Ordni Legali
Organizzazzjoni tal-Ġustizzja
Professjonijiet legali
Għajnuna legali
Jurisdizzjoni tal-qrati
Ftuħ ta’ kawża fil-qorti
Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura
Liġi applikabbli
Servizz tad-dokumenti
Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza
Miżuri temporanji u miżuri ta’ prekawzjonijiet
Infurzar tas-sentenzi
Proċeduri simplifikati u maġġla
Divorzju
Risponsabilità tal-ġenituri
Talbiet ta’manteniment
Falliment
Meżżi alternattivi għal riżoluzzjoni ta’ kwistjoni
Kumpens għall-vittmi tal-kriminalità
Proċessar Awtomatiku
Taħt il-liġijiet tal-proċedura ċivili ta’ l-Olanda m’hemmx qrati speċjalizzati, bħal qorti kummerċjali jew tribunal industrijali. Fil-prinċipju, il-qrati għalhekk għandhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu l-każijiet kollha ta’ natura ċivili.
Fi kwistjonijiet ċivili, il-qrati jieħdu konjizzjoni tal-każijiet ċivili kollha ta’ l-ewwel grad, ħlief għal dawn il-każijiet li bil-liġi jiġu assenjati lil qrati oħrajn.
F’dan il-kuntest, is-sistema legali Olandiża tistabbilixxi tlett tipi ta’ qrati: il-Qrati tad-Distrett, il-Qrati tal-Ġustizzja u l-Qorti Suprema.
Hemm dsatax-il qorti tad-distrett u ħames qrati tal-ġustizzja, waqt li Qorti Suprema hemm waħda biss.
Fi ħdan il-qrati, hemm taqsimiet organizzattivi magħrufa bħala ‘setturi’. Fil-qrati tad-distrett, is-setturi huma l-liġi tal-canton, il-liġi amministrattiva, il-liġi ċivili u l-liġi kriminali.
Il-Qorti tad-Distrett għandha sezzjonijiet ta’ Imħallef Wieħed u Sezzjonijiet bi Tlett Imħallfin. Il-każijiet tal-canton, li jkunu każijiet fejn ma jkunx hemm kwistjonijiet legali kkumplikati u każijiet urġenti normalment jinstemgħu mis-Sezzjoni ta’ Imħallef Wieħed, waqt li l-każijiet li jinvolvu kwistjonijiet legali aktar ikkumplikati jinstemgħu mis-Sezzjoni ta’ Tlett Imħallfin. Il-biċċa l-kbira tal-kawżi tal-familji jinstemgħu quddiem is-Sezzjoni ta’ Imħallef Wieħed. Eżempju ta’ Sezzjoni ta’ Imħallef Wieħed hija l-Qorti tal-Minorenni għal ċerti proċedimenti li jinvolvu l-minorenni.
Il-qorti ċivili m’hijiex kompetenti biex tisma’ kawżi fejn il-ġurisdizzjoni tkun ta’ qorti amministrattiva, fir-rigward ta’ tilmiwiet kontra l-awtoritajiet pubbliċi.
It-tqassim tal-kompetenzi bejn is-settur kantonali u s-settur tal-liġi ċivili tal-Qrati tad-Distrett huwa regolat mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Il-prinċipju ġenerali hu li s-settur tal-liġi ċivili tal-Qorti tad-Distrett għandu ġurisdizzjoni fuq il-każijiet kollha, ħlief għal dawk il-każijiet li huma assenjati espressament lis-settur kantonali mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
L-aktar kriterji importanti għal dan it-tqassim ta’ kompetenzi huma:
L-Imħallef tal-Canton għandu ġurisdizzjoni jekk il-valur tat-talba ma jkunx jaqbeż il-€ 5000. L-Imħallef tal-Canton għandu ġurisdizzjoni wkoll f’każijiet fejn il-valur ikun għadu ma ġiex kwantifikat, iżda fejn ikun jemm indikazzjonijiet li t-talba ma tabiżx il-€ 5000 ;
u
L-imħallef tal-canton għandu ġurisdizzjoni f’każijiet dwar kuntratti ta’ kiri, ftehim industrijali (individwali jew kollettivi), kuntratti ta’ aġenzija u kuntratti ta’ xiri bin-nifs. Il-valur tat-talba huwa irrelevanti f’dan il-kuntest.
Is-settur tal-liġi ċivili tal-Qrati tad-Distrett għandu ġurisdizzjoni fil-każijiet l-oħrajn kollha.
Din il-mistoqsija hija dwar l-hekk imsejħa ġurisdizzjoni relattiva, fi kliem ieħor, liema waħda mid-dsatax-il Qorti tad-Distrett għandha ġurisdizzjoni e.ż. il-Qorti tad-Distrett ta’ Amsterdam jew il- Qorti tad-Distrett ta’ Leeuwarden? Din tissejjaħ ukoll il-ġurisdizzjoni ġeografika.
Il-ġurisdizzjoni relattiva tal-qrati Olandiżi tista’ tiġi mfissra b’dan il-mod: f’każijiet ta’ natura transfruntierali, la jkun ġie stabbilit li l-qrati Olandiżi għandhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu l-każ, il-ġurisdizzjoni relattiva hija regolata bil-liġi interna ta’ l-Olanda (ħlief jekk ir-regola li tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali tindika wkoll liema qorti għandha ġurisdizzjoni relattiva, e.ż. l-artikolu 5(2) tar-Regolament Brussell I).
Il-proċeduri ta’ l-ewwel grad li jinbdew b’ċitazzjoni isegwu din ir-regola ġenerali (artikolu 99 tal- Kodiċi tal-Proċedura Ċivili): salv jekk il-liġi tipprovdi mod ieħor, il-qorti li fit-territorju tagħha l-konvenut ikollu r-residenza ordinarja tiegħu jkollha ġurisdizzjoni. Jekk il-konvenut ma jkollu ebda post ta’ residenza fl-Olanda jew jekk din ir-residenza ma tkunx magħrufa, il-ġurisdizzjoni tkun tal-qorti tat-territorju fejn jgħix l-attur (ġewwa l-Olanda). L-Att tat-Tqassim Ġudizzjarju jistabbilixxi liema qorti għandha ġurisdizzjoni meta l-konvenut ikollu l-post ta’ residenza jew ir-residenza abitwali tiegħu f’ċerta lokalità. Dan l-att iqassam kull lokalità taħt id-19-il distrett.
Ir-regola ġenerali għal proċeduri ta’ l-ewwel grad li jinbdew b’rikors (artikolu 262 of the Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) hi li l-ġurisdizzjoni tkun tal-qorti tat-territorju fejn ir-rikorrent (jew wieħed mir-rikorrenti, jew waħda mill-partijiet interessati msemmija fir-rikors) ikollu r-residenza tiegħu. Meta ma jkun hemm ebda post ta’ residenza magħruf fl-Olanda, il-ġurisdizzjoni tkun tal-qorti tal-post ta’ reisdenza abitwali (fl-Olanda). F’każ illi r-rikors ikun relatat ma’ proċedura mibdija b’ċitazzjoni, il-qorti li tieħu konjizzjoni ta’ dik it-tilwima tkun kompetenti biex tisma’ l-każ mibdi b’rikors.
Ir-regoli speċifikati hawn taħt f’2a, 2b u 2ċ huma l-aktar applikabbli għal proċedimenti mibdija b’ċitazzjoni.
Normalment il-qorti tar-rikorrent ikollha ġurisdizzjoni fi proċeduri mibdija b’rikors. Iżda hemm xi eċċezzjonijiet meta r-rikors ikun jirrigwarda varjazzjonijiet għall-obbligi ta’ manteniment.
Rikors għal varjazzjoni tal-manteniment lit-tfal irid jiġi ppreżentat fil-qorti fejn it-tfal ikunu residenti.
Rikors għal varjazzjoni tal-manteniment bejn persuni separati/divorzjati jrid jiġi ppreżentat mill-persuna li għandha dritt tirċievi l-manteniment fil-qorti li tinsab fit-territorju fejn tkun residenti l-persuna li tħallas il-manteniment. Jekk din ta’ l-aħħar tkun trid tippreżenta rikors għall-varjazzjoni tal-manteniment, dan irid jiġi ppreżentat fil-qorti tat-territorju fejn hija residenti l-persuna li għandha dritt tirċievi l-manteniment.
Il-liġi proċedurali ta’ l-Olanda għandha għadd ta’ dispożizzjonijiet li jagħtu l-ġurisdizzjoni lil qrati li m’għandhomx ġurisdizzjoni taħt ir-regola ġenerali (il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza jew ir-residenza abitwali tiegħu). Din tissejjaħ ġurisdizzjoni konkorrenti, u tagħti lir-rikorrent għażla bejn ir-regola ġenerali u r-regola alternattiva. L-aktar dispożizzjonijiet importanti f’dan ir-rigward huma mfissra hawn isfel:
Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għal proċedimenti mibdija b’ċitazzjoni:
Fi proċedimenti ta’ tilwim industrijali jew dwar aġenzija (artikolu 100 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), il-qorti li fit-territorju tagħha jsir ix-xogħol għandha ġurisdizzjoni konkorrenti.
F’każijiet dwar drittijiet tal-konsumatur (artikolu 101 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), fejn il-ġurisdizzjoni konkorrenti tista’ tiġi eżerċitata mill-qorti tat-territorju fejn il-konsumatur għandu r-residenza jew residenza abitwali tiegħu.
Azzjoni illegali (artikolu 102 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)
Fi proċedimenti dwar azzjoni illegali, il-qorti tat-territorju fejn tkun saret il-ħsara għandha ġurisdizzjoni konkorrenti.
Proprjetà immobbli (artikolu 103 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)
Fi proċedimenti dwar il-proprjetà immobbli, il-qorti tat-territorju fejn tkun tinsab il-propjetà immobbli (jew l-akbar parti minnha) għandha ġurisdizzjoni konkorrenti. Fi proċedimenti dwar kiri ta’ fond residenzjali jew kummerċjali, il-Qorti tal-Canton fejn tinsab il-proprjetà mikrija (jew l-akbar parti minnha) għandha ġurisdizzjoni esklussiva.
Suċċessjoni (artikolu 104 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Fi proċedimenti dwar drittijiet ta’ suċċessjoni, il-qorti tat-territorju fejn il-mejjet kien jgħix l-aħħar għandha ġurisdizzjoni konkorrenti.
Persuni ġuridiċi (artikolu 105 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)
Fi proċedimenti dwar persuni ġuridiċi (li għandhom x’jaqsmu mal-likwidazzjoni ta’ dawn l-entitajiet, in-nullità jew il-validità tad-deċiżjonijiet tagħhom, id-drittijiet u l-obbligi tal-membri jew l-azzjonisti), il-qorti tat-territorju fejn il-persuna ġuridika għandha s-sede tagħha għandha ġurisdizzjoni konkorrenti.
Falliment, akkordju u riorganizzazzjoni ta’ djun (artikolu 106 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)
Fi proċedimenti ta’ falliment, akkordju u riorganizzazzjoni ta’ djun ta’ individwi privati, il-qorti fejn ipoġġi l-Imħallef inkwerenti, jew, f’każ li ma jinħatar ebda Imħallef inkwerenti, il-qorti li tagħti d-digriet relattiv għandha ġurisdizzjoni konkorrenti. L-Att dwar il-Falliment fih ukoll diversi regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jirbħu fuq ir-regola hawn fuq imsemmija.
Għar-rigward ta’ proċedimenti ta’ divorzju, japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet :
Il-ġurisdizzjoni relattiva tal-qorti tad-divorzju hija regolata bl-artikolu 262 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (regola ġenerali): il-qorti tat-territorju fejn ikun residenti r-rikorrent (jew wieħed mir-rikorrenti, jew waħda mill-partijiet interessati msemmija fir-rikors), u meta ma jkun hemm ebda post ta’ residenza magħruf fl-Olanda, il-qorti li fit-territorju tagħha jkun hemm ir-residenza abitwali (fl-Olanda) għandha l-ġurisdizzjoni. Il-forum tal-parti interessata hija forum alternattiv minbarra l- forum tar-rikorrent.
Il-liġi proċedurali Olandiża fiha għadd ta’ dispożizzjonijiet li jidderogaw mir-regola ġenerali. F’dawn il-każijiet, m’hemmx għażla bejn ir-regola speċifika u r-regola ġenerali : ir-regola speċifika hija mandatorja.
Fi proċeduri li jinvolvu l-minorenni, tapplika din ir-regola speċifika:
Il-qorti li fit-territorju tagħha l-minorenni jkun jew tkun residenti jew abitwalment residenti għandha l-ġurisdizzjoni (artikolu 265 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Din ir-regola m’hijiex regola alternattiva, iżda waħda speċifika li tirbaħ fuq ir-regola ġenerali. F’każijiet bħal dawn, il-ġurisdizzjoni ma tkunx tal-qorti tat-territorju fejn ir-rikorrent ikollu r-residenza tiegħu (jiġifieri, ir-regola ġenerali fi proċedimenti mibdija b’rikors), iżda tal-qorti tat-territorju fejn il-minorenni jkollu jew ikollha r-residenza jew ir-residenza abitwali tiegħu jew tagħha (ġewwa l-Olanda). Barra minn hekk, jekk din ir-regola ma tagħti ġurisdizzjoni lil ebda qorti, il-ġurisdizzjoni tingħata lill-Qorti ta’ l-Aja.
Barra minn hekk, il-liġi proċedurali Olandiża tistabbilixxi r-regoli speċifiċi li ġejjin fir-rigward tal-ġurisdizzjoni relattiva (bħal qabel, ser jissemmew biss l-aktar regoli importanti):
Ir-Reġistru Muniċipali tat-twelid, żwieġ u mewt (artikolu 263 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)
F’każijiet dwar żjieda, reġistrazzjoni, kanċellament jew emenda fir-reġistru jew dokumenti li jeħtieġu li jiġu reġistrati jew li diġà jkunu reġistrati, il-kompetenza hija tal-qorti tat-territorju fejn id-dokument huwa reġistrat jew jeħtieġ li jiġi reġistrat.
Kiri ta’ proprjetà immobbli (artikolu 264 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)
F’każijiet dwar kiri ta’ proprjetajiet immobbli, il-ġurisdizzjoni hija tal-qorti tat-territorju fejn tinsab il-proprjetà mikrija.
Tutela, amministrazzjoni u kurazija (artikolu 266 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
F’każijiet dwar tutela, amministrazzjoni u kurazija, il-ġurisdizzjoni tkun tal-qorti tat-territorju fejn il-persuna soġġetta għat-tutela, amministrazzjoni jew kurazija għandha r-residenza jew ir-residenza abitwali tagħha.
Assenza, persuni nieqsin, dikjarazzjoni ta’ mewt (artikolu 267 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)
F’każijiet dwar persuni assenti jew nieqsin, il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tkun dik il-qorti fil-post ta’ residenza abbandunat tal-persuna assenti jew nieqsa. Il-Qorti ta’ l-Aja għandha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet ta’ mewt.
Il-qorti ta’ l-Aja għandha ġurisdizzjoni fil-każijiet kollha msemmija hawnhekk u meta r-regola ta’ ġurisdizzjoni partikolari ma tagħti ġurisdizzjoni lil ebda qorti kompetenti (artikolu 268 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Fuq il-bażi ta’ l-artikolu 108 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-partijiet jistgħu jaqblu dwar forum permezz ta’ ftehim bil-miktub. Il-partijiet jistgħu jiftiehmu dwar forum biss f’każijiet li jaffetwaw biss id-drittijiet tal-partijiet. F’każijiet li jinvolvu l-interessi pubbliċi, bħal ċerti każijiet tal-familja u proċeduri ta’ falliment u akkordju, il-partijiet ma jistgħux jagħżlu forum differenti. F’każijet tal-canton il-partijiet għandhom possibiltà limitata li jiftiehmu dwar forum differenti. Il-partijiet ma jistgħux jifteihmu dwar forum differenti meta l-valur tat-talba jkun sa € 5000 (tkun xi tkun in-natura tat-talba).
Fil-prinċipju, il-qorti li tingħata l-ġurisdizzjoni permezz ta’ ftehim dwar il-forum ikollha ġurisdizzjoni esklussiva. Madanakollu, il-partijiet jistgħu jiftiehmu espressament li ma jkunx hemm ġurisdizzjoni esklussiva.
F’każijiet ta’ divorzju (divorzju, separazzjoni, annullament ta’ reġistrazzjoni ta’ koabitazzjoni, annullament ta’ żwieġ wara separazzjoni), l-artikolu 270(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxi regola speċjali. Skond dan l-artikolu, il-qorti mingħajr ġurisdizzjoni relattiva għandha tirreferi l-każ lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni relattiva. Madanakollu, il-paragrafu 2 jistipula illi dan iseħħ biss jekk il-konvenut/a (jiġifieri l-persuna miżżewġa li kontriha jinbdew il-proċedimenti) tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti. Jekk din il-persuna miżżewġa ma tidhirx il-qorti, jew jekk tidher iżda ma tikkontestax il-ġurisdizzjoni tal-qorti, il-qorti mingħajr ġurisdizzjoni relattiva xorta tista’ tisma’ l-każ. Din tissejjaħ aċċettazzjoni taċita tal-forum.
M’hemmx qrati speċjalizzati taħt il-liġi proċedurali Olandiża, għalkemm wieħed jista’ jgħid li l-Qorti tal-Canton hija qorti speċjalizzata għal każijiet industrijali u każijiet dwar kera.
« Jurisdizzjoni tal-qrati - Informazzjoni Ġenerali | Olanda - Informazzjoni Ġenerali »
L-aħħar aġġornament: 12-07-2006

