Kummissjoni Ewropea > NGE > Jurisdizzjoni tal-qrati > Isvezja

L-aħħar aġġornament: 06-09-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Jurisdizzjoni tal-qrati - Isvezja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

A. Għandi nirrikorri f'qorti ċivili ordinarja jew f'qorti speċjalizzata? A.
B. Meta l-qrati ċivili ordinarji għandhom il-ġurisdizzjoni kif nista’ nkun naf f’liema waħda għandi nirrikorri? B.
I. Hemm distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri u jekk hemm liema waħda hija kompetenti għall-każ tiegħi? I.
II. Il-Qorti kompetenti II.
1. Ir-regola bażika tal-ġurisdizzjoni territorjali 1.
2. Eċċezzjonijiet għar-regola bażika 2.
a) Meta nista’ nagħżel bejn il-qorti tal-post fejn joqgħod il-konvenut u qorti oħra? a)
b) Meta jkolli nagħżel qorti li mhix dik fil-post fejn joqgħod il-konvenut? b)
c) Jistgħu l-partijiet innifishom jattribwixxu ġurisdizzjoni lill-qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti? c)
C. Meta l-qrati speċjalizzati għandhom il-ġurisdizzjoni kif nista’ nkun naf liema waħda għandi nindirizza? C.

 

A. Għandi nirrikorri f'qorti ċivili ordinarja jew f'qorti speċjalizzata?

It-tilwim fil-liġi ċivili normalment jinstema’ minn qorti ġenerali. Għandek tieħu l-każ tiegħek f’qorti distrettwali li jkollha l-ġurisdizzjoni.

Hemm żewġ qrati speċjali li jisimgħu ċerti tipi ta’ każ ċivili, il-Qorti tax-Xogħol (Arbetsdomstolen) u l-Qorti tas-Suq (Marknadsdomstolen). Hemm ukoll ċerti qrati distrettwali li jittrattaw tipi speċifiċi ta' każijiet. Il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati hija ttrattata f’C hawn isfel.

Xi tilwim fil-liġi ċivili jinstema’ minn korpi li m'humiex qrati vera. Bl-użu ta’ proċedura ssimplifikata fil-kuntest ta’ proċeduri proviżorji, is-servizz ta’ eżekuzzjoni jista’ jobbliga parti li tagħmel ħlas jew li tieħu passi oħra (ara L-Organizzazzjoni tal-Ġustizzja – L-Iżvezja). Id-deċiżjonijiet li jieħdu l-awtoritajiet jistgħu jkunu sfidati f’qorti distrettwali. Ċertu tip ta’ tilwim li jinvolvi l-kera jew il-kirjiet jinstemgħu mit-Tribunali tal-Kera jew it-Tribunali ta’ Fondi miżmumin b’Kera.

B. Meta l-qrati ċivili ordinarji għandhom il-ġurisdizzjoni kif nista’ nkun naf f’liema waħda għandi nirrikorri?

I. Hemm distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri u jekk hemm liema waħda hija kompetenti għall-każ tiegħi?

Kważi l-kawżi ċivili kollha l-ewwel isiru fil-qorti l-aktar inferjuri, il-qorti distrettwali.

FuqFuq

II. Il-Qorti kompetenti

1. Ir-regola bażika tal-ġurisdizzjoni territorjali

Skond ir-regoli bażiċi, kawża għandha ssir fejn joqgħod il-konvenut. Persuna naturali hija kkunsidrata li toqgħod fil-post fejn huwa jew hija rreġistrat jew irreġistrata. Normalment persuni legali jitqiesu li joqgħodu fil-post fejn għandhom l-uffiċċju prinċipali.

Jista’ jkun possibbli wkoll li ssir kawża f’qorti Żvediża wkoll jekk il-persuna ma toqgħodx fl-Iżvezja. Jekk il-konvenut ma joqgħod imkien il-kawża tista’ ssir fil-post fejn qed jgħix, jew f’xi każijiet, fil-post fejn kien jgħix jew joqgħod l-aħħar. F’xi tilwim ċivili tista’ ssir kawża fl-Iżvezja wkoll jekk il-konvenut joqgħod barra l-pajjiż. Ta’ importanza kruċjali għall-bażi ta’ din il-ġurisdizzjoni hija l-eżistenza ta’ propjetà fl-Iżvezja jew li jkun hemm ftehim konkluż fl-Iżvezja.

F’każijiet internazzjonali huwa importanti li wieħed jiftakar li r-regoli Żvediżi fuq il-ġurisdizzjoni jistgħu japplikaw biss meta jkun hemm il-ġurisdizzjoni Żvediża. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet hemm ġurisdizzjoni Żvediża jekk Qorti Żvediża għandha l-ġurisdizzjoni skond ir-regoli nazzjonali. Jeħtieġ f’dan il-kuntest li jitqies kull ftehim internazzjonali li jista’ japplika. L-aktar importanti minn dawn għall-Iżvezja huma r-Regolament ta’ Brussell I, il-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Konvenzjoni ta’ Lugano, li kollha jirregolaw il-ġurisdizzjoni jekk konvenut joqgħod fi Stat kopert mir-Regolament jew il-Konvenzjonijiet. B’mod partikolari, jindikaw ukoll li r-raġunijiet tal-ġurisdizzjoni li jgħidu li kawża għar-responsabbilità għall-ħlas tista’ ssir fejn il-konvenut għandu l-proprjetà ma jistgħux jgħoddu għal persuna li toqgħod fi Stat Membru jew Stat parti fil-Konvenzjoni.

FuqFuq

2. Eċċezzjonijiet għar-regola bażika
a) Meta nista’ nagħżel bejn il-qorti tal-post fejn joqgħod il-konvenut u qorti oħra?

Hemm numru ta’ regoli fuq il-ġurisdizzjoni li jgħidu li tista’ ssir kawża f’qorti li ma tkunx il-qorti tal-post fejn joqgħod il-konvenut. Hemm ukoll regoli dwar il-ġurisdizzjoni konkorrenti f’diversi ftehim internazzjonali, bħar-Regolament ta’ Brussell I u l-Konvenzjonijiet ta’ Brussell u ta’ Lugano.

L-aktar regoli Żvediżi importanti dwar il-ġurisdizzjoni konkorrenti huma kif ġej:

  • Kull min sofra ħsara jista’ jagħmel kawża fil-post fejn sar l-att dannuż jew fejn ġrat il-ħsara. Fil-prinċipju, ir-regola ma tapplikax fil-każ ta’ ksur ta’ kuntratt. Kawża għad-danni bħala riżultat ta’ att kriminali tista’ ssir fir–rigward ta’ prosekuzzjoni tad-delitt.
  • Il-konsumaturi jistgħu jagħmlu kawża kontra kumpanija fil-qorti tagħhom stess f’każijiet tal-konsumaturi li jinvolvu somom żgħar.
  • Kawżi li jinvolvu r-responsabbilità għall-ħlas fuq il-bażi ta’ kuntratt jistgħu f’xi każijiet isiru fil-post fejn ikun ġie konkluż il-kuntratt. Min-naħa l-oħra m’hemm l-ebda dispożizzjoni fil-liġi Żvediża li tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti tal-post fejn il-kuntratt għandu ikun eżegwit.
  • Kawża kontra kumpanija li jinvolvi tilwima li tinqala’ fir-rigward ta’ attività tan-negozju tista’ f’xi każijiet issir fil-post tan-negozju.
  • Kawżi li jinvolvu l-kustodja tat-tfal, ir-residenza u drittijiet ta’ l-aċċess normalment jinstemgħu fil-post fejn joqgħodu t-tfal (ara ukoll Ir-responsabbilità tal-ġenituri- L-Iżvezja).
  • Kawżi li jinvolvu l-manteniment tat-tfal is-soltu jsiru fil-qorti fejn joqgħod il-konvenut, imma każijiet dwar il-paternità, każijiet taż-żwieġ u każijiet li jinvolvu r-responsabbilità tal-ġenituri (il-kustodja tat-tfal u r-residenza) jistgħu jinstemgħu wkoll minn qorti oħra.
b) Meta jkolli nagħżel qorti li mhix dik fil-post fejn joqgħod il-konvenut?

Il-liġi Żvediża tinkludi numru ta’ regoli fuq il-ġurisdizzjoni esklussiva li jgħidu li l-kawża għandha ssir quddiem qorti partikolari. Hemm ukoll regoli dwar il-ġurisdizzjoni esklussiva f’diversi ftehim internazzjonali, bħar-Regolament ta’ Brussell I u l-Konvenzjonijiet ta’ Brussell u Lugano. Jekk kawża koperta minn xi waħda minn dawn ir-regoli ssir quddiem qorti li mhix dik li għandha ġurisdizzjoni esklussiva, il-qorti mhix permessa tisma’ l-każ.

FuqFuq

L-aktar regoli importanti Żvediżi dwar il-ġurisdizzjoni esklussiva huma kif ġej:

  • Il-biċċa l-kbira tat-tilwim dwar l-artijiet għandu jinstema’ mill-qorti tal-post fejn tinsab l-art.
  • Xi tilwim li jinvolvi l-proprjetà għandu jinstema’ minn qorti ta’ l-art jew tribunal tal-kera jew tal-fondi miżmumin b’kera. Għal darb’oħra, dan jiddependi fuq fejn tinsab il-proprjetà.
  • Kawżi li jinvolvu liġijiet tal-wirt għandhom jinstemgħu mill-qorti tal-post fejn il-mejjet kien jgħix.
  • Tilwim li għandu x’jaqsam maż-żwieġ u d-diviżjoni tal-propjetà bejn il-miżżewġin jinstema’ mill-qorti tal-post fejn tgħix waħda mill-partijiet.
  • Meta tilwima għandha tinstema’ mill-Qorti tax-Xogħol jew il-Qorti tas-Suq il-kawża ma tistax issir quddiem qorti ġenerali tal-post ta’ fejn joqgħod il-konvenut.
  • Għall-biċċa l-kbira ta’ tilwim li jinvolvi l-liġi ambjentali, il-liġi marittima, il-liġi industrijali u tal-proprjetà intellettwali u l-liġi tal-familja, fejn ikun hemm dimensjoni internazzjonali, hemm regoli speċjali li jikkonferixxu l-ġurisdizzjoni fuq qorti waħda biss.
  • Il-Qorti ta’ l-Appell Svea għandha ġurisdizzjoni esklussiva biex tisma’ ċerti petizzjonijiet li jinvolvu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati barranin.
c) Jistgħu l-partijiet innifishom jattribwixxu ġurisdizzjoni lill-qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Il-partijiet jistgħu jidħlu fi ftehim fejn tilwima tista’ jew għandha tinstema’ minn ċerta qorti. Il-ftehim għandu jkun bil-miktub. Il-ftehim jista’ jistipula li qorti waħda għandha ġurisdizzjoni esklussiva. Huwa possibbli wkoll li jkun miftiehem li qorti li ma tkunx dik li r-regoli normali jipprovdu jkollha l-ġurisdizzjoni. Il-partijiet jistgħu wkoll jassenjaw il-ġurisdizzjoni lil aktar minn qorti waħda.

FuqFuq

Fil-prinċipju, il-qorti indikata mill-partijiet bħala li għandha l-ġurisdizzjoni hija marbuta li taċċetta każ mressaq quddiemha. Iżda, dan ma japplikax jekk il-ftehim jikser xi waħda mir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni esklussiva. Jekk waħda mill-partijiet tqajjem oġġezzjoni li l-ftehim li jindika qorti partikolari huwa invalidu, il-qorti għandha teżamina wkoll l-oġġezzjoni, bir-riżultat li jista’ ma jkollhiex ġurisdizzjoni.

Qorti li altrimenti ma kienx ikollha l-ġurisdizzjoni jista’ jkollha l-ġurisdizzjoni jekk il-konvenut ma joġġezzjonax għall-fatt li l-kawża qed tinstema’ minn qorti żbaljata (hekk imsejħa “proroga taċita”). Iżda, dan mhux il-każ jekk jgħoddu r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni esklussiva; il-qorti għandha tikkonsidra din il-kwistjoni minn rajha. Iżda, il-qorti ma teżaminax awtomatikament il-kwistjoni ta’ jekk il-kawża saritx bi ksur tar-regoli bażiċi, ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni konkorrenti jew ftehim li jindika qorti partikolari. Kull oġġezzjoni li l-qorti m’għandhiex ġurisdizzjoni għandha ssir l-ewwel darba li l-partijiet jagħmlu dikjarazzjonijiet fil-kawża. Iżda, jekk il-konvenut ma jagħmel l-ebda dikjarazzjoni u l-qorti jkollha tagħti sentenza fil-kontumaċja tiegħu, il-qorti għandha teżamina l-kwistjoni ta’ jekk għandhiex ġurisdizzjoni.

C. Meta l-qrati speċjalizzati għandhom il-ġurisdizzjoni kif nista’ nkun naf liema waħda għandi nindirizza?

Hemm żewġ qrati speċjali li jisimgħu t-tilwim ċivili. Il-Qorti tax-Xogħol tisma’ tilwim industrijali, jiġifieri tilwim dwar ir-relazzjoni bejn min iħaddem u impjegat, u l-Qorti tas-Suq li tisma’ tilwim li jinvolvi l-liġi tal-kompetizzjoni u tal-kumerċjalizzazzjoni.

Xi wħud mill-qrati distrettwali jisimgħu tipi partikolari ta’ każijiet ċivili. 25 mill-qrati distrettwali ta' l-Iżvezja huma qrati ta' l-art ukoll. Dawn il-qrati jisimgħu każijiet li jinvolvu l-esproprjazzjoni u t-tqassim ta’ l-art. Il-każijiet koperti mill-Kodiċi ta’ l-Ambjent jinstemgħu minn ħames qrati distrettwali li huma qrati ambjentali wkoll. Tilwim taħt il-liġi marittima jinstema’ minn seba’ qrati distrettwali li huma qrati tal-liġi marittima. Hemm regoli speċjali għat-tilwim taħt il-liġi industrijali u tal-proprjetà intellettwali, speċjalment il-privattivi, li jagħtu l-qorti distrettwali ta’ Stokkolma ġurisdizzjoni esklussiva. Dispożizzjonijiet simili jgħoddu għal diversi kwistjonijiet tal-liġi tal-familja li jinvolvu dimensjoni internazzjonali.

« Jurisdizzjoni tal-qrati - Informazzjoni Ġenerali | Isvezja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 06-09-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit