Kummissjoni Ewropea > NGE > Għajnuna legali > Repubblika Ċeka

L-aħħar aġġornament: 15-03-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Għajnuna legali - Repubblika Ċeka

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma l-ispejjeż ta’ kawża u min għandu jħallashom normalment? 1.
2. X’inhi l-għajnuna legali? 2.
3. Nista’ nibbenefika mill-għajnuna legali? 3.
4. Tista' l--għajnuna legali tinkiseb għat-tilwimiet kollha? 4.
5. Hemm proċedura speċifika għall-emerġenzi? 5.
6. Fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna legali? 6.
7. Liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi għall-għajnuna legali? 7.
8. Fejn għandi nippreżenta t-talba tiegħi għall-għajnuna legali? 8.
9. Kif niġi nfurmat dwar jekk inkunx eliġibbli għall-għajnuna legali? 9.
10. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel? 10.
11. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min jagħżel lill-avukat tiegħi? 11.
12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, dan ikopri l-ispejjeż kollha tal-kawża tiegħi? 12.
13. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min iħallas l-ispejjeż l-oħrajn? 13.
14. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, dan ikopri kwalunkwe reviżjoni/appell li nista’ nagħmel wara l-kawża? 14.
15. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tista’ tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-kawża (jew anke wara l-kawża)? 15.
16. Jekk ma nikkwalifikax għall-għajnuna legali, nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni? 16.

 

1. X’inhuma l-ispejjeż ta’ kawża u min għandu jħallashom normalment?

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula t-tipi ta’spejjeż li ġejjin fil-proċeduri ċivili: il-flus imħallsa mill-partijiet u mir-rappreżentanti tagħhom (eż., l-ivvjaġġar, l-ikel u l-akkomodazzjoni), l-ispejjeż tal-qorti, it-telf mid-dħul tal-partijiet u tar-rappreżentanti legali tagħhom, l-ispejjeż tal-ġbir tal-provi, it-tariffi tan-nutar għall-eżekuzzjoni ta’ l-atti ta’ kummissarju ġudizzjarju u l-ħlas fi flus magħmul minnu (fil-proċeduri tas-suċċessjoni), it-tariffa ta’ l-eżekutur fil-proċeduri tas-suċċessjoni u l-ħlas fi flus magħmul minnu, it-tariffi ta’ l-interpreti u tar-rappreżentanti. Din il-lista mhijiex eżawrjenti; infiq ieħor jista’ wkoll jitqies bħala spejjeż. Iżda għandhom ikunu spejjeż magħmula f’konnessjoni mal-proċeduri. Dan ifisser, per eżempju, li l-ispejjeż konnessi ma’ interpellazzjonijiet lil debitur qabel ma titressaq azzjoni jew spejjeż magħmula biex il-partijiet jippruvaw jilħqu ftehim barra mill-qorti ma jistgħux ikunu klassifikati bħala spejjeż tal-proċeduri.

Essenzjalment, parti fil-proċeduri tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri tagħha personali u tar-rappreżentant tagħha, ukoll jekk huwa eżenti milli jħallas l-ispejjeż tal-qorti. L-istat ikopri l-ħlas fi flus mir-rappreżentant jekk dan ir-rappreżentant huwa maħtur għal parti mill-qorti (Artikolu 30 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Jekk jiġi maħtur avukat bħala rappreżentant, l-istat iħallas ukoll it-tariffa tar-rappreżentazzjoni.

Il-ħlas ta’ l-ispejjeż tal-qorti huwa regolat minn leġiżlazzjoni separata, jiġifieri l-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti. Matul proċeduri kontenzjużi normali l-ispejjeż tal-qorti s-soltu jitħallsu mill-applikant. Il-liġi tistabbilixxi liema proċeduri ġudizzjarji huma eżenti minn tariffa tal-qorti (eż., każijiet tal-kuraturi, il-kura ġudizzjarja tal-minuri, il-proċeduri dwar il-manteniment ta’ l-ulied jew tal-ġenituri, il-proċeduri tas-suċċessjoni fl-ewwel istanza).

FuqFuq

2. X’inhi l-għajnuna legali?

Skond il-liġi Ċeka, dawn li ġejjin jistgħu jitqiesu għajnuna legali fil-proċeduri ċivili:

  • L-eżenzjoni ta’ parti mill-ħlas ta’ tariffa tal-qorti,
  • Il-ħatra ta’ rappreżentant – possibbli ukoll qabel ma jibdew il-proċeduri ghall-proviżjon ta’ rappreżentanza biex titressaq azzjoni (petizzjoni biex jinbdew il-proċeduri) – il-parti li jinħatrilha rappreżentant ma tħallasx il-ħruġ ta’ flus mir-rappreżentant jew tariffa għar-rappreżentanza,
  • Il-ħatra ta’ avukat mill-Kamra ta’ l-Avukati Ċeka.

Għall-għajnuna legali fit-tilwimiet transkonfinali, tapplika liġi separata: jiġifieri l-Att dwar il-proviżjon ta’ l-għajnuna legali fit-tilwimiet transkonfinali fl-Unjoni Ewropea. Il-proviżjon ta’ l-għajnuna legali tfisser:

  • Il-ħatra ta’ rappreżentant,
  • Il-ħatra ta’ interpretu,
  • L-eżenzjoni mill-ispejjeż tal-qorti u mill-ħlas bil-quddiem ta’ l-ispejjeż ta’ l-evidenza fil-proċeduri quddiem qorti tal-proċedura,
  • Il-proviżjon ta’ traduzzjoni ta’ dokumenti bil-miktub (ħlief id-dokumenti bl-Islovakk),
  • Il-ħlas lura ta’ l-ispejjeż essenzjali ta’ l-ivvjaġġar

L-għajnuna legali tista’ wkoll tingħata barra l-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji fil-forma ta’ servizzi legali skond l-Att dwar il-Prattiki Legali. Dawk li ma jifilħux iħallsu għal dawn is-servizzi huma intitolati jersqu lejn il-Kamra ta’ l-Avukati Ċeka biex jinħatrilhom avukat kemm-il darba jilħqu ċerti kondizzjonijiet.

FuqFuq

3. Nista’ nibbenefika mill-għajnuna legali?

Il-qorti tista’, fuq talba, teżenta lil parti għall-proċeduri (jew parti msejħa fil-kawża) minn tariffa tal-qorti

  • Fejn dan huwa mistħoqq minħabba s-sitwazzjoni tal-parti u
  • F’każijiet li ma jinvolvux l-asseriment jew difiża arbitarja jew manifesta ta’ xi dritt.

Jistgħu jiġu eżentati persuni naturali u legali.

Il-partijiet għall-proċeduri m’għandhomx ikunu mrażżna milli jasserixxu jew jiddefendu dritt quddiem qorti sempliċement għaliex huma f’sitwazzjoni finanzjarja mhux favorevoli. Il-qorti tqis, b’mod partikolari, l-istat finanzjarju sħiħ ta’ l-applikant, l-ammont tat-tariffa tal-qorti, l-ispiża probabbli biex jinġiebu l-provi u n-natura tat-talba ppreżentata. Fil-każ ta’ persuni naturali, il-qorti tqis is-sitwazzjoni soċjali tagħhom, is-saħħa, eċċ. Fil-każ ta’ persuni legali u persuni naturali li huma intraprendituri, tista’ titqies ukoll in-natura tan-negozju jew attivitajiet oħrajn tagħhom, l-ammont u l-istruttura ta’ l-assi tagħhom u s-solvenza tagħhom.

Asserzjoni jew difiża ta’ dritt li tidher biċ-ċar li mhux se tirnexxi tiġri, b’mod partikolari, fil-każijiet fejn ma hemm ebda dubju mill-fatti li jippreżenta l-applikant li l-applikazzjoni tiegħu ma tistax tintlaqa’ f’dik is-sitwazzjoni. Eżempju ewlieni ta’ l-aserzjoni jew difiża arbitrarja ta’ dritt jinkludu l-eżerċizzju ta’ dritt sabiex jiġi kkawżat fastidju jew dewmien evidenti fit-twettiq ta’ l-obbligi li jorbtu b’mod ċar lid-debitur.

FuqFuq

Jekk il-qorti tiddeċiedi li xi parti hija eżenti mit-tariffi tal-qorti, dik il-parti ma tistax tiġi meħtieġa tagħmel ħlas bil-quddiem għall-ispejjeż tal-provi jew tħallas lura lill-istat kwalunkwe spiża koperta minnu.

Fuq talba, il-qorti taħtar rappreżentant għal parti li tilħaq il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti fejn dan huwa meħtieġ sabiex jitħarsu l-interessi ta’ dik il-parti. Iżda, ma hemm ebda dritt awtomatiku għall-ħatra ta’ rappreżentant jekk il-proċeduri jew xi parti huma eżenti mit-tariffa tal-qorti ex lege (jiġifieri fuq bażi ta’ l-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti). F’dawn il-każijiet ukoll, il-kondizzjonijiet imsemmija hawn fuq għall-eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti, kif stabbilit fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, għandhom jiġu sodisfatti. Kwalunkwe persuna naturali li għandha kapaċità legali u li hija eliġibbli li tipprovdi rappreżentanza xierqa tista’ tinħatar bħala rappreżentant; il-kunsens ta’ din il-persuna għall-ħatra huwa meħtieġ. Avukat jinħatar bħala rappreżentant fejn huwa meħtieġ għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ parti jew fil-każijiet fejn ir-rappreżentanza minn avukat hija obbligatorja (is-sottomissjoni ta’ appell lill-Qorti Suprema). Il-ħlas ta’ flus mill-avukat u t-tariffi għar-rappreżentanza huma koperti mill-istat. Il-qorti tista’ taħtar rappreżentant qabel il-bidu tal-proċeduri jekk il-parti bi ħsiebha tressaq azzjoni bl-għajnuna ta’ rappreżentant.

Jekk il-qorti tiċħad talba għall-ħatra ta’ rappreżentant, l-applikant jista’ jirrikorri għall-Kamra ta’ l-Avukati Ċeka u jitlob il-ħatra ta’ avukat. F’dan il-każ il-kamra tista’ taħtar avukat jekk l-applikant jipprova li għall-inqas żewġ avukati rrifjutaw li jipprovduh b’servizzi legali. Ma hemm ebda intitolament legali għall-ħatra ta’ avukat. Għandu jkun evidenti minn każ speċifiku li r-rappreżentanza minn avukat hija assolutament essenzjali jew meħtieġa mil-liġi għall-ħarsien tad-drittijiet ta’ l-applikant. Jekk il-Kamra ssib li applikazzjoni għall-ħatra ta’ avukat hija ġustifikata, hija taħtar avukat wieħed sabiex jipprovdi servizz legali speċifiku wieħed; avukat qatt ma jiġi meħtieġ jittratta aktar minn problema waħda ta’ applikant.

FuqFuq

4. Tista' l--għajnuna legali tinkiseb għat-tilwimiet kollha?

L-għajnuna legali deskritta taħt il-mistoqsijiet 2 u 3 tista’ tinkiseb fil-proċeduri ġudizzjarji li jinvolvu każijiet tal-liġi ċivili, tax-xogħol, tal-familja jew tal-kummerċ.

L-għajnuna legali tista’ tingħata wkoll fil-ġudikatura amministrattiva skond il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva.

5. Hemm proċedura speċifika għall-emerġenzi?

Ma hemm ebda proċedura speċjali f’dawn il-każijiet.

6. Fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna legali?

Ma hemm ebda formola ta’ speċimen speċifika għall-applikazzjonijiet. Applikazzjoni għandu jkun fiha dawn id-dettalji li ġejjin:

  • Id-dettalji ta’ l-applikant sabiex ikun jista’ jiġi identifikat b’mod ċar;
  • Id-dettalji tal-każ;
  • Dikjarazzjoni mill-applikant li l-istat finanzjarju tiegħu huwa tali li ma jistax jiddefendi d-drittijiet tiegħu sewwa quddiem qorti;
  • Id-dettalji ta’ jekk l-applikant huwiex qiegħed ifittex: a) eżenzjoni mill-obbligu li jħallas tariffa tal-qorti, b) il-ħatra ta’ rappreżentant, c) il-ħatra ta’ avukat bħala rappreżentant, filwaqt li titqies il-kumplessità tal-każ;
  • Dikjarazzjoni tad-dħul medju fix-xahar ta’ l-applikant mill-impjieg (impjieg għal rasu);
  • Dikjarazzjoni ta’ l-ammont ta’ dħul sekondarju (eż., dħul kapitali mis-sigurtajiet);
  • Dikjarazzjoni ta’ benefiċċji ta’ pensjoni li jirċievi l-applikant, u d-dettalji sħaħ dwarhom;
  • Id-dettalji kollha ta’ l-assi personali ta’ valur ogħla (eż., finanzi imġemmgħin, sigurtajiet, ornamenti personali, karozzi, proprjetajiet mhux użati għar-residenza ewlenija ta’ l-applikant jew għall-attivitajiet ta’ xogħol tiegħu – art, bini rikreazzjonali, eċċ.);
  • Id-dettalji kollha ta’ spejjeż essenzjali fix-xahar (spejjeż konnessi ma’ l-abitazzjoni, is-sussistenza; l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn ix-xogħol; il-manteniment tat-tfal jew tal-mara / tar-raġel (ta’ qabel) – bid-dettalji kollha ta’ l-awtorità u s-sentenza li timponi dan l-obbligu fuq l-applikant);
  • Id-dettalji kollha ta’ kwalunkwe dejn u l-kredituri, kirjiet u l-krediti tal-konsumatur (u fejn xieraq, speċifikazzjoni tal-proċeduri ta’ l-eżekuzzjoni kontra l-applikant);
  • Id-dettalji kollha ta’ kwalunkwe fatt ieħor rilevanti;
  • Riferenza għall-annessi ta’ l-applikazzjoni, jiġifieri b’mod partikolari l-konferma uffiċjali ta’ l-ammont ta’ dħul iddikjarat (konferma minn min jimpjega jew l-amministratur tat-taxxa dwar id-dħul – għal dawk li huma impjegati għal rashom din il-konferma hija għall-aħħar perjodu ta’ taxxa); konferma li l-applikant iħallas kontribuzzjonijiet tal-pensjoni; deċiżjonijiet li jiffurmaw il-bażi tal-ħlas tal-manteniment mill-applikant lil persuni oħrajn, dokumenti dwar l-infiq neċessarju (eż., kontijiet tal-kera);
  • Dikjarazzjoni solenni mill-applikant li żvela informazzjoni vera fl-applikazzjoni tiegħu u li ma ħeba ebda fatt;
  • Id-data, il-firma ta’ l-applikant.

F’każijiet transkonfinali, l-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa fuq formola stampata minn qabel. Din il-formola tista’ timtela direttament fuq il-websajt ta’ l-Atlas Ġudizzjarju Ewropew fi Kwistjonijiet Ċivili.

FuqFuq

7. Liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi għall-għajnuna legali?

Il-konferma tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-applikant għandha tiġi akkumpanjata minn dokumenti li jippruvaw id-dħul u l-infiq ta’ l-applikant iddikjarat fl-applikazzjoni (ara l-punt 6).

8. Fejn għandi nippreżenta t-talba tiegħi għall-għajnuna legali?

Applikazzjoni għall-eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti tista’ tiġi sottomessa lill-qorti li qed tisma' l-proċeduri li dwarhom qed tintalab l-eżenzjoni. Il-qorti ta’ l-ewwel istanza tieħu deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet, ukoll fil-każijiet fejn l-applikazzjoni tikkonċerna eżenzjonijiet għall-proċeduri wara l-preżentata ta’ appell.

Applikazzjoni għall-ħatra ta’ rappreżentat qabel ma jibdew il-proċeduri tista’ ġeneralment tiġi sottomessa lill-qorti tad-distrett li jirrisjedi fih l-applikant, jew lil qorti tad-distrett oħra.

Applikazzjoni għall-ħatra ta’ avukat mill-Kamra ta’ l-Avukati Ċeka (ara l-punt 3) hija sottomessa lill-Kamra ta’ l-Avukati Ċeka, Brno Branch, nám. Svobody 84/15, 602 00 Brno.

9. Kif niġi nfurmat dwar jekk inkunx eliġibbli għall-għajnuna legali?

Il-qorti hija obbligata tgħarraf lill-partijiet dwar id-dritt tagħhom li jissottomettu applikazzjoni għal eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti jekk mhumiex rappreżentati minn avukat jew nutar. Il-qorti hija wkoll obbligata tgħarraf lill-partijiet dwar id-dritt li jfittxu l-ħatra ta’ rappreżentant.

FuqFuq

L-avukati huma ġeneralment awtorizzati jipprovdu pariri legali.

10. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, x’għandi nagħmel?

Kemm jekk parti tikkwalifika għall-għajnuna legali jew le hija kwistjoni li għandha tiddeċidieha l-qorti, fuq bażi ta’ applikazzjoni. Għal informazzjoni dwar is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni, ara r-risposti għall-mistoqsijiet 6 sa 8.

11. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min jagħżel lill-avukat tiegħi?

Il-qorti taħtar rappreżentant fuq applikazzjoni mill-parti (ara r-risposta għall-mistoqsija 2). Il-qorti fejn meħtieġ taħtar avukat bħala r-rappreżentant għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ parti jew fi proċeduri fejn ir-rapprezentazzjoni minn avukat hija obbligatorja. Il-qorti tagħżel avukat speċifiku li huwa obbligat jipprovdi servizzi legali, kemm-il darba ma jkunx hemm raġunijiet leġittimi biex tiġi rifjutata l-ħatra (eż., kunflitt ta’ interess). Fejn għall-inqas żewġ avukati jirrifjutaw li jipprovdu servizzi legali, hemm possibbiltà oħra li wieħed jirrikorri għall-Kamra ta’ l-Avukati Ċeka, li tista’ taħtar avukat.

12. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, dan ikopri l-ispejjeż kollha tal-kawża tiegħi?

Ara r-risposta għall-mistoqsija 2.

13. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, min iħallas l-ispejjeż l-oħrajn?

Il-qorti tista’ tagħti eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti parzjalment biss jew għal parti mill-proċeduri biss (eż., għall-proċeduri ta’ l-ewwel istanza biss), jew għal xi tariffi biss. Il-bqija tat-tariffi tal-qorti jridu jitħallsu mill-parti.

FuqFuq

Jekk rapprezentant jinħatar għal parti li hija eżenti mit-tariffi tal-qorti, din il-parti ma tħallasx il-ħruġ ta’ flus kontanti tar-rapprezentant jew it-tariffa tiegħu tar-rappreżentanza sa fejn il-parti tkun ġiet eżentata mit-tariffi tal-qorti.

14. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, dan ikopri kwalunkwe reviżjoni/appell li nista’ nagħmel wara l-kawża?

Hawn irridu niddistingwu bejn il-proviżjon ta’ l-għajnuna legali fi proċeduri purament nazzjonali u fi proċeduri transkonfinali fl-Unjoni Ewropea.

Fi proċeduri purament nazzjonali, bħala prinċipju l-eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti tieqaf meta s-sentenza li ttemm il-proċeduri ssir infurzabbli. Dan ifisser li l-eżenzjoni mogħtija fil-proċeduri fl-ewwel istanza tapplika wkoll għall-appelli ordinarji, iżda mhux għall-proċeduri ta’ miżuri rimedjali straordinarji (appell għall-Qorti Suprema, azzjoni biex jerġgħu jinfetħu l-proċeduri, l-azzjoni fuq raġunijiet ta’ irregularitajiet). Iżda f’dawn il-proċeduri straordinarji ta’ l-appell huwa possibbli li tiġi sottomessa applikazzjoni ġdida ghall-eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti.

Fi proċeduri dwar tilwima transkonfinali, deċiżjoni dwar il-proviżjon ta’ l-għajnuna legali tgħodd għall-proċeduri kollha ta’ wara, inklużi l-proċeduri ta’ miżura rimedjali straordinarja, proċeduri dwar ir-rikonoxximent ta’ sentenza, il-proċeduri dwar id-dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà u l-proċeduri ta’ l-eżekuzzjoni.

15. Jekk nikkwalifika għall-għajnuna legali, din tista’ tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-kawża (jew anke wara l-kawża)?

Jekk l-istat ta’ parti jinbidel b’tali mod li l-eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti m’għadhiex ġustifikata, jew jekk qorti sussegwentament tiskopri li l-istat attwali ta’ parti ma kienx jiġġustifika l-eżenzjoni fil-ħin meta ngħatat, il-qorti tirrevoka l-eżenzjoni. Din il-miżura għandha effett retroattiv biss jekk il-qorti tiddekreta dan espressament. Qorti tista’ tirrevoka l-eżenzjoni sa l-għeluq tal-proċeduri biss meta jkun hemm sentenza finali u konklussiva.

Madankollu, tibdil fir-regoli li jintużaw biex tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ l-applikant, jew tibdil fl-opinjoni tal-qorti dwar jekk il-każ jinvolvix applikazzjoni u protezzjoni ta’ dritt li manifestament ma tirnexxiex jew arbitrarja, mhumiex fihom infushom raġunijiet biex tiġi revokata eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti.

16. Jekk ma nikkwalifikax għall-għajnuna legali, nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni?

Jekk applikazzjoni għal eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti ma tiġix aċċettata b’mod sħiħ jew jekk l-eżenzjoni tiġi revokata, il-parti tista’ tippreżenta appell kontra din id-deċiżjoni. Appell lejn il-Qorti Suprema minn sentenza tal-qorti ta’ l-appell mhuwiex ammissibbli.

Il-president tal-Kamra ta’ l-Avukati Ċeka jieħu deċiżjonijiet fuq il-ħatra ta’ avukat mill-Kamra ta’ l-Avukati Ċeka fil-proċeduri amministrattivi. Azzjoni amministrattiva tista’ titressaq kontra deċiżjoni.

« Għajnuna legali - Informazzjoni Ġenerali | Repubblika Ċeka - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 15-03-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit