Kummissjoni Ewropea > NGE > Għajnuna legali > Portugall

L-aħħar aġġornament: 25-09-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Għajnuna legali - Portugall

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma l-ispejjeż ta’ proċeduri legali u normalment min iħallashom? 1.
2. X’inhi l-protezzjoni legali? 2.
3. Min jista’ jibbenefika mill-protezzjoni legali? 3.
4. Il-protezzjoni legali tista’ tinkiseb għal kull tip ta’ tilwima jew litigazzjoni? 4.
5. Teżisti xi proċedura speċjali għall-każijiet urġenti? 5.
6. Fejn nista’ nakkwista formoli ta’ applikazzjoni għall-għajnuna legali? 6.
7. X’dokumenti għandi nehmeż ma’ l-applikazzjoni? 7.
8. Fejn għandi nibgħat l-applikazzjoni? 8.
9. Kif inkun infurmat jekk ingħatajtx l-għajnuna legali? 9.
10. Jekk ningħata l-għajnuna legali, x'għandi nagħmel? 10.
11. Jekk ningħata l-għajnuna legali, min jaħtar l-avukat? 11.
12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, dan ikopri l-ispejjeż kollha tal-proċeduri? 12.
13. Jekk ningħata l-għajnuna legali parzjali, min iħallas il-bqija? 13.
14. Jekk nixtieq nappella s-sentenza, il-protezzjoni legali li ngħatatli testendi għal appell bħal dan? 14.
15. Tista’ l-għajnuna legali li ngħatat tkun irtirata qabel il-konklużjoni tal-proċeduri? 15.
16. Jekk l-għajnuna legali ma tingħatalix, nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni? 16.

 

1. X’inhuma l-ispejjeż ta’ proċeduri legali u normalment min iħallashom?

L-ispejjeż tal-proċeduri legali għandhom x’jaqsmu mal-ħlas ta’ l-ispejjeż u d-drittijiet tar-rappreżentant legali (barrister, junior barrister jew solicitor);

  1. L-ispejjeż jinkludu drittijiet tal-qorti u ħlasijiet;
  2. Id-drittijiet tal-qorti jkopru l-ħlas mill-utenti tal-Qorti għas-servizz pubbliku ta’ l-amministrazzjoni tal-Ġustizzja; l-ammonti huma ffissati fuq il-bażi ta’ skeda li tieħu bħala referenza l-valur monetarju tal-kawża; fil-każ ta’ l-appelli, il-parti li titlef tħallas l-ispejjeż; l-ispejjeż inċidentali huma intaxxati separatament imma jiddependu fuq il-valur ta’ l-azzjoni;
  3. Il-ħlasijiet jikkonsistu mill-ħlas lura ta’ spejjeż magħmulin mill-Qorti, ħlasijiet lil organizzazzjonijiet biex ikopru l-ispiża ta' ċertifikati mhux prodotti uffiċjalment mill-Qorti, id-dokumenti, l-opinjonijiet, id-disinji, l-evidenza dokumentarja u s-servizzi li l-Qorti setgħet talbet, ħlasijiet lil dawk li pparteċipaw fil-proċeduri, inkluż drittijiet legali fissi, spejjeż ta’ l-ivjaġġar u l-assistenza għall-ispejjeż, ir-rimborż ta’ ħlasijiet postali, tat-telefown, tat-telegrafu, tal-fax, tal-kopji elettroniċi, ir-rimborż għall-akkwist ta’ mezzi manjetiċi meħtieġa għar-reġistrazzjoni ta’ l-evidenza u r-rimborż lill-parti li tirbaħ fil-proċeduri ta’ l-ispejjeż, kif ukoll d-drittijiet ta’ l-avukati (barristers);
  4. Id-drittijiet tar-rappreżentanti legali huma ffissati mill-Qorti, li għandha, għal dan il-għan, tqis sew il-ħin użat, id-diffikultà tal-materja, l-importanza tas-servizz ipprovdut, il-mezzi finanzjarji tal-partijiet interessati, ir-riżultati miksuba permezz tal-kawża u l-ammonti applikati, f’ċirkostanzi simili, fid-distrett ġudizzjarju rispettiv;
  5. Ir-responsabbilità għall-ħlas ta’ l-ispejjeż hija bbażata fuq id-deċiżjoni tal-qorti fir-rigward tal-kawża li tkun inqatgħet, l-ispejjeż jitħallsu mill-parti li tilfet jew mill-parti li tkun ibbenefikat mill-azzjoni;
  6. Xi proċeduri huma, bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet legali, eżentati mill-ħlas ta’ l-ispejjeż, kif inhuma xi partijiet fil-proċeduri;
  7. Id-drittijiet finali tal-qorti, fi proċeduri ċivili, huma ffissati meta tispiċċa l-kawża; għalhekk, jitħallsu f’intervalli, kwart jitħallas fil-ħin tal-preżentazzjoni tal-petizzjoni jew it-talba inizjali, id-difiża jew l-appell; fil-maġġornanza ta’ l-azzjonijiet, dritt tal-qorti sussegwenti, ta’ ammont daqs id-dritt tal-qorti tal-bidu, jitħallas wara n-notifika tad-data ffissata għas-smigħ finali;
  8. L-ammonti mħallsa fir-rigward ta’ drittijiet tal-qorti inizjali u d-drittijiet tal-qorti mħallsa sussegwentement mill-parti li tirbaħ ikunu rimborżati lil din ta’ l-aħħar flimkien ma’ kull somma mħallsa biex tkopri l-ispejjeż.

2. X’inhi l-protezzjoni legali?

Il-protezzjoni legali hija s-sistema stabbilita kostituzzjonalment u legalment li tiżgura li ħadd ma jgħaddi minn diffikultà jew ikun imċaħħad, minħabba l-istatus soċjali jew kulturali tiegħu, jew in-nuqqas ta’ mezzi finanzjarji, milli jkun infurmat dwar, jeżerċita jew jiddefendi id-drittijiet tiegħu.

Din tikkonsisti f’żewġ tipi:

a.L-informazzjoni legali, li taħseb biex tgħarraf dwar id-drittijiet li wieħed ikollu u s-sistema legali, biex tipprovdi l-aħjar eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u t-twettiq ta’ dmirijiet legalment stabbiliti, partikolarment permezz tal-ħolqien gradwali ta’ servizzi li jipprovdu aċċess għall-qrati u servizzi ġudizzjarji u;
b.Il-protezzjoni legali, li tinkludi:
b.1.Il-pariri legali, permezz ta’ ditti legali li huwa intenzjonat li jkopru t-territorju nazzjonali kollu u li ċ-ċittadini ikunu jistgħu jżuru biex jirċievu parir legali b’xejn minn professjonisti legali. Il-pariri legali jistgħu jinvolvu li jittieħdu miżuri extra ġudizzjarji jew mekkaniżmi informali ta’ rikonċiljazzjoni;
b.2.L-għajnuna legali, li għandha dawn is-suriet:
b.2.1.L-eżenzjoni totali jew parzjali minn drittijiet u ħlasijiet oħra li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri;
b.2.2.Il-posponiment tal-ħlas ta’ drittijiet tal-qorti u drittijiet oħra dwar il-proċeduri;
b.2.3.Il-ħatra u l-ħlas ta’ drittijiet ta’ rappreżentanti legali, jew alternattivament, ħlasijiet ta’ drittijiet lir-rappreżentant legali magħżul mill-applikant.

Dan it-tip ta’ l-aħħar jista’ jingħata flimkien ma’ xi waħda mit-tnejn ta' qabel.

FuqFuq

3. Min jista’ jibbenefika mill-protezzjoni legali?

Il-benefiċjarji tal-protezzjoni legali (pariri legali u għajnuna legali) huma kif ġej:

  • Ċittadini Portugiżi u ta’ l-Unjoni Ewropea li juru li m’għandhomx mezzi finanzjarji biżżejjed biex iħallsu d-drittijiet tar-rappreżentanti legali u biex iħallsu, għal kollox jew f’parti, l-ispejjeż normali tal-proċeduri legali;
  • Barranin u persuni mingħajr stat (apolidi) li joqgħodu abitwalment fil-Portugall;
  • Barranin mhux residenti fil-Portugall, bl-istess mod kif tingħata l-protezzjoni legali lil ċittadini Portugiżi bil-liġijiet ta’ l-Istati rispettivi;
  • Entitajiet legali u kumpaniji li jippruvaw li m’għandhomx biżżejjed mezzi finanzjarji biex iħallsu d-drittijiet tal-professjonisti legali, biex ikopru, għal kollox jew f’parti l-ispejjeż normali tal-proċeduri legali;
  • Kumpaniji u kummerċjanti waħdanin, f’każijiet dwar l-eżerċizzju tal-kummerċ, u stabbilimenti individwali b’responsabbilità limitata meta d-drittijiet tal-qorti u l-ispejjeż oħra dwar il-proċeduri jammontaw għal somma konsiderevoli illi tisboq l-possibilitajiet finanzjarji stmati tagħhom, partikolarment, fir-rigward tat-turnover, il-valur tal-kapital jew il-valur azzjonarju u n-numru ta’ l-impjegati.

4. Il-protezzjoni legali tista’ tinkiseb għal kull tip ta’ tilwima jew litigazzjoni?

Il-protezzjoni legali tista’ tingħata għar-riżoluzzjoni ta’ kull tip ta’ tilwima legali jew litigazzjoni u l-għajnuna legali ma tiddipendix fuq valutazzjoni minn qabel ta’ l-għan u l-kumplessità ta’ l-azzjoni li ser tibda jew li diġà nfetħet, il-mertu tagħha jew it-tip tal-proċeduri.

FuqFuq

5. Teżisti xi proċedura speċjali għall-każijiet urġenti?

L-ebda proċedura speċjali ma teżisti għal każijiet urġenti.

Iżda, huwa xieraq li jkun innutat li ġej:

  • Il-parti interessata tista’ dejjem, speċjalment f’azzjonijiet urġenti, tispjega l-każ tagħha lill-avukat (barrister, junior barrister jew solicitor), li jikkoordina l-applikazzjoni għall-għajnuna legali skond ir-regoli tal-proċedura speċifiċi applikabbli;
  • Meta, fil-każ ta’ applikazzjoni għall-għajnuna legali, fil-pendenza ta’ azzjoni legali, l-applikant jixtieq jaħtar rappreżentant legali, il-limitu taż-żmien huwa interrott meta jkun ippreżentat dokument li jipprovdi evidenza li l-applikazzjoni għall-għajnuna legali ddaħħlet għand tas-Sigurtà Soċjali;
  • Il-limitu taż-żmien għat-tmiem tal-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-għajnuna legali huwa ta’ 30 jum. Wara li jkun skada l-limitu taż-żmien mingħajr ma tkun ttieħdet deċiżjoni, l-applikazzjoni titqies li ngħatat b’mod taċitu.

6. Fejn nista’ nakkwista formoli ta’ applikazzjoni għall-għajnuna legali?

Formoli ta’ applikazzjoni jistgħu jinkisbu, b’xejn, kif ġej:

  • Fuq karta, minn kull uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali miftuħ għall-pubbliku.
  • F’forma elettronika mill-website English - português.

7. X’dokumenti għandi nehmeż ma’ l-applikazzjoni?

Prova ta’ mezzi insuffiċjenti, li tista’ tintbagħat f’kull forma xierqa. Għalhekk, kull dokument li jservi biex juri li l-applikant m’għandux biżżejjed mezzi finanzjarji biex ikopri, għal kollox jew f’parti, l-ispejjeż normali tal-proċeduri ġudizzjarji jista’ jinhemeż ma’ l-applikazzjoni.

FuqFuq

8. Fejn għandi nibgħat l-applikazzjoni?

L-applikazzjoni għall-għajnuna legali tista’ tintbagħat f’kull uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali, miftuħ għall-pubbliku, b’kull mezz li ġej:

  • personalment;
  • bil-fax;
  • bil-posta;
  • bl-e-mail (għadu mhux disponibbli).

9. Kif inkun infurmat jekk ingħatajtx l-għajnuna legali?

Id-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni għall-għajnuna legali tkun innotifikat bil-miktub lill-applikant mill-uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali li jieħu ħsieb il-kwistjoni.

Fil-każ li din in-notifikazzjoni ma ssirx f’perjodu ta’ 30 jum, l-għajnuna legali titqies li ngħatat taċitament.

F’din l-aħħar sitwazzjoni, u bħala prekawzjoni, (billi seta’ kien hemm sospenzjoni tat-terminu jew in-notifika setgħet ntbagħtet bil-posta wara l-iskadenza tal-perjodu msemmi ta’ 30 jum) ikun xieraq, qabel ma jibdew il-proċeduri legali, li tinkiseb informazzjoni mis-Sigurtà Soċjali fir-rigward ta’ l-istatus ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna legali.

10. Jekk ningħata l-għajnuna legali, x'għandi nagħmel?

Jekk iċ-ċertifikat ta’ l-għajnuna legali ikopri l-ħatra ta’ rappreżentant legali, in-notifika ta’ dik id-deċiżjoni tintbagħat ukoll lill-Assoċjazzjonijiet ta’ l-Avukati (il-Bar Association jew is-Solicitors Association) li jkollhom terminu ta’ għaxart ijiem, b’seħħ mid-data tan-notifika msemmija, biex jaħtruh.

Din il-ħatra tkun innotifikata lill-applikant u lir-rappreżentant legali maħtur u, meta dawn l-applikazzjonijiet isiru fil-pendenza ta’ azzjoni legali, din in-notifika isservi wkoll bħala notifika tal-bidu mill-ġdid tat-terminu legali.

FuqFuq

In-notifika tad-deċiżjoni tal-ħatra tar-rappreżentant legali tagħmel referenza espressa lill-applikant ta’ l-isem u l-indirizz ta’ l-uffiċċju tar-rappreżentant legali, flimkien mad-dmir ta’ dan ta’ l-aħħar li jagħti l-assistenza legali.

L-applikant għandu għalhekk jikkuntattja minnufih lir-rappreżentant legali maħtur, li jipprovdilu l-informazzjoni meħtieġa.

Jekk iċ-ċertifikat ta’ l-għajnuna legali jkopri eżenzjoni totali jew parzjali minn, jew posponiment ta', id-drittijiet tal-qorti u l-ħlasijiet oħra dwar il-proċeduri, l-applikant għandu jissottometti dokument li jipprova li ngħatat l-għajnuna legali msemmija.

11. Jekk ningħata l-għajnuna legali, min jaħtar l-avukat?

F’dawk il-każijiet fejn issir u tintlaqa’ l-applikazzjoni għall-ħatra ta’ rappreżentant legali, l-Assoċjazzjonijiet ta’ l-Avukati (il-Bar Association jew is-Solicitors Association) jagħżlu u jaħtru r-rappreżentant legali, sakemm il-parti interessata ma tkunx għamlet hekk diġà.

12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, dan ikopri l-ispejjeż kollha tal-proċeduri?

Jekk it-tip ta’ l-għajnuna legali li ngħatajt tkopri l-eżenzjoni totali mid-drittijiet tal-qorti u l-ħlasjiet l-oħra u mill-ħlas tad-drittijiet tar-rappreżentant legali, l-ispejjeż kollha tal-proċeduri ikunu koperti miċ-ċertifikat ta’ l-għajnuna legali.

13. Jekk ningħata l-għajnuna legali parzjali, min iħallas il-bqija?

Kull ħlas li mhux kopert bl-għajnuna legali jitħallas mill-applikant.

14. Jekk nixtieq nappella s-sentenza, il-protezzjoni legali li ngħatatli testendi għal appell bħal dan?

L-għajnuna legali tkompli tapplika għall-għanijiet ta’ l-appell, irrispettivament minn kull deċiżjoni fuq il-merti tal-każ.

15. Tista’ l-għajnuna legali li ngħatat tkun irtirata qabel il-konklużjoni tal-proċeduri?

Ladarba ngħatat, l-għajnuna legali tista’ tkun irtirata qabel il-konklużjoni tal-proċeduri:

  1. Jekk l-applikant jikseb mezzi biżżejjed li ma jkollux bżonn ta’ l-għajnuna legali;
  2. Meta jkun ippruvat b’dokumenti ġodda li r-raġunijiet għaliex ngħatat l-għajnuna legali ma japplikawx aktar;
  3. Jekk id-dokumenti li servew bħala l-bażi għall-għoti ta’ l-għajnuna legali huma ddikjarati bħala foloz b’deċiżjoni res judicata.

16. Jekk l-għajnuna legali ma tingħatalix, nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni?

Id-deċiżjoni fir-rigward ta’ l-għajnuna legali tista’ tkun sfidata jew appellata, imma hija suġġetta għar-reviżjoni ġudizzjarja (stħarriġ ġudizzjarju) permezz ta’ applikazzjoni li tintbagħat lill-uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali li ħa ħsieb l-applikazzjoni.

Il-Qorti Distrettwali fejn jinsab is-Servizz tas-Sigurtà Soċjali hija kompetenti tagħti l-aħħar deċiżjoni jew, jekk l-applikazzjoni tkun saret fil-pendenza ta’ l-azzjoni, il-qorti fejn l-azzjoni hija pendenti.

Aktar tagħrif

  1. Aktar informazzjoni fuq l-għajnuna legali Portugiża tista’ tinkiseb minn:

    Direcção Geral da Administração Extrajudicial

    Rua de Alcolena n º 1

    P - 1400-004 Lisbona

    Tel.: 351 213041340

    Fax: 351 213041349

    www.dgae.mj.pt português

    correio@dgae.mj.pt

  2. It-testi legali li ġejjin, partikolarment, għandhom x’jaqsmu ma’ l-aċċess għal-liġi u l-qrati:
    • L-Art. 20 português tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża;
    • Il-Liġi Nru. 30-E/2000, ta’ l-20 ta’ Diċembru (li timmodifika s-sistema ta’ aċċess għal-liġi u għall-Qrati, li tattribwixxi lis-Sigurtà Soċjali l-ħidma tal-valutazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali);
    • Id-Direttiva Nru. 150/2002, tad-19.02 (skeda ta’ drittijiet tar-rappreżentanti legali li jipprovdu l-għajnuna legali ġewwa l-ġurisdizzjoni)
    • Il-Liġi Digriet Nru. 224-A/96 português, tas-26 ta’ Novembru (li tapprova l-Kodiċi ta’ l-Ispejjeż Legali).

« Għajnuna legali - Informazzjoni Ġenerali | Portugall - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 25-09-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit