Kummissjoni Ewropea > NGE > Għajnuna legali > Rumanija

L-aħħar aġġornament: 24-04-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Għajnuna legali - Rumanija

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Kemm huma l-ispejjeż relatati ma' kawża u min normalment jkollu iħallashom? 1.
2. X’hija l-għajnuna legali? 2.
3. Nista nibbenefika mill-għajnuna legali? 3.
4. L-għajnuna legali tista’ tinkiseb għal kull tilwima? 4.
5. Hemm proċedura speċifika għal emerġenzi? 5.
6. Minn fejn nista’ nikseb formula ta’ applikazzjoni għall-għajnuna legali? 6.
7. Liema dokumenti għandi nehmeż mal-applikazzjoni tiegħi għall-għajnuna legali? 7.
8. Fejn għandi nirreġistra l-applikazzjoni tiegħi għall-għajnuna legali? 8.
9. Kif inkun mgħarraf jekk inkunx eliġibbli jew le għall-għajnuna legali? 9.
10. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel? 10.
11. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min jagħżel l-avukat tiegħi? 11.
12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tkopri l-ispejjeż kollha tal-kawża tiegħi? 12.
13. Jekk nikkwalifika għal għajnuna legali parzjali, min iħallas l-ispejjeż l-oħra? 13.
14. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tkopri stħarriġ li jkun jista’ jkolli nagħmel wara l-kawża? 14.
15. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, tista’ din tkun irtirata qabel ma tintemm il-kawża (jew ukoll wara l-kawża)? 15.
16. Jekk ma nikkwalifikax għall-għajnuna legali, nista’ nappella minn dik id-deċiżjoni? 16.

 

1. Kemm huma l-ispejjeż relatati ma' kawża u min normalment jkollu iħallashom?

Skont l-Artikolu 274 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, l-ispejjeż ta’ litigazzjoni jinkludu: dazji tal-boll ġudizzjarju, boll ġudizzjarju, drittijiet tal-proċedimenti legali u tassazzjoni proporzjonali, ħlas lil speċjalisti, rimborż lil xhieda, drittijiet tal-avukati u kull spiża oħra li għaliha l-parti li tirbaħ il-kawża jkollha prova tagħha.

Skont is-sistema leġiżlattiva tagħna, dazji tal-boll u drittijiet tal-avukati u speċjalisti huma determinati skont il-kumplessità tal-każ u l-valur tas-suġġett tal-kontestazzjoni.

Dwar dak li jirrigwarda l-parti li tkun obbligata tħallas l-ispejjeż tal-litigazzjoni, dan l-aspett huwa regolat fid-dettall mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Teoretikament, il-parti li titlef il-kawża tkun obbligata, jekk ikun meħtieġ, li tħallas l-ispejjeż tal-litigazzjoni. Madankollu, il-konvenut li jammetti t-talba tal-attur, fl-ewwel jum tas-smigħ, ma jkunx jeħtiġlu jħallas l-ispejjeż tal-litigazzjoni, ħlief fil-każ li fih il-parti tkun kontumaċi qabel id-data għas-smigħ. Anki fil-każ meta t-talbiet ta’ kull parti jkunu aċċettati parzjalment, il-qorti tiddeċiedi kemm kull wieħed minnhom jista’ jkun imġiegħel iħallas l-ispejjeż tal-litigazzjoni. Jekk ikun hemm diversi atturi jew konvenuti, xorta waħda jkunu mġiegħlin iħallsu, proporzjonatament jew kollha flimkien.

F’materji kriminali, il-ħlas tal-ispejjeż tal-litigazzjoni huwa regolat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 189-193 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Għalhekk, l-ispejjeż meħtieġa biex isiru t-talbiet, biex ikunu stabbiliti l-fatti, biex jiġu ippreservati l-mezzi materjali tal-prova, għar-rimunerazzjoni tal-avukati, kif ukoll kull spiża oħra magħmula għall-proċediment tal-kawża kriminali huma koperti mill-ammonti mgħoddija minn qabel mill-istat jew mill-partijiet. Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jiddistingwi bejn l-ammonti dovuti lil xhieda, esperti u interpreti, u l-ħlas tal-ispejjeż tal-litigazzjoni mgħoddija minn qabel mill-Istat fejn il-kawża tirriżulta f’sentenza ta’ ħtija u f’kawżi oħra li jkunu ttrattati kawża b'kawża. Spejjeż tal-litigazzjoni magħmulin mill-partijiet jitħallsu mill-konvenut jew mill-parti offiża, skont l-ordni tal-qorti dwar il-fatti tal-kawża.

FuqFuq

2. X’hija l-għajnuna legali?

L-għajnuna legali hija parti mid-dritt għal difiża. L-Artikolu 24(2) tal-Kostituzzjoni jgħid li matul il-kawża, il-partijiet għandhom id-dritt li jkunu rappreżentati minn avukat, magħżul jew maħtur mill-imħallef.

Skont l-Artikolu 75(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, l-għajnuna legali tinkludi: l-għoti ta' eżenzjonijiet, riduzzjonijiet, permess għal skedar jew posponiment tal-ħlas tad-dazji tal-boll ġudizzjarju u tal-boll ġudizzjarju, u rappreżentazzjoni mingħajr ħlas u assistenza mogħtija minn avukat assenjat mill-avukatura.

Il-garanzija tad-dritt għal difiża hija waħda mir-regoli bażiċi tal-proċedura kriminali. Fl-Artikolu 6, il-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali jistipula li d-dritt għal difiża huwa garantit għall-akkużat, għall-konvenut u kull parti oħra tul il-proċedimenti kriminali u li kull parti għandha d-dritt li tkun assistita minn avukat difensur tul il-proċedimenti.

Korpi ġudizzjarji jeħtiġilhom jgħarrfu lill-akkużat jew lill-konvenut, qabel ma' l-ewwel dikjarazzjoni tagħhom tkun irreġistrata, dwar id-dritt ta' rappreżentanza legali, u dan għandu jitniżżel fil-proċess tal-kawża. Skont il-kundizzjonijiet u fil-każijiet imsemmijin mil-liġi, entitajiet ġudizzjarji jeħtiġilhom jassenjaw avukat lill-akkużat jew lill-konvenut, jekk huwa jew hija ma jkunux għażlu rappreżentant.

Biex id-dritt għal difiża jkun wieħed mir-rekwiżiti bażiċi tal-proċedimenti kriminali kien jeħtieġ li l-leġiżlatur jistabbilixxi firxa wiesgħa ta' strumenti legali biex ikunu stabbliti fatti li jsostnu l-każ tad-difiża. Bħala konsegwenza, il-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali jagħti lill-partijiet possibbiltajiet differenti li juru lill-qrati l-verità tat-talbiet u r-rikjesti ppreżentati jew biex ikunu kkontesti l-allegazzjonijiet jew it-talbiet magħmulin.

FuqFuq

Skont it-termini tal-istrumenti proċedurali, id-dritt għal difiża huwa kumpless u jinkludi:

  • Il-possibbiltà li l-partijiet jiddefendu ruħhom matul il-proċedimenti kriminali;
  • L-obbligu tal-entitajiet ġudizzjarji li jqisu (ex officio) fatti favorevoli għall-partijiet involuti f'kawżi kriminali;
  • L-għażla u, xi drabi l-obbligu, li tingħata għajnuna legali fil-kors ta' kawża kriminali.

Id-dritt għal difiża jkopri wkoll id-drittijiet tal-konvenut għal rappreżentazzjoni. Min-natura tagħha stess, l-għajnuna legali tiggarantixxi wkoll id-dritt għal difiża. L-aspetti partikulari tad-dritt għal difiża jistgħu jkunu koperti b'mod kumulattiv fil-proċedimenti kriminali, iżda xi drabi huwa possibbli li ċertu komponent tad-dritt għal difiża jkun nieqes, u l-għajnuna legali tkun, għalhekk, essenzjalment, kwistjoni ta' għażla u fil-każijiet biss fejn il-liġi tipprovdi espressament l-avukat difensur jeħtieġlu jkun preżenti f'kawżi kriminali flimkien mal-akkużat jew mal-konvenut.

Għalhekk, aħna nqisu li l-għajnuna legali tirrappreżenta garanzija fundamentali tad-dritt għal difiża.

B'għajnuna legali għandna nifhmu l-għajnuna li l-avukat difensur joffri lill-partijiet f'kawża kriminali billi jipprovdi spjegazzjonijiet, pariri u jagħmel interventi bħala speċjalista fil-qasam tal-liġi. Fil-każ ta' għajnuna legali, l-avukat difensur jabbozza konklużjonijiet fil-preżenza tal-parti li hu jkun qed jiddefendil-interessi tagħha. Avukati biss jistgħu joffru għajnuna legali.

Minħabba l-fatt li l-għajnuna legali tkun offruta minn individwi b'taħriġ legali, hija tissejjaħ ukoll "difiża teknika” fil-letteratura speċjalizzata.

FuqFuq

Bħala regola, għajnuna legali għall-partijiet f'kawża kriminali hija fakultattiva, li jfisser li l-partijiet interessati jistgħu jiddeċiedu jekk jaħtrux avukat biex joffrilhom għajnuna legali jew le. Hemm eċċezzjonijiet għal din ir-regola, minħabba li b'regoli li jinsabu attwalment fis-seħħ, l-għajnuna legali tista' tkun obbligatorja f'ċerti każijiet.

Biex tingħata għajnuna legali, jeħtieġ ikun hemm ftehim legali bejn il-persuna li jkollha kawża quddiemha u l-avukat. Il-ftehim bejn il-persuna li jkollha kawża quddiemha u l-avukat ikopri l-ħlas ta' dritt miftiehem. Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikoli 171 tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali, l-għajnuna legali hija obbligatorja fil-każijiet li ġejjin:

"(2) L-għajnuna legali hija obbligatorja fejn il-konvenut jew l-akkużat ikun minuri, f'ċentru ta' rijabilitazzjoni jew f'istituzzjoni medika, miżmum jew arrestat b'rabta ma' kawża, fejn il-persuna tkun miżmuma minħabba sigurtà medika, jew li tkun obbligata tirċievi trattament mediku b'rabta ma kawża oħra jew meta l-prosekutur jew il-qorti jqisu li l-konvenut jew l-akkużat ma jkunx kapaċi jiddefendi ruħu, u f'każijiet oħra stipulati mil-liġi.

(3) L-għajnuna legali hija wkoll obbligatorja fil-kawżi fejn is-sentenza mandatorja tistipula għar-reat imwettaq, għomor il-ħabs jew priġunerija għal 5 snin jew aktar.

(4) Fejn l-għajnuna legali hija obbligatorja, jekk l-akkużat jew il-konvenut ma jkunux ħatru avukat, jinħatar wieħed ex officio.

(4^1) Fejn l-għajnuna legali hija obbligatorja, jekk l-avukat maħtur jonqos li jattendi fid-data ffissata għal kawża kriminali jew fid-data ffissata għas-sentenza mingħajr raġuni ġusta u jonqos milli jiżgura li jkun hemm min joqgħod minflok, ex officio, u li dan tal-aħħar ikollu ż-żmien meħtieġ biex ikun jista' jħejji d-difiża. Matul il-proċedimenti, wara li jkunu nbdew id-deliberazzjonijiet, fejn l-għajnuna legali tkun obbligatorja, jekk l-avukat difensur ikun assenti, mingħajr raġuni, fid-data ffissata u ma jiżgurax li jkun hemm min joqgħod minfloku, il-qorti għandha taħtar avukat difensur sostitut ex officio, u tagħti lil dan tal-aħħar terminu perentorju ta' mill-anqas 3 ijiem biex iħejji d-difiża.

FuqFuq

(5) Il-mandat tal-avukat maħtur ex officio għandu jintemm meta l-avukat difensur maħtur jidher.

(6) Jekk l-avukat difensur ikun assenti meta tingħata s-sentenza u ma jkunx possibbli li jinstab avukat ieħor biex joqgħod minfloku bħal kif jingħad fis-subartikolu 41, is-smigħ ikun differit.”

3. Nista nibbenefika mill-għajnuna legali?

Kull min ma jistax iħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti legali, mingħajr ma jagħmilha bi tqila għalih li jmantni lilu nnifsu jew lill-familja tiegħu, jista’ japplika għall-għajnuna legali (Artikolu 74 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

F’kawżi kriminali, għajnuna legali mingħajr ħlas tingħata, meta tintalab, lil ċerti kategoriji ta’ vittmi, skont, min-naħa l-waħda, il-gravità tar-reat imwettaq, u, min-naħa l-oħra, il-qagħda finanzjarja tal-vittma. (Att Nru 211/2004 dwar miżuri li jiżguraw il-protezzjoni tal-vittmi ta’ reati).

Għajnuna legali mingħajr ħlas tingħata lil vittmi diretti ta’ delitti vjolenti gravi (attentat ta’ qtil, omiċidju tal-ewwel grad u omiċidju aggravat, offiża gravi fuq il-persuna u delitti kommessi volontarjament li jirriżultaw f’offiża gravi fuq il-persuna tal-vittma) jew delitti oħra sesswali gravi (stupru, att sesswali ma’ minuri, abbuż sesswali ta’ minuri, bil-vjolenza jew xort’oħra). Tingħata għajnuna legali mingħajr ħlas lill-vittmi esposti indirettament għal xi delitti gravi (lir-raġel miżżewweġ jew lill-mara miżżewġa, lil tfal u lill-persuni mantnuti minn vittmi diretti li jmutu bħala riżultat tad-delitti).

FuqFuq

Għajnuna legali mingħajr ħlas tingħata lill-vittmi ta’ reati oħra, irrispettivament min-natura tad-delitt, jekk l-ogħla dħul kull xahar għal kull membru tal-familja tal-vittma jkun daqs il-minimu tal-paga bażika gross nazzjonali, stabbilit għas-sena li fiha l-vittma jkun applika għall-għajnuna legali.

Barra minn hekk, il-vittmi tad-delitti skont l-Att Nru 678/2001 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tat-traffikar ta’ persuni, kif emendat, għandhom id-dritt li jirċievu għajnuna legali meħtieġa biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-proċedura kriminali fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, u li jsostnu l-applikazzjonijiet tagħhom, u t-talbiet ċivili tagħhom kontra l-persuni li jkunu wettqu r-reati msemmijin f’din il-liġi, liema talbiet ikunu ġew imressqa minnhom f’dawk il-proċedimenti kriminali.

4. L-għajnuna legali tista’ tinkiseb għal kull tilwima?

Il-liġi ma tagħmilx distinzjoni dwar in-natura ta’ tilwimiet, għalhekk nistgħu nikkonkludu li l-għajnuna legali tista’ tinkiseb għal kull xorta ta’ tilwim.

5. Hemm proċedura speċifika għal emerġenzi?

Fir-rigward tal-għajnuna legali, ma hemmx proċedura speċifika għal emerġenzi.

6. Minn fejn nista’ nikseb formula ta’ applikazzjoni għall-għajnuna legali?

Ma hemmx formula standard ta’ applikazzjoni li l-parti interessata għandha tuża biex tapplika għall-għajnuna legali. L-applikazzjoni għandha tinkludi d-dettalji meħtieġa mil-liġi u tissodisfa r-rekwiżiti sustantivi u formali kollha rilevanti għall-applikazzjonijiet mibgħuta lill-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn dawn ir-rekwiżiti, l-applikazzjoni għall-għajnuna legali għandha jkollha wkoll xi dettalji speċifiċi. Għandha tkun indirizzata bil-miktub lill-qorti tal-ġustizzja u għandha tiddeskrivi l-kawża li tkun tirreferi għaliha, kif ukoll il-qagħda finanzjarja tal-applikant (Artikolu 76 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

FuqFuq

7. Liema dokumenti għandi nehmeż mal-applikazzjoni tiegħi għall-għajnuna legali?

L-applikazzjoni għall-għajnuna legali għandu jkollha magħha prova bil-miktub tad-dħul u l-obbligi finanzjarji tal-applikant.

8. Fejn għandi nirreġistra l-applikazzjoni tiegħi għall-għajnuna legali?

L-applikazzjoni għall-għajnuna legali tintbagħat u tkun irreġistrata fil-qorti tal-ġustizzja fejn tkun saret it-talba.

9. Kif inkun mgħarraf jekk inkunx eliġibbli jew le għall-għajnuna legali?

Il-qorti teżamina l-applikazzjoni, titlob spjegazzjonijiet u provi mill-partijiet jew informazzjoni mill-awtoritajiet lokali, jekk ikun meħtieġ, u tiddeċiedi, mingħajr ma tiddelibera, fis-sala tal-kunsill (l-ewwel subartikolu tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Id-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni għall-għajnuna legali jew l-istħarriġ tal-qorti għall-approvazzjoni tal-għajnuna legali mhumiex soġġetti għal appell (l-ewwel subartikolu tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Il-parti opposta tista’, madankollu, tissottometti f’kull żmien prova lill-qorti dwar il-qagħda reali tal-persuna li l-applikazzjoni tagħha tkun ġiet approvata, iżda l-għajnuna mogħtija ma tkunx sospiża matul stħarriġ (it-tieni subartikolu tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

10. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel?

Għandek timxi skont it-tweġibiet għall-mistoqsijiet 6-8 f'dan il-kwestjonarju.

FuqFuq

11. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min jagħżel l-avukat tiegħi?

Skont l-Artikolu 75(1)(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, l-avukat difensur u l-konsulenza legali jingħataw mingħajr ħlas minn avukat maħtur mill-avukatura.

Skont l-Artikoli 68-69 tal-Att Nru 51/1995 dwar l-organizzazzjoni u l-prattika tal-professjoni legali, kif emendat: "l-assoċjazzjoni tal-avukati tipprovdi għajnuna legali fil-kawżi kollha fejn għandu jkun ipprovdut avukat difensur mill-qrati tal-ġustizzja, mill-uffiċċju tal-prosekuzzjoni jew mill-awtoritajiet lokali, jew fuq talba tagħhom, fil-kawżi fejn dawn il-korpi jħossu li jkun ċar li l-persuni ma jkunux jistgħu jħallsu d-dritt.

F’każijiet eċċezzjonali, jekk id-drittijiet tal-persuna fil-bżonn ikunu ppreġudikati minħabba dewmien, il-president tal-assoċjazzjoni tal-avukati jista’ japprova l-għoti ta’ assistenza mingħajr ħlas.

L-assoċjazzjoni tal-avukati torganizza s-servizzi tal-għajnuna legali fil-qrati kollha tal-kontei li jipprovdu l-għajnuna legali u fl-entitajiet lokali ta’ prosekuzzjoni kriminali, li huma forniti b’avukat permanenti maħtur mill-kunsill tal-kamra tal-avukati u huma mmexxijin minn membru tal-kunsill.”

12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tkopri l-ispejjeż kollha tal-kawża tiegħi?

Il-kategoriji tal-ispejjeż ta’ litigazzjoni li min jirċievi l-għajnuna legali jkun eżenti minnhom, u l-formoli tal-għajnuna legali huma stabbiliti mill-qorti.

Fejn l-għajnuna legali tingħata ex officio fuq talba tal-qrati tal-ġustizzja jew tal-uffiċċji pubbliċi għal prosekuzzjonijiet, id-drittijiet jitħallsu mill-Ministeru tal-Ġustizzja. Fejn l-għajnuna legali tingħata ex officio fuq talba tal-awtoritajiet lokali, id-drittijiet jitħallsu minnhom.

FuqFuq

13. Jekk nikkwalifika għal għajnuna legali parzjali, min iħallas l-ispejjeż l-oħra?

Meta tingħata għajnuna legali parzjali, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ispejjeż tal-litigazzjoni li jinsabu fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivil jew fil-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jkunu applikati skont il-kawża partikolari.

14. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tkopri stħarriġ li jkun jista’ jkolli nagħmel wara l-kawża?

Għalkemm il-liġi ma tipprovdix espressament għal dan, kull min ikun intitolat għall-għajnuna legali jista’ jibbenefika minnha matul il-proċediment kollu (sakemm tingħata d-deċiżjoni finali, jiġifieri sakemm tkun ġiet eżawrita kull possibbiltà ta’ appell).

15. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, tista’ din tkun irtirata qabel ma tintemm il-kawża (jew ukoll wara l-kawża)?

Skont l-Artikolu 70 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, "jekk il-qorti taċċerta li l-applikazzjoni għall-għajnuna legali tkun saret b'mala fidi, bil-ħabi tal-verità, hija tista' tqis mill-ġdid l-għajnuna legali approvata u timmulta lill-parti ammont ugwali għas-somom li hija tkun ġiet eżentata minnhom". Skont l-Artikolu 80, id-dritt ta' assistenza jintemm mal-mewt tal-parti jew wara titjib fil-qagħda finanzjarja tagħha.

16. Jekk ma nikkwalifikax għall-għajnuna legali, nista’ nappella minn dik id-deċiżjoni?

Skont it-tielet subsartikolu tal-Artikolu 70 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, id-deċiżjoni finali tal-qorti dwar applikazzjoni għall-għajnuna legali jew stħarriġ dwar għajnuna legali approvata mhix soġġetta għal proċeduri ta’ appell.

Aktar tagħrif

Links utli:

L-Assoċjazzjoni tal-Avukati ta' Bukarest, http://www.baroul-bucuresti.ro/ română.

L-Assoċjazzjoni Nazzjonali Rumena tal-Avukati, http://www.uar.ro/ română.

« Għajnuna legali - Informazzjoni Ġenerali | Rumanija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 24-04-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit