Kummissjoni Ewropea > NGE > Jurisdizzjoni tal-qrati > Liġi Internazzjonali

L-aħħar aġġornament: 20-03-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Jurisdizzjoni tal-qrati - Liġi Internazzjonali

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


Ir-regoli tal-Komunità dwar il-ġuriżdizzjoni huma applikabbli wkoll bejn l-Istati Membri u xi Stati barra l-Unjoni Ewropea

Jekk inti involut f’tilwima ma’ kumpanija, ma’ persuna professjonali, ma’ min iħaddmek, jew ma’ xi ħadd ieħor minn barra l-Unjoni Ewropea, trid tara l-qrati ta’ liema Stat għandhom il-ġuriżdizzjoni. Ir-risposta għal din il-mistoqsija jista’ jkollha konsegwenzi sinifikanti. Jekk ikollok litigazzjoni barra mill-pajjiż, jista’ jkollok tiffaċċja inkonvenjenzi u spejjeż addizzjonali, per eżempju minħabba n-neċessità li tittraduċi d-dikjarazzjonijiet tiegħek, li tqabbad avukat fl-Istat fejn ikunu se jsiru l-proċeduri, jew li tivvjaġġa għall-udjenzi quddiem il-qorti.

Il-Konvenzjoni ta’ Lugano

Fl-1988, l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u xi Stati oħra, iffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Lugano English - français dwar il-ġuriżdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Fil-preżent, apparti mill-Istati Membri ta’ l-UE, l-Isvizzera, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Polonja huma partijiet kontraenti għal dik il-konvenzjoni. Il-Konvenzjoni ta’ Lugano estendiet ir-regoli li jiddeterminaw il-ġuriżdizzjoni bejn l-Istati Membri li kienu stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Brussell ta’ l-1968 dwar il-ġuriżdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali ‘l barra mill-konfini ta’ l-Unjoni Ewropea. F’Marzu 2002, il-Konvenzjoni ta’ Brussell ta’ l-1968 ġiet sostitwita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Ir-Regolament immodifika wħud mid-dispożizzjonijiet ġurisdizzjonali. Huwa għalhekk li l-Konvenzjoni ta’ Lugano dalwaqt se titbiddel biex issir kompletament konformi mar-regoli applikabbli fl-Unjoni Ewropea.

X’inhuma l-prinċipji prinċipali tal-Konvenzjoni ta’ Lugano fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni?

B’mod ġenerali, il-fattur li jiddetermina l-ġuriżdizzjoni huwa d-domiċilju tal-konvenut. Persuni domiċiljati fi Stat Kontraenti, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, għandhom jiġu mħarrka fil-qrati ta’ dak l-Istat. Madankollu, il-Konvenzjoni fiha numru ta’ dispożizzjonijiet li jitbegħdu minn dan il-prinċipju u jippermettu li jittieħdu proċeduri bil-qorti fi Stat Kontraenti ieħor li ma jkunx dak tad-domiċilju tal-konvenut. L-iktar eżempji importanti ta’ dawn ir-regoli speċjali huma:

FuqFuq

  • fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligazzjoni kuntrattwali persuna tista’ tiġi mħarrka fil-qrati tal-post li fih titwettaq dik l-obbligazzjoni. Per eżempju, il-bejjiegħ Franċiż ta’ trakk jista’ jiġi mħarrek fin-Norveġja, jekk il-vettura kellha tiġi kkunsinnata hemm.
  • f’azzjoni għad-danni il-qrati tal-post fejn ikun ġara l-inċident li kkawża l-ħsara huma kompetenti. B’hekk, fil-każ ta’ inċident tat-traffiku li ġara fl-Isvizzera bejn turist domiċiljat fir-Renju Unit u persuna li toqgħod l-Isvizzera, l-attur Svizzeru jista’ juża l-qrati Svizzeri. Xi drabi l-post ta’ l-inċident li jagħti lok għar-responsabbiltà għad-danni (e.g. l-emissjoni ta’ sustanzi tossiċi ġo xmara fil-Polonja) u l-post fejn dak l-inċident jirriżulta fi ħsara (eż. ħsara lil xtieli msaqqija bl-ilma tax-xmara mniġġsa fil-Ġermanja) ma jkunux fl-istess Stat Kontraenti. F’dak il-każ, l-attur ikun liberu li jagħżel il-qrati ta’ wieħed minn dawk l-Istati Kontraenti.
  • fi kwistjonijiet relatati mal-manteniment il-kreditur tal-manteniment jista’ jirrikorri lejn il-qrati ta’ l-Istat Kontraenti li hu stess ikun domiċiljat fih.
  • f’ċerti relazzjonijiet kuntrattwali li jkunu kkaratterizzati minn żbilanċ ta’ poter notevoli bejn il-partijiet bħal kwistjonijiet relatati ma’ kuntratti tal-konsumaturi u ma’ l-assigurazzjoni l-parti l-aktar dgħajfa hija meqjusa li tkun teħtieġ protezzjoni speċjali. Bħala regola ġenerali, il-partijiet l-aktar dgħajfa (il-konsumatur, l-assigurat) jistgħu jiġu mħarrka biss fl-Istat Kontraenti fejn ikunu domiċiljati. Il-partijiet l-aktar b’saħħithom (in-negozjant, l-assiguratur), mill-banda l-oħra, jistgħu jiġu mħarrka wkoll, xi drabi suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, fl-Istat Kontraenti fejn il-parti l-aktar dgħajfa tkun domiċiljata.

Ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni speċjali elenkati hawn fuq jikkostitwixxu għażla addizzjonali għall-attur, li jista’ jagħżel ukoll li jħarrek lill-konvenut fil-qrati ta’ l-Istat Kontraenti li fih tkun domiċiljata dik il-persuna. Madankollu, hemm ukoll xi każijiet ta’ dik li tissejjaħ ġuriżdizzjoni esklussiva li ma jikkumplimentawx iżda jieħdu post il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Per eżempju,

  • fi kwistjonijiet relatati mas-sjieda jew mal-kiri ta’ proprjetà immobbli il-qrati ta’ l-Istat Kontraenti fejn tkun tinstab il-proprjetà biss għandhom ġuriżdizzjoni.
  • fi kwistjonijiet relatati ma’ drittijiet li jridu jiġu rreġistrati, bħal brevetti jew trejdmarks il-qrati ta’ l-Istat Kontraenti li fih tkun saret ir-reġistrazzjoni huma kompetenti esklussivament.
  • suġġett għal xi kundizzjonijiet il-partijiet għandhom ukoll il-possibbiltà li jagħżlu liberament l-Istat Kontraenti li l-qrati tiegħu għandu jkollhom il-ġuriżdizzjoni. Dan il-ftehim dwar l-għażla tal-qorti normalment iwassal għall-kompetenza esklussiva tal-qrati ta’ l-Istat Kontraenti magħżul, sakemm il-partijiet ma jistipulawx mod ieħor.

Suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, il-fatt biss li l-konvenut jagħmel dehra fil-qorti jwassal għall-ġuriżdizzjoni tal-qrati ta’ dak l-Istat Kontraenti, anke jekk normalment ma jkunux kompetenti.

FuqFuq

Int mitlub tinnota illi d-deskrizzjoni t’hawn fuq tar-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni fil-Konvenzjoni la hi eżawrjenti u lanqas kompleta biżżejjed li tippermetti evalwazzjoni ta’ min joqgħod fuqha tal-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni f’każ speċifiku.

X’jiġri jekk proċeduri li jikkonċernaw l-istess tilwima jiġu ppreżentati f’żewġ Stati Kontraenti?

Jista’ jiġri li ż-żewġ partijiet f’tilwima jibdew proċeduri bil-qorti dwar l-istess kwistjoni fi Stati Kontraenti differenti. Per eżempju, wara inċident tat-traffiku bejn żewġ persuni li joqogħdu l-Iżlanda u l-Finlandja rispettivament, jista’ jiġri li t-tnejn iħarrku lil xulxin għad-danni fl-Istat Kontraenti tad-domiċilju tal-parti l-oħra. F’dik is-sitwazzjoni r-Regolament bażikament jistabbilixxi r-regola “ta’ l-ewwel jinqeda l-ewwel”. It-tieni qorti li tiġi użata trid twaqqaf il-proċeduri tagħha u tistenna li l-qorti l-oħra tiddeċiedi dwar il-ġuriżdizzjoni tagħha. Jekk l-ewwel qorti tikkunsidra lilha nnfisha kompetenti, il-qorti l-oħra għandha tiċħad l-kawza. Huwa biss jekk l-ewwel qorti tasal għall-konklużjoni li m’għandhiex ġuriżdizzjoni, li l-qorti l-oħra tkun tista’ tkompli l-proċeduri tagħha.

Kif tiġi ddeterminata l-ġuriżdizzjoni internazzjonali jekk ikunu involuti Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea u Stat mhux Membru li ma jkunx firmatarju tal-Konvenzjoni ta’ Lugano?

Jekk il-konvenut ikun domiċiljat fi Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea iżda l-attur ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru ieħor jew fi Stat Kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Lugano, il-qrati ta’ l-Istati Membri jevalwaw il-ġuriżdizzjoni internazzjonali tagħhom skond id-dispożizzjonijiet tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

Fejn il-konvenut ikun domiċiljat barra l-isfera ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano, il-liġi proċedurali nazzjonali ta’ kull Stat Membru tistabbilixxi taħt liema kundizzjonijiet il-qrati tiegħu jkunu kompetenti. Biex issir taf aktar dwar il-liġi proċedurali nazzjonali dwar il-ġuriżdizzjoni internazzjonali ta’ Stat Membru, jekk jogħġbok ikklikkja fuq il-bandiera ta’ dak l-Istat Membru.

Taħt il-patroċinju tal-Konferenza ta’ The Hague dwar il-Liġi Privata Internazzjonali English - français, organizzazzjoni internazzjonali, bħalissa qed isiru tentattivi biex tiġi nnegozjata konvenzjoni dinjija dwar il-ġuriżdizzjoni internazzjonali u s-sentenzi barranin fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

Dokumenti ta’ referenza

  • Il-Konvenzjoni ta’ Lugano English - français tas-16 ta’ Settembru 1988 dwar il-ġuriżdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali
  • Il-Konvenzjoni ta’ Brussell ta’ l-1968 dwar il-ġuriżdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali
  • Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

« Jurisdizzjoni tal-qrati - Informazzjoni Ġenerali | Liġi Internazzjonali - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 20-03-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit