-kwistjonijiet dwar l-impjieg huwa rregolat bl-Att dwar il-Qrati tax-Xogħol u l-Każijiet Soċjali (ara aktar ‘l isfel taħt Aktar Informazzjoni). Din il-preżentazzjoni tiffoka biss fuq is-sistema tal-ħlas lura ta’ l-ispejjeż fil-kawżi ċivili u kummerċjali. Fil-prattika, l-ispejjeż li l-aktar isiru fil-proċedimenti ċivili huma l-ispejjeż tal-qorti u d-drittijiet tal-periti legali, it-taħrik tax-xhieda, l-interpreti tal-qorti, il-garanzija ta’ l-attur u l-ħlasijiet biex tinkiseb l-evidenza. Ir-regola bażika hija li l-ispejjeż jitħallsu lura lill-parti tirbaħ il-kawża. Taħt l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 154 ZPP, il-parti li titlef il-kawża tħallas lura l-ispejjeż tal-proċedimenti lill-parti opposta u kull parti li tkun intervjeniet fl-interess magħha. Hemm regoli speċjali fil-każ li jsiru l-ispejjeż tort ta’ parti partikulari, meta d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq ir-rikonoxximent tal-pretensjoni ta’ l-attur, meta l-pretensjoni tiġi rrevokata u meta l-qorti tilħaq ftehim f’każijiet fejn ikunu involuti ko-konvenuti u ko-atturi.

FuqFuq

2. Xi tkun l-għajnuna legali?

Taħt l-Artikolu 1 ta’ l-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas (ZBPP – ara aktar ‘l isfel taħt Aktar Informazzjoni), l-għajnuna legali bla ħlas hija mezz li bih dak li jkun ikun jista’ jasserixxi l-jedd tiegħu għall-protezzjoni legali – konformi mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza u bil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi soċjali tagħhom - fejn altrimenti ma jkunux jistgħu jagħmlu dan mingħajr ma jidħlu f’diffikultajiet serji biex imantnu lilhom infushom u lil familja tagħhom. Persuna li tkun intitolata għall-għajnuna legali bla ħlas tista’ titlob li tingħata flus biex tħallas l-ispejjeż ta’ l-għajnuna legali kollha jew għal parti minnha u tiġi eżentata milli tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-qorti. Fil-prattika, dan jinkludi l-ispejjeż tal-pariri legali, tar-rappreżentazzjoni legali fil-qrati ġenerali, fil-qrati speċjalizzati u fil-Qorti Kostituzzjonali ta’ l-Islovenja u quddiem il-korpi kollha, l-istituzzjonijiet u l-persuni kollha fl-Islovenja li għandhom il-ġuriżdizzjoni fl-ilħuq tal-ftehim fil-kwistjonijiet barra l-qorti, u l-eżenzjoni mill-ħlas ta’ l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-qorti.

3. Nista’ nibbenefika mill-għajnuna legali?

Inti tkun intitolat għall-għajnuna legali bla ħlas jekk, fir-rigward tal-pożizzjoni finanzjarja tiegħek u tal-familja tiegħek, inti ma tkunx kapaċi tlaħħaq ma’ l-ispejjeż tal-proċedimenti legali waħdek mingħajr ma tippreġudika l-pożizzjoni finanzjarja tiegħek u tal-familja tiegħek. Il-pożizzjoni finanzjarja tiegħek tiġi vvalutata fuq il-bażi tad-dħul tiegħek u tal-familja tiegħek fix-xahar, u l-proprjetà li inti u l-familja tiegħek tkunu s-sidien tagħha. Il-persuna intitolati għall-għajnuna legali bla ħlas jiġu suġġeti għal regoli differenti skond jekk ikunx każ ta’ kwistjoni domestika jew kwistjoni li tkun tinvolvi aspetti minn pajjiżi oħra. Dawn li ġejjin huma intitolati għall-għajnuna legali mingħajr ħlas fil-kwistjonijiet fejn ma hemmx involuti aspetti internazzjonali: Iċ-ċittadini Sloveni residenti b’mod permanenti fl-Islovenja; il-barranin li jkollhom permess tar-residenza temporanja jew permanenti u persuni mingħajr stat li jkunu residenti skond il-liġi fl-Islovenja; barranin oħra li jaqgħu taħt ftehim reċiproku jew suġġetti għall-kondizzjonijiet stabbilit fi – u fil-każijiet stipulati fi – atti ta’ ftehim internazzjonali li jorbtu lill-Islovenja; u, taħt ċerti kondizzjonijiet, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mhux governattivi. Il-persuni intitolati għall-għajnuna legali bla ħlas fi kwistjonijiet li jinvolvu aspetti minn pajjiżi oħra huma rregolati permezz ta’ l-Att li jemenda z-ZBPP, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2004 konformi mad-Direttiva (KE) tal-Kunsill dwar it-titjib fl-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet li jinvolvu aspetti minn pajjiżi oħra li tistabbilixxi r-regoli komuni minimi dwar l-għajnuna legali fi kwistjonijeit bħal dawn. Fi kwistjonijiet li jinvolvu aspetti minn pajjiżi oħra fejn il-parteċipant jew il-parti tkun residenti fi Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-għajnuna legali bla ħlas (“kwistjoni domestika li tkun tinvolvi aspetti minn pajjiżi oħra”), dik il-persuna tkun intitolata għall-għajnuna legali bla ħlas fl-Islovenja irrispettivament min-nazzjonalità tagħha. Bl-istess mod, fejn il-parteċipant jew il-parti tkun resident fl-Islovenja meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-għajnuna legali bla ħlas (“kwistjoni barranija li tkun tinvolvi aspetti minn pajjiżi oħra”), dik il-persuna tkun intitolata għall-għajnuna legali bla ħlas biex twassal l-applikazzjoni għall-għajnuna legali bla ħlas, irrispettivament min-nazzjonalità tagħha.

FuqFuq

4. L-għajnuna legali tista’ tinkiseb fil-kwistjonijiet kollha?

Fi kwistjonijiet li jinvolvu aspetti minn pajjiżi oħra, l-għajnuna legali bla ħlas tista’ tinkiseb fil-“każijiet ċivili” biss, li huma ddefiniti bħala każijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ġenerali (taħt il-liġi li tirregola lill-qrati) u każijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati tax-xogħol u tal-każijiet soċjali (taħt il-liġi li tirregola dawn il-qrati).

5. Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna legali?

Fil-każ ta’ kwistjoni domestika, tista’ tikseb il-formola ta’ l-applikazzjoni mid-dipartimenti speċjalizzati għall-għajnuna legali bla ħlas jew mill-ħwienet tal-kotba.

Jekk, meta ssir l-applikazzjoni, inti tkun residenti f’wieħed mill-Istati Membri l-oħra ta’ l-UE u tkun qiegħed titlob l-għajnuna legali bla ħlas quddiem qorti fl-Islovenja (“kwistjoni barranija li tkun tinvolvi aspetti minn pajjiżi oħra”), inti stess trid tibgħat l-applikazzjoni tiegħek lill-Ministeru tal-Ġustizzja ta’ l-Islovenja jew tibgħatha permezz ta’ xi korp responsabbli biex iwassal l-applikazzjonijiet fl-Istat Membri relevanti. L-applikazzjoni trid tintbagħat bil-miktub fuq formola speċifikata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea jew fuq il-formola ppubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika ta’ l-Islovenja, fuq il-bażi taz-ZBPP.

Jekk, meta ssir l-applikazzjoni, inti tkun residenti fl-Islovenja u tkun qiegħed titlob l-għajnuna legali bla ħlas quddiem qorti fi Stat Membru ieħor ta’ l-UE (“kwistjoni domestika li tkun tinvolvi aspetti minn pajjiżi oħra”), inti stess trid tibgħat l-applikazzjoni lill-qorti lokali fir-reġjun li tkun residenti fih b’mod temporanju jew permanenti. L-applikazzjoni trid issir fuq formola speċifikata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea jew fuq il-formola stabbilita permezz tar-regolamenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-UE li fih tkun tinstab il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fil-każ.

FuqFuq

6. Liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi għall-għajnuna legali?

Ma’ l-applikazzjoni, li timtela kif suppost fuq il-formola preskritta, għandhom jintbagħtu d-dokumenti li juru li inti tissodisfa l-kriterji li fuqhom tkun ibbażata l-applikazzjoni tiegħek. Ir-regolamenti dwar il-formola ta’ l-għajnuna legali bla ħlas u l-preżentazzjoni tad-dokumenti - Pravilnik o obrazcu za dodelitev brezplačne pravne pomoči in predložitev listin (Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika ta’ l-Islovenja Nru 75/2001) – jispeċifikaw liema dokumenti jistgħu jintużaw bħala prova tat-tagħrif mogħti dwar id-dħul prinċipali u dħul ieħor, il-pożizzjoni finanzjarja tiegħek u tal-famija tiegħek, is-saħħa u raġunijiet oħra li jistgħu ikunu ta’ theddida materjali.

7. Fejn għandi nirreġistra t-talba tiegħi għall-għajnuna legali?

Fil-każ ta’ kwistjoni domestika, inti għandek tippreżenta l-applikazzjoni għall-għajnuna legali bla ħlas lill-qorti lokali kompetenti, il-qorti tax-xogħol jew il-qorti amministrattiva li fit-territorju tagħha tkun residenti b’mod temporanju jew permanenti, jew lil qorti ta’ l-għażla tiegħek jekk tkun residenti barra l-pajjiż li fih tkun qiegħed tagħmel it-talba għall-għajnuna legali jew jekk ma jkollokx ċittadinanza.

Jekk, meta ssir l-applikazzjoni, inti tkun residenti f’wieħed mill-Istati Membri l-oħra ta’ l-UE u tkun qiegħed titlob l-għajnuna legali bla ħlas quddiem qorti fl-Islovenja (“kwistjoni barranija li tkun tinvolvi aspetti minn pajjiżi oħra”), inti stess trid tibgħat l-applikazzjoni tiegħek lill-Ministeru tal-Ġustizzja ta’ l-Islovenja jew tibgħatha permezz ta’ xi korp responsabbli biex iwassal l-applikazzjonijiet fl-Istat Membri relevanti.

FuqFuq

Jekk, meta ssir l-applikazzjoni, inti tkun residenti fl-Islovenja u tkun qiegħed titlob l-għajnuna legali bla ħlas quddiem qorti fi Stat Membru ieħor ta’ l-UE (“kwistjoni domestika li tkun tinvolvi aspetti minn pajjiżi oħra”), inti stess trid tibgħat l-applikazzjoni lill-qorti lokali fir-reġjun li tkun residenti fih b’mod temporanju jew permanenti.

8. Kif insir naf jekk inkunx intitolat għall-għajnuna legali?

Il-korp responsabbli jiddeċiedi dwar jekk inti tkunx intitolat għall-għajnuna legali bla ħlas fuq il-bażi ta’ l-applikazzjoni tiegħek u wara tiġi mgħarraf bid-deċiżjoni meħuda.

9. Jekk inkun intitolat għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel?

Ladarba tkun ġejt mgħarraf bid-deċiżjoni fejn tingħata l-għajnuna legali bla ħlas, id-dipartiment speċjalizzat għall-għajnuna legali bla ħlas jiftaħ fajl ta’ referenza f’ismek (“napotnica”) li jkun fih id-dettalji personali tiegħek, id-deskrizzjoni tal-każ li għalih tkun ingħatat l-għajnuna legali bla ħlas, il-forma u d-daqs ta’ l-għajnuna legali mogħtija u tagħrif ieħor stabbilit fir-regolamenti relevanti (Pravilnik o obrazu napotnice, Gazzetta Uffiċjali Nru 136/2004). Wara li jkunu ngħataw is-servizzi ta’ l-għajnuna legali, inti għandek tirritorna l-fajl għand id-departiment speċjalizzat għall-għajnuna legali hekk kif ikunu ntehmżu r-rekords kollha ta’ l-infiq u ċ-ċertifikati ta’ l-eżenzjoni mill-ħlas ta’ l-ispejjeż.

10. Jekk inkun intitolat għall-għajnuna legali, min jagħżel l-avukat tiegħi?

L-avukat li jagħti l-għajnuna legali jinħatar mill-korp responsabbli għall-għajnuna legali fid-deċiżjoni li jagħti.

FuqFuq

11. Jekk inkun intitolat għall-għajnuna legali, tkopri l-ispejjeż kollha tal-kawża?

Fi kwistjonijiet domestiċi, l-għajnuna legali bla ħlas tingħata ġeneralment skond kemm jitlob l-applikant u għaż-żmien meħtieġ fil-forma li tkun ġiet approvata. Madankollu, il-korp responsabbli għall-għajnuna legali bla ħlas jista’ jistabbilixxi livelli differenti għall-forom speċifiċi ta’ għajununa legali bla ħlas, jawtorizza l-għoti parzjali ta’ ċerti forom ta’ għajnuna, jillimita t-tip ta’ servizzi involuti jew il-għadd ta’ sigħat ta’ konsultazzjoni legali jew jillimita l-għajnuna għal ċertu ammont jew tip ta’ evidenza jekk l-ispejjeż ikunu sproporzjonati.

Fi kwistjonijiet domestiċi li jkunu jinvolvu aspetti minn pajjiżi oħra, l-għajnuna legali bla ħlas tingħata fil-każ ta’ proċedimenti quddiem il-qrati ta’ Prim’Istanza u ta’ Sekond’Istanza.

12. Jekk inkun intitolat għall-għajnuna legali parzjali, min iħallas l-ispejjeż l-oħra?

L-ispejjeż l-oħra jsiru inizjalment mill-parti nnifisha. Madankollu, jekk tirbaħ il-kawża, il-qorti tiddeċiedi li inti titħallas lura l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti mill-parti l-oħra.

13. Jekk inkun intitolat għall-għajnuna legali, tkopri xi reviżjonijiet li nista’ nagħmel wara li tinqata’ l-kawża?

Kif hemm aktar ‘l fuq, ir-restrizzjoni li permezz tagħha l-korp responsabbli għall-għajnuna legali jista’ jillimita kemm tingħata għajnuna sat-tmiem ta’ fażi speċifika tal-proċedimenti ma tapplikax għall-kwistjonijiet domestiċi li jkunu jinvolvu aspetti minn pajjiżi oħra, minħabba li f’dan il-każ l-għajnuna tingħata għall-proċedimenti tal-Prim’Istanza u tas-Sekond’Istanza.

FuqFuq

14. Jekk inkun intitolat għall-għajnuna legali, tista’ titteħidli qabel ma tinqata’ l-kawża?

Jekk tkun intitolat, inti trid tissodisfa l-kondizzjonijiet biex tirċievi l-għajnuna legali bla ħlas għall-perjodu s-sħiħ li għalih tingħata. Fil-perjodu ta’ bejn meta tiġi approvata l-għajnuna u d-data li jitħallsu l-ispejjeż kollha, inti obbligat li tinforma lill-korp responsabbli għall-għajnuna legali bla ħlas dwar kull fatt, ċirkustanza jew bidla li jaffettwaw jew li jistgħu jaffettwaw id-dritt tiegħek għall-għajnuna legali bla ħlas jew il-forma, id-daqs u t-tul taż-żmien tagħha, fi żmien tmint ijiem minn meta issir taf bihom. Fejn id-dipartiment speċjalizzat għall-għajnuna legali bla ħlas isib li jkunu seħħew ċirkustanzi li jkunu jeħtieġu li tittieħed deċiżjoni oħra dwar l-eliġibilità għall-għajnuna legali bla ħlas, minħabba li l-applikant ma jkunx għadu aktar intitolat jew ikun parzjalment intitolat jew intitolat għal ċerti forom ta’ għajnuna legali biss, dan jibda l-proċedura biex jistabbilixxi l-eliġibilità ex officio. Ladarba tkun tlestiet din il-proċedura, id-dipartiment speċjalizzat jipproponi li l-korp responsabbli għall-għajnuna legali bla ħlas jagħti deċiżjoni li tistabbilixxi li l-applikant ma jibqax eliġibbli għall-għajnuna legali bla ħlas jew li tvarja d-daqs jew il-forma ta’ l-għajnuna legali bla ħlas.

15. Jekk ma nkunx intitolat għall-għajnuna legali, nista’ nappella din id-deċiżjoni?

Ma huwiex possibbli li jsir appell kontra d-deċiżjoni tal-korp responsabbli għall-għajnuna legali bla ħlas, iżda tista’ tagħmel ilment amministrattiv quddiem il-Qorti Amministrattiva tar-Repubblika ta’ l-Islovenja.

Aktar tagħrif

« Għajnuna legali - Informazzjoni Ġenerali | Slovenja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 28-09-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit