Kummissjoni Ewropea > NGE > Għajnuna legali > Greċja

L-aħħar aġġornament: 03-08-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Għajnuna legali - Greċja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma l-ispejjeż ta’ kawża u min għandu jħallashom normalment? 1.
2. X’inhi l-għajnuna legali? 2.
3. Nista’ nibbenefika mill-għajnuna legali? 3.
4. L-għajnuna legali tista’ tinkiseb għat-tilwimiet kollha? 4.
5. Hemm proċedura speċifika għall-emerġenzi? 5.
6. Fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna? 6.
7. Liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi għall-għajnuna legali? 7.
8. Fejn għandi nippreżenta t-talba tiegħi għall-għajnuna legali? 8.
9. Kif niġi nfurmat dwar jekk inkunx eliġibbli għall-għajnuna legali? 9.
10. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel? 10.
11. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min jagħżel lill-avukat tiegħi? 11.
12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, dan ikopri l-ispejjeż kollha tal-kawża tiegħi? 12.
13. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min iħallas l-ispejjeż l-oħrajn? 13.
14. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, dan ikopri kwalunkwe applikazzjoni li nista’ nagħmel wara l-kawża? 14.
15. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, tista’ tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-kawża (jew anke wara l-kawża)? 15.
16. Jekk ma nikkwalifikax għall-għajnuna legali, nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni? 16.

 

1. X’inhuma l-ispejjeż ta’ kawża u min għandu jħallashom normalment?

L-ispejjeż ewlenin ta’ kawża huma l-ispejjeż tal-qorti għall-atti proċedurali u t-taxxa fuq id-dokumenti ġudizzjarji, tariffi għal varji fondi, il-ġbir bil-quddiem ta’ l-ispejjeż tal-barrister, u garanziji għall-kontumaċja. Bħala regola dawn l-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-parti li tressaq l-azzjoni, iżda fil-każ li titlef waħda mill-partijiet, dik il-parti tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż.

2. X’inhi l-għajnuna legali?

L-għajnuna legali teżenta lill-applikant mill-ispejjeż kollha legali, inkluża t-taxxa fuq id-dokumenti ġudizzjarji, it-taxxa fuq iċ-ċitazzjoni ta’ l-eżekuzzjoni, tariffi addizzjonali fuq dawn it-taxxi fuq id-dokumenti, it-tariffi tas-solicitor u tal-marixxall, spejjeż relatati max-xhieda u l-esperti, u t-tariffi tal-barrister jew rappreżentant ieħor.

Minbarra l-għajnuna legali sa issa provduta mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, ġiet stabbilita sistema ta’ l-għajnuna legali oħra permezz ta’ l-Att Nru 3226/2004 (Gazzetta tal-Gvern I 24 ta’ l-24 ta’ Frar 2004).

3. Nista’ nibbenefika mill-għajnuna legali?

Dawn li ġejjin huma eliġibbli għall-għajnuna legali:

  1. kull minn (kull persuna ta’ nazzjonalità Griega) jista’ juri li l-ħlas ta’ l-ispejjeż iċaħħad lilu u lill-familja tiegħu mill-mezzi neċessarji għall-manteniment tagħhom;
  2. korpijiet li huma għall-interess pubbliku jew li ma jagħmlux qliegħ u gruppi ta’ persuni li għandhom id-dritt jieħdu sehem fil-proċeduri tal-qorti jekk jintwera li l-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż tal-proċeduri jagħmilha impossibbli jew diffiċli għalihom li jiksbu l-għanijiet tagħhom;
  3. sħubiji jew assoċjazzjonijiet jekk l-isħubija jew assoċjazzjoni ma tistax tħallas l-ispejjeż u l-membri tagħha ma jistgħux jagħmlu dan mingħajr ma jċaħħdu lilhom u l-familji tagħhom mill-mezzi neċessarji għall-manteniment tagħhom;
  4. persuni ta’ nazzjonalità barranija kemm-il darba jkun hemm ftehimiet reċiproċi, u persuni mingħajr stat taħt l-istess kundizzjonijiet li jgħoddu għall-persuni ta’ nazzjonalita Griega.

Iċ-ċittadini kollha bi dħul baxx mill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea huma eliġibbli għall-għajnuna legali. Iċ-ċittadini bi dħul baxx ta’ pajjiżi li mhumiex fl-UE u persuni ta’ dħul baxx mingħajr stat huma wkoll eliġibbli, kemm-il darba legalment għandhom indirizz permanenti jew jirrisjedu permanentament fl-Unjoni Ewropea.

FuqFuq

Iċ-ċittadini huma meqjusa li għandhom dħul baxx jekk id-dħul annwali tal-familja tagħhom huwa inqas minn żewġ terzi tal-paga minima annwali provduta fil-Kuntratt Kollettiv Nazzjonali dwar il-Pagi. Fil-każijiet fejn hemm nuqqas ta’ qbil jew tilwima domestika, id-dħul tal-parti l-miksura ma jitqiesx.

4. L-għajnuna legali tista’ tinkiseb għat-tilwimiet kollha?

L-għajnuna legali hija disponibbli quddiem il-qrati kollha: ċivili, kriminali u amministrattivi.

Hija disponibbli kemm għall-proċeduri kontenzjużi kif ukoll dawk mhux kontenzjużi.

L-għajnuna legali tingħata għall-każijiet kriminali, ċivili u kummerċjali.

5. Hemm proċedura speċifika għall-emerġenzi?

Hemm proċedura speċifika għall-emerġenzi li hija dejjem disponibbli għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali.

Il-proċedura għall-għoti ta’ l-għajnuna legali għall-emerġenzi mhijiex differenti mill-proċeduri fejn mhemmx emerġenza.

Madankollu, jingħata servizzi ta’ parir. Għall-każijiet kriminali, jingħata parir mill-prosekuturi u l-prosekuturi superviżorji tal-post tal-kustodja, filwaqt li għall-każijiet ċivili l-pariri jingħataw mill-Presidenti tal-qrati lokali kompetenti, li jgħarrfu lill-partijiet interessati jekk humiex eliġibbli għas-sistema ta’ l-għajnuna legali għal ċittadini bi dħul baxx.

6. Fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna?

Ma hemm ebda formola speċjali ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna legali. L-għajnuna legali tingħata:

FuqFuq

  1. mill-qorti tad-distrett,
  2. mill-qorti reġjonali (bi mħallef wieħed) jew
  3. mill-president tal-qorti reġjonali sħiħa fejn għandhom jitressqu jew huma pendenti l-proċeduri; fi kwistjonijiet mhux relatati ma’ smigħ, l-għajnuna legali tingħata mill-qorti tad-distrett tal-post tar-residenza ta’ l-applikant.

Lanqas ma hemm xi forma speċjali ta’ għajnuna legali. Hija tingħata fuq talba tal-parti interessata. L-applikazzjoni għandha tagħti taqsira tal-każ li dwaru hemm il-kawża jew azzjoni, u informazzjoni li tikkonferma r-rekwiżiti kollha għall-għoti ta’ l-għajnuna.

7. Liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi għall-għajnuna legali?

L-għajnuna legali hija disponibbli jekk, bħala riżultat tal-ħlas ta’ l-ispejjeż tal-kawża, l-applikant jista’ ma jkunx jiflaħ imantni ruħu jew il-familja tiegħu. Bħala prova taċ-ċirkostanzi tiegħu, l-applikant għandu jissottometti:

  1. attestazzjoni mis-sindku jew il-president tal-muniċipalità tiegħu li tiddikjara ċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħu u tal-familja tiegħu u l-impjieg tiegħu, u li tiċċertifika li ma jistax iħallas mingħajr riskju għalih innifsu u l-familja tiegħu; fil-każ ta’ entità li ma tagħmilx profitt, għandu jintwera li jkun impossibbli jew diffiċli li jinkisbu l-għanijiet tiegħu, u fil-każ ta’ sħubija jew assoċjazzjoni, li l-isħubija jew assoċjazzjoni ma tistax tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri u l-membri tagħha ma jistgħux jagħmlu dan mingħajr ma jċaħħdu lilhom infushom u l-familji tagħhom mill-mezzi neċessarji għall-manteniment tagħhom;
  2. attestazzjoni mill-uffiċju lokali tat-taxxa ta’ l-applikant li tiċċertifika li fit-tliet snin ta’ qabel l-applikant issottometta formola tat-taxxa tad-dħul u formola għal kwalunkwe taxxa oħra dovuta u li l-formoli ġew verifikati mill-uffiċċju tat-taxxa;
  3. fil-każ ta’ barrani, attestazzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja li tiċċertifika li hemm arranġamenti reċiproċi.

It-talbiet kollha għall-għajnuna legali għandhom jiġu akkumpanjati mid-dokumenti sostantivi meħtieġa (eż., kopja tal-formola tat-taxxa jew attestazzjoni mill-ispettur tat-taxxa li tikkonferma li ma hija meħtieġa ebda formola, kopja tad-dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja jew dikjarazzjoni tal-kont, in-numru tar-reġistrazzjoni tat-taxxa, ċertifikati tas-sigurtà soċjali u dikjarazzjonijiet maħlufa) u, għaċ-ċittadini minn pajjiżi mhux fl-UE, evidenza ta’ l-indirizz permanenti jew abitwali.

FuqFuq

8. Fejn għandi nippreżenta t-talba tiegħi għall-għajnuna legali?

It-talba għall-għajnuna legali għandha ssir lil waħda mill-qrati msemmija hawn fuq skond il-kriterji diġà deskritti fil-qosor.

It-talba għall-għajnuna legali u d-dokumenti sostantivi għandhom jintbagħtu lill-qorti tad-distrett, lill-qorti reġjonali (bi mħallef wieħed) jew lill-president tal-qorti reġjonali sħiħa fejn għandhom jiġu mibdija jew huma pendenti l-proċeduri, għall-inqas ħmistax-il jum qabel il-kawża jew l-azzjoni li jirreferu għaliha; fi kwistjonijiet mhux relatati ma’ kawża, l-għajnuna legali tingħata mill-qorti tad-distrett tal-post fejn joqgħod l-applikant. Il-proċedura hija mingħajr ħlas u mhuwiex meħtieġ li wieħed jidher bl-avukat.

9. Kif niġi nfurmat dwar jekk inkunx eliġibbli għall-għajnuna legali?

Mill-Presidenti tal-qrati lokali kompetenti.

10. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel?

Għandek tapplika lill-qorti bil-mod deskritt hawn fuq.

11. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min jagħżel lill-avukat tiegħi?

L-avukat jintgħażel mill-qorti li tkun tat l-għajnuna fuq talba tal-benefiċjarju. Dan ta’ l-aħħar irid jaċċetta l-konsulent legali li jiġi assenjat. Il-ħatra tibqa’ valida sat-tmiem definittiv tal-kawża jew ta’ pass proċedurali ekwivalenti, u jekk hemm appell. L-avukat maħtur għandu jagħti rappreżentanza legali sħiħa għall-perjodu stabbilit fl-Artikolu 97 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, kemm-il darba s-sentenza ma testendix jew ma tnaqqasx dan il-perjodu, fuq talba ta’ l-applikant.

FuqFuq

12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, dan ikopri l-ispejjeż kollha tal-kawża tiegħi?

Il-għoti ta’ l-għajnuna legali, għall-każijiet ċivili u kummerċjali, tikkonsisti f’eżenzjoni sħiħa jew parzjali mill-ispejjeż proċedurali u, fejn mitlub speċifikament, l-ispejjeż tal-ħatra ta’ avukat, nutar u marixxall biex jiddefendu l-benefiċjarju, jirrappreżentawh fil-qorti u jipprovdi kwalunkwe għajnua meħtieġa biex iwettaq l-azzjonijiet neċessarji. Fost l-oħrajn, l-eżenzjoni tkopri: taxxi fuq id-dokumenti fiskali u tal-qorti, taxxi fuq iċ-ċitazzjoni ta’ l-eżekuzzjoni u t-tariffi addizzjonali kollha relatati; spejjeż relatati ma’ xhieda u esperti; tariffi ta’ l-avukati, in-nutara jew il-marixxalli maħtura; u garanzija meħtieġa għal dawn l-ispejjeż. L-għajnuna legali ma taffettwax l-obbligu li jitħallsu spejjeż mirbuħa mill-parti l-oħra.

13. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min iħallas l-ispejjeż l-oħrajn?

L-applikant.

14. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, dan ikopri kwalunkwe applikazzjoni li nista’ nagħmel wara l-kawża?

L-għajnuna legali hija provduta separatament għal kull każ u hija valida għall-istadji proċedurali u l-qrati suċċessivi sa l-infurzar tas-sentenzi. L-għajnuna legali għall-appelli tista’ tingħata biss jekk l-appell huwa approvat u mhuwiex ovvjament inġustifikat jew mhux ta’ min jirrakkomandah. L-istat tal-każ huwa wkoll evalwat f’isem l-applikant.

15. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, tista’ tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-kawża (jew anke wara l-kawża)?

L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata jew ristretta mill-qorti, fuq talba tal-prosekutur jew minn jeddha, jekk ir-rekwiżiti għall-għotja ta’ l-għajnuna legali ma jintlaħqux jew jekk iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-għajnuna legali m’għadhomx prevalenti jew inbidlu.

Barra minn dan, jekk il-parti mgħejuna titlef il-kawża, hi tkun għadha trid tħallas xi wħud mill-ispejjeż jew l-ispejjeż kollha tal-parti rebbieħa malli ċ-ċirkostanzi tiegħu jitjiebu u jkunu ġew verifikati.

16. Jekk ma nikkwalifikax għall-għajnuna legali, nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni?

L-applikant jista’ jappella minn deċiżjoni bħal din meħuda mill-qorti tad-distrett, mill-qorti reġjonali (bi mħallef wieħed) jew mill-president tal-qorti reġjonali sħiħa billi japplika għall-Qorti Sħiħa ta’ l-Ewwel Istanza fi żmien ħamest (5) ijiem minn meta tittieħed id-deċiżjoni. L-appelli jinstemgħu bl-użu tal-proċeduri tal-miżuri interim.

Aktar tagħrif

Jekk il-persuna li tapplika għall-għajnuna legali għall-każijiet ċivili u kummerċjali għandha indirizz permanenti jew normalment tirrisjedi fi Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea, japplikaw dawn l-arranġamenti speċjali li ġejjin:

  1. Anki jekk id-dħul tal-familja tagħhom huwa aktar minn żewġ terzi tal-paga minima annnwali provduta fil-Kuntratt Nazzjonali Kollettiv dwar il-Pagi, l-applikanti huma eliġibbli għall-għajnuna legali jekk jistgħu juru li d-differenza fl-għoli tal-ħajja bejn l-Istat Membru fejn għandhom indirizz permanenti jew jirrisjedu normalment u l-Greċja ma tippermettihomx li jkopru l-ispejjeż ta’ kawża.
  2. Fost l-ispejjeż li minnhom l-applikant jista’ jiġi eżentat hemm:
    1. it-tariffi ta’ l-interpreti;
    2. l-ispejjeż ta’ traduzzjonijiet uffiċjali ta’ kwalunkwe dokument meħtieġ għar-riżoluzzjoni tat-tilwima;
    3. l-ispejjeż li jħallas l-applikant għat-trasport ta’ kwalunkwe persuna oħra involuta fis-sostenn tal-pretensjoni ta’ l-applikant, kemm-il darba dawn il-persuni huma meħtieġa jidhru fil-qorti personalment u l-qorti tkun iddeċidiet li mhemm ebda mod ieħor li jistgħu jipparteċipaw fil-proċedura.
  3. L-għajnuna legali tista’ wkoll tikkonsisti fil-ħatra ta’ avukat biex jipprovdi għajnuna legali bl-għan li jirriżolvi t-tilwima qabel ma tasal il-qorti. Avukat jista’ jinħatar biex jagħtu parir legali lil persuni li ghandhom indirizz permanenti jew jirrisjedu normalment fil-Greċja iżda li qed jitolbu għajnuna legali għal kawża jew għal proċeduri fi Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea, sakemm l-awtorità kompetenti f’dak l-Istat Membru tirċievi l-applikazzjoni għall-għajnuna legali.

Huwa l-Ministeru tal-Ġustizzja l-awtorità kompetenti biex tirċievi l-applikazzjonijiet minn persuni li għandhom indirizz permanenti jew jirrisjedu normalment fil-Greċja għall-għajnuna legali fi Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea u li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE. L-awtorità kompetenti tgħin lill-applikant fil-ġbir tad-dokumenti sostantivi kollha li taf li huma neċessarji biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni u tipprovdi lill-applikant, fejn dan jitlob, kwalunkwe traduzzjoni meħtieġa ta’ l-applikazzjoni u tad-dokumenti sostantivi mingħajr ħlas. L-applikazzjoni, mimlija korrettament u bit-traduzzjonijiet tad-dokumenti sostantivi kollha, tintbagħat lill-awtorità xierqa fl-Istat Membru l-ieħor fi żmien ħmistax-il jum minn meta tirċeviha.

« Għajnuna legali - Informazzjoni Ġenerali | Greċja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 03-08-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit