Kummissjoni Ewropea > NGE > Għajnuna legali > Finlandja

L-aħħar aġġornament: 07-11-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Għajnuna legali - Finlandja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma l-ispejjeż ta’ proċess u min iħallashom normalment? 1.
2. X’inhi l-għajnuna legali? 2.
3. Jien nista’ nibbenefika mill-għajnuna legali? 3.
4. L-għajnuna legali tista’ tinkiseb għal kull tilwima? 4.
5. Hemm xi proċedura speċifika għal każijiet ta’ emerġenza? 5.
6. Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna legali? 6.
7. Liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi għall-għajnuna legali? 7.
8. Fejn għandi nippreżenta t-talba tiegħi għall-għajnuna legali? 8.
9. Kif ser inkun infurmat jekk inix eliġibbli jew le għall-għajnuna legali? 9.
10. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel? 10.
11. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min ser jagħżel l-avukat tiegħi? 11.
12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din ser tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċess tiegħi? 12.
13. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali parzjali, min ser iħallas l-ispejjeż l-oħra? 13.
14. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din ser tkopri kull reviżjoni li nista’ nagħmel wara l-proċess? 14.
15. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tista’ tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-proċess (jew ukoll wara l-proċess)? 15.
16. Jekk ma nikkwalifikax għall-għajnuna legali, nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni? 16.

 

1. X’inhuma l-ispejjeż ta’ proċess u min iħallashom normalment?

L-ispejjeż tal-proċess ivarjaw skond id-daqs u t-tip ta’ każ minn madwar €1,000 sa €20,000. L-akbar parti ta’ l-ispejjeż hija l-ħlas ta’ l-avukat. Il-qorti tirrikjedi li l-parti li titlef il-każ tħallas l-ispejjeż legali tal-parti l-oħra. Ir-rata bażika fis-siegħa għall-għajnuna legali hija ta’ €84.

Persuni waħedhom li l-fondi disponibbli tagħhom fix-xahar huma ta’ €650 jew anqas u konjuġi li għandhom fondi disponibbli ta’ €550 jew anqas kull wieħed fix-xahar jistgħu jirċievu l-għajnuna legali bla ħlas.

Persuni waħedhom li għandhom fondi disponibbli ta’ aktar minn €650 imma mhux aktar minn €1,400 u konjuġi li għandhom fondi disponibbli ta’ aktar minn €550 imma mhux aktar minn €1,200 kull wieħed jistgħu jirċievu l-għajnuna legali, imma jridu jħallsu parti mill-ispejjeż huma.

L-għajnuna legali ma tingħatax lill-persuni waħedhom li għandhom fondi disponibbli ta’ aktar minn €1,400 jew lill-konjuġi li għandhom fondi disponibbli ta’ aktar minn €1,200 kull wieħed.

L-Istat dejjem ikopri ta’ l-anqas 25% mill-ispejjeż tal-proċess. L-ammont massimu li jkollu jħallas min jirċievi l-għajnuna legali huwa ta’ 75% ta’ l-ispejjeż totali tal-proċess u dan japplika fil-każ ta’ persuni waħedhom li għandhom fondi disponibbli ta’ mill-anqas €1,301 u mhux aktar minn €1,400 u konjuġi li għandhom fondi disponibbli ta’ mill-anqas €1,101, imma mhux aktar minn €1,200 kull wieħed.

L-ammont li jrid iħallas min jirċievi l-għajnuna legali jiddependi wkoll mill-assi tiegħu. Hekk għandu depożiti fil-bank jew assi li jistgħu jissarfu immedjatament ta’ aktar minn €5,000, għandhom jagħtu għall-ispejjeż tal-proċess ta’ l-anqas 50% minn dik il-parti ta’ l-assi tagħhom li teċċedi l- €5,000.

FuqFuq

2. X’inhi l-għajnuna legali?

L-għajnuna legali hija l-għotja ta’ assistenza ffinanzjata mill-gvern li għandhom bżonnha persuni li huma finanzjarjament inkapaċi li jħallsu huma stess l-ispejjeż involuti f’każ legali.

3. Jien nista’ nibbenefika mill-għajnuna legali?

L-għajnuna legali tista’ tingħata lill-persuni li l-każ tagħhom qed jinstema’ f’qorti Finlandiża jew li huma residenti fil-Finlandja. L-għajnuna legali tista’ tingħata wkoll lil ċittadini fl-Unjoni Ewropea u fil-Qasam Ekonomiku Ewropew li qed jaħdmu jew li qed ifittxu xogħol fil-Finlandja.

L-għajnuna legali ma tistax tingħata lill-kumpaniji jew assoċjazzjonijiet. Huwa biss fejn hemm raġunijiet speċjali li kummerċjanti jistgħu jingħataw għajnuna legali fi proċessi jew każi oħra.

4. L-għajnuna legali tista’ tinkiseb għal kull tilwima?

L-għajnuna legali tista’ tinkiseb kemm għal proċessi u kemm għal każijiet legali oħra li ma jinstemgħux fil-qorti, bħalma huma t-tqassim tal-beni matrimonjali, it-tqassim ta’ beni ereditarji, inventarji tal-beni ereditarji, eċċ..

L-għajnuna legali ma tingħatax jekk l-applikant għandu assigurazzjoni għall-ispejjeż legali li jkopru l-każ.

L-għajnuna legali ma tistax tinkiseb jekk il-każ huwa ta’ importanza minuri għall-applikant jew jekk l-għotja ta’ għajnuna legali żgur li tkun bla skop meta mqabbla mal-benefiċċju li l-applikant jista’ jikseb minnha, jew jekk il-fatt li ssir il-kawża jikkostitwixxi abbuż tal-liġi jew jekk il-każ huwa bbażat fuq dritt trasferit.

FuqFuq

Fi proċessi sempliċi, l-għajnuna legali ma tkoprix ir-rappreżentazzjoni fil-qorti, għalkemm f’każijiet bħal dawn jista’ jinkiseb parir mingħand Uffiċċju għall-Għajnuna Legali (oikeusaputoimisto).

5. Hemm xi proċedura speċifika għal każijiet ta’ emerġenza?

M’hemm l-ebda proċedura speċifika imma l-Uffiċċju għall-Għajnuna Legali jrid ikun informat bl-emerġenza.

6. Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna legali?

Il-formoli ta’ l-applikazzjoni jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċji Legali kollha u mill-Ministeru tal-Ġustizzja.

7. Liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi għall-għajnuna legali?

L-applikanti għall-għajnuna legali jridu jipprovdu lill-Uffiċċju għall-Għajnuna Legali b’evidenza dokumentarja tal-fondi disponibbli tagħhom fix-xahar u dawk tal-konjuġi tagħhom jew tas-sieħeb li jgħix magħhom.

Nefqiet li jiġu kkunsidrati huma t-taxxa, l-ispejjeż għall-akkomodazzjoni bħall-kera jew spejjeż għas-servizz jew spejjeż korrispondenti li jitħallsu minn propjetarji privati ta’ djar, interessi fuq self garantit bi proprjetà, ħlasijiet għall-manteniment, ħlasijiet għal day-care, ħlasijiet ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn u ħlasijiet biex dejn jinġabar lura.

L-ewwel €250 tan-nefqiet ma jitqiesx, jiġifieri tikkwalifika biss il-parti tan-nefqa li teċċedi €250.

Trid tingħata wkoll prova ta’ l-assi, pereżempju, fil-forma ta’ rċevuti ta’ depożiti, rendikonti bankarji jew irċevuta tat-taxxa.

FuqFuq

8. Fejn għandi nippreżenta t-talba tiegħi għall-għajnuna legali?

L-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali, flimkien mal-prova tad-dħul, jistgħu jintbagħtu lil kwalunkwe Uffiċċju għall-Għajnuna Legali, għalkemm huwa preferibbli li jintbagħat lil dak li huwa l-eqreb ta’ fejn ser jiġi ttrattat il-każ. L-indirizzi jistgħu jinstabu fuq l-internet suomi.

9. Kif ser inkun infurmat jekk inix eliġibbli jew le għall-għajnuna legali?

Id-deċiżjonijiet għall-għajnuna legali jittieħdu mill-Uffiċċji għall-Għajnuna Legali u l-applikanti huma nnotifikati bil-posta.

10. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel?

Fil-każ li tingħata l-għajnuna legali fuq il-bażi ta’ l-applikazzjoni, il-każ jittieħed mill-Uffiċċju għall-Għajnuna Legali. L-applikanti jridu jipprovdu lill-Uffiċċju għall-Għajnuna Legali bid-dettalji fejn jistgħu jiġu kkuntattjati.

11. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min ser jagħżel l-avukat tiegħi?

Għal proċessi l-għajnuna legali tista’ tingħata minn avukat privat jew pubbliku. L-applikanti huma intitolati li jfittxu avukat huma stess qabel ma jikkuntattjaw lill-Uffiċċju għall-Għajnuna Legali. L-Uffiċċju għall-Għajnuna Legali jista’ jgħin ukoll bies wieħed isib avukat privat. Meta japplikaw għall-għajnuna legali, l-applikanti jistgħu jispeċifikaw il-preferenza tagħhom għall-avukat.

FuqFuq

Meta l-applikant isib l-avukat tiegħu stess, dan ta’ l-aħħar jieħu l-każ f’idejh.

Meta l-applikant m’għandux avukat, l-Uffiċċju għall-Għajnuna Legali jaħtar wieħed.

12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din ser tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċess tiegħi?

L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha neċessarji għall-każ, bħall-ħlas lill-avukat, l-ispejjeż ta’ l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni, il-ħlas lix-xhieda u l-ispejjeż inizjali tat-talba.

L-għajnuna legali ma tkoprix l-ispejjeż tal-parti l-oħra, jekk il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna legali jitlef il-każ.

13. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali parzjali, min ser iħallas l-ispejjeż l-oħra?

Il-persentaġġ ta’ l-ispejjeż legali li l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna legali irid iħallas huwa stipulat fid-deċiżjoni ta’ l-għajnuna legali; il-benefiċjarju iħallas dan l-ammont direttament lill-avukat privat.

Jekk l-għajnuna legali ngħatat minn avukat pubbliku, il-benefiċjarju jħallas il-persentaġġ li għalih huwa responsabbli lill-Uffiċċju għall-Għajnuna Legali.

14. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din ser tkopri kull reviżjoni li nista’ nagħmel wara l-proċess?

L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha neċessarji għall-każ, inklużi l-ispejjeż ta’ l-appell u tal-bidu tat-talba.

15. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tista’ tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-proċess (jew ukoll wara l-proċess)?

Jekk jinstab li l-persuna li ngħatat l-għajnuna legali ma kienitx eliġibbli għaliha, jew jekk iċ-ċirkostanzi li kienu l-bażi li fuqhom ingħatat l-għajnuna legali tbiddlu jew m’għadhomx japplikaw, l-Uffiċċju għall-Għajnuna Legali jista’ jemenda d-deċiżjoni tiegħu jew jiddeċiedi li jissospendi l-għotja ta’ l-għajnuna legali. Dan jista’ jsir ukoll mill-qorti li qed tittratta l-każ.

Fl-istess ħin, ikun deċiż jekk il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna legali huwa responsabbli għal xi ħlas ta’ għajnuna li rċieva u, jekk iva, kemm għandu jħallas.

16. Jekk ma nikkwalifikax għall-għajnuna legali, nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni?

Jekk applikazzjoni għall-għajnuna legali tiġi rrifjutata, jista’ jsir appell lill-qorti. Fejn tiġi rrifjutata applikazzjoni, l-applikant jiġi mibgħut l-istruzzjonijiet dwar kif għandu jappella. L-applikant għall-għajnuna legali jibgħat l-appell lill-Uffiċċju għall-Għajnuna Legali.

Aktar tagħrif

Avukat pubbliku jipprovdi għajnuna legali fil-kwistjonijiet legali kollha (inklużi każijiet mhux miġjuba quddiem il-qorti).

F’każijiet tal-qorti l-għajnuna legali tingħata wkoll minn avukat privat.

L-applikanti jridu jissottomettu informazzjoni dwar il-każ minbarra l-informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħhom.

Il-limitu għall-għajnuna legali huwa ta’ 100 siegħa, għalkemm fejn hemm raġunijiet speċjali l-qorti tista’ tippermetti li tingħata l-għajnuna legali għal aktar minn dawn il-100 siegħa.

Meta l-applikant għall-għajnuna legali għandu assigurazzjoni għall-ispejjeż legali biex ikopru l-każ, ġeneralment ma tingħatax għajnuna legali.

L-applikanti li jikkwalifikaw għall-għajnuna legali mingħajr ħlas fuq il-bażi tad-dħul tagħhom jistgħu jingħataw l-għajnuna legali biex ikopru l-eċċess ta’ l-assigurazzjoni.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-għajnuna legali tista’ tingħata biex tkopri l-ispejjeż legali li jeċċedu l-limitu ta’ l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali.

F’każijiet kriminali is-sistema ta’ avukat pubbliku tad-difiża hija l-arranġament prinċipali ta’ l-għajnuna legali. Id-dritt għal avukat tad-difiża ma jiddependix fuq iċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-benefiċjarju; l-avukat tad-difiża jista’ jiniseb fuq l-istess termini bħala ci ħadd li jagħti pariri legali. L-avukat tad-difiża huwa maħtur mill-qorti.

Aktar informazzjoni dwar l-applikazzjoni għall-għajnuna legali tista’ tinstab fuq Oikeusapu English - suomi - svenska.

« Għajnuna legali - Informazzjoni Ġenerali | Finlandja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 07-11-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit