Kummissjoni Ewropea > NGE > Jurisdizzjoni tal-qrati > Rumanija

L-aħħar aġġornament: 07-05-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Jurisdizzjoni tal-qrati - Rumanija

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


Rimarki Preliminari:

  • Id-deskrizzjoni għandha tkun limitata għall-ġuriżdizzjoni ta' qrati ta' prim'istanza minħabba li, bħala regola ġenerali, il-preżunzjoni hija li l-informazzjoni dwar il-qorti tal-appell ġeneralment tingħata jew tkun tista' tinkiseb mill-qorti ta' prim'istanza li tkun tat is-sentenza.
  • L-ispjegazzjoni tas-sistema ta' ġuriżdizzjoni m'għandhiex tkun dettaljata ħafna, iżda għandha tikkonċentra fuq dawk is-sitwazzjonijiet li huma aktar importanti mill-aspett tar-rilevanza prattika tagħhom għal dawk li jużaw dan is-sit.
  • Għandu jkun iċċarat li, b'mod ġenerali, ir-regoli ta' ġuriżdizzjoni deskritti f'din il-paġna japplikaw għal:
    1. kawżi interni;
    2. kawżi bejn fruntiera u oħra li jinvolvu konvenut domiċiljat fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fejn ikun meħtieġ li tkun determinata l-qorti kompetenti fl-Istat Membru skont id-dritt Komunitarju;
    3. kawżi bejn fruntiera u oħra li jinvolvu konvenut domiċiljat barra mill-Unjoni Ewropea, sakemm trattat internazzjonali (bħall-Konvenzjoni ta' Lugano) ma jgħidx xort'oħra.

Jekk tkun trid tibda proċedimenti ġudizzjarji f'materja ċivili jew kummerċjali, ikollok tidentifika l-qorti li tkun kompetenti tiġġudika l-każ tiegħek, jew, fi kliem ieħor, il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni. Jekk inti tindirizza l-qorti l-ħażina jew jekk ikun hemm tilwima dwar il-kompetenza, inti tirriskja dewmien konsiderevoli jew rifjut tal-applikazzjoni tiegħek minħabba li l-qorti ma jkollhiex ġuriżdizzjoni.

L-organizzazzjoni tal-qrati tal-appell, tribunali, qrati speċjalizzati u qrati ta' prim'istanza kif ipprovdut bl-Att Nru 304/2004 dwar is-sistema ġudizzjarja, ippubblikat mill-ġdid, b'emendi u żidiet sussegwenti:

"Artikolu 35

  1. Qrati tal-appell huma qrati b'kapaċità legali li fil-ġuriżdizzjoni tagħhom joqogħdu diversi tribunali u tribunali speċjalizzati.
  2. Qrati tal-appell għandu jkollhom sezzjonijiet speċjalizzati jew, skont il-kawża, panils għal kawżi ċivili, kawżi kriminali, kawżi tal-kummerċ, kawżi li jinvolvu minuri u tilwim tal-familja, kawżi ta' tilwim ta' amministrazzjoni u taxxa, kawżi dwar tilwim ta' xogħol u assigurazzjoni soċjali, kif ukoll, skont in-natura u l-għadd ta' kawżi, sezzjonijiet tal-marittimu u kanali ta' navigazzjoni domestika jew sezzjonijiet għal materji oħra.”

"Artikolu 36

  1. Tribunali huma qrati b'kapaċità legali organizzata fil-livell ta' kull kontea u l-belt ta' Bukarest li, bħala regola, joqogħdu fil-kapitali tal-kontea.
  2. Il-ġuriżdizzjoni ta' kull tribunal tinkludi lill-qrati kollha ta' prim'istanza fil-kontea jew fil-belt ta' Bukarest.
  3. Tribunali għandu jkollhom sezzjonijiet speċjalizzati jew, skont il-kawża, panils għal kawżi ċivili, kawżi kriminali, kawżi tal-kummerċ, kawżi li jinvolvu minuri u tilwim tal-familja, kawżi ta' tilwim amministrattiv u fiskali, kawżi dwar tilwim fuq xogħol u assigurazzjoni soċjali, kif ukoll, skont in-natura u l-għadd ta' kawżi, sezzjonijiet tal-marittimu u kanali ta' navigazzjoni domestika jew sezzjonijiet għal materji oħra."

"Artikolu 39

  1. Skont in-natura u l-għadd ta' kawżi, jistgħu jitwaqqfu sezzjonijiet speċjalizzati fi qrati ta' prim'istanza.
  2. Fi qrati ta' prim'istanza, għandhom jitwaqqfu sezzjonijiet jew panils biex jisimgħu kawżi li jinvolvu minuri u materji tal-familja."

"Artikolu 40

  1. Panils speċjalizzati u sezzjonijiet għal minuri u għall-familja, kif ukoll tribunali speċjalizzati għal minuri u għall-familja għandhom jiġġudikaw reati li jsiru minn minuri u kontra minuri.”


 

LISTA TAL- KONTENUT

A. Għandi napplika għand qorti tal-liġi ordinarja jew għand qorti speċjalizzata? A.
B. Jekk il-qrati ċivili ordinarji jkollhom ġuriżdizzjoni, kif nista’ nkun naf f’liema waħda minnhom għandi napplika? B.
I. Hemm distinzjoni bejn qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri u, jekk fl-affermattiv, liema waħda tkun kompetenti għall-kawża tiegħi? I.
II. Il-ġuriżdizzjoni territorjali (Il-qorti tal-belt/lokalità A jew il-belt/lokalità B għandha ġuriżdizzjoni għall-kawża tiegħi?) II.
1. Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali 1.
2. Eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali 2.
a) Meta nista’ nagħżel bejn il-qorti tal-post fejn ikun jgħix il-konvenut (qorti determinata bl-applikazzjoni tar-regola bażi) u qorti oħra? a)
b) Meta jkolli nagħżel qorti barra minn dik fil-post fejn ikun jgħix il-konvenut (qorti determinata bl-applikazzjoni tar-regola bażi)? b)
c) Jistgħu l-partijiet stess jattribwixxu ġuriżdizzjoni lil qorti li inkella ma kinitx tkun kompetenti? c)
C. Fejn qrati speċjalizzati jkollhom ġuriżdizzjoni, kif nista’ nkun naf liema waħda għandi nindirizza? C.

 

A. Għandi napplika għand qorti tal-liġi ordinarja jew għand qorti speċjalizzata?

Fi Stati Membri mhux il-kawżi ċivili u kummerċjali kollha jinstemgħu għal kollox minn qrati ċivili ordinarji iżda fejn qrati speċjalizzati indipendenti jisimgħu ċerti tipi ta’ tilwim (pereżempju qrati tax-xogħol), il-limitu tal-ġuriżdizzjoni għandu jkun speċifikat.

Fir-Rumanija, flimkien ma' qrati ordnarji, hemm ukoll qrati speċjalizzati u panils speċjalizzati għal ċerti tipi ta’ kawżi.

Hemm qrati/panils speċjalizzati għal kawżi tax-xogħol u assigurazzjoni soċjali – joqogħdu fi qrati tal-kontei u fi qrati ta’ appell; qrati/panils speċjalizzati għal tilwim li jinvolvi minuri u l-familja (divorzju, diviżjoni ta’ pussess konġunt, kustodja tal-minuri, regoli dwar aċċess għal minuri, adozzjoni) – joqogħdu fi qrati ta’ prim’istanza, qrati tal-kontei u qrati ta’ appell; qrati speċjalizzati għal tilwim kummerċjali li joqogħdu fi qrati ta’ prim’istanza, qrati tal-kontei u qrati ta’ appell; qrati speċjalizzati għal ristrutturazzjoni u ordnijiet ta’ likwidazzjoni, li joqogħdu fi qrati tal-kontei u qrati ta’ appell; qrati speċjalizzati f’tilwim amministrattiv, li joqogħdu fi qrati tal-kontei u qrati ta’ appell; qrati/panils speċjalizzati għal kawżi ta’ proprjetà industrijali u intellettwali, li joqogħdu fi qrati tal-kontei u qrati ta’ appell.

B. Jekk il-qrati ċivili ordinarji jkollhom ġuriżdizzjoni, kif nista’ nkun naf f’liema waħda minnhom għandi napplika?

Il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili huwa l-istrument ewlieni li jirregola l-ġuriżdizzjoni tal-Qrati. Huwa jiddistingwi bejn qrati ċivili ordinarji u qrati speċjalizzati, li jisimgħu kawżi elenkati fil-punt A.

FuqFuq

Pereżempju, l-Artikolu 1 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jgħid li qrati ta' prim'istanza għandhom jisimgħu:

  1. il-kawżi u t-talbiet kollha, ħlief dawk assenjati mil-liġi lil qrati oħra;
  2. talbiet kontra deċiżjonijiet ta' awtoritajiet amministrattivi pubbliċi li jaġixxu f'materji ta' ġuriżdizzjoni, u korpi oħra b'oqsma simili ta' attività, f'każijiet stabbiliti mil-liġi;
  3. kull materja oħra assenjata lilhom mil-liġi.

L-Artikolu 2 imbagħad jgħid li tribunali għandhom jisimgħu:

  1. fi prim'istanza:
    1. kawżi kummerċjali u talbiet li jinvolvu aktar minn biljun ROL u kawżi tal-kummerċ u talbiet ta' valur li ma jistax ikun imfisser f'termini finanzjarji;
    2. kawżi ċivili u talbiet li jinvolvu aktar minn 5 biljun ROL; tilwimiet tax-xogħol, bl-eċċezzjoni ta' dawk assenjati mil-liġi lil qrati oħra;
    3. kawżi u talbiet f'tilwimiet amministrattivi bl-eċċezzjoni ta' dawk assenjati lil qrati ta' appell;
    4. kawżi u talbiet li jinvolvu proprjetà intellettwali u industrijali;
    5. kawżi u talbiet f'materji ta' esproprijazzjoni;
    6. applikazzjoni għall-approvazzjoni, invalidità jew annullament ta' adozzjonijiet;
    7. *** Imħassar;
    8. *** Imħassar;
    9. talbiet għal rimedju għal ħsara kkawżata minn żball ġuridiku f'kawżi kriminali;
    10. talbiet għal rikonoxximent u approvazzjoni ta' eżekuzzjoni ta' ordnijiet maħruġin barra l-pajjiż.
  2. bħala qrati ta' appell, appelli kontra ordnijiet mogħtija fi prim'istanza, fil-kawżi msemmijin speċifikament mil-liġi;
  3. bħala qrati ogħla ta' appell, appelli ulterjuri msemmijin mil-liġi;
  4. kull kawża oħra assenjata mil-liġi li tkun fil-ġuriżdizzjoni tagħhom.

L-Artikolu 3 jgħid li qrati ta' appell għandhom jisimgħu:

FuqFuq

  1. fi prim'istanza, kawżi u talbiet f'tilwimiet amministrattivi dwar atti ta' awtoritajiet u istituzzjonijiet ċentrali;
  2. bħala qrati ta' appell, appelli kontra deċiżjonijiet fi prim'istanza mogħtija minn qrati u tribunali; bħala qrati ta' appell superjuri, appelli ulterjuri fil-kawżi msemmijin speċifikament mil-liġi;
  3. kull kawża oħra msemmija mil-liġi u li tkun fil-ġuriżdizzjoni tagħhom.

L-Artikolu 4 jgħid li l-Qorti Għolja ta' Kassazzjoni u Ġustizzja għandha tisma':

  1. appelli ulterjuri minn deċiżjonijiet tal-qrati ta' appell u deċiżjonijiet oħra, fil-każijiet imsemmijin mil-liġi;
  2. appelli ulterjuri fl-interess tal-liġi;
  3. *** Imħassar;
  4. kull kawża oħra msemmija mil-liġi u li tkun fil-ġuriżdizzjoni tagħhom.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4(1) jgħid li l-ġuriżdizzjoni assenjata lil qorti b'rabta ma' kawżi ta' arbitraġġ koperti mis-Sezzjoni IV qiegħda fil-qorti li tkun kompetenti tisma' l-kawża jekk ma jintlaħaqx ftehim ta' arbitraġġ.

I. Hemm distinzjoni bejn qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri u, jekk fl-affermattiv, liema waħda tkun kompetenti għall-kawża tiegħi?

Kważi l-Istati Membri kollha jagħmlu distinzjoni bejn qrati ċivili inferjuri u superjuri ta' prim'istanza. F'dan il-każ, il-ġuriżdizzjoni għandha tkun iddefinita bħala funzjoni ta':

  • limitu għall-valur materjali tat-talbiet inkwistjoni, u/jew
  • fatturi oħrajn li jiddeterminaw il-ġuriżdizzjoni, irrispettivament mill-valur tat-talbiet inkwistjoni.

Is-sistema legali Rumena tiddistingwi bejn qrati ċivili inferjuri u superjuri, u tiddetermina l-ġuriżdizzjoni b'mekkaniżmu doppju li jqis il-valur tat-talba u ċerti tipi ta' kawżi irrispettivament mill-valur tat-talba.

FuqFuq

Qrati ta' prim'istanza għandhom, fil-prinċipju, firxa wiesgħa ta' ġuriżdizzjoni, iżda skont l-Artikolu 2 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, f'kawżi ċivili li jkunu jinvolvu proprjetà, mhux il-qorti ta' prim'istanza iżda t-tribunal huwa dak li jkollu ġuriżdizzjoni għal kawżi li jkunu ta' aktar minn 5 biljun ROL, (madwar €150 000), waqt li f'kawżi tal-kummerċ li jkunu ta' aktar minn biljun ROL (madwar €30 000), il-ġuriżdizzjoni tkun fl-ewwel lok tat-tribunal u tal-qorti ta' prim'istanza.

Hemm ukoll sett ta' regoli li jistabbilixxu ġuriżdizzjoni materjali abbażi ta' kriterji li ma jkunux ta' valur, u jassenjaw il-ġuriżdizzjoni lit-tribunal fil-każ ta' talbiet privati, bħal talbiet tax-xogħol u assigurazzjoni soċjali, drittijiet ta' proprjetà intellettwali u industrijali, adozzjoni, tilwim amministrattiv, esproprjazzjoni, rimedju għal ħsara ikkawżata minn żball ġudizzjarju, rikonoxximent u approvazzjoni ta' eżekuzzjoni ta' ordnijiet ta' qorti mogħtijin f'pajjiżi barranin u falliment.

II. Il-ġuriżdizzjoni territorjali (Il-qorti tal-belt/lokalità A jew il-belt/lokalità B għandha ġuriżdizzjoni għall-kawża tiegħi?)

1. Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Teoretikament, il-qorti fejn is-soltu l-konvenut ikollu d-domiċilju/residenza tiegħu jkollha l-ġuriżdizzjoni (ir-regola ġenerali tapplika għal entitajiet ġuridiċi wkoll).

Fis-sistema legali Rumena, ir-regoli tal-ġuriżdizzjoni territorjali jinsabu fl-Artikoli 5–16 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, u r-regola ġenerali hija li l-ġuriżdizzjoni tinsab fi ħdan il-qorti kompetenti għall-post tar-residenza tal-konvenut jekk il-konvenut ikun persuna fiżika jew fil-qorti kompetenti għall-post tal-uffiċċju reġistrat tal-konvenut jekk il-konvenut ikun persuna ġuridika. Talbiet kontra l-Istat jew entitajiet/istituzzjonijiet deċentralizzati tal-Istat għandhom jiġu ppreżentati fil-qrati ta’ Bukarest jew f’irħula ta’ kontea.

FuqFuq

2. Eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali

Hemm sensiela ta’ eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali, jiġifieri jekk il-konvenut ikun persuna fiżika, it-taħrika tal-qorti tista’ tkun irreġistrata fil-qorti b’ġuriżdizzjoni għall-post fejn il-konvenut jagħmel b’mod regolari x-xogħol professjonali tiegħu jew ikollu impriża agrikola, kummerċjali jew industrijali; fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, it-taħrika tista’ tkun irreġistrata fil-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni għall-post fejn il-persuna ġuridika jkollha fergħat ta’ uffiċini iżda limitatament għal obbligi li jkollhom ikunu eżegwiti f’dak il-post.

F’tilwim dwar il-proprjetà ta’ beni immobbli, il-kawża għandha tinġieb quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni għaż-żona fejn ikun jinsab il-beni immobbli. Barra minn hekk, tilwim dwar wirt għandu jinġieb quddiem il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni għall-aħħar post ta’ residenza tal-mejjet. F’kawżi kummerċjali, azzjonijiet li jinvolvu kumpaniji kummerċjali jinstemgħu mill-qorti b’ġuriżdizzjoni għall-post fejn il-kumpanija jkollha s-sede prinċipali tagħha. Fl-aħħar nett, f’kawżi ta’ falliment, il-qorti fejn il-kumpanija debitriċi jkollha s-sede prinċipali tagħha, ikollha l-ġuriżdizzjoni.

a) Meta nista’ nagħżel bejn il-qorti tal-post fejn ikun jgħix il-konvenut (qorti determinata bl-applikazzjoni tar-regola bażi) u qorti oħra?

Din is-sezzjoni għandu jkollha spjegazzjonijiet tar-regoli speċjali, mhux esklużivi dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali, li ġeneralment ikunu relatati man-natura tal-kawża jew il-motiv tat-talba.

FuqFuq

Id-deskrizzjoni għandha tkopri għallinqas ir-regoli dwar:

  • kawżi fuq il-liġi tal-kuntratti (regoli speċifiċi għal ċerti tipi ta' ftehim u ftehimiet tax-xogħol);
  • kawżi ta' manteniment;
  • kawżi dwar responsabbiltà għal delitt;
  • preżentata ta' azzjonijiet ċivili għal danni f'kawża kriminali;
  • kawżi ta' divorzju;
  • kawżi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

L-Artikoli tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili għandhom sensiela ta' dispożizzjonijiet li jipprovdu regoli alternattivi dwar il-kompetenza.

L-Artikolu 9 jgħid li t-talba kontra għadd ta' konvenuti tista' tinġieb quddiem il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni għal wieħed minnhom; jekk, minn fost il-konvenuti, ikun hemm obbligazzjonijiet aċċessorji, it-talba għandha tinġieb quddiem il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni għal wieħed mid-debituri ewlenin.

L-Artikolu 10 jgħid li, barra milli l-qorti jkollha ġuriżdizzjoni għall-post tar-residenza tal-konvenut, il-qrati li ġejjin għandhom ukoll ġuriżdizzjoni:

  1. għal talbiet dwar l-eżekuzzjoni, l-annullament, it-tmiem jew il-kanċellament ta' kuntratt, il-qorti tal-post imsemmija fil-kuntratt għall-eżekuzzjoni, anki parzjali, tal-obbligazzjoni;
  2. għal talbiet dwar ftehim ta' kera ta' proprjetà, rapporti dwar sit għall-bini, azzjonijiet ta' motivazzjoni jew tilwim dwar trasferiment ta' proprjetà, il-qorti fejn ikun jinsab il-bini;
  3. għal talbiet relatati ma' kambjali, ċekkijiet jew promissory notes, il-qorti tal-post tal-pagament;
  4. għal talbiet dwar obbligazzjonijiet tan-negozju, il-qorti tal-post fejn l-obbligazzjoni oriġinat jew dik tal-post tal-pagament;
  5. għal talbiet relatati ma' ftehim dwar trasport, il-qorti tal-post ta' tluq jew wasla;
  6. għal talbiet kontra mara miżżewġa* li r-residenza tas-soltu tagħha tkun differenti minn dik ta' żewġha, il-qorti tar-residenza tal-mara;
  7. għal talbiet ippreżentati minn qraba f'linja ta' axxendenza jew dixxendenza għal manteniment, il-qorti tad-domiċilju tal-firmatarju tal-petizzjoni;
  8. għal talbiet relatati ma' att illeċitu, il-qorti b'ġuriżdizzjoni għaż-żona fejn ikun sar l-att.

------------

FuqFuq

* Din id-dispożizzjoni għandha titqies bħala mħassra bħala riżultat tar-rikonoxximent tal-prinċipju kostituzzjonali tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

L-Artikolu 11 jgħid li, f'kawżi ta' assigurazzjoni, talbiet għal kumpens jistgħu jiġu ppreżentati lill-qorti li dawn li ġejjin ikunu jinsabu fil-ġuriżdizzjoni tagħha:

  1. il-post tar-residenza tal-persuna assigurata;
  2. il-merkanzija assigurata;
  3. il-post fejn ikun seħħ l-inċident.

Kull ftehim dwar ġuriżdizzjoni ikun null u bla effett jekk ikun sar qabel ma jkun stabbilit id-dritt għal kumpens.

Id-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq ma japplikawx f'kawżi dwar assigurazzjoni marittima u mogħdijiet interni tal-ilma.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 12 juri li min jagħmel it-talba jista' jagħżel minn fost qrati kompetenti ndaqs.

b) Meta jkolli nagħżel qorti barra minn dik fil-post fejn ikun jgħix il-konvenut (qorti determinata bl-applikazzjoni tar-regola bażi)?

Din is-sezzjoni għandha tkopri r-regoli esklużivi dwar ġuriżdizzjoni speċjali.

Kif intqal fis-sezzjoni II.2, paragrafu 2, hemm sensiela ta' regoli li jistabbilixxu ġuriżdizzjoni territorjali esklużiva skont l-Artikoli 13-16 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

Dawn id-dispożizzjonijiet huma:

"Artikolu 13

Talbiet dwar beni immobbli jistgħu jiġu ppreżentati biss fil-ġuriżdizzjoni fejn ikun jinsab il-bini.

Fejn il-bini jkun jinsab fil-ġuriżdizzjoni ta' għadd ta' qrati, it-talba għandha tkun ippreżentata fil-qorti tal-post tar-residenza jew tad-domiċilju tal-konvenut, jekk il-wieħed jew l-oħra jkunu f'waħda minn dawn il-ġuriżdizzjonijiet, inkella lil xi waħda mill-qrati li fil-ġuriżdizzjoni tagħha jkun jinsab il-bini."

FuqFuq

"Artikolu 14

F'kawżi ta' wirt, il-qorti kompetenti hija l-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni għall-aħħar domiċilju tal-mejjet għal:

  1. talbiet dwar il-validità u l-eżekuzzjoni ta' dispożizzjonijiet testamentarji;
  2. talbiet dwar il-wirt u talbiet li l-eredi jistgħu jagħmlu kontra xulxin;
  3. talbiet ta' legatarji jew ta' kredituri tal-mejjet kontra wieħed mill-eredi jew kontra l-eżekutur tat-testment."

"Artikolu 15

Talbiet dwar kumpaniji li ma jkunux likwidati jinstemgħu mill-qorti b'ġuriżdizzjoni għall-post fejn il-kumpanija jkollha l-uffiċċji reġistrati tagħha."

"Artikolu 16

Talbiet dwar riorganizzazzjonijiet u falliment ta' kumpaniji jinstemgħu biss mill-qorti li fil-ġuriżdizzjoni tagħha jkunu jinsabu l-uffiċċji reġistrati tad-debitur."

c) Jistgħu l-partijiet stess jattribwixxu ġuriżdizzjoni lil qorti li inkella ma kinitx tkun kompetenti?

Din is-sezzjoni għandha x'taqsam ma':

  • kundizzjonijiet dwar il-validità u l-effetti ta' ftehimiet dwar l-għażla ta' qorti (inklużi dispożizzjonijiet kuntrattwali);
  • il-post fejn il-ġuriżdizzjoni ta' qorti tkun ibbażata esklużivament fuq id-dehra tal-konvenut quddiem il-qorti.

Is-sistema ġudizzjarja Rumena għandha sensiela ta' derogi u dispożizzjonijiet speċjali għar-regoli tal-ġuriżdizzjoni msemmija hawn dwar ġuriżdizzjoni ġenerali u ġuriżdizzjoni esklużiva.

Dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu fit-Titolu III, Artikoli 17-19 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili u huma dwar materji bħall-estensjoni tal-ġuriżdizzjoni u ftehimiet ta' partijiet fuq il-ġuriżdizzjoni ta' qorti.

FuqFuq

L-Artikolu 17 jgħid li t-talbiet supplimentari u inċidentali għandhom jinstemgħu mill-qorti b'ġuriżdizzjoni għat-talba prinċipali.

L-Artikolu 18 jgħid li l-ġuriżdizzjoni għal talbiet biex ikunu stabbiliti drittijiet hija determinata mir-regoli dwar talbiet għat-twettiq ta' servizzi.

L-Artikolu 18(1) jgħid li l-qorti indikata mir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni abbażi tal-valur tal-oġġett tat-talba żżomm il-ġuriżdizzjoni wkoll jekk il-valur tal-oġġett jinbidel wara li tkun inbdiet il-kawża.

Fl-aħħar nett, fejn il-ġuriżdizzjoni tkun stabbilita bi ftehim bejn il-partijiet, l-Artikolu 19 jgħid li l-partijiet jistgħu jiftiehmu, bil-kitba jew billi jiddikjaraw verbalment quddiem il-qorti, li t-talbiet dwar prodotti jinstemgħu fi qrati barra minn dawk li jkollhom ġuriżdizzjoni skont il-liġi, ħlief għall-każijiet msemmija fl-Artikoli 13, 14, 15 u 16.

C. Fejn qrati speċjalizzati jkollhom ġuriżdizzjoni, kif nista’ nkun naf liema waħda għandi nindirizza?

Fejn applikabbli, id-deskrizzjoni ta' regoli dwar il-ġuriżdizzjoni ta' qrati speċjalizzati għandha ssegwi l-istess struttura bħal fis-sezzjoni B. Fejn regoli ta' ġuriżdizzjoni jkunu ġeneralment l-istess, dan għandu jkun innutat flimkien ma' spjegazzjoni tal-eċċezzjonijiet għar-regola.

Kif muri fis-sezzjoni B, il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili tkopri kważi l-aspetti kollha tal-ġuriżdizzjoni sustantiva u territorjali ta' qrati speċjalizzati (tilwim relatat max-xogħol u assigurazzjoni soċjali, tilwim familjari, tilwim dwar minuri, tilwim dwar adozzjonijiet, tilwim dwar proprjetà industrijali u intellettwali, tilwim amministrattiv, kawżi ta' esproprijazzjoni, talbiet għal ħsara kawżata minn żball ġudizzjarju, rikonoxximent u approvazzjoni ta' eżekuzzjoni ta' ordnijiet ta' qorti maħruġin f'pajjiżi barranin u falliment).

FuqFuq

L-Artikolu 1(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jistabbilixxi b'mod ċar il-ġuriżdizzjoni ta' qrati ta' prim'istamza għal talbiet kontra awtoritajiet amministrattivi pubbliċi li jaġixxu f'materji ta' ġuriżdizzjoni u korpi oħra b'oqsma ta' attività simili, fil-każijiet imsemmijin mil-liġi.

Pereżempju, bħala eċċezzjoni għar-regoli tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, hemm regoli relatati mas-suġġett f'diversi oqsma speċifikati sewwa, bħat-tilwim li għandu jkun riżolt skont l-Artikolu 24 tal-Liġi Nru 10/2001 dwar kif għandu jintradd lura bini meħud bħala proprjetà tal-istat, li jgħidu li t-tribunal tal-kontea jkun kompetenti fi prim'istanza li jiddeċiedi dwar it-talba magħmula mill-persuna intitolata li l-applikazzjoni tagħha għar-radd lura tal-bini ma tkunx intlaqgħet.

Bl-istess mod, l-Artikolu 56 tal-Liġi Nru 168/1999 dwar ir-riżoluzzjoni ta' konflitt industrijali jgħid li applikazzjonijiet għas-sospensjoni ta' strajks għandhom ikunu indirizzati lill-qorti tal-appell li l-kwartieri tal-unjin ikunu jinsabu fil-ġuriżdizzjoni tagħha u l-konflitt għandu jiġi riżolt fi żmien 7 ijiem mid-data tar-reġistrazzjoni, bħala distint mir-regola ġenerali li d-drittijiet kollha kontestati jinstemgħu fi prim'istanza mit-tribunal tal-kontea li l-ġuriżdizzjoni tiegħu tkun tkopri l-kwartieri ta' min iħaddem.

Dwar tilwim doganali, li huwa kopert mil-Liġi Nru 554/2004 (Il-Liġi dwar it-Tilwim), hemm regoli speċjali dwar il-ġuriżdizzjoni li jqisu l-valur, jiġifieri li tilwim doganali (barra minn talbiet kontra reġistrazzjonijiet ta' offiżi ċivili, fejn il-qrati ta' prim'istanza għandhom ġuriżdizzjoni) jinstema' fi prim'istanza minn qrati speċjalizzati meta l-valur tal-kawża ma jkunx aktar minn 500 000 RON. Jekk il-valur jaqbeż dan l-ammont, ifisser li l-ġuriżdizzjoni fi prim'istanza tkun tal-qorti tal-appell.

Fl-aħħar nett, għandu jingħad li f'kawżi bejn il-fruntieri li fihom ikollu x'jaqsam konvenut domiċiljat fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il-ġuriżdizzjoni tkun determinata skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 187 tad-9 ta' Mejju 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fir-Rumanija ta' deċiżjonijiet skont il-liġijiet ċivili u tal-kummerċ mogħtijin fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali Nru 333 tas-16 ta' Mejju 2003.

Aktar tagħrif

Links utli:

  • http://www.just.ro română
  • http://www.csm1909.ro English - română
  • http://www.scj.ro English - română

« Jurisdizzjoni tal-qrati - Informazzjoni Ġenerali | Rumanija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 07-05-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit