Kummissjoni Ewropea > NGE > Jurisdizzjoni tal-qrati > Portugall

L-aħħar aġġornament: 22-06-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Jurisdizzjoni tal-qrati - Portugall

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


Qabel ma tibda proċedura dwar kwistjoni ċivili jew kummerċjali, trid tistabbilixxi liema qorti għandha l-ġurisdizzjoni biex tisma’ l-każ tiegħek. Jekk tagħżel qorti ħażina, jew jekk il-ġurisdizzjoni tal-qorti tiġi kkontestata, dan iwassal għal dewmien fil-każ tiegħek u t-talba tiegħek tista’ tiġi miċħuda minħabba nuqqas ta’ kompetenza..



 

LISTA TAL- KONTENUT

A. Għandi nirrikorri quddiem qorti ġudizzjali ta' kompetenza ġenerika jew waħda ta' kompetenzai speċjalizzata? A.
B. Jekk il-Qrati ta' kompetenza ġenerika jkollhom il-ġurisdizzjoni, kif inkun naf liema qorti hija kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi? B.
I. Hemm xi distinzjoni ġerarkika bejn il-Qrati ta' l-Ewwel Grad? Jekk dan huwa l-każ, liema waħda hija kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi? I.
II. Ġurisdizzjoni territorjali (liema qorti għandha l-ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-każ tiegħi, dik tal-belt A jew dik tal-belt B)? II.
1. Ir-regola ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni territorjali: 1.
2. Eċċezzjonijet għar-regola: 2.
a) Taħt liema ċirkostanzi nista’ nagħżel bejn il-qorti fejn il-konvenut huwa domiċiljat (kif stipulat mir-regola ġenerali) u ġurisdizzjoni oħra? a)
b) Taħt liema ċirkostanzi jiena obbligat nagħżel qorti li m’hijiex dik fejn il-konvenut huwa domiċiljat (kif stipulat mir-regola ġenerali)? b)
c) Il-partijiet jistgħu jagħżlu qorti bi ftehim bejniethom, jekk din il-qorti ma jkollhiex ġurisdizzjoni taħt ir-regola ġenerali? c)
C. Kif inkun naf liema qorti hija kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi jekk dan ikun jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti speċjalizzata? C.

 

A. Għandi nirrikorri quddiem qorti ġudizzjali ta' kompetenza ġenerika jew waħda ta' kompetenzai speċjalizzata?

Taħt is-sistema legali Portugiża, jiddependi mit-tip ta' proċess jekk ikollhiex ġurisdizzjoni qorti ta' kompetenza ġenerika jew waħda ta' kompetenza speċjalizzata.

Il-kompetenza tiġi stabbilita fil-ħin meta tinfetaħ il-kawża, u jekk iseħħu xi bidliet fattwali wara dawn huma irrelevanti.

Fis-sistema interna, il-ġurisdizzjoni hija mqassma bejn il-qrati differenti skond il-qasam (jew in-natura tal-kawża), il-ġerarkija (jiġifieri l-grad ta' ġurisdizzjoni tal-Qrati - ta' l-Ewwel Grad, tat-Tieni Grad u l-Qorti Suprema tal-Ġustizzja), il-valur tal-kawża (li huwa relatat mad-dimensjoni finanzjarja ta' l-utilità ekonomika immedjata tat-talba), il-forma tal-proċess applikabbli (i.e., il-passi speċifiċi ta' l-atti proċedurali li jridu jiġu mwettqa biex jiġi eżerċitat dritt partikolari) u t-terrritorju (jew id-distrett ġeografiku li miegħu jkunu marbuta l-fatti in kwestjoni).

Hemm dispożizzjonijiet speċjali dwar azzjonijiet eżekuttivi (li permezz tagħhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jinkiseb rimedju effettiv għall-ksur ta' dritt.)

Fir-rigward tal-merti tal-każ, dan jaqa' taħt il-kompetenza tal-qrati ġudizzjarji meta ma jkunux assenjati bil-liġi lil ordni ġurisdizzjonali oħra.

Il-qrati ġudizzjarji jaqgħu taħt ġerarkija skond l-effetti tad-deċiżjonijiet tagħhom.

Bħala regola, il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tieħu konjizzjoni, fl-istadju ta' appell, tal-kawżi li l-valur tagħhom jeċċedi il-kompetenza tal-Qrati ta' l-Appell, waqt li dawn ta' l-aħħar jieħdu konjizzjoni tal-kawżi li l-valur tagħhom jeċċedi l-kompetenza tal-Qrati ta' l-Ewwel Grad.

FuqFuq

Din il-kompetenza tikkorrispondi għall-valur ekonomiku stabbilit bil-liġi tat-talba li tista' titressaq minn persuna quddiem dik il-qorti partikolari.

Ir-regoli tal-proċedura ċivili jsitabbilixxu quddiem liema qorti għandha titressaq azzjoni skond il-valur tal-kawża.

L-istess regoli jistabbilixxu l-kompetenza territorjali tal-qorti.

Il-Qrati ġudizzjarji ta' l-ewwel grad huma, fil-prinċipju, qrati distrettwali. Dawn il-qrati għandhom kompetenza ġenerika, jiġifieri l-kapaċità li jisimgħu l-kawżi kollha, ħlief għal dawk li huma assnejati bil-liġi lil qrati oħrajn.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok ara, fuq dan is-sit, id-dokument ta' informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tas-sistema tal-ġustizzja fil-Portugall.

B. Jekk il-Qrati ta' kompetenza ġenerika jkollhom il-ġurisdizzjoni, kif inkun naf liema qorti hija kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Il-kriterji relevanti jinsabu fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet li ġejjin, waqt li l-kompetenzi tal-qrati ta' kompetenza ġenerika huma definiti hawn fuq.

I. Hemm xi distinzjoni ġerarkika bejn il-Qrati ta' l-Ewwel Grad? Jekk dan huwa l-każ, liema waħda hija kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi?

Fil-Portugall ma teżisti ebda distinzjoni ġerarkika bejn il-qrati ta' l-ewwel grad.

II. Ġurisdizzjoni territorjali (liema qorti għandha l-ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-każ tiegħi, dik tal-belt A jew dik tal-belt B)?

1. Ir-regola ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni territorjali:

Ir-regola ġenerali fir-rigward tal-ġurisdizzjoni territorjali hi li l-qorti kompetenti hija dik fejn ikun domiċiljat il-konvenut.

FuqFuq

Jekk il-konvenut ma jkollux residenza abitwali jew jekk din ma tkunx magħrufa jew jekk il-konvenut ikun assenti, ikollha kompetenza il-qorti fejn hu domiċiljat l-attur. Jekk il-konvenut ikun domiċiljat u residenti f'pajjiż barrani, ikollha ġurisdizzjoni l-qorti fejn ikun jinsab; jekk il-konvenut ma jkunx jinsab fit-territorju Portugiż, ikollha ġurisdizzjoni l-qorti tad-distrett fejn hu domiċiljat l-attur, u jekk dan ikun domiċiljat f'pajjiż barrani, ikollha ġurisdizzjoni l-qorti ta' Lisbona.

Għar-rigward ta' persuni ġuridiċi u soċjetajiet, tapplika din ir-regola ġenerali:

  1. jekk il-konvenut ikun l-Istat, il-qorti kompetenti tkun dik ta' dejn hu domiċiljat l-attur minnflok dik fejn hu domiċiljat il-konvenut;
  2. jekk il-konvenut ikun persuna ġuridika jew soċjetà oħra, ikollha kompetenza l-qorti tad-distrett fejn tinsab is-sede amministrattiva prinċipali jew fejn tkun stabbilita fergħa, aġenzija, kumpanija sussidjarja, delegazzjoni jew rappreżentanza, kemm-il darba l-azzjoni tkun kontra xi waħda minn dawn; iżda azzjoni kontra persuna ġuridika jew soċjetà barranija li jkollha fergħa, aġenzija, kumpanija sussidjarja, delegazzjoni jew rappreżentanza fil-Portugall tista' ssir fil-qorti tad-distrett ta' fejn dawn ikunu stabbiliti, iżda l-amministrazzjoni prinċipali trid tiġi notifikata xorta waħda.
2. Eċċezzjonijet għar-regola:

Kawżi li għandhom x'jaqsmu ma' drittijiet ta' proprjetà, id-diviżjoni ta' komunjoni tal-beni, żgumbrament, eżekuzzjoni speċifika fuq immobbli, u ż-żjieda, sostituzzjoni, tnaqqis jew kanċellament ta' ipoteki jridu jsiru fil-qorti tad-dirett ta' fejn jinsabu l-beni.

FuqFuq

L-azzjonijiet ta' zjieda, sostituzzjoni, tnaqqis jew kanċellament ta' ipoteki fuq bastimenti u ajruplani, madanakollu, iridu jsiru fil-qorti tad-dirett ta' fejn dawn ikunu reġistrati; jekk l-ipoteka fuq dawn il-mobbli tkun reġistrata f'diversi distretti, l-attur jista' jagħżel wieħed minnhom;

Meta l-azzjoni tkun tirrigwarda għadd ta' oġġetti (għadd ta' oġġetti mobbli ta' l-istess persuna jew grupp ta' persuni), jew beni mobbli u immobbli, jew mobbli li jinsabu f'distretti differenti, il-qorti kompetenti tkun dik fejn jinsabu l-immobbli li għandhom l-ogħla valur, waqt li jiġi kkunsidrat il-valur ta' l-art; jekk l-immobbli li tkun is-suġġett tal-kawża tkun tinsab f'aktar minn distrett territorjali wieħed, l-azzjoni tista' ssir f'kull distrett.

L-azzjonijiet li l-iskop tagħhom ikun it-twettiq ta' obbligi, kumpens għal obbligi mhux imwettqa jew imwettqa ħażin jew ix-xoljiment ta' kuntratt minħabba ksur ta' l-obbligi, għandhom isiru, skond kif jagħżel il-kreditur, fil-qorti fejn kellu jiġi mwettaq l-obbligu jew fejn ikun domiċiljat il-konvenut.

F'kawżi dwar aġir illegali jew delitti, il-qorti kompetenti hija dik tad-distrett fejn ikun seħħ il-fatt.

F'azzjonijiet ta' divorzju jew separazzjoni personali, il-qorti kompetenti hija dik ta' fejn ikun domiċiljat jew residenti l-attur.

Fi proċeduri ta' inventarji (relatati mas-suċċessjoni ta' persuna li tkun mietet), il-qorti kompetenti hija dik tad-distrett fejn il-mejjet kien domiċiljat l-aħħar.

F'każ ta' danni jew telf relatati ma' merkanzija trasportata bil-baħar, il-qorti kompetenti għal-likwidazzjoni tad-danni hija dik tal-port fejn kellha ssir il-kunsinna tal-merkanzija..

FuqFuq

L-azzjonijiet ta' danni għal kolliżjoni ta' bastimenti jistgħu jsiru fil-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq it-territorju fejn ikun seħħ l-inċident, dik tat-territorju fejn ikun domiċiljat sid il-bastiment li jkun sofra d-danni, dik tat-territorju fejn jappartjeni l-bastiment jew fejn ikun jinsab, jew dik ta' l-ewwel port fejn jidħol il-bastiment li jkun sofra l-ħsara.

Il-ħlas għal salvataġġ jew għajnuna għal bastimenti jista' jintalab fil-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq it-territorju fejn ikun seħħ il-fatt, dik tad-distrett fejn ikun domiċiljat sid l-oġġetti salvati jew fejn ikun jinsab il-bastiment in kwestjoni.

L-azzjonijiet dwar drittijiet privileġġati fuq bastiment akkwistat għandhom isiru quddiem il-qorti tal-port fejn il-bastiment ikun ankrat fil-ħin ta' l-akkwist.

Fil-każ ta' proċeduri speċjali għall-irkupru ta' kumpanija jew ta' falliment, il-qorti kompetenti tkun dik fejn il-kumpanija jkollha l-kwartijieri ġenerali tagħha jew fejn teżerċita l-attivtajiet prinċipali tagħha.

Il-qorti tad-distrett fejn tkun tinsab xi fergħa, aġenzija, uffiċċju tal-fergħa, delegazzjoni jew rappreżentanza ta' kumpanija barranija fil-Portugall hija kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta' proċeduri speċjali ta' irkupru tal-kumpanija jew ta' falliment li jirriżultaw minn obbligi kuntrattati fil-Portugall jew li kellhom jitwettqu fil-Portugall, iżda din l-azzjoni tkun limitata għall-assi li jinsabu fit-territorju Portugiż.

Għar-rigward ta' proċeduri kawtelatorji (li huma serje ta' passi proċedurali bl-iskop li jissalvagwardjaw l-infurzar effettiv ta' deċiżjoni ġudizzjarja) u atti eżekuttivi, japplikaw dawn ir-regoli:

FuqFuq

  1. rikors għal mandat ta' qbid (it-teħid ġudizzjarju ta' oġġetti) u ta' deskrizzjoni (li jikkonsisti fid-deskrizzjoni, il-valutazzjoni u l-kunsinna ta' l-oġġett lil depożitarju) għandu jiġi ppreżentat fil-qorti tad-distrett fejn ikunu jinsabu l-oġġetti, u jekk ikunu jinsabu f'diversi distretti, f'xi wieħed minnhom;
  2. rikors għal mandat ta' inibizzjoni ta' xogħol (rimedju ta' urġenza li jintuża biex jitwaqqaf xogħol ġdid) għandu jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post fejn ikun qed isir ix-xogħol;
  3. għar-rigward ta' proċeduri kawtelatorji oħrajn, il-kompetenza hija tal-qorti fejn tiġi ppreżentata l-azzjoni relattiva;
  4. fir-rigward ta' atti eżekuttivi, il-provi jridu jitressqu quddiem il-qorti tad-distrett fejn tkun mitluba l-eżekuzzjoni.

In-notifiki meħtieġa għandhom isiru fil-qorti fejn tkun residenti l-persuna li tkun trid tiġi notifikata.

Fir-rigward ta’ kawżi quddiem it-Tribunal Industrijali, ir-regola ġenerali hi li dawn iridu jiġu proposti quddiem il-qorti tad-domiċilju tal-konvenut.

Madanakollu, il-kawżi relatati ma’ kuntratti ta’ xogħol miftuħa mill-impjegat kontra min jimpjegah, jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti tal-post fejn isir ix-xogħol jew tad-domiċilju tiegħu.

Jekk ikun hemm diversi atturi, hija kompetenti l-qorti tal-post fejn isir ix-xogħol jew tad-domiċilju ta’ xi wieħed minnhom.

Jekk ix-xogħol isir f’aktar minn post wieħed, il-kawżi jistgħu jsiru fil-qorti ta’ kull wieħed minn dawn il-postijiet.

Il-kawżi dwar mard jew korriment fuq il-post tax-xogħol iridu jitressqu quddiem il-qorti tal-post fejn ikun seħħ l-inċident jew fejn il-persuna marida tkun ħadmet l-aħħar fix-xogħol li minnu tkun qabditha l-marda. Jekk l-inċident iseħħ f’pajjiż barrani, il-kawża għandha ssir fil-Portugall, fil-qorti tal-post ta’ domiċilju tal-vittma ta’ l-inċident. Il-parteċipazzjoni mitluba bil-liġi trid tkun indirizzata lill-qorti stabbilita skond dawn ir-regoli. Il-qorti tad-domiċilju tal-vittma ta’ inċident, mard jew benefiċċjarju hija kompetenti wkoll jekk tkun meħtieġa sal-fażi litiġjuża tal-proċess. Jekk il-vittma ta’ inċident, persuna marida jew benefiċċjarju jkun reġistrat ma’ l-ekwipaġġ ta’ bastiment jew ajruplan u l-inċident jew il-mard iseħħ matul vjaġġ, xorta tkun kompetenti l-qorti ta’ l-ewwel lokalità fit-territorju domestiku fejn jasal il-bastiment jew l-ajruplan jew fejn ikun reġistrat.

FuqFuq

F’każ ta’ sensja kollettiva, il-proċeduri preventivi u l-kawżi għandhom isiru fil-qorti fejn ikun jinsab il-post tax-xogħol. F’każ ta’ sensja ta’ ħaddiema f’diversi postijiet tax-xogħol, ikollha kompetenza l-qorti tal-post tax-xogħol fejn ikunu jaħdmu l-ikbar numru ta’ ħaddiema mkeċċija.

Fir-rigward ta’ kawżi ta’ natura ċivili li jirrigwardaw lil persuni minuri, tapplika r-regola ġenerali li hija kompetenti l-qorti taż-żona fejn il-minuri jkun residenti fil-ħin meta tinbeda l-kawża. Jekk ir-residenza tal-persuni minuri ma tkunx magħrufa, jkollha kompetenza l-qorti fejn ikunu residenti l-persuni li jeżerċitaw is-setgħa tal-ġenituri. Jekk il-persuni li jeżerċitaw is-setgħa tal-ġenituri jkunu residenti f’postijiet differenti, ikollha kompetenza l-qorti tal-persuna li jkollha l-kustodja tal-minuri, u jekk il-kustodja tkun konġunta, tal-persuna li magħha tkun tgħix il-persuna minuri. Jekk xi proċedura tkun tirrigwarda żewġ minuri jew aktar, tfal ta’ l-istess ġenituri u li jgħixu f’żoni differenti, ikollha kompetenza l-qorti tat-territorju fejn jgħixu l-biċċa l-kbira minnhom; jekk ikunu ndaqs, il-qorti kompetenti tkun dik fejn il-kawża tinfetaħ l-ewwel. Jekk fil-ħin meta tinfetaħ il-kawża, il-minuri ma jkunx jgħix fil-Pajjiż, il-qorti kompetenti tkun dik fejn jgħix ir-rikorrent jew l-intimat; jekk anki dawn ikunu jgħixu f’pajjiż barrani u l-qrati Portugiżi jkollhom ġurisdizzjoni internazzjonali, din taqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti ta’ Lisbona.

a) Taħt liema ċirkostanzi nista’ nagħżel bejn il-qorti fejn il-konvenut huwa domiċiljat (kif stipulat mir-regola ġenerali) u ġurisdizzjoni oħra?

Din il-mistoqsija hija mwieġba fil-paragrafu ċ) ta’ dan il-grupp 2.

FuqFuq

b) Taħt liema ċirkostanzi jiena obbligat nagħżel qorti li m’hijiex dik fejn il-konvenut huwa domiċiljat (kif stipulat mir-regola ġenerali)?

Fis-sitwazzjonijiet kollha mogħtija taħt Nru 2, tal-mistoqsija II.

c) Il-partijiet jistgħu jagħżlu qorti bi ftehim bejniethom, jekk din il-qorti ma jkollhiex ġurisdizzjoni taħt ir-regola ġenerali?

Iva, permezz ta’ l-iffirmar ta’ ftehim privat li jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni, il-partijiet jistgħu jiddeċiedu liema ġurisdizzjoni hija kompetenti biex tittratta kawża partikolari, jew kawżi li possibilment ikollhom x’jaqsmu ma’ relazzjoni ġuridika, meta jkun hemm konnessjoni ma’ aktar minn ordni ġuridika waħda.

L-istabbiliment ta’ ġurisdizzjoni bi ftehim jista’ jinvolvi l-attribuzzjoni ta’ kompetenza esklussiva jew alternattiva lill-qrati tal-Portugal, jekk ikun il-każ, waqt li huwa preżunt li hija alternattiva f’kas ta’ dubju.

Il-ftehim dwar l-għażla tal-forum ikun validu jekk jiġu sodisfatti b’mod kumulattiv u totali ir-rekwiżiti li ġejjin:

  1. ikun jirrigwarda tilwim li jinvolvi d-drittijiet tal-partijiet;
  2. ikun aċċettabbli taħt il-liġi tal-forum propost;
  3. ikun ġustifikat minn interess serju taż-żewġ partijiet jew ta’ parti minnhom, b’tali mod li ma jinvolvix inkonvenjent gravi għall-parti l-oħra;
  4. ma jaqax taħt qasam ta’ kompetenza esklussiva tal-qrati Portugużi;
  5. ikun jirriżulta minn ftehim bil-miktub jew ikkonfermat bil-kitba, li fih ikun hemm imniżżla il-ġurisdizzjoni kompetenti. Għal dan l-iskop, jiġi ikkunsidrat bħala ftehim bil-miktub dak li jkun iffirmat bejn iż-żewġ partijiet, jew dak li jirriżulta minn bdil ta’ ittri, telex, telegrammi jew mezzi oħra ta’ komunikazzjoni li fihom hemm prova bil-miktub u diretta tal-ftehim, jew li fihom xi referenza għal xi dokument li fih hemm miktub il-ftehim.

FuqFuq

Għar-rigward ta’ kawżi industrijali, kull ftehim jew klawsola li bihom tiġi eskluża il-kompetenza territorjali attribwita skond kif imsemmi fir-risposta għall-mistoqsija II-2, huwa null. 

C. Kif inkun naf liema qorti hija kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi jekk dan ikun jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti speċjalizzata?

Trid tirreferi għal dawn il-kriterji:

Il-Qrati tal-Familja – għandhom il-kompetenza biex jisimgħu u jiddeċiedu proċessi ta’ ġurisdizzjoni voluntarja bejn il-miżżewġin, kawżi ta’ seperazzjoni personali u ta’ divorzju, inventarji u proċeduri kawtelatorji relatati magħhom, kawżi ta’ manteniment bejn il-miżżewġin u dawk li kienu miżżewġin, kawżi ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità jew ta’ annullament ta’ żwieġ, kawżi ta’ annullament ta’ żwieġ li jkun sar bona-fide miż-żewġ miżżewġin, u kawżi għall-manteniment bejn il-miżżewġin u dawk li kienu miżżewġin.

Il-qrati tal-Familja għandhom ukoll dawn il-kompetenzi:

Dawn il-Qrati huma kompetenti wkoll, fir-rigward ta’ tfal minuri u dawk li jkunu laħqu l-età maġġuri, sabiex:

  1. Jistabilixxu t-tutela u l-amministrazzjoni tal-beni;
  2. Jinnominaw persuna li tista’ tagħmel negozju f’isem persuni minuri kif ukoll li jinnominaw prokuratur ġenerali li jirrapreżenta b’mod extra-ġudizzjarju lill-minuri li jkunu soġġetti għas-setgħa tal-ġenituri;
  3. Jagħtu digriet ta’ adozzjoni;
  4. Jirregulaw l-eżerċizzju tas-setgħa tal-ġenituri u jagħtu direttivi dwar kwestjonijiet f’dan ir-rigward;
  5. Jiffissaw il-manteniment dovut lill-minuri u lit-tfal mhux minuri jew emanċipati, u jittrattaw u jiddeċiedu talbiet dwar l-eżekuzzjoni tal-manteniment;
  6. Jordnaw il-kunsinna ġudizzjarja tal-minuri;
  7. Jawtorizzaw lir-rappreżentant legali tal-minuri sabiex iwettaq ċerti atti, jikkonfermaw dawk li jkunu twettqu mingħajr awtorizzazzjoni, u jieħdu azzjoni dwar l-aċċettazzjoni tal-libertajiet;
  8. Jiċċediedu dwar il-garanzija li l-ġenituri għandhom jagħtu favur l-ulied minuri;
  9. Jirregolaw l-inibizzjoni totali jew parzjali, u jistabilixxu limitazzjonijiet għall-ezerċizzju tas-setgħa tal-ġenituri;
  10. Jipproċedu għall-verifikazzjoni uffiċjali tal-maternità, tal-paternità jew għaċ-ċaħda tal-preżunta paternità;
  11. Jiddeċiedu dwar l-isem u l-kunjom tal-minuri f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri.

FuqFuq

Il-Qrati tal-Familja għandhom ukoll dawn il-kompetenzi :

  1. Jekk il-gwardjan jew l-amministratur ikollhom it-tutela jew l-amministrazzjoni tal-beni, jistabbilixxu r-renumerazzjoni tagħhom, jirrikonoxxu l-eżenzjoni, l-eżonerazzjoni jew it-tneħħija tal-kuratur, amministratur jew rappreżentant tal-familja, jitolbu u jiverifikaw ir-rendikont ta’ l-attivitajiet, jawtorizzaw is-sostituzzjoni ta’ l-ipoteka legali u jistabbilixxu l-konferma jew is-sostituzzjoni tal-garanzija u jinnominaw prokuratur speċjali li jirrapreżenta lill-minuri f’sitwazzjonijiet extra-ġudizzjarji;
  2. Jinnominaw prokuratur speċjali li jirrapreżenta lill-minuri f’kull proċess tutelari;
  3. Jikkonvertu, jirrevokaw u jirrevedu l-adozzjoni, jitolbu u jivverifikaw ir-rendikonti ta’ min qed jadotta u jiffissaw s-somma tal-flus maħsuba għall-manteniment tal-persuna adottata;
  4. Jiċċediedu dwar il-konferma jew is-sostituzzjoni tal-garanzija favur l-ulied minuri;
  5. Jitolbu u jivverifikaw ir-rendikonti li l-ġenituri għandom jagħtu;
  6. Jirrikonoxxu kull inċident ieħor fil-proċessi msemmija fil-paragrafi preċedenti.

It-Tribunali Industrijali – Essenzjalment it-tribunali industrijali għandhom dawn il-kompetenzi fi kwistjonijiet ċivili:

  1. Kwistjonijiet li jirriżultaw mill-annullament u l-interpretazzjoni tal-instrumenti ta’ ftehim kollettiv tax-xogħol li m’humiex ta’ natura amministrattiva;
  2. Kwistjonijiet li jirriżultaw minn relazzjonijiet ta’ xogħol kuntrattat u minn relazzjonijiet stabbiliti fuq il-kuntratti tax-xogħol;
  3. Kwistjonijiet li jirriżultaw minn inċidenti fuq ix-xogħol u mard;
  4. Kwistjonijiet ta’ mard jew sptarijiet, ta’ provista ta’ kura li tirriżulta minn servizzi kliniċi, ta’ apparat ta’ proteżi jew ortopedija, jew kull servizz ieħor jew ħlas għall-benefiċċju ta’ vittmi ta’ inċidenti jew mard fuq il-post tax-xogħol;
  5. Azzjonijiet maħsuba biex jannullaw atti u kuntratti mwettqa minn kull entità responsabbli bil-għan li tinħall mill-obbligi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni sindikali jew ta’ xogħol;
  6. Kwistjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti meqjusa bil-liġi bħala kuntratti tax-xogħol;
  7. Kwistjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti ta’ apprentistat u ta’ taħriġ;
  8. Kwistjonijiet bejn ħaddiema għas-servizz ta’ l-istess entità, relatati ma’ drittijiet u obbligi li jirriżultaw minn azzjonijiet komuni fl-eżekuzzjoni tax-xogħol jew li jirriżultaw minn xi att illeċitu minn xi wieħed minnhom fl-eżekuzzjoni tax-xogħol u għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għalll-kompetenza tal-qrati kriminali fir-rigward tar-responsabilità ċivili konnessa mar-reat kriminali;
  9. Kwistjonijiet bejn istituzzjonijiet ta’ welfare soċjali jew ta’ benefiċċji għall-familja u l-benefiċċjarji tagħhom, f’dak li jirrigwarda drittijiet, poteri jew obbligi legali, regolamentarji jew statutorji ta’ parti jew oħra, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza propja tat-tribunali amministrattivi u fiskali;
  10. Kwistjonijiet bejn trade unions u membri jew persuni rappreżentati minnhom, jew li jkunu milquta mid-deċiżjonijiet tagħhom, f’dak li jirrigwarda dritti, poteri jew obbligi legali, regolamentarji jew statutorji ta’ xi parti;
  11. Proċessi maħsuba għal-liqwidazzjoni u t-tqassim tal-beni ta’ istituzzjonijiet ta’ welfare soċjali jew trade unions, meta l-liġi ma tipprovdix mod ieħor;
  12. Kwistjonijiet bejn istituzzjonijiet ta’ welfare soċjali jew bejn trade unions, relatati ma’ l-eżistenza, l-estensjoni jew il-kwalità tal-poteri jew obbligi legali, regolamentarji jew statutorji ta’ parti minnhom li taffetwa lill-oħra;
  13. Azzjonijiet ibbażati fuq id-deċiżjonijiet jew poteri eżekuttivi oħra, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza attribwita lil qrati oħra;
  14. Kwistjonijiet bejn partijiet f’relazzjoni ġuridika ta’ xogħol, jew bejn wieħed minnhom u terzi persuni, li jirriżultaw minn relazzjonijiet konnessi u relatati ma’ xogħol, minħabba dependenza jew kumplimentarjetà u t-talba tingħaqad ma’ oħra fejn it-tribunal huwa direttament kompetenti;
  15. Kwistjonijiet ċivili li jirriżultaw minn strajk;
  16. Kwistjonijiet li jirriżultaw bejn il-kumitati tal-ħaddiema u kumitati li jikkordinaw, il-kumpanija jew il-ħaddiema tagħha;
  17. Kwistjonijiet oħra li jistgħu jirriżultaw bil-liġi.

FuqFuq

Il-Qrati Kummerċjali – Il-qrati kummerċjali għandhom il-kompetenza li jittrattaw u jiddeċiedu:

  1. Il-proċessi speċjali ta’ l-irkrupru ta’ kumpanija jew tal-falliment tagħha;
  2. L-azzjonijiet ta’ dikjarazzjoni ta’ ineżistenza, nullità u annullament ta’ l-istatut ta’ kumpanija;
  3. L-azzjonijiet relatati ma’ l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-kumpanija;
  4. L-azzjonijiet ta’ sospensjoni u ta’ annullament tad-deċiżjonijiet tal-kumpanija;
  5. L-azzjonijiet ta’ xoljiment u ta’ likwidazzjoni ġuridika ta’ kumpaniji;
  6. L-azzjonijiet dwar pretensjoni ta’ proprjetà industrijali;
  7. L-azzjonijiet li hemm referenza għalihom fil-Kodiċi tar-Reġistru tal-Kummerċ;
  8. L-azzjonijiet ta’ nullità u ta’ annullament li hemm referenza għalihom fil-Kodiċi tal-Propjetà Industrijali.

It-tribunali kummerċjali għandhom ukoll il-kompetenza li jiddeċiedu:

  1. Appelli minn deċiżjonijiet, li fit-termini previsti fil-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali, jikkonċedu, jirrifjutaw jew jabolixxu kull dritt privat li hemm previsti fil-Kodiċi;
  2. Appelli minn deċiżjonijiet tar-Reġistratur tal-Kummerċ.

Il-Qrati Marittimi– Il-Qrati Marittimi għandhom dawn il-kompetenzi fi kwestjonijiet relatati ma’:

  1. Spejjeż dovuti fir-rigward ta’ danni kkawżati minn, jew magħmula fuq, bastimenti, dgħajjes u inġenji oħra tal-baħar, jew li jirriżultaw mill-użu marittimu tagħhom;
  2. Kuntratti ta’ kostruzzjoni, tiswija, bejgħ u xiri ta’ vapuri, dgħajjes u inġenji oħra tal-baħar, li huma maħsuba għal użu marittimu;
  3. Kuntratti ta’ trasport bil-baħar jew kuntratt ta’ trasport mifrux fuq żewġ mezzi ta’ trasport jew iktar;
  4. Kuntratti ta’ trasport fuq xmajjar jew mgħodijiet interni ta’ l-ilma;
  5. Kuntratti ta’ użu marittimu ta’ bastimenti, dgħajjes u inġenji oħra tal-baħar , maħsuba biex jiġu mikrija;
  6. Kuntratti ta’ assikurazzjoni ta’ bastimenti, dgħajjes u inġenji oħra tal-baħar, li huma maħsuba għal użu marittimu u għat-tagħbija tagħhom;
  7. Ipoteki u privileġġi fuq vapuri u dgħajjes, kif ukoll garanziji fuq inġenji tal-baħar u t-tagħbija tagħhom;
  8. Proċessi speċjali relatati ma’ vapuri, dgħajjes u inġenji oħra tal-baħar u mat-tagħbija tagħhom;
  9. Proċeduri kawtelatorji fuq vapuri, dgħajjes u inġenji oħra tal-baħar relatati ma’ tagħbija, banek u oġġetti oħra relatati ma’ vapuri, dgħajjes u inġenji oħra tal-baħar, kif ukoll bħala talba preliminari għall-ħelsien ta’ dawn l-oġġetti fl-istess proċedimenti;
  10. Ħsarat komuni jew partikolari, inklużi dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ inġenji oħra tal-baħar;
  11. Assistenza u salvataġġ fuq il-baħar;
  12. Kuntratti ta’ rmunkar u kuntratti ta’ pilotaġġ;
  13. Tneħħija ta’ inġenji tal-baħar mgħarrqa;
  14. Responsabilità ċivili li tirriżulta minn kontaminazzjoni tal-baħar u ilmijiet oħra, taħt il-ġuridizzjoni tal-Qorti;
  15. Użu, ħsara, sejba jew appropjazzjoni ta’ apparat tas-sajd jew ta’ qbid ta’ mħar, molluski jew pjanti tal-baħar, ħadid, apparat, armi, provisti u aktar oġġetti maħsuba għan-navigazzjoni jew għas-sajd, kif ukoll danni kkawżati minn jew fuq l-istess oġġetti;
  16. Danni kkawżati lill-patrimonju marittimu pubbliku;
  17. Proprjetà u pussess ta’ affarijiet/oġġetti misjuba fil-baħar jew fdalijiet li jinsabu f’qiegħ il-baħar jew f’ilmijiet interni u li huma ta’ interess marittimu;
  18. Qbid;
  19. Il-kwestjonijiet kollha in ġenerali fuq kwistjonijiet relatati mal-liġi tal-Kummerċ Marittimu.

Aktar tagħrif

  • Qorti Suprema tal-Ġustizzja; English - français - português
  • Ministeru tal-Ġustizzja; English - português
  • Qorti Kostituzzjonali; português
  • Qorti ta' l-Appell ta' Lisbona; português
  • Qorti ta' l-Appell ta' Coimbra; português
  • Qorti ta' l-Appell ta' Évora; English - français - português
  • Qorti ta' l-Appell ta' Porto; português
  • Prokuratur Ġenerali tar-Repubblika; português
  • Ċentru ta' l-Istudji Ġuridiċi (entità respnsabbli għat-taħriġ tal-Maġistrati Portugiżi); English - français - português
  • Direzzjoni Ġenerali ta' l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (fejn hemm disponibbli, fost affarijiet oħrajn, informazzjoni dwar il-kuntatti għall-Qrati u l-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom u aċċess għall-Paġna ta' l-Uffiċjali tal-Ġustizzja); português
  • Kabinett tal-Politika Leġislattiva u l-Ippjanar tal-MInisteru tal-Ġustizzja; English - português
  • Direttorat Ġenerali tar-Reġistri u tan-Notarjat; português
  • Istitut tal-Konsumaturi; português
  • Assoċjazzjoni ta' l-Imħallfin Portugiżi; português
  • Sindikat tal-Maġistrati tal-Ministeru Pubbliku; português
  • Kamra ta' l-Avukati; português
  • Bażi ta' leġislazzjoni on-line (fiha l-atti ppubblikati taħt is-Seje I tad-D.R. mill-01-01-1970; tagħti aċċess b'xejn għal-leġislazzjoni ppubblikata fis-Serje I sa mill-01-01-2000); português

« Jurisdizzjoni tal-qrati - Informazzjoni Ġenerali | Portugall - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 22-06-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit