Kummissjoni Ewropea > NGE > Jurisdizzjoni tal-qrati > Slovenja

L-aħħar aġġornament: 28-09-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Jurisdizzjoni tal-qrati - Slovenja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

A. Bħala persuna fiżika quddiem liema qorti għandi nirrikorri, għand qorti ġenerali jew għand qorti speċjalizzata? A.
B. Għal każ li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ qorti ċivili, quddiem liema qorti tal-prim’istanza għandi nirrikorri l-ewwel? B.
I. Hemm xi differenzi bejn il-qrati inferjuri u l-qrati superjuri dwar il-ġuriżdizzjoni ċivili ġenerali, u liema minn dawn għandu jkollu l-ġuriżdizzjoni dwar il-każ konċernat? I.
II. Il-Ġuriżdizzjoni territorjali (hija l-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B li għandha ġuriżdizzjoni fuq il-każ tiegħi?) II.
1. Ir-regola ġenerali biex tkun stabbilita l-ġuriżdizzjoni territorjali 1.
2. L-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali 2.
a) Meta jkun possibbli li wieħed ikun jista’ jagħżel bejn il-qorti rilevanti tar-residenza permanenti tal-konvenut (il-ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali) u qrati oħrajn? a)
b) Meta ma tapplikax ir-regola dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali (ir-regola tal-ġuriżdizzjoni territorjali esklussiva)? b)
c) Jista’ jiġri li l-partijiet jilħqu ftehim bejniethom jew jagħżlu qorti bħala waħda li jkollha l-ġuriżdizzjoni meħtieġa, iżda jkun hemm regolamenti validi oħra li ma jħallux dik il-qorti milli jkollha dik il-ġuriżdizzjoni? c)
C. Għal każ li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ qorti speċjalizzata, quddiem liema qorti għandi nirrikorri? C.

 

A. Bħala persuna fiżika quddiem liema qorti għandi nirrikorri, għand qorti ġenerali jew għand qorti speċjalizzata?

Fis-Slovenja, il-qrati lokali (okrajna sodišča) u l-qrati distrettwali (okrožna sodišča) għandhom ġuriżdizzjoni fuq kwistjonijiet ċivili, għal talbiet fil-prim’istanza. Dawn jittrattaw każijiet dwar il-materji u t-tilwimiet tipiċi kollha tal-liġi ċivili (l-għoti ta’ kumpens, il-proprjetà, it-tilwim familjari). Id-demarkazzjoni tal-ġuriżdizzjoni bejn il-qrati lokali u l-qrati distrettwali hija trattata fil-Punt B ta’ hawn taħt.

Bil-kontra, il-qrati distrettwali biss għandhom il-ġuriżdizzjoni li jisimgħu u jittrattaw każijiet dwar il-liġi kummerċjali fil-prim’istanza. Tilwimiet kummerċjali huma dawk li fihom parti waħda f’każ ċivili tkun persuna legali (kumpanija, istituzzjoni, intrapriża kollettiva). It-tilwimiet kummerċjali jinkludu wkoll każijiet li fihom waħda mill-partijiet tkun l-istat jew komunità lokali oħra li tikkontrolla lilha nfisha, bħalma hija muniċipalità.

Għal tilwimiet dwar ix-xogħol, il-liġi tassenja l-ġuriżdizzjoni lill-qrati tax-xogħol u lill-qrati soċjali, anke jekk il-każ ikun jinvolvi tilwima ċivili. It-tilwimiet dwar ix-xogħol jinvolvu r-relazzjonijiet bejn min iħaddem u l-impjegat u kwalunkwe ksur ta’ drittijiet u obbligi li jirriżultaw minn dawn ir-relazzjonijiet. Il-qrati tax-xogħol għandhom ġuriżdizzjoni fuq tilwimiet individwali dwar ix-xogħol (kwistjonijiet li jirriżultaw mir-relazzjonijiet fuq ix-xogħol, tilwimiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-proprjetà u li jkunu relatati ma’ dawn ir-relazzjonijiet), tilwimiet kollettivi dwar ix-xogħol (kwistjonijiet li fihom waħda mill-partijiet normalment tkun trade union jew xi forma istituzzjonali oħra li tirrappreżenta lill-ħaddiema), tilwimiet dwar il-legalità ta’ l-istrajkijiet, u tilwimiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-ħaddiema għall-ko-determinazzjoni (il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fit-tmexxija ta’ kumpanija) li hija kontemplata fil-liġi tas-Slovenja. Il-qrati soċjali jittrattaw każijiet dwar id-drittijiet li għandhom x’jaqsmu mad-diżabilità u mas-sigurtà tal-pensjoni, ma’ l-assigurazzjoni fuq is-saħħa, ma’ l-assigurazzjoni kontra l-qgħad u mad-dritt għall-benefiċċji tal-familja u benefiċċji soċjali oħrajn.

FuqFuq

Peress li l-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni tqum biss meta tkun tressqet azzjoni jew talba quddiem qorti (qabel ma qorti tisma’ u tiddeċiedi dwar każ, din l-ewwel trid tistabbilixxi jekk il-każ ikunx jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha), huwa rakkomandat li wieħed l-ewwel jieħu parir mingħand avukat biex jevita kull dewmien. Fil-proċeduri kollha, il-qorti għandha tqis il-kwistjoni li tikkonċerna l-ġuriżdizzjoni tagħha, u tiżgura li l-ebda entità oħra ma jkollha ġuriżdizzjoni fuq il-każ konċernat (eż. entità amministrattiva). Jekk dan ikun il-każ, il-qorti jkollha tiċħad it-talba tal-kwerelant u dan jirriżulta f’ħafna telf ta’ żmien mhux meħtieġ u spejjeż żejda għall-parti konċernata.

Wieħed jista’ jikseb l-informazzjoni meħtieġa dwar l-organizzazzjoni, il-post u l-ġuriżdizzjoni tal-qrati mis-sit uffiċjali ta’ l-internet tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja, fl-indirizz li ġej: http://www.sodisce.si Deutsch - English - slovenšcina.

B. Għal każ li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ qorti ċivili, quddiem liema qorti tal-prim’istanza għandi nirrikorri l-ewwel?

Azzjoni tista’ tiġi ppreżentata quddiem kwalunkwe qorti tar-Repubblika tas-Slovenja, iżda kulmin iressaq azzjoni jrid iqis il-ġuriżdizzjoni ratione materiae (liema qorti għandha ġuriżdizzjoni fuq il-meritu tal-każ) u l-ġuriżdizzjoni territorjali. L-informazzjoni bażika, inklużi l-indirizzi ta’ kull qorti lokali u distrettwali fir-Repubblika tas-Slovenja tinstab fuq is-sit ta’ l-internet imsemmi fuq.

FuqFuq

Il-ġuriżdizzjoni tal-prim’istanza jew il-possibilità li qorti tkun tista’ tittratta każ dwar talba speċifika tinqasam bejn il-qrati lokali u dawk distrettwali. Il-fatturi li ġejjin jaffettwaw id-deċiżjoni dwar liema qorti għandha tisma’ l-każ:

  • il-valur ta’ l-ilment (is-suġġett tal-kwistjoni) u
  • il-bażi legali għar-relazzjoni fil-kwistjoni (il-kontenut u s-suġġett tal-kwistjoni).

Ir-regola ġenerali hija li qorti distrettwali tisma’ każijiet dwar tilwimiet aktar importanti, fejn is-suġġett tat-tilwima jkun ta’ valur ogħla u fejn il-kwistjonijiet ikollhom rilevanza kbira għall-ħajja jew għall-għajxien ta’ parti, jew jekk dawn il-kwistjonijiet ikunu legalment komplessi minħabba li l-qrati jkunu jridu, fis-smigħ tagħhom, japplikaw liġijiet li jindirizzaw kwistjonijiet legali li jkunu komplessi u sensittivi (eż. id-divorzju, il-manteniment tat-tfal).

Il-qrati superjuri, li fis-Slovenja hemm erbgħa minnhom, jittrattaw każijiet tas-sekond’istanza u mhuwiex possibbli li wieħed iressaq każ direttament quddiemhom. Il-qrati superjuri jittrattaw każijiet ta’ appell kontra sentenzi mogħtija mill-qrati lokali u mill-qrati distrettwali. Dawn jittrattaw ukoll każijiet dwar tilwimiet li jikkonċernaw il-ġuriżdizzjoni bejn il-qrati lokali u l-qrati distrettwali fir-reġjun tagħhom.

Il-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja għandha l-ġuriżdizzjoni li tittratta każijiet dwar appelli kontra s-sentenzi tal-qrati superjuri, speċjalment sentenzi li jikkonċernaw ir-reviżjonijiet u l-protezzjoni tal-legalità. Fil-każ ta’ proċeduri quddiem il-Qorti Suprema, il-parti interessata għandha tkun megħjuna minn avukat, għaliex avukati kwalifikati biss jistgħu jwettqu legalment atti proċedurali speċifiċi quddiem dik il-qorti.

FuqFuq

I. Hemm xi differenzi bejn il-qrati inferjuri u l-qrati superjuri dwar il-ġuriżdizzjoni ċivili ġenerali, u liema minn dawn għandu jkollu l-ġuriżdizzjoni dwar il-każ konċernat?

Kif intqal fil-punt preċedenti, il-ġuriżdizzjoni tal-prim’istanza tinqasam bejn il-qrati lokali u dawk distrettwali, iżda dawn it-tnejn mhumiex strettament f’relazzjoni fejn waħda hi superjuri għall-oħra. Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati tiġi stabbilita bil-liġi, iżda b’mod ġenerali huwa minnu li l-qrati distrettwali normalment jittrattaw każijiet li legalment u li fil-fatt ikunu aktar komplessi.

Il-liġi tistipula li l-qrati lokali (fis-Slovenja hemm 44 b’kollox) għandhom ġuriżdizzjoni fil-każijiet li ġejjin:

  • talbiet dwar proprjetà, jekk il-valur tas-suġġett tat-tilwima ma jkunx ta’ aktar minn SIT 2 000 000;
  • kwistjonijiet ta’ manteniment, jekk dawn ma jkunux solvuti flimkien ma’ kwistjoni matrimonjali jew flimkien ma’ kwistjoni li tistabbilixxi jew li tinnega l-paternità jew il-maternità;
  • tilwim dwar id-dħul fil-proprjetà ta’ ħaddieħor mingħajr permess;
  • tilwim dwar is-servitù u l-ingombru;
  • tilwim dwar kera u ċens.

Il-qrati distrettwali (fir-Repubblika tas-Slovenja hemm 11) għandhom ġuriżdizzjoni fil-każijiet li ġejjin:

  • tilwim fuq proprjetà, jekk il-valur tas-suġġett tal-kwistjoni jkun ta’ aktar minn SIT 2 000 000;
  • tilwim biex tkun stabbilita jew negata l-paternità jew il-maternità;
  • kwistjonijiet matrimonjali;
  • tilwim ta’ manteniment meta dan ikun solvut flimkien ma’ kwistjonijiet li jistabbilixxu jew li jinnegaw il-paternità jew il-maternità jew ma’ kwistjonijiet matrimonjali oħra;
  • tilwim dwar il-ħarsien u l-għajxien tat-tfal;
  • tilwim dwar id-dritt ta’ l-awtur, u kwistjonijiet dwar il-ħarsien jew l-użu ta’ invenzjonijiet u marki kummerċjali, jew id-dritt biex wieħed juża isem kummerċjali, u kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-regoli tal-kompetizzjoni;
  • kwistjonijiet kummerċjali;
  • kwistjonijiet li jkunu ġejjin minn proċeduri ta’ falliment.

Is-smigħ fil-prim’istanza ta’ każijiet dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jaqa’ esklussivament fil-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Ljubljana. Il-qorti distrettwali għandha ġuriżdizzjoni wkoll fuq talbiet għall-għajnuna legali bla ħlas, għall-għajnuna legali internazzjonali, u għall-għajnuna legali fi proċeduri dwar ir-rikonoxximent ta’ sentenzi ta’ qrati barranin.

FuqFuq

II. Il-Ġuriżdizzjoni territorjali (hija l-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B li għandha ġuriżdizzjoni fuq il-każ tiegħi?)

Fil-prinċipju, azzjoni tista’ titressaq quddiem kwalunkwe qorti tal-prim’istanza msemmija hawn fuq. Il-qorti li quddiemha parti tkun ressqet azzjoni għandha tiddeċiedi dwar il-ġuriżdizzjoni tagħha qabel ma jibda s-smigħ tal-każ. Jekk din issib li m’għandhiex ġuriżdizzjoni territorjali, hija tista’ tiddikjara li m’għandhiex il-ġuriżdizzjoni meħtieġa u tressaq il-każ quddiem qorti oħra, bil-kondizzjoni li tkun informat lill-parti avversarja tal-każ. F’każ ta’ qorti oħra li jkollha ġuriżdizzjoni territorjali esklussiva, għandha tiġi segwita din il-proċedura (ara Punt 2b). Minkejja dan, biex tkun stabbilita l-ġuriżdizzjoni territorjali hemm xi ftit regoli ġenerali li jridu jitiqiesu biex ikun żgurat li l-ispejjeż jibqgħu minimi u biex il-każ ikun solvut mill-aktar fis.

Il-leġiżlazzjoni tas-Slovenja għandha regola dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali u speċifika. Din tiġi stabbilita skond is-suġġett tat-tilwima u l-partijiet tal-kwistjoni Id-dettalji huma stabbiliti fil-punti li ġejjin.

1. Ir-regola ġenerali biex tkun stabbilita l-ġuriżdizzjoni territorjali

Din tistipula li f’azzjoni li tiġi ppreżentata kontra persuna fiżika jew legali, l-azzjoni trid tiġi ppreżentata quddiem qorti fejn il-konvenut ikollu r-residenza permanenti tiegħu jew fejn il-persuna legali jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha. Jekk ikun każ kontra persuna fiżika jew legali barranija, il-qorti bil-ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali tkun dik il-qorti fejn il-persuna fiżika barranija jkollha r-residenza tagħha fir-Repubblika tas-Slovenja jew fejn il-persuna legali barranija jkollha l-fergħa tagħha.

FuqFuq

2. L-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali

F’ċerti każijiet, il-liġi tagħti lill-partijiet ta’ każ il-possibilità li jippreżentaw azzjoni quddiem qorti u mhux quddiem dik il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali. F’każijiet definiti b’mod speċifiku (fejn jikkonċerna s-suġġett jew il-kontenut tat-tilwima), parti tista’ tippreżenta każ quddiem dik il-qorti biss li jkollha ġuriżdizzjoni għal dak il-każ (din tissejjaħ il-ġuriżdizzjoni territorjali esklussiva).

Jekk il-kwerelant jippreżenta talba quddiem qorti li ma jkollhiex ġuriżdizzjoni territorjali, din għandha tiddikjara hekk u tittrasferixxi l-każ quddiem qorti oħra li jkollha din il-ġuriżdizzjoni, fejn il-każ ikompli jinstema’ daqslikieku kien beda quddiemha.

a) Meta jkun possibbli li wieħed ikun jista’ jagħżel bejn il-qorti rilevanti tar-residenza permanenti tal-konvenut (il-ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali) u qrati oħrajn?

Kif intqal fuq, f’ċerti każijiet żewġ qrati jista’ jkollhom ġuriżdizzjoni territorjali fl-istess waqt. F’każ bħal dan, il-parti interessata tista’ tagħżel hija stess quddiem liema qorti tixtieq li jinstema’ l-każ (il-ġuriżdizzjoni selettiva).

Il-ġuriżdizzjoni ta’ dan it-tip hija definita fl-Artikoli 49 sa 65 ta’ l-Att dwar il-Proċedura Ċivili. Għalhekk, l-iktar każijiet importanti biss, u dawk li huma l-iktar rilevanti għall-ħajja jew għall-għajxien tal-partijiet interessati biss, huma stabbiliti hawn taħt.

Fi kwistjonijiet ta’ manteniment, m’hix biss il-qorti b’ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali li għandha l-ġuriżdizzjoni meħtieġa, iżda wkoll il-qorti fejn il-kwerelant (il-benefiċjarju tal-manteniment) ikollu r-residenza permanenti tiegħu. L-għażla li wieħed jagħżel il-qrati hija disponibbli wkoll għall-partijiet li jkunu fi kwistjoni matrimonjali (każijiet ta’ divorzju), fejn il-qorti ta’ fejn il-koppja kellha l-aħħar indirizz permanenti tagħha jkollha l-ġuriżdizzjoni. F’tilwimiet biex tkun stabbilita jew innegata l-paternità jew il-maternità, il-qorti għandha tkun dik li jkollha l-ġuriżdizzjoni fil-post fejn it-tifel/tifla awtorizzat/a bil-leġislazzjoni tas-Slovenja biex iressaq/tressaq il-każ ikollu/ikollha r-residenza permanenti tiegħu/tagħha. Fi kwistjonijiet mhux kuntrattwali li jinvolvu kumpens (normalment każijiet ta’ inċidenti tat-traffiku), il-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni għandha tkun il-qorti tal-post fejn tkun ġrat il-ħsara (il-post ta’ l-inċident tat-traffiku), jew il-qorti ta’ fejn il-parti li sofriet il-ħsara jkollha r-residenza permenanti tagħha. Fi kwistjonijiet li jkunu ġejjin minn relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-partijiet, il-ġuriżdizzjoni tkun ta’ dik il-qorti ta’ dak il-post li jkun ġie stabbilit li fih ikunu twettqu r-relazzjonijiet kuntrattwali; l-istess jgħodd għal kwistjonijiet relatati ma’ kambjali jew ċekkijiet (il-qorti tal-post tal-pagament).

FuqFuq

Każijiet oħra ta’ ġuriżdizzjoni selettiva huma stabbiliti fl-Att dwar il-Proċedura Ċivili.

b) Meta ma tapplikax ir-regola dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali (ir-regola tal-ġuriżdizzjoni territorjali esklussiva)?

F’każijiet speċifiċi, il-liġi tippreskrivi ġuriżdizzjoni territorjali speċjali u tiddefinixxi qorti bħala l-unika waħda li għandha l-ġuriżdizzjoni biex tisma’ każijiet speċifiċi. Din tissejjaħ ġuriżdizzjoni territorjali esklussiva u tapplika kif ġej:

  • tilwimiet dwar proprjetà jew dwar id-dħul fi proprjetà ta’ xi ħadd mingħajr permess (il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni fil-post li fih tinstab il-proprjetà);
  • tilwimiet dwar ajruplani u dwar opri tal-baħar (il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni hija dik tal-post fejn huwa reġistrat l-ajruplan jew il-vapur);
  • tilwimiet li jkunu ġejjin minn proċeduri ta’ eżekuzzjoni jew ta’ falliment (il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni fil-post fejn quddiemha jkun qed isir is-smigħ tal-proċeduri ta’ l-eżekuzzjoni jew tal-falliment).
c) Jista’ jiġri li l-partijiet jilħqu ftehim bejniethom jew jagħżlu qorti bħala waħda li jkollha l-ġuriżdizzjoni meħtieġa, iżda jkun hemm regolamenti validi oħra li ma jħallux dik il-qorti milli jkollha dik il-ġuriżdizzjoni?

Il-leġiżlazzjoni tas-Slovenja tippermetti lill-partijiet ta’ każ speċifiku biex jiftiehmu bejniethom dwar il-ġuriżdizzjoni ta’ qorti tal-prim’istanza. Ftehim bejniethom jista’ jibdel il-ġuriżdizzjoni territorjali ddikjarata bil-liġi, għalkemm wieħed irid jisħaq li l-partijiet ma jistgħux jagħmlu ftehim li jistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni ratione materiae (dik tkun stabbilita biss bil-liġi – ara l-ispjegazzjoni fuq).

FuqFuq

Il-partijiet jistgħu jifthiemu li qorti tal-prim’istanza li ma jkollhiex ġuriżdizzjoni territorjali mod ieħor tkun xorta waħda tista’ tisma’ l-każ tagħhom. Il-kondizzjoni bażika li l-partijiet għandhom jissodisfaw hija li l-qorti li jifthiemu dwarha jkollha l-ġuriżdizzjoni li tiddeċiedi dwar il-kontenut tal-każ (ara s-separazzjoni tal-ġuriżdizzjoni bejn il-qrati lokali u dawk distrettwali). Ftehim lanqas ma jkun awtorizzat meta l-liġi tiddefinixxi l-ġuriżdizzjoni esklussiva għal qorti partikolari (ara l-punt fuq).

Il-ftehim bejn il-partijiet għandu jsir bil-miktub u għandu jikkonċerna tilwima speċifika li tkun ġejja mir-relazzjoni legali ta’ bejniethom. Id-dokument tal-ftehim għandu jkun mehmuż mill-kwerelant flimkien ma’ l-azzjoni li tistabbilixxi l-proċeduri quddiem il-qorti konċernata. Huwa importanti li jingħad li matul il-kors tal-proċeduri ma jistax isir ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali – jiġifieri meta l-azzjoni tkun diġà ġiet ippreżentata quddiem il-qorti, mingħajr ma jkun hemm dak il-ftehim mehmuż.

C. Għal każ li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ qorti speċjalizzata, quddiem liema qorti għandi nirrikorri?

Is-sistema ġudizzjarja tas-Slovenja m’għandhiex qrati speċjalizzati fil-qasam tal-liġi ċivili u l-liġi kummerċjali (eż. qrati speċjali tal-familja biex isolvu kwistjonijiet matrimonjali jew kwistjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal), minħabba li l-kwistjonijiet kollha jiġu trattati quddiem il-qrati lokali u distrettwali, jew quddiem id-dipartimenti ċivili u kummerċjali tagħhom. Il-qrati għandhom dipartimenti organizzati (ċivili, kummerċjali, ta’ l-eżekuzzjoni, ta’ ġuriżdizzjoni volontarja, tar-ratifika tat-testmenti). B’mod ġenerali, l-imħallfin speċjalizzati jisimgħu l-każijiet tal-kwistjonijiet f’dawn id-dipartimenti u jagħtu s-sentenzi tagħhom.

Qrati speċjali jiġu stabbiliti biss għal tilwimiet dwar ix-xogħol, fejn il-ġuriżdizzjoni u l-organizzazzjoni tagħhom tiġi stabbilita fil-bidu.

Aktar tagħrif

  • Ministeru tal-Ġustizzja English - slovenšcina
  • Il-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja Deutsch - English - slovenšcina

« Jurisdizzjoni tal-qrati - Informazzjoni Ġenerali | Slovenja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 28-09-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit