Kummissjoni Ewropea > NGE > Għajnuna legali > Franza

L-aħħar aġġornament: 06-07-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Għajnuna legali - Franza

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma l-ispejjeż ta’ proċess u min iħallashom normalment? 1.
2. X’inhi l-għajnuna legali? 2.
3. Jien nista’ nibbenefika mill-għajnuna legali? 3.
4. L-għajnuna legali tista’ tinkiseb għal kull tilwima? 4.
5. Hemm xi proċedura speċifika għal każijiet ta’ emerġenza? 5.
6. Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna legali? 6.
7. Liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi għall-għajnuna legali? 7.
8. Fejn għandi nippreżenta t-talba tiegħi għall-għajnuna legali? 8.
9. Kif ser inkun infurmat jekk inix eliġibbli jew le għall-għajnuna legali? 9.
10. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel? 10.
11. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min ser jagħżel l-avukat tiegħi? 11.
12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din ser tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċess tiegħi? 12.
13. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali parzjali, min ser iħallas l-ispejjeż l-oħra? 13.
14. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din ser tkopri kull reviżjoni li nista’ nagħmel wara l-proċess? 14.
15. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tista’ tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-proċess (jew ukoll wara l-proċess)? 15.
16. Jekk ma nikkwalifikax għall-għajnuna legali, nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni? 16.

 

1. X’inhuma l-ispejjeż ta’ proċess u min iħallashom normalment?

L-ispejjeż ta’ azzjoni fil-qorti jiddependu min-natura u l-kumplessità tal-każ u mill-proċedura u l-qorti li qed tisma’ l-każ.

Tista’ ssir distinzjoni bejn tlett kategoriji ta’ spejjeż:

  • L-onorarju ta’ l-avukat, li għalih m’hemmx skala fissa – l-avukat u l-klijent huma liberi li jiftiehmu fuq ir-rata li l-klijent ġeneralment ikollu jħallas sakemm dan m’huwiex eliġibbli għall-għajnuna legali;

  • L-ispejjeż tal-qorti, elenkati b’mod eżawrijenti fl-artikolu 695 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid u li jikkonsisti prinċiparjament minn:

    1. Ħlasijiet supplementari għall-avukati (u għall-avoués fil-Qorti ta’ l-Appell); ħlasijiet supplementari huma distinti minn ħlasijiet bażiċi;

    2. L-ispejjeż tal-proċedura lill-marixxalli tal-Qorti;

    3. L-ispejjeż ġudizzjarji ta’ l-eżaminazzjoni u l-investigazzjoni;

    4. L-allowances tax-xhieda (skala fissa);

    5. L-ispejjeż tas-smigħ ta’ l-avukat;

    6. Spejjeż oħra: dawn huma spejjeż li jikkorrispondu għal infiq relatati mal-proċess minn persuni li jeżerċitaw professjoni, li jitħallsu lura fuq skala fissa.

    L-ispejjeż tal-qorti jitħallsu mill-parti telliefa, taħt l-artikolu 696 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid. Imma l-qorti tista’, permezz ta’ deċiżjoni motivata, tordna lill-parti l-oħra biex tħallashom kollha jew parzjalment, f’liema każ tispeċifika kif dawn għandhom jinqasmu.

    FuqFuq

  • Spejjeż oħra mħallsa mill-partijiet: bħala regola dawn iħallsu l-ispejjeż huma stess, sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor, kemm fi proċeduri penali u kemm f’dawk ċivili. Il-qorti tqis l-ekwità jew is-sitwazzjoni ekonomika tal-parti telliefa. Il-qorti għandha l-poter, anke minn jeddha, li tordna li ma jsir l-ebda ħlas.

Fi proċeduri kriminali, l-Istat iħallas l-ispejjeż tal-ġustizzja. Nies misjuba ħatja ta’ reat iridu jħallsu rata fissa għall-proċeduri, ibbażata fuq is-serjetà tar-reat.

2. X’inhi l-għajnuna legali?

L-iskema preżenti ta’ għajnuna legali (li ssostitwiet lil dik ta’ qabel li kienet ilha mil-leġiżlazzjoni ta’ l-1972) hija rregolata mill-Att dwar l-Għajnuna Legali (Nru 91-647 ta’ l-10 ta’ Lulju 1991) u d-Digriet Nru 91-1266 tat-18 ta’ Diċembru 1991. Din tkopri:

  • L-għajnuna legali proprja: għajnuna finanzjarja għall-proċeduri tal-qorti u proċeduri ta’ ftehim barra mill-qorti;
  • Għajnuna għall-ħlas ta’ l-avukati fi proċeduri kriminali alternattivi għall-prosekuzzjoni (il-ftehim u l-medjazzjoni penali), għall-assistenza minn avukat lil dawk miżmuma mill-pulizija għall-investigazzjonijiet, u għal proċeduri ta’ dixxiplina fil-ħabsijiet; u
  • aċċess għal-liġi (informazzjoni, gwida, konsultazzjoni legali bla ħlas). L-għajnuna legali tintitola lil min jirċeviha għal assistenza bla ħlas minn avukat jew xi ħadd ieħor li jipprattika l-liġi (marixxall, avoué, nutar, rkantatur, eċċ.) u għal eżenzjoni mill-ispejjeż tal-qorti.

L-għajnuna legali tintitola lil min jirċeviha għal assistenza bla ħlas minn avukat jew xi ħadd ieħor li jipprattika l-liġi (marixxall, avoué, nutar, rkantatur, eċċ.) u għal eżenzjoni mill-ispejjeż tal-qorti.

FuqFuq

3. Jien nista’ nibbenefika mill-għajnuna legali?

L-għajnuna legali tingħata mill-uffiċċju ta’ l-għajnuna legali fil-Qorti Reġjonali skond il-ħtiġijiet bħar-riżorsi, in-nazzjonalità, ir-residenza u l-ammissibilità.

  • Riżorsi

Tista’ tirċievi għajnuna legali jekk il-medja tar-riżorsi magħquda tiegħek għas-sena kalendarja preċedenti (esklużi l-allowances tal-familja u ċerti benefiċċji soċjali) ma teċċedix ċertu limitu li jiġi ffissat annwalment bil-liġi..

Pereżempju, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali magħmula fl-2004 huma eżaminati fuq il-bażi tad-dħul ta’ l-2003. Mill-1 ta’ Jannar 2004 il-limitu mensili ta’ riżorsi għal persuna waħedha huwa ta’ €830 għall-għajnuna legali sħiħa u ta’ €1244 għall-għanuna legali parzjali. Fiż-żewġ każijiet, il-limitu huwa miżjud b’€149 għall-ewwel żewġ dipendenti u b’€94 għat-tielet dipendenti u oħrajn sussegwenti.

Jekk ir-riżorsi tiegħek jeċċedu l-limiti, xorta tista’ tirċievi għajnuna legali b’mod eċċezzjonali jekk l-azzjoni tiegħek hija ta’ interess partikolari minħabba s-suġġett tagħha u l-ispejjeż probabbli tagħha (l-artikolu 6 ta’ ll-Att ta’ l-1991).

Id-dikjarazzjoni tar-riżorsi m’hijiex mitluba jekk inti intitolat għall-benefiċċji mill-Fond Nazzjonali tas-Solidarjetà jew għall-Benefiċċju tal-Qgħad, jew jekk inti intitolat għal pensjonijiet militari għall-invalidità jew tal-vittmi tal-gwerra.

  • In-nazzjonalità

FuqFuq

Inti intitolat għall-għajnuna legali jekk inti ta’ nazzjonalità Franċiża jew ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea jew ta’ nazzjonalità barranija imma tgħix legalment u b’mod permanenti fi Franza. Inti wkoll intitolat għall-għajnuna legali għal każ f’qorti Franċiża jekk, għalkemm inti ta’ nazzjonalità barranija u ma tgħix fi Franza, inti ġej minn Stat li għandu ftehim internazzjonali jew bilaterali ma’ Franza li jintitolak għall-għajnuna legali.

  • Ir-residenza

Minbarra l-każijiet imsemmija hawn fuq, ir-residenza b’mod permanenti u legali fi Franza hija neċessarja bħala kwistjoni ta’ prinċipju. Imma b’mod eċċezzjonali, m’hijiex obbligatorja fejn is-sitwazzjoni ta’ min jagħmel il-kawża hija ta’ interess partikolari minħabba s-suġġett tagħha u l-ispejjeż probabbli.

L-għajnuna legali tingħata wkoll mingħajr neċessità ta’ residenza lill-barranin li huma minuri, xhieda, mpoġġija taħt eżaminazzjoni formali, mixlija, akkużati, misjuba ħatja jew partijiet ċivili fi prosekuzzjoni kriminali, jew fejn l-azzjoni tikkonċerna d-dħul u r-residenza fi Franza.

  • L-ammissibilità

L-għajnuna legali tingħata jekk l-azzjoni m’hix b’mod ċar inammissibbli jew mingħajr sustanza. Din il-kundizzjoni ma tapplikax għall-konvenut, għal persuni li huma responsabbli ċivilment, għal xhieda, għal persuni taħt eżaminazzjoni, mixlija jew akkużati, jew għal persuni misjuba ħatja. F’każijiet ta’ kassazzjoni, l-għajnuna legali ser tiġi rrifjutata jekk l-applikant ma jistax juri bażi tajba biex jirrikorri għall-kassazzjoni.

FuqFuq

Fejn l-għajnuna legali ġiet irrifjutata fuq din il-bażi imma l-qorti tagħti raġun lil min jagħmel il-kawża, hu jkun eliġibbli għall-ħlas lura ta’ l-ispejjeż u l-ħlasijiet differenti li huwa ħallas sa l-ammont ta’ l-għajnuna legali li għaliha kien ikun intitolat meqjusa r-riżorsi tiegħu.

4. L-għajnuna legali tista’ tinkiseb għal kull tilwima?

L-għajnuna legali tingħata lil min jagħmel kawża u lill-konvenuti fi kwistjonijiet kontenzjużi u mhux kontenzjużi fil-qrati kollha. Din tista’ tingħata għall-proċedura kollha jew għal parti minnha, u biex tassisti biex jintlaħaq ftehim qabel ma tinbeda l-azzjoni legali.

L-għajnuna legali tista’ tingħata wkoll għar-raġunijiet ta’ infurzar ta’ ġudizzju jew ta’ xi titolu ieħor eżekuttiv.

5. Hemm xi proċedura speċifika għal każijiet ta’ emerġenza?

L-eliġibbiltà proviżorja tista’ tiġi deċiża fejn il-proċedura tipperikola l-kundizzjonijiet ta’ l-għajxien essenzjali ta’ l-applikant, b’mod partikolari f’każijiet ta’ infurzar u żgumbrament. Kemm il-president ta’ l-uffiċċju ta’ l-għajnuna legali u kemm il-qorti relevanti u l-president tagħha għandhom il-poter li jieħdu deċiżjonijiet bħal dawn. F’każi kriminali, il-proċedura tippermetti li tingħata l-għajnuna legali f’każijiet ta’ urġenza (kustodja tal-pulizija, investigazzjoni tal-bidu, proċess sommarju immedjat u sitwazzjonijiet simili). Din tingħata matul il-proċedura u tkopri l-atti kollha tal-proċedura.

6. Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna legali?

Tista’ tikseb formola ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna legali mill-Qorti Reġjonali jew il-Qorti Distrettwali tal-post fejn inti tgħix jew fejn se jitressaq il-każ. Jekk inti ta’ nazzjonalità Franċiża imma tgħix barra l-pajjiż, tista’ wkoll tapplika għall-formola f’konsolati u fl-uffiċċju ta’ l-Għajnuna Ġudizzjarja Ċivili u Kummerċjali: 

FuqFuq

    Bureau de l’entraide judiciaire en matière civile et commerciale

    Direction des affaires civiles et du sceau

    Ministère de la Justice, 13 place Vendôme, 75042 Paris Cedex 01.

Jekk inti ta’ nazzjonalità barranija mhux residenti fi Franza, tista’ tikseb il-formola għall-għajnuna legali mill-awtorità ċentrali maħtura mill-pajjiż tiegħek għat-trasmissjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna legali internazzjonali. Ħafna mill-pajjiżi ħatru l-Ministeru tal-Ġustizzja tagħhom għal dan l-iskop. Franza ħatret id-dipartiment imsemmi hawn fuq fil-Ministeru tal-Ġustizzja tagħha – l-uffiċċju ta’ l-Għajnuna Ġudizzjarja Ċivili u Kummerċjali – bħala dak kompetenti biex jibgħat u jirċievi l-applikazzjonijiet.

7. Liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi għall-għajnuna legali?

Il-formola ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna legali trid timtela u d-dokumenti ta’ sostenn speċifikati fiha jridu jiġu mehmuża; dawn jikkonċernaw ir-riżorsi finanzjarji (tiegħek u tal-persuni li jgħixu taħt l-istess saqaf miegħek), is-suġġett ta’ l-applikazzjoni tiegħek u l-qorti li ħadet konjizzjoni tal-każ.

8. Fejn għandi nippreżenta t-talba tiegħi għall-għajnuna legali?

Tista’ tibgħat l-applikazzjoni tiegħek lill-Uffiċċju ta’ l-Għajnuna Legali taż-żona fejn inti tgħix jew ta’ fejn tinsab il-qorti. Hemm uffiċċju ta’ l-għajnuna legali f’kull Qorti Reġjonali, li jitratta applikazzjonijiet għall-għajnuna legali għal każijiet f’dik il-qorti nnifisha u fi qrati oħra fiż-żona tiegħu: Qrati Distrettwali, Qrati Amministrattivi, Tribunali Industrijali, il-Qorti ta’ l-Appell u l-Qorti Amministrattiva ta’ l-Appell.

FuqFuq

L-eċċezzjoni għar-regola ta’ uffiċċju waħdani hija li hemm uffiċċju assenjat għal kull wieħed minn dawn li ġejjin:

  • Il-Qorti tal-Kassazzjoni;
  • Il-Conseil d'État (li hija l-qorti suprema amministrattiva);
  • Il-Bord ta’ l-Appell għar-Refuġjati.

9. Kif ser inkun infurmat jekk inix eliġibbli jew le għall-għajnuna legali?

Inti tkun notifikat bid-deċiżjoni ta’ l-uffiċċju ta’ l-għajnuna legali fid-dar tiegħek.

10. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel?

Ikkuntattja lill-avukat tiegħek (jew xi ħadd ieħor li jipprattika l-liġi – marixxall, avoué, [avukat] nutar, eċċ.) jew lil dak maħtur biex jieħu ħsieb il-każ tiegħek, u tih l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li hu għandu bżonn. Jekk inti ksibt għajnuna legali parzjali, trid tilħaq ftehim rigward il-ħlas supplementari li jrid jitħallas. Dan għandu jkun ftehim bil-miktub li ghandek tiffirma.

11. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min ser jagħżel l-avukat tiegħi?

Il-litiganti kollha huma liberi li jagħżlu l-avukat tagħhom. Jekk tagħżel lill-avukat tiegħek, trid tniżżel ismu fuq il-formola ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna legali.

Jekk m’għandekx avukat, jitqabbadlek wieħed mill-president ta’ l-Avukatura tal-Qorti Reġjonali.

12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din ser tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċess tiegħi?

Jekk tirċievi għajnuna legali totali, din ser tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċeduri, inklużi l-ħlas dirett lill-avukat jew persuni oħra li jipprattikaw il-liġi (marixxall, avoué, [avukat] nutar, eċċ.). Dawn l-ammonti mħallsa huma kkalkulati fuq skala fissa skond it-tip tal-proċedura.

FuqFuq

13. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali parzjali, min ser iħallas l-ispejjeż l-oħra?

Tista’ tingħata għajnuna legali parzjali f’waħda minn sitt rati skond ir-riżorsi tiegħek (85%, 70%, 55%, 40%, 25% jew 15%), li jitħallsu mill-Istat. Ikollok tħallas ammont supplementari, mhux fuq skala fissa imma miftiehma bejnek u l-avukat, li tista’ tiġi riveduta mill-president ta’ l-Avukatura, li inti tista’ tavviċina f’każ ta’ tilwima. Jekk tirċievi għajnuna legali parzjali, ma jkollok tħallas l-ebda spejjeż oħra tal-proċeduri, bl-istess mod kif jiġri fil-każ ta’ għajnuna legali sħiħa.

14. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din ser tkopri kull reviżjoni li nista’ nagħmel wara l-proċess?

  • Jekk inti konvenut u ngħatajt għajnuna legali, inti tgawdi minnha meta tiġi mħarrek, sakemm ir-riżorsi tiegħek ma jinbidlux jew jibqgħu taħt il-limitu.
  • Madankollu xorta trid formalment timla’ applikazzjoni ġdida lill-uffiċċju ta’ l-għajnuna legali fil-Qorti Reġjonali taż-żona li fiha tpoġġi l-Qorti ta’ l-Appell, u l-uffiċċju jivverifika li r-riżorsi tiegħek għadhom taħt il-limitu.

  • Jekk inti dak li qed jagħmel it-talba, trid tagħmel applikazzjoni ġdida bl-istess mod. Imma tkun intitolat għall-għajnuna legali biss fuq żewġ kundizzjonijiet: ir-riżorsi tiegħek u l-ammissibilità ta’ l-azzjoni tiegħek.

  • Jekk inti diġà rċevejt għajnuna legali fl-istadji ta’ qabel u tixtieq tasal sa l-istadju tal-kassazzjoni, deċiżjoniijet preċedenti ta’ eliġibbiltà ma jibqgħux validi. Trid tapplika fl-uffiċċju ta’ l-għajnuna legali fil-Qorti tal-Kassazzjoni, li ser teżamina kemm ir-riżorsi tiegħek u kemm l-ammissibilità ta’ l-azzjoni tiegħek.

    FuqFuq

L-għajnuna legali tista’ tiġi rrifjutata fl-istadju tal-kassazzjoni jekk ma tistax turi li għandek bażi serja għall-kassazzjoni.

15. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tista’ tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-proċess (jew ukoll wara l-proċess)?

L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata (l-artikolu 50 ta’ l-Att ta’ l-1991) matul jew wara l-proċeduri jekk:

  • l-għajnuna nkisbet fuq il-bażi ta’ dikjarazzjonijiet jew dokumenti mhux korretti;
  • matul il-proċeduri inti rċevejt xi riżorsi li l-għajnuna legali ma kinitx tingħata li kieku kienu għandek fil-ħin ta’ l-applikazzjoni;
  • b’riżultat tal-ġudizzju li jrid jiġi nfurzat tirċievi xi riżorsi li l-għajnuna legali ma kinitx tingħata li kieku kienu għandek fil-ħin ta’ l-applikazzjoni; jew
  • il-proċedura li inti bdejt bl-għajnuna legali tinsab li se tieħu ħafna żmien jew hija abużiva.

16. Jekk ma nikkwalifikax għall-għajnuna legali, nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni?

Jekk inti tiġi rrifjutat l-għajnuna legali, tista’ tappella, jew:

  • Billi titlob lill-uffiċċju ta’ l-għajnuna legali biex jirrevedi l-applikazzjoni tiegħek jekk ir-raġunijiet għar-rifjut kienu bbażati fuq ir-riżorsi tiegħek; jew
  • Jekk ir-rifjut kien għal raġunijiet oħra, billi tippreżenta rikors quddiem il-president tal-Qorti Reġjonali li minnha jiddependi l-uffiċċju ta’ l-għajnuna legali relevanti. F’dan il-każ, mhu possibbli l-ebda appell ieħor.

L-għajnuna legali tista’ tingħata b’effett retroattiv fejn parti tkun bdiet azzjoni u rebħitha imma l-għajnuna legali ġiet rifjutata fuq il-bażi li l-azzjoni ma kellha l-ebda prospett raġonevoli ta’ suċċess.

« Għajnuna legali - Informazzjoni Ġenerali | Franza - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 06-07-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit