Kummissjoni Ewropea > NGE > Għajnuna legali > Irlanda

L-aħħar aġġornament: 20-02-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Għajnuna legali - Irlanda

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma l-ispejjeż ta’ kawża u minn għandu normalment iħallashom? 1.
2. X’inhi l-għajnuna legali? 2.
3. Nista’ nibbenefika mill-għajnuna legali? 3.
4. L-għajnuna legali tista’ tinkiseb għat-tilwim kollu? 4.
5. Hemm proċedura speċifika għall-emerġenzi? 5.
6. Fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna legali? 6.
7. Liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi għall-għajnuna legali? 7.
8. Fejn għandi nirreġistra t-talba tiegħi għall-għajnuna legali? 8.
9. Kif inkun infurmat dwar jekk hinix jew le eliġibbli għall-għajnuna legali? 9.
10. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel? 10.
11. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min se jagħżel l-avukat tiegħi? 11.
12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tkopri l-ispejjeż kollha tal-kawża tiegħi? 12.
13. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali parzjali, min iħallas l-ispejjeż l-oħra? 13.
14. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tkopri kull appell li jien nista’ nagħmel wara l-kawża? 14.
15. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, tista’ din tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-kawża (jew anke wara l-kawża)? 15.
16. Jekk ma nikkwalifikax għall-għajnuna legali, nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni? 16.

 

1. X’inhuma l-ispejjeż ta’ kawża u minn għandu normalment iħallashom?

2. X’inhi l-għajnuna legali?

Il-Bord ta’ l-Għajnuna Legali jipprovdi parir legali u għajnuna legali f’każijiet ċivili lil persuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-Att dwar l-Għajnuna Legali Ċivili, 1995 u r-Regolamenti magħmula taħtu.

L-għajnuna legali tfisser rappreżentazzjoni minn solicitor jew barrister fi proċeduri ċivili fil-Qrati tad-Distrett, Ambulanti, Għolja u Supremi. Il-proċeduri quddiem it-tribunali huma esklużi barra għall-finijiet tal-każijiet ta’ ażil. Parir u assistenza jistgħu, madankollu, jkunu pprovduti lil persuni li qegħdin jikkontemplaw li jibdew proċeduri quddiem xi tribunal.

Parir legali huwa kull parir bil-miktub jew verbali mogħti minn solicitor tal-Bord jew minn solicitor jew barrister imqabbad mill-Bord fuq l-applikazzjoni tal-liġi Irlandiża għal kwalunkwe ċirkostanzi partikolari li jkunu nħolqu fir-rigward tal-persuna li tkun qiegħda tfittex servizzi legali.

3. Nista’ nibbenefika mill-għajnuna legali?

L-ispejjeż involuti f’kawża jvarjaw skond il-Qorti, il-proċeduri involuti u l-kumplessità tal-każ.

Jekk tissodisfa t-test tal-mezzi u tiddependi fuq il-ħlasijiet ta’ l-assistenza soċjali jew id-dħul disponibbli tiegħek huwa inqas minn €8,300 allura l-kontribuzzjoni tiegħek tkun kkalkulata skond dak li ġej:

  • Jekk tapplika għal parir legali - parti minn għaxra tad-differenza bejn id-dħul disponibbli tiegħek u €8,300, soġġett għal kontribuzzjoni minima ta’ €6 u massimu ta’ €100.
  • Jekk tapplika għall-għajnuna legali - €35 flimkien ma’ kwart tad-differenza bejn id-dħul disponibbli tiegħek u €8,300.

Jekk tapplika għall-għajnuna legali u l-kapital disponibbli tiegħek huwa aktar minn €3,200 jista’ jkun li jkollok tħallas kontribuzzjoni kapitali. Kontribuzzjoni kapitali mhijiex pagabbli għall-parir legali.

FuqFuq

4. L-għajnuna legali tista’ tinkiseb għat-tilwim kollu?

Sakemm il-proċeduri jkunu ġewwa l-ġuriżdizzjoni Irlandiża, applikanti minn barra ‘l pajjiż, li jissodisfaw l-eliġibilità finanzjarja u t-test tal-mertu stabbilit fl-Att u fir-Regolamenti, jikkwalifikaw għall-għajnuna legali fl-Irlanda.

Għalkemm il-maġġoranza ta’ l-Applikanti għall-għajnuna legali huma residenti fl-Irlanda, huwa possibbli li persuna li toqgħod barra l-Irlanda, kemm jekk tkun ċittadina Irlandiża jew le, tapplika għall-għajnuna u/jew parir legali fl-Irlanda, sakemm dik il-persuna tfittex għajnuna jew parir legali dwar kwistjoni legali ggvernata mil-liġi Irlandiża u normalment jekk tingħata l-għajnuna legali lil persuna li toqgħod barra mill-Irlanda fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil dwar proprjetà reali jew personali din il-proprjetà tkun tinsab fl-Irlanda. Bl-istess mod bħalma l-Applikanti Irlandiżi jridu jgħaddu minn test tal-mezzi biex tkun ddeterminata l-eliġibilità għall-għajnuna legali, persuni li joqgħodu barra ‘l Irlanda huma meħtieġa ukoll li jgħaddu mill-istess valutazzjoni ta’ l-eliġibilità finanzjarja.

L-assistenza legali hija pprovduta mingħajr l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ l-eliġibilità tat-test tal-mezzi fi proċeduri tal-Qorti mibdija taħt l-Att dwar il-Ħtif tat-Tfal u l-Infurzar ta’ l-Ordnijiet ta’ Kustodja 1991 u taħt l-Att dwar l-Ordnijiet ta’ Manteniment 1994 (fejn huwa kkonċernat l-irkupru tal-manteniment f’ġuriżdizzjoni li tirreċiproka).

B’mod ġenerali, parir legali ma jiġix ipprovdut fejn ikun possibbli għall-applikant, mingħajr diffikultajiet, li jikseb parir legali barra l-ambitu ta’ l-Att. Dan japplika b’mod ġenerali fejn is-servizzi jkunu disponibbli minn sors ieħor per eżempju aġenziji konsultattivi jew organu ta’ l-istat ieħor.

FuqFuq

Parir dwar kwistjonijiet tal-liġi kriminali huwa barra l-ambitu ta’ l-Att bl-eċċezzjoni ta’ parir lill-kwerelanti f’każijiet ta’ “vjolenza karnali”.

Qabel ma tkun awtorizzata l-għajnuna legali l-Bord irid ikun sodisfatt li huwa raġonevoli li jittieħdu jew li jkunu difiżi proċeduri, fir-rigward, per eżempju, tal-merti legali tal-każ u r-riżultat probabbli. Il-kriterji jinkludu: il-prospetti ta’ suċċess; ir-raġunijiet raġonevoli għat-teħid jew id-difiża tal-proċeduri; id-disponibbiltà ta’ xi metodu, barra proċeduri fil-qorti, biex tkun trattata l-problema b’mod sodisfaċenti (per eżempju l-medjazzjoni jew in-negozjar ta’ ftehim); il-kapaċità tal-persuna megħjuna legalment li tikseb rappreżentazzjoni legali barra l-ambitu ta’ l-Att (per eżempju l-possibbiltà li l-ispejjeż jkunu sodisfati minn kumpanija ta’ l-assigurazzjoni, eċċ).

5. Hemm proċedura speċifika għall-emerġenzi?

Tingħata konsiderazzjoni dwar jekk l-applikanti għandhomx ikunu trattati b’mod ieħor milli skond ir-regola ġenerali li jingħataw appuntamenti lill-applikanti biex jaraw s-solicitor; jiġifieri, f’ordni stretta tad-data li fiha l-ismijiet ta’ l-applikanti jitpoġġew fil-lista ta’ stennija għas-servizzi legali. Tingħata prijorità lill-applikanti ġodda li jkunu qegħdin ifittxu s-servizzi legali fil-kategoriji ta’ każijiet li ġejjin:

  • proċeduri dwar ħtif ta’ tfal
  • fejn ikun periklu reali li tfal jittieħdu barra mill-ġuriżdizzjoni mingħajr il-kunsens ta’ l-applikant
  • proċeduri għall-kura tat-tfal
  • vjolenza domestika
  • fejn, skond l-Istatut tal-Limitazzjonijiet, ikun hemm periklu li l-limiti ta’ żmien biex jinħarġu l-proċeduri jistgħu jiskadu sakemm ma tittieħidx azzjoni immedjata
  • fejn ikun hemm periklu li jiskadu l-limiti ta’ żmien stabbliti f’leġiżlazzjoni oħra
  • fejn ikun hemm periklu li assi jistgħu jinħlew biex ma jkunux disponibbli biex jissodisfaw it-talbiet ta’ l-applikant.

6. Fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna legali?

Persuna li tkun qiegħda tfittex servizzi legali tista’ tapplika f’xi wieħed miċ-Ċentri tal-Liġi billi tmur hemm, iċċempel, jew tikteb liċ-Ċentru tal-Liġi li jkun l-eqreb bħala post għal fejn ikun joqgħod l-Applikant.

FuqFuq

Jekk issir rikjesta bit-telefon, l-Applikant jintalab li jmur f’dak iċ-Ċentru tal-Liġi biex japplika personalment sabiex tkun tista’ timtela formola ta’ applikazzjoni bil-miktub, u tkun tista’ titwettaq valutazzjoni tal-mezzi biex ikun determinat jekk l-Applikant huwiex finanzjarjament eliġibbli għall-għajnuna legali. Tista’ ssir applikazzjoni bil-posta u din hija normalment xierqa jekk ma jkunx faċli għall-applikant li jmur personalment f’Ċentru tal-Liġi.

L-assistenza legali hija pprovduta mingħajr l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibilità tat-test tal-mezzi fi proċeduri tal-Qorti mibdija taħt l-Att dwar il-Ħtif tat-Tfal u l-Infurzar ta’ l-Ordnijiet ta’ Kustodja 1991 u taħt l-Att dwar l-Ordnijiet ta’ Manteniment 1994 (fejn huwa kkonċernat l-irkupru tal-manteniment f’ġuriżdizzjoni li tirreċiproka).

Lista ta’ l-indirizzi u n-numri tat-telefon taċ-Ċentri tal-Liġi kollha, full-time u part-time, hija disponibbli fuq is-sit web English tal-Bord.

7. Liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi għall-għajnuna legali?

Il-Formola LAA3 għall-applikazzjoni għas-Servizzi Legali għandha timtela kollha inkluża d-dikjarazzjoni “dwar il-kwistjoni” jiġifieri l-problema legali li dwarha l-Applikant ikun qiegħed ifittex is-servizzi legali, u tiġi ffirmata mill-Applikant.

L-Applikant għandu ukoll jimla u jiffirma l-Formoli tat-Test tal-Mezzi.

8. Fejn għandi nirreġistra t-talba tiegħi għall-għajnuna legali?

Lista ta’ l-indirizzi u n-numri tat-telefon taċ-Ċentri tal-Liġi kollha, full-time u part-time, hija disponibbli fuq is-sit web English tal-Bord.

FuqFuq

9. Kif inkun infurmat dwar jekk hinix jew le eliġibbli għall-għajnuna legali?

L-Applikanti li jkunu finanzjarjament eliġibbli jkunu offruti appuntament biex jaraw Solicitor skond il-proċedura tal-lista ta’ stennija, jew taħt il-kategoriji stabbiliti ta’ kwistjonijiet ta’ priorità. Normalment appuntament ikun offrut lill-Applikant ma’ wieħed mis-Solicitors impjegati mill-Bord ta’ l-Għajnuna Legali u li jpoġġu f’wieħed mill-uffiċċji tiegħu.

L-Applikant iħallas l-kontribuzzjoni għall-parir legali qabel jattendi l-ewwel appuntament u jirċievi rċevuta għal din.

Fl-ewwel appuntament s-Solicitor jispjega li jekk l-Applikant ikun jeħtieġ rappreżentazzjoni minn Solicitor fil-bidu ta’ jew fid-difiża fi proċeduri tkun dovuta kontribuzzjoni għall-għajnuna legali ma’ l-għoti ta’ ċertifikat ta’ l-għajnuna legali.

L-applikazzjonijiet għal ċertifikat ta’ l-għajnuna legali tista’ tirrikjedi informazzjoni addizzjonali. Skond in-natura tal-każ din l-informazzjoni addizzjonali tista’ tinkludi li ġej:

  1. Rekords mediċi/rapporti
  2. Kopji ta’ dikjarazzjonijiet u/jew rapporti miksuba jew ippreparati mill-Gardai
  3. Kopji ta’ kwalunkwe kuntratti.

Jekk, wara li tiġi rċevuta l-informazzjoni neċessarja kollha jiġi kkunsidrat li applikazzjoni għall-għajnuna legali ma tissodisfax id-dispożizzjonijiet ta’ l-Att dwar l-Għajnuna Legali Ċivili, 1995 u r-Regolamenti ta’ l-1996 toħroġ ittra ta’ rifjut mingħand s-solicitor.

Din l-ittra tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ġiet irrifjutata l-applikazzjoni u l-Artiklu(i) relevanti ta’ l-Att dwar l-Għajnuna Legali Ċivili u/jew ir-Regolamenti. L-ittra tinforma ukoll lill-applikant bid-dritt li d-deċiżjoni tkun rriveduta u/jew appellata f’Kumitat ta’ l-Appell tal-Bord.

FuqFuq

10. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel?

Meta applikant għall-għajnuna legali jissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Att u tar-Regolamenti, jingħata Ċertifikat ta’ l-Għajnuna Legali biex tkun ipprovduta rappreżentazzjoni minn solicitor u, jekk ikun hemm bżonn, minn barrister f’ċerti proċeduri ċivili fil-Qrati Distrettwali, Ambulanti, Għolja u Supremi.

Ċertifikat ta’ l-għajnuna legali jawtorizza biss servizzi legali għall-proċeduri jew il-kwistjoni ddikjarata fuqu. Il-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ l-għajnuna legali lil applikant ma jfissirx li l-applikant ikun assistit legalment fi kwistjonijiet oħra. Jekk applikant jeħtieġ għajnuna legali għal aktar minn kwistjoni waħda trid issir applikazzjoni separata.

L-applikazzjonijiet għal ċertifikat ta’ l-għajnuna legali ikunu magħmula minn solicitor f’ċentru tal-liġi wara konsultazzjoni ma’ applikant.

Artikolu 29(1) ta’ l-Att jipprovdi li persuna ma tikkwalifikax għall-għajnuna jew parir legali sakemm hu jew hi ma tħallasx kontribuzzjoni. Din il-kontribuzzjoni hija ddeterminata minn valutazzjoni finanzjarja bbażata fuq l-informazzjoni pprovduta mill-applikant fid-Dikjarazzjonijiet tiegħu tal-Mezzi u l-Kapital. Fejn persuna ma jkollha l-ebda assi kapitali l-ammont minimu dovut għall-għajnuna legali huwa ta’ €35 u l-ammont massimu huwa ta’ €1,210.

Il-kontribuzzjoni sħiħa għandha titħallas meta jkun irritornat iċ-ċertifikat ta’ l-għajnuna legali u qabel ma jkunu pprovduti s-servizzi legali. Il-Bord jista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jippermetti lill-applikant li jħallas bin-nifs. Madankollu, l-ammont sħiħ dovut irid jitħallas fi żmien tnax-il xahar u qabel l-iffinalizzar tal-proċeduri.

FuqFuq

11. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min se jagħżel l-avukat tiegħi?

Jekk l-applikant fl-applikazzjoni jesprimi l-preferenza li jkun rrappreżentat minn Solicitor partikolari fiċ-Ċentru tal-Liġi, s-Solicitor Amministratur jikkunsidra x-xewqat ta’ l-Applikant meta jiddeċiedi liema Solicitor jagħżel, pereżempju jekk s-Solicitor mitlub mill-Applikant ikunx disponibbli biex jirrappreżenta l-klijent f’data partikolari tal-Qorti. Jekk is-Solicitor mitlub mill-Applikant diġà jkollu impenn ma’ klijent ieħor f’post differenti fid-data tal-kawża ta’ l-Applikant imbagħad ikun neċessarju li s-Solicitor Amministratur jagħżel għall-Applikant Solicitor biex jirrappreżentah/a differenti mis-Solicitor ta’ l-għażla tiegħu.

Jekk l-Applikant preċedentement kien rappreżentat minn Solicitor taċ-Ċentru tal-Liġi imbagħad ikun normali għas-Solicitor Amministratur li jagħżel l-istess Solicitor biex jipprovdi s-servizzi legali lill-istess klijent għall-kwistjoni l-ġdida. Applikant m’għandux dritt assolut li jikkonsulta jew li jkun rrappreżentat mis-Solicitor ta’ l-għażla tiegħu imma x-xewqat ta’ l-Applikant jiġu kkunsidrati normalment mis-Solicitor Amministratur meta tittieħed deċiżjoni dwar liema Solicitor jintgħażel għal Applikant. Jekk Applikant kellu preferenza li jkun irrappreżentat minn Solicitor tas-sess tiegħu/tagħha mbagħad sakemm ikun possibbli s-Solicitor Amministratur jipprova jiżgura li l-preferenza ta’ l-Applikant f’dan ir-rigward tkun ikkunsidrata.

12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tkopri l-ispejjeż kollha tal-kawża tiegħi?

Il-ħlas tal-Kontribuzzjoni ta’ l-Għajnuna Legali speċifikata fiċ-Ċertifikat tkopri l-ispejjeż kollha involuti fil-proċeduri. Madankollu, l-ispejjeż u d-danni ġenerali mogħtija lilek b’riżultat tal-proċeduri tal-qorti jew ftehim milħuq barra mill-qorti jkunu dovuti lill-Bord ta’ l-Għajnuna Legali. Il-Bord ikun intitolat li jnaqqas l-ispejjeż li sofra minn kull flus li tirċievi soġġett għal ċerti eċċezzjonijiet limitati. Dan japplika ukoll għal ħlasijiet magħmula lil persuna megħjuna legalment b’riżultat ta’ proċeduri matrimonjali, Ftehim ta’ Separazzjoni jew Separazzjoni Ġudizzjarja. Jekk l-ispejjeż totali sofferti mill-Bord fil-provvediment tas-servizzi legali jkun inqas mill-ammont totali mħallas minnek, jew f’ismek, bħala kontribuzzjoni jew permezz ta’ l-irkupru ta’ l-ispejjeż jew id-danni jew meta tiġi kkunsidrata garanzija fuq il-proprjetà, il-bilanċ jiġi rifuż lilek.

FuqFuq

13. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali parzjali, min iħallas l-ispejjeż l-oħra?

14. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tkopri kull appell li jien nista’ nagħmel wara l-kawża?

Ċertifikat ta’ l-għajnuna legali jipprovdi servizzi legali għall-proċeduri jew il-kwistjoni ddikjarati fuqu. Meta l-proċeduri jew il-kwistjoni ddikjarati jiġu kkompletati ċ-ċertifikat jiskadi. Applikant li jkun jeħtieġ servizzi addizzjonali li jistgħu jirrelataw mal-kwistjoni oriġinali jista’ japplika għal emenda fiċ-ċertifikat ta’ l-għajnuna legali jew għal ċertifikat ġdid. Iċ-ċirkustanzi individwali tal-każ jiddeterminaw jekk tkunx meħtieġa emenda jew ċertifikat ġdid u s-solicitor jagħti parir.

15. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, tista’ din tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-kawża (jew anke wara l-kawża)?

Jekk tagħti informazzjoni mhux korretta jew tonqos milli tiddikjara xi fatt materjali (pereżempju, fir-rigward ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi finanzjarji tiegħek), jew jekk tkun qiegħed iġġib ruħek b’mod irraġonevoli, il-parir legali jew l-għajnuna legali jew it-tnejn jistgħu jkunu rtirati u inti tista’ tkun responsabbli għall-ispejjeż kollha sofferti f’ismek.

16. Jekk ma nikkwalifikax għall-għajnuna legali, nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni?

Applikant li jkun ippreġudikat minn kull deċiżjoni tal-Bord jista’ jitlob reviżjoni tad-deċiżjoni. Jekk l-applikant ikun jixtieq li d-deċiżjoni tkun riveduta, aktar informazzjoni bil-miktub għandha tkun sottomessa biex tkun ikkunsidrata flimkien ma’ opinjoni mis-solicitor ta’ l-applikant dwar jekk id-deċiżjoni għandhiex tibqa’ tgħodd. L-applikanti jistgħu jitolbu reviżjoni ta’ deċiżjoni permezz taċ-Ċentru tal-Liġi.

Applikant li jkun ippreġudikat minn kull deċiżjoni tal-Bord jew reviżjoni ta’ kull deċiżjoni tal-Bord jista’ jappella dik id-deċiżjoni f’kumitat tal-Bord. Jekk l-applikant ikun jixtieq jappella d-deċiżjoni, irid ikun ippreżentat appell f’Kumitat ta’ l-Appell tal-Bord. L-applikanti jistgħu jitolbu appell ta’ deċiżjoni permezz taċ-ċentru tal-liġi jew direttament fil-Bord.

Is-sottomissjoni ta’ aktar informazzjoni għall-finijiet ta’ reviżjoni jew il-preżentazzjoni ta’ appell trid issir fi żmien perjodu ta’ xahar mid-data li fiha l-applikant ikun ġie infurmat li mhuwiex intitolat għas-servizz li applika għalih.

Il-Kumitat ta’ l-Appell jikkomprendi chairperson u erba’ membri oħra, li tnejn minnhom qabel il-ħatra tagħhom fil-Bord kienu barristers prattikanti jew solicitors prattikanti. Il-kumitat għandu jikkonsisti minn persuni li ma kienux involuti fid-deċiżjoni oriġinali.

Aktar tagħrif

Aktar informazzjoni inkluża lista’ ta’ indirizzi u numri tat-telefon taċ-Ċentri tal-Liġi kollha hija disponibbli fuq is-sit web English tal-Bord.

« Għajnuna legali - Informazzjoni Ġenerali | Irlanda - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 20-02-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit