Kummissjoni Ewropea > NGE > Għajnuna legali > Ungerija

L-aħħar aġġornament: 22-10-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Għajnuna legali - Ungerija

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X'inhuma l-ispejjeż ta’ kawża u normalment min għandu jħallashom? 1.
2. X’inhi l-għajnuna legali? 2.
3. Nista’ nibbenefika mill-għajnuna legali? 3.
4. L-għajnuna legali tista’ tinkiseb għat-tilwim kollu? 4.
5. Hemm proċedura speċifika għall-emerġenzi? 5.
6. Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ talba għall-għajnuna legali? 6.
7. Liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi għall-għajnuna legali? 7.
8. Fejn għandi nirreġistra t-talba tiegħi għall-għajnuna? 8.
9. Kif se nkun infurmat dwar jekk inkunx eliġibbli għall-għajnuna legali? 9.
10. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel? 10.
11. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min jagħżel l-avukat tiegħi? 11.
12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tkopri l-ispejjeż kollha tal-kawża tiegħi? 12.
13. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali parzjali, min iħallas l-ispejjeż l-oħra? 13.
14. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tkopri kull reviżjoni li nista’ nagħmel wara l-kawża? 14.
15. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, tista’ din tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-kawża (jew anke wara l-kawża)? 15.
16. Jekk ma nikkwalifikax għall-għajnuna legali, nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni? 16.

 

1. X'inhuma l-ispejjeż ta’ kawża u normalment min għandu jħallashom?

L-ispejjeż ta' kawża huma l-ispejjeż kollha li jirriżultaw b'konnessjoni mal-kawża, f'kawża l-qorti jew f'każijiet legali li ma jinstemgħux mill-qorti. It-tipi ta' spejjeż ta' kawża li jista' jkun hemm u r-regoli dwar min għandu jħallas dawn l-ispejjeż huma regolati b'mod differenti għall-proċeduri ċivili u għal dawk kriminali.

a) L-ispejjeż ta' kawża fi proċeduri ċivili:

Għall-proċeduri ċivili l-Att III ta' l-1952 fuq il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili fih ir-regoli bażiċi li jikkonċernaw l-ispejjeż ta' kawża. L-Att jinnumera t-tipi possibbli ta' spejjeż ta' kawża billi jsemmi eżempji. Dawn l-ispejjeż jistgħu jkunu per eżempju l-ispejjeż ta' l-inkjesti preliminari u ta' l-iskambju ta' ittri, it-tariffa fuq il-proċeduri, id-drittijet tax-xhieda u ta' l-esperti, id-drittijiet tat-trustees u ta' l-interpreti, l-ispejjeż tas-smigħ tal-kawża u ta' l-inkjesta lokali. L-ispejjeż ta' l-avukat li jirrappreżenta lill-parti, tal-konsulent legali u ta' l-aġent tal-privattivi jridu jingħaddu ma' l-ispejjeż tal-kawża, ukoll.

Il-qorti tiddeċiedi fuq l-ispejjeż fid-deċiżjoni finali fuq il-mertu tal-każ, li fiha, bħala regola ġenerali, il-parti li titlef tkun obbligata tħallas l-ispejjeż tal-parti li tirbaħ. Taħt l-Att il-qorti tista', bħala eċċezzjoni, toqgħod lura milli tordna lill-parti li titlef li tħallas l-ispejjeż tal-kawża jew li tħallas parti minnhom, imma tista' tobbliga lill-persuni kkonċernati li jħallsu l-ispejjeż immedjatament (per eżempju, jekk xhud, espert, jew xi persuna oħra mhux involuta fil-kawża trid tiġi ordnata li tħallas l-ispejjeż ta' azzjoni fil-kawża). Il-qorti tista' tieħu azzjoni simili jekk waħda mill-partijiet tħallas l-ispejjeż ta' xi att tal-kawża mingħajr każ tad-deċiżjoni fil-kawża (per eżempju fejn il-parti twettaq atti tal-kawża mingħajr suċċess jew tkun tard b'mod mhux ġustifikat f'ċerti azzjonijiet tal-kawża jew titlef data jew terminu ta' skadenza jew tikkawża spejjeż mhux neċessarji b'xi mod ieħor). Jekk qabel id-deċiżjoni fuq il-mertu tal-każ tirriżulta xi spiża fil-proċeduri li jkollha tħallas għaliha waħda mill-partijiet, din l-ispiża għandha titħallas f'isem il-parti bil-quddiem. Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ħlas ta' l-ispejjeż għandu jsir bil-quddiem, f'dak il-każ il-parti li qiegħda tipprova xi ħaġa jew il-parti li l-azzjonijiet tagħha ġġeneraw l-ispejjeż għandha tħallas provviżorjament l-ispejjeż li jkunu rriżultaw, imma l-qorti tiddeċiedi fid-deċiżjoni fuq il-mertu tal-każ min għandu jħallas għal din l-ispiża fl-aħħar.

FuqFuq

b) L-ispejjeż ta' kawża fi proċeduri kriminali:

Fuq il-bażi ta' l-Att XIX ta' l-1998 fuq il-Proċeduri Kriminali l-ispejjeż ta' kawża fi proċeduri kriminali jinkludu l-ispejjeż li ġejjin:

  • l-ispiża li l-istat ikun ħallas bil-quddiem fil-każ mill-bidu tal-proċeduri sa l-aħħar ta' l-infurzar tas-sentenza u matul il-proċedura ta' l-appell straordinarja u l-proċedimenti speċjali,
  • l-ispejjeż ta' l-akkużat, tal-vittma, tal-parti ċivili, tal-prosekutur privat sostitut, tal-prosekutur privat, jew tar-rappreżentant legali ta' l-akkużat u tal-vittma, li jirriżultaw b'konnessjoni mal-każ anke jekk l-istat ma jkunx ħallashom bil-quddiem,
  • l-ispejjeż u d-drittijiet tad-difensur maħtur u tar-rappreżentant ta' l-akkużat, tal-parti ċivili u tal-prosekutur privat sostitut, anke jekk l-istat ma jkunx ħallashom bil-quddiem.

Fi proċeduri kriminali l-qorti tordna lill-akkużat li jħallas l-ispejjeż fil-proċeduri kriminali f'każ ta' kundanna. L-akkużat jista' biss jiġi obbligat iħallas l-ispejjeż fil-proċeduri kriminali li jkunu rriżultaw b'konnessjoni ma' l-atti jekk hu jew hi jinstab/tinstab ħati/ħatja. L-akkużat ma jistax, madankollu, jiġi obbligat iħallas l-ispiża fil-proċeduri kriminali li tkun irriżultat mingħajr bżonn, b'mod mhux relatat ma' l-imġieba ħażina tiegħu/tagħha. Il-porzjon ta' l-ispejjeż fil-proċeduri kriminali li l-akkużat ma jistax jiġi obbligat li jħallas jitħallas mill-istat. L-istat iħallas ukoll l-ispejjeż li jirriżultaw b'konnessjoni mal-fatt li l-akkużat ikun nieqes mis-smigħ, ikun mutu, ikun nieqes mid-dawl, ma jkunx jaf jitkellem bl-Ungeriż jew ikun juża lingwa reġjonali jew ta' minoranza matul il-proċess. Anke jekk l-akkużat jiġi lliberat jew il-proċeduri jiġu tterminati, l-akkużat għandu jħallas l-ispejjeż li jkunu rriżultaw minħabba l-imġieba ħażina tiegħu/tagħha.

FuqFuq

2. X’inhi l-għajnuna legali?

L-għajnuna legali hija s-sistema istituzzjonali li tassigura li persuni li jikkwalifikaw legalment bħala persuni mingħajr riżorsi jkunu jistgħu jirċievu parir legali espert, rappreżentanza fil-proċeduri u benefiċċji fl-ispejjeż meta jkunu qiegħdin jinfurzaw id-drittijiet tagħhom u jsolvu t-tilwim legali tagħhom.

3. Nista’ nibbenefika mill-għajnuna legali?

L-Att LXXX ta’ l-2003 dwar l-Għajnuna Legali se jidħol fis-seħħ f’żewġ stadji: ir-regoli li jikkonċernaw l-għajnuna legali għall-każijiet legali li ma jinstemgħux minn qorti diġà daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2004, filwaqt li r-regoli l-ġodda dwar l-għajnuna legali għall-proċeduri tal-qorti jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008. Bid-dispożizzjonijiet ta’ l-Att li diġà daħlu fis-seħħ sar possibbli li jiġu użati l-forom ta’ għajnuna legali li mhumiex marbuta ma’ proċeduri legali (parir legali u abbozzar). L-għajnuna legali għall-każijiet legali li ma jinstemgħux minn qorti tfisser li d-drittijiet mħallsa għall-espert legali li jipprovdi servizz legali definit mil-liġi għall-parti jiġi mħallas jew jiġi mħallas bil-quddiem mill-istat f’isem il-parti.

4. L-għajnuna legali tista’ tinkiseb għat-tilwim kollu?

Taħt ir-regoli preżenti l-għajnuna legali hija disponibbli kemm fi proċeduri ċivili kif ukoll fi proċeduri kriminali. Matul il-proċeduri s-sistema ta’ għajnuna hija mħaddma prinċipalment mill-qrati (fil-każ ta’ proċeduri kriminali l-awtoritajiet investigattivi, il-prosekuzzjoni u l-qrati). Bosta fatturi jinfluwenzaw jekk l-għajnuna legali tkunx tista’ tiġi pprovduta fit-tilwima legali kkonċernata: it-tip ta’ tilwima legali kkonċernata huwa biss wieħed fost dawn. Skond it-tip ta’ tilwima legali, l-għajnuna legali ma tkunx disponibbli għall-proċeduri ċivili relatati, per eżempju, għal reġistrazzjonijiet ta’ kumpaniji, formalitajiet notarili, eċċ.

FuqFuq

Fi proċeduri kriminali, l-għajnuna legali tiddependi bażikament fuq is-sitwazzjoni ta’ l-akkużat. B’dan il-mod, jekk l-akkużat jikkwalifika bħala persuna mingħajr riżorsi fuq il-bażi tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu/tagħha, mela hu jew hi jista’/tista’ jingħata/tingħata l-għajnuna legali, irrispettivament mir-reat li bih jiġi akkużat. Ir-rikorrent għandu jingħata l-għajnuna legali tkun xi tkun is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu/tagħha jekk hu jew hi jkun/tkun per eżempju taħt l-età, miżmum il-ħabs eċċ.

5. Hemm proċedura speċifika għall-emerġenzi?

Fi proċeduri kriminali fil-qrati, fejn l-akkużat jew il-prosekutur privat sostitut ikun persuna barranija u l-ksib taċ-ċertifikati jkun se jdewwem il-proċeduri, il-qorti tiddeċiedi fuq it-talba mingħajr ma tqis ir-rekwiżiti dwar ċertifikati, jekk fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi tal-każ ikun probabbli li l-akkużat huwa persuna mingħajr riżorsi.

Għall-għajnuna legali għall-każijiet legali li ma jinstemgħux minn qorti, hemm possibbiltà li r-rikorrent ikollu aċċess għall-għajnuna immedjatament. Ir-regolament relevanti jipprovdi: "jekk it-tul tas-servizz legali huwa massimu ta' sagħtejn jew il-parti teħtieġ immedjatament li tuża s-servizz legali pprovdut għal massimu ta' erba' sigħat, il-parti tista' tapplika direttament lill-persuna li tipprovdi l-għajnuna legali sabiex tuża s-servizz legali". F'dan il-każ l-użu ta' l-għajnuna legali jkun awtorizzat wara.

6. Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ talba għall-għajnuna legali?

Il-formola ta' talba għall-għajnuna legali fi proċeduri ġudizzjarji tista' tinkiseb mill-parti mill-qorti (fi proċeduri kriminali mhux biss mill-qorti imma ukoll mill-awtorità investigattiva, mill-prosekuzzjoni u mill-post ta' detenzjoni). Fil-każ ta' tipi ta' proċeduri ġudizzjarji li ma jkunux konnessi ma' kawżi l-formola tista' tinkiseb fl-uffiċċju tal-kontea lokali tad-Dipartiment tal-Ġustizzja għall-post ta' residenza tal-parti u tista' titniżżel mis-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (www.im.hu Deutsch - English - français - magyar). Jekk it-talba ssir direttament lill-persuna li qiegħda tipprovdi l-għajnuna legali sabiex ikun jista' jiġi użat is-servizz legali immedjatament (punt 5), il-formoli tat-talba neċessarji jiġu pprovduti mill-persuna li tipprovdi l-għajnuna legali.

FuqFuq

7. Liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi għall-għajnuna legali?

Fi proċeduri ġudizzjarji r-rikorrent għandu jehmeż mat-talba għall-għajnuna legali d-dokumenti meħtieġa biex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà. Dawn id-dokumenti huma dawn li ġejjin:

  • dikjarazzjoni ta' data personali dwar ir-rikorrent u d-dipendenti tiegħu/tagħha,
  • dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta' r-rikorrent u d-dipendenti tiegħu/tagħha,
  • jekk ir-rikorrent jew id-dipendenti tiegħu/tagħha jkun impjegat, ċertifikat mingħand il-prinċipal dwar id-dħul tiegħu/tagħha fid-data tat-talba,
  • ċertifikat dwar id-dħul taxxabbli irċevut fis-sena kalendarja ta' qabel it-talba,
  • jekk ir-rikorrent jirċievi pensjoni, l-aħħar ċertifikat postali li jindika l-ammont ta' pensjoni,
  • jekk ir-rikorrent jew id-dipendenti tiegħu/tagħha jirċievi benefiċċju tal-qgħad jew għajnuna soċjali kontinwa oħra, iċ-ċertifikat li jiddikjara l-perjodu ta' l-eliġibbiltà u l-ammont irċevut.

Id-dokumenti li ġejjin għandhom jiġu mehmuża mat-talba għall-għajnuna legali għall-każijiet li ma jinstemgħux minn qorti:

  • dikjarazzjoni tad-data personali u s-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrent u l-persuni li jgħixu fl-istess dar,
  • jekk ir-rikorrent jew id-dipendenti tiegħu/tagħha jkun impjegat, ċertifikat mingħand il-prinċipal dwar id-dħul intaxxat tiegħu/tagħha fid-data tat-talba,
  • jekk ir-rikorrent jirċievi pensjoni, iċ-ċertifikat postali ta' kull xahar mix-xahar ta' qabel it-talba jew l-aħħar rendikont tal-kont (kopja),
  • jekk il-persuna li tagħmel it-talba jew id-dipendenti tiegħu/tagħha jirċievi benefiċċju tal-qgħad jew għajnuna soċjali kontinwa oħra, iċ-ċertifikat li jiddikjara l-perjodu ta' l-eliġibbiltà u l-ammont irċevut.

8. Fejn għandi nirreġistra t-talba tiegħi għall-għajnuna?

It-talbiet għall-għajnuna legali għall-proċeduri ġudizzjarji għandhom isiru lill-qorti matul il-proċeduri fil-qorti (fi proċeduri kriminali, lill-awtorità investigattiva qabel l-att ta’ l-akkuża, wara lill-qorti). It-talbiet għall-għajnuna legali mhux konnessi ma’ proċeduri ġudizzjarji għandhom isiru fid-Dipartiment tal-Ġustizzja jew fl-uffiċċju tal-kontea lokali għall-post ta’ residenza tal-parti jew, f’każijiet urġenti, lill-persuna li tkun qiegħda tipprovdi l-għajnuna legali.

FuqFuq

9. Kif se nkun infurmat dwar jekk inkunx eliġibbli għall-għajnuna legali?

Il-liġijiet relevanti jistabilixxu il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-għajnuna legali. L-informazzjoni hija pprovduta mill-qorti għall-proċeduri ġudizzjarji u mill-uffiċċji tad-Dipartiment tal-Ġustizzja għall-każijiet li ma jinstemgħux minn qorti.

10. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel?

Jekk matul il-proċeduri ġudizzjarji l-qorti jew il-prosekutur jawtorizza t-talba (taħtar avukat maħtur mill-qorti, avukat tad-difiża jew tipprovdi eżenzjonijiet mill-ispejjeż), ma jkunx hemm bżonn aktar kooperazzjoni min-naħa tar-rikorrent.

Jekk l-uffiċju tal-Ministeru tal-Ġustizzja jawtorizza l-għajnuna legali għal każijiet li ma jinstemgħux minn qorti, ir-rikorrent ikun jista' imbagħad ifittex persuni li jipprovdu assistenza legali sabiex juża s-servizzi tagħhom.

11. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min jagħżel l-avukat tiegħi?

Jekk ir-rappreżentanza jew id-difiża fil-kawża tiġi awtorizzata, ir-rappreżentant legali jew l-avukat jiġi nominat mill-qorti. Għall-għajnuna legali għal każijiet li ma jinstemgħux minn qorti, l-avukati, in-nutara, l-organizzazzjonijiet ċivili li jkunu kkummissjonaw avukati u l-fakultajiet tal-liġi ta’ l-università jistgħu jipprovdu servizzi ta’ assistenza legali u r-rikorrenti jistgħu jagħżlu minn fosthom mir-reġistru miżmum mill-Uffiċċju tal-Ġustizzja Ċentrali.

12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tkopri l-ispejjeż kollha tal-kawża tiegħi?

Dan jiddependi prinċipalment fuq x'tip ta' benefiċċju jirċievi r-rikorrent:

FuqFuq

a) Fi proċeduri ċivili l-benefiċċji ta' l-ispejjeż jistgħu jkunu dawn li ġejjin fuq il-bażi tal-kontenut tagħhom:

  • eżenzjoni mill-ispejjeż hija l-aktar kategorija wiesgħa: tinkludi eżenzjoni mill-ispejjeż tal-qorti, eżenzjoni mill-ħlas bil-quddiem u mill-ispejjeż li jridu jitħallsu matul il-proċeduri u l-opportunità li tintalab il-ħatra ta' avukat maħtur mill-qorti,
  • eżenzjoni mill-ispejjeż tal-qorti hija kategorija aktar ristretta mill-eżenzjoni mill-ispejjeż: permezz tagħha l-parti tkun eżentata mill-obbligazzjoni li tħallas l-ispejjeż tal-qorti imma ma tkunx intitolata tirċievi aktar benefiċċji li jmorru ma' l-eżenzjoni mill-ispejjeż,
  • fil-każ ta' dritt li timponi reġistrazzjoni l-parti li tgawdi dan id-dritt tista' tiġi eżentata biss milli tħallas l-ispejjeż bil-quddiem, u f'dak il-każ il-parti obbligata mill-qorti jkollha tħallas l-ispejjeż wara li l-proċeduri jkunu spiċċaw.

L-eżenzjoni mill-ispejjeż, l-eżenzjoni mill-ispejjeż tal-qorti u d-dritt li timponi reġistrazzjoni ma jikkonċernawx l-ispejjeż ta' kawża li għandhom jitħallsu mill-avversarju u l-obbligazzjoni ta' rimborż ta' l-ispejjeż imħallsa u l-ispejjeż imħallsa bil-quddiem (l-ispejjeż ta' l-eżekuzzjoni) mill-partijiet fil-proċess ta' eżekuzzjoni.

b) Matul il-proċeduri kriminali jekk ikun probabbli li, minħabba d-dħul jew is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu/tagħha, l-akkużat ma jkunx se jkun jista' jħallas l-ispejjeż tal-proċeduri u hu/hi jiċċertifika dan, il-qorti jew il-prosekutur jiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni ta' l-eżenzjoni personali mill-ispejjeż għall-akkużat it-talba ta' l-akkużat jew ta' l-avukat tad-difiża tiegħu/tagħha. Jekk l-eżenzjoni personali mill-ispejjeż tiġi awtorizzata:

FuqFuq

  • fuq talba ta' l-akkużat il-qorti, il-prosekutur jew l-awtorità investigattiva taħtar avukat tad-difiża,
  • l-ebda spejjeż tal-qorti ma jkollhom jitħallsu għall-kopji tad-dokumenti tal-kawża kriminali għall-akkużat u l-avukat tad-difiża maħtur tiegħu/tagħha f'okkażjoni waħda,
  • l-istat iħallas id-drittijiet u l-ispejjeż awtentikati ta' l-avukat maħtur mill-qorti.

13. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali parzjali, min iħallas l-ispejjeż l-oħra? 

Peress illi l-legislazzjoni preżenti ma tiddistingwix bejn l-eżenzjoni parzjali u dik sħiħa mill-ispejjeż fi proċeduri ġudizzjarji, jekk il-qorti tawtorizza eżenzjoni mill-ispejjeż, mela din tkopri l-ispejjeż kollha tal-kawża - bl-eċċezzjonijiet f'punt 12.

14. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tkopri kull reviżjoni li nista’ nagħmel wara l-kawża?

Jekk l-għajnuna legali tiġi awtorizzata testendi għall-fażijiet kollha tal-proċeduri, inkluż l-proċeduri ta’ l-appell u l-eżekuzzjoni fuq il-bażi tal-proċeduri.

15. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, tista’ din tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-kawża (jew anke wara l-kawża)?

a) Fi proċeduri ċivili l-qorti tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-għajnuna legali jkunux għadhom issodisfati kif ġej:

  • sad-deċiżjoni finali fil-proċeduri, annwalment fuq bażi tad-data ta' l-awtorizzazzjoni,
  • qabel il-ħruġ tad-dokument ta' eżekuzzjoni, jekk tkun diġà għaddiet sena mid-deċiżjoni finali fil-proċeduri, u
  • f'kull ħin matul il-proċeduri - inkluż id-deċiżjoni fuq it-talba għal reviżjoni - jekk tinstab data li tikkonċerna l-fatt li l-kundizzjonijiet ma kienux issodisfati fil-ħin ta' l-awtorizzazzjoni jew aktar 'il quddiem fil-proċeduri.

Matul ir-reviżjoni l-qorti tirrevoka l-għajnuna jekk il-parti ma tikkonformax ma' dak li ġie ddikjarat fis-sejħa tal-qorti jew jekk matul ir-reviżjoni l-qorti tistabbilixxi li r-rikorrent ma jkunx għadu eliġibbli.

FuqFuq

b) Matul il-proċeduri kriminali l-akkużat li jkun qiegħed jirċievi l-għajnuna legali jew il-prosekutur privat sostitut iridu jirraportaw il-bidliet kollha fid-dħul u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu/tagħha jew f'tad-dipendenti tiegħu/tagħha - barra fejn id-dħul jonqos jew ma jibqax jiġi rċevut - u l-bidliet kollha fiċ-ċirkostanzi personali tiegħu/tagħha li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni. Il-qorti u l-prosekutur, fuq bażi tad-dikjarazzjoni imma mill-inqas kull sena, għandhom jiċċekkjaw jekk il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni personali mill-ispejjeż għadhomx issodisfati. Il-qorti jew, fil-każ ta' akkużat, qabel l-att ta' akkuża, il-prosekutur, t/jista' t/jirrevedi l-eliġibbiltà għall-għajnuna legali ex officio jekk tinstab data li tissuġġerixxi li l-kundizzjonijiet ma kinux issodisfati fil-ħin ta' l-awtorizzazzjoni jew aktar 'il quddiem fil-proċeduri.

Jekk jirriżulta mir-reviżjoni li l-kundizzjonijiet għall-għajnuna legali ma jkunux issodisfati, il-prosekutur qabel l-att ta' l-akkuża, jew, fil-każ ta' prosekutur privat sostitut, il-qorti għandha tirrevoka minn hemm 'il quddiem.

16. Jekk ma nikkwalifikax għall-għajnuna legali, nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni?

Min jagħmel it-talba jista’ jappella kontra d-deċiżjoni tal-qorti jew id-deċiżjoni tal-prosekutur li tirrifjuta t-talba għall-għajnuna legali għall-proċeduri ġudizzjarji. Fil-każ ta’ forom ta’ għajnuna legali li ma jkunux konnessi ma’ proċeduri ġudizzjarji, huwa possibbli li jsir appell lid-Dipartiment tal-Ġustizzja Ċentrali kontra d-deċiżjoni ta’ l-uffiċċju tal-kontea responsabbli li tkun irrifjutat it-talba. Huwa possibbli li tintalab reviżjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni finali tat-tieni istanza tad-dipartiment tal-Ġustizzja Ċentrali.

Aktar tagħrif

L-iktar informazzjoni importanti, riżorsi ta' informazzjoni b'konnessjoni mas-sistema Ungeriża ta' l-għajnuna legali tista' tinstab fuq il-paġna ewlenija tal-Ministeru tal-Ġustizzja (www.im.hu Deutsch - English - français - magyar).

« Għajnuna legali - Informazzjoni Ġenerali | Ungerija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 22-10-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit