Kummissjoni Ewropea > NGE > Għajnuna legali > Latvja

L-aħħar aġġornament: 15-02-2008
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Għajnuna legali - Latvja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhi l-għajnuna legali? 1.
2. Kif nista’ nibbenefika mill-għajnuna legali? 2.
3. L-għajnuna legali tista’ tinkiseb għat-tilwimiet kollha? 3.
4. Hemm proċedura speċifika għall-emerġenzi? 4.
5. Fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna? 5.
6. Liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi għall-għajnuna legali? 6.
7. Fejn għandi nirreġistra t-talba tiegħi għall-għajnuna legali? 7.
8. Kif niġi infurmat dwar jekk inkunx eliġibbli għall-għajnuna legali? 8.
9. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel? 9.
10. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min jagħżel lill-avukat tiegħi? 10.
11. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, dan ikopri l-ispejjeż kollha tal-kawża tiegħi? 11.
12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min iħallas l-ispejjeż l-oħrajn? 12.
13. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, dan ikopri kwalunkwe reviżjoni li nista’ nagħmel wara l-kawża? 13.
14. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tista’ tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-kawża (jew anke wara l-kawża)? 14.
15. Jekk ma nikkwalifikax għall-għajnuna legali, nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni? 15.

 

1. X’inhi l-għajnuna legali?

L-għan ta’ l-Att dwar l-Għajnuna Legali mill-Istat huwa li jiffaċilita d-drittijiet tal-persuni naturali għad-difiża legali ekwitabbli billi jipprovdi assistenza finanzjarja ggarantita mill-Istat biex wieħed jirċievi l-għajnuna legali. L-għajnuna legali hija kkwantifikata f’termini ta’ sigħat u attivitajiet speċifiċi – konsultazzjonijiet, preparazzjoni tad-dokumenti u rappreżentanza fil-qorti.

Il-proċeduri għall-għotja ta’ l-għajnuna legali mill-Istat huma stabbiliti fl-Att dwar l-Għajnuna Legali mill-Istat, ir-Regolament tal-Kabinett Nru 920 tas-6 ta’ Novembru 2006 dwar forom ta’ għajnuna legali, in-numru massimu ta’ sigħat, ir-rati tal-ħlas u l-proċeduri, u r-Regolament tal-Kabinett Nru 558 ta’ l-4 ta’ Lulju 2006 dwar l-eliġibbiltà tal-persuni għall-Għajnuna Legali mill-Istat minħabba ċ-ċirkostanzi personali, l-istat ta’ proprjetà u l-livell ta’ dħul tagħhom.

L-Istat jista’ jipprovdi l-għajnuna legali mingħajr ħlas f'kawżi ċivili, amministrattivi u kriminali.

2. Kif nista’ nibbenefika mill-għajnuna legali?

L-għajnuna finanzjarja ggarantita mill-Istat tgħin lill-persuni jieħdu vantaġġ sħiħ mid-drittijiet tagħhom fit-tilwimiet legali.

L-Istat jista' jipprovdi għal u jħallas l-ispejjeż għall-għajnuna legali f'kull każ għalih biex ikopri dawn li ġejjin:

  • sa tliet sigħat ta' konsultazzonijiet;
  • preparazzjoni sa tliet dokumenti proċedurali;
  • rappreżentanza fil-qorti ta' mhux aktar minn 40 siegħa.

L-Istat ma jkoprix spejjeż tal-qorti dovuti minn persuna taħt ordni tal-qorti.

FuqFuq

3. L-għajnuna legali tista’ tinkiseb għat-tilwimiet kollha?

L-Amministrazzjoni ta’ l-Għajnuna Legali tadotta deċiżjonijiet dwar l-għotja ta’ l-għajnuna legali f'kawżi ċivili u amministrattivi – u f'kawżi kriminali fir-rigward tal-vittma – fuq il-bażi ta’ applikazzjoni tal-persuna għall-għajnuna legali mill-Istat. Persuna suspettata, akkużata jew arrestata bħala parti minn każ kriminali tista’ titlob rappreżentanza legali dovuta mill-Amministrazzjoni ta’ l-Għajnuna Legali billi tapplika għand l-awtorità li tkun qed tmexxi l-proċeduri (il-pulizija, il-qorti jew il-prosekutur pubbliku).

4. Hemm proċedura speċifika għall-emerġenzi?

Fejn possibbli deċiżjoni li tingħata jew li tiġi rrifjutata l-għajnuna legali mill-Istat tittieħed fi żmien ġimagħtejn mid-data li fiha tkun waslet applikazzjoni għall-għajnuna legali mill-Istat, filwaqt li titqies kwalunkwe ċirkostanza urġenti indikata mill-applikant, fuq il-bażi ta’ liema l-Amministrazzjoni ta’ l-Għajnuna Legali tassenja persuna biex tipprovdi l-għajnuna legali.

5. Fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna?

Il-formoli ta' applikazzjoni għall-għajnuna legali mill-Istat jistgħu jinkisbu personalment mill-uffiċji ta' l-Amministrazzjoni ta' l-Għajnuna Legali f'Brīvības gatve 214, Riga, jew permezz tas-sit web ta' l-Amministrazzjoni ta' l-Għajnuna Legali www.jpa.gov.lv latviešu valoda, jew fl-uffiċċji ta' l-awtorità lokali li fiż-żona amministrattiva tagħha jgħix jew jirrisjedi legalment l-applikant.

FuqFuq

6. Liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi għall-għajnuna legali?

Applikant għall-għajnuna legali għandu jissottometti formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna legali mimlija flimkien ma’ kopji ta’ dokumenti li jiċċertifikaw l-informazzjoni pprovduta fuq il-formola (dokumenti li jikkonfermaw id-dħul ta’ l-applikant u informazzjoni dwar in-natura tat-tilwima u l-progress tagħha).

7. Fejn għandi nirreġistra t-talba tiegħi għall-għajnuna legali?

Biex jirċievi l-għajnuna legali mill-Istat, applikant għandu jimla formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna legali mill-Istat u jissottomettiha lill-Amministrazzjoni ta’ l-Għajnuna Legali personalment jew bil-posta.

8. Kif niġi infurmat dwar jekk inkunx eliġibbli għall-għajnuna legali?

L-Amministrazzjoni ta’ l-Għajnuna Legali tiddeċiedi jekk tagħtix l-għajnuna legali mill-Istat fuq bażi ta’ l-istima tagħha ta’ applikazzjoni ta’ persuna għall-għajnuna legali mill-Istat. Id-deċiżjonijiet huma notifikati permezz ta’ ittra mibgħuta lill-indirizz provdut mill-applikant jew mogħtija lill-applikant personalment.

9. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel?

Wara deċiżjoni li tingħata l-għajnuna legali mill-Istat, jiġi assenjat fornitur ta’ l-għajnuna legali u tintbagħat ittra lill-applikant li tinnotifikah bil-fatt li ntlaħqet deċiżjoni, u li tistabbilixxi l-ambitu ta’ l-għajnuna legali mogħtija u tagħti l-isem sħiħ tal-fornitur ta’ l-għajnuna legali, l-indirizz ta’ l-uffiċċju tagħhom, u l-ħin u d-data ta’ l-ewwel appuntament. Biex jirċievi l-għajnuna legali l-applikant għandu jżomm l-appuntament mal-fornitur ta’ l-għajnuna legali assenjat kif indikat fl-ittra tan-notifika.

FuqFuq

10. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min jagħżel lill-avukat tiegħi?

Biex l-għoti ta' għajnuna legali jiġi żgurat, l-Amministrazzjoni ta’ l-Għajnuna Legali tikkonkludi kuntratti ma’ persuni kkwalifikati biex jipprovdu l-għajnuna legali. Wara deċiżjoni li tingħata l-għajnuna legali, l-uffiċjali ta’ l-Amministrazzjoni ta’ l-Għajnuna Legali jikkuntattjaw fornitur ta’ l-għajnuna legali u jagħmlu l-arranġamenti għall-provvista ta’ l-għajnuna legali fil-każ in kwistjoni.

11. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, dan ikopri l-ispejjeż kollha tal-kawża tiegħi?

Il-forma u l-livell ta' l-għajnuna legali fil-Latvja huma stabbiliti taħt l-Att dwar l-Għajnuna Legali mill-Istat, u r-Regolament tal-Kabinett Nru 920 tas-6 ta' Novembru 2006 dwar il-forom ta' l-għajnuna legali, in-numru massimu ta' sigħat, ir-rati tal-ħlas u l-proċeduri.

L-Istat jipprovdi għal u jħallas l-ispejjeż ta' l-għajnuna legali biex ikopri dawn li ġejjin f'kull kawża amministrattiva jew ċivili, jew kawża kriminali fir-rigward tal-vittima:

  1. sa tliet sigħat ta' konsultazzonijiet;
  2. preparazzjoni sa tliet dokumenti proċedurali;
  3. rappreżentanza fil-qorti ta' mhux aktar minn 40 siegħa.

Fit-tilwimiet ċivili transkonfinali, minbarra l-benefiċċji ta' hawn fuq l-applikant huwa wkoll intitolat għas-servizzi ta' interpretu u li jirċievi traduzzjonijiet ta' kwalunkwe dokument meħtieġ biex jiġi deċiż il-kawża kif mitlub mill-qorti jew awtorità kompetenti u sottomess mill-benefiċjarju ta' l-għajnuna legali; f'dawn it-tilwimiet l-għajnuna legali tkopri wkoll l-ispejjeż assoċjati mad-dehriet fil-qorti fejn il-preżenza tal-persuna fil-qorti hija meħtieġa taħt leġiżlazzjoni jew tintalab mill-qorti fejn ikun ġie deċiż li t-testimonjanza tal-persuna ma tista' tinstema' b'ebda mod ieħor.

FuqFuq

Fil-proċeduri kriminali, l-Istat jipprovdi l-għajnuna legali għall-proċeduri ta' qabel is-smigħ u fil-qorti fejn dan jintalab mill-awtorità li tmexxi l-każ.

L-Istat ma jkoprix spejjeż tal-qorti dovuti minn persuna taħt ordni tal-qorti.

12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min iħallas l-ispejjeż l-oħrajn?

L-għajnuna legali parzjali mhijiex disponibbli fil-Latvja. L-għajnuna legali jew tingħata b’mod sħiħ jew tiġi rifjutata.

13. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, dan ikopri kwalunkwe reviżjoni li nista’ nagħmel wara l-kawża?

Skond l-Att dwar l-Għajnuna Legali mill-Istat l-għajnuna legali tingħata fi tliet istanzi tal-qorti - fil-qrati tad-distrett (muniċipali) bħala qrati ta' l-ewwel istanza, fil-qrati reġjonali bħala qrati ta' l-appell, u fil-Qorti Suprema bħala qrati tal-kassazzjoni sal-livell provdut taħt l-Att dwar l-Għajnuna Legali mill-Istat u r-Regolament tal-Kabinett Nru 920 tas-6 ta' Novembru 2006 dwar il-forom ta' l-għajnuna legali, in-numru massimu ta' sigħat, ir-rati tal-ħlas u l-proċeduri (ara mistoqsija 2).

Skond l-Artikolu 27 ta' l-Att dwar l-Għajnuna Legali mill-Istat persuna ma tistax tagħmel it-tieni applikazzjoni għall-għajnuna legali fil-każ li jikkonċerna l-istess suġġett u fuq l-istess bażi jekk il-Qorti Reġjonali Amministrattiva tkun ċaħdet it-talba ta' qabel. Applikazzjoni ġdida għall-għajnuna legali fir-rigward ta' kawża li tikkonċerna lill-istess suġġett u fuq l-istess bażi hija permissibbli biss fejn iċ-ċirkostanzi personali ta' l-attur, l-istat tal-proprjetà tiegħu jew il-livell tad-dħul tiegħu ikunu nbidlu sa livell sinifikanti. Jekk jiġi aċċertat li applikazzjoni għall-għajnuna legali qed issir fir-rigward ta' kawża li tikkonċerna lill-istess suġġett u fuq l-istess bażi, l-Amministrazzjoni ta' l-Għajnuna Legali ma tevalwax l-applikazzjoni u troddha lura lill-applikant.

14. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tista’ tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-kawża (jew anke wara l-kawża)?

Il-provvista ta’ l-għajnuna legali mill-Istat tista’ ma titkompliex jekk fiċ-ċirkostanzi tal-każ, id-deċiżonijiet li jsiru fil-kawża jew kwalunkwe dikjarazzjoni tal-fornitur ta’ l-għajnuna legali jindikaw li ma hemmx aktar raġunijiet biex il-kawża titkompla u li l-provvista ta’ l-għajnuna legali ma sservi ebda skop utli.

15. Jekk ma nikkwalifikax għall-għajnuna legali, nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni?

Appell minn deċiżjoni ta’ l-Amministrazzjoni ta’ l-Għajnuna Legali li tagħti jew tirrifjuta l-għajnuna legali mill-Istat jista’ jitressaq mill-applikant quddiem is-Segretarju ta’ l-Istat lill-Ministeru tal-Ġustizzja fi żmien xahar minn meta tidħol fis-seħħ billi jissottometti talba lill-Ministeru tal-Ġustizzja. Deċiżjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja tista’ tiġi appellata fi żmien xahar minn meta tidħol fis-seħħ billi tiġi sottomessa talba lill-Qorti Amministrattiva Reġjonali. Mhuwiex possibbli li jsir appell minn deċiżjoni tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali.

« Għajnuna legali - Informazzjoni Ġenerali | Latvja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 15-02-2008

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit