Kummissjoni Ewropea > NGE > Jurisdizzjoni tal-qrati > Ungerija

L-aħħar aġġornament: 03-03-2008
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Jurisdizzjoni tal-qrati - Ungerija

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


Jekk trid tibda l-proċeduri legali fi kwistjonijiet ċivili jew kriminali, trid tidentifika l-qorti li hija kompetenti biex tittratta l-każ tiegħek jew, fi kliem ieħor, li għandha l-ġuriżdizzjoni. Jekk tuża' l-qorti żbaljata jew jekk hemm tilwima dwar il-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni, tirriskja dewmien konsiderevoli fil-proċeduri jew ukoll ta' ċaħda tat-talbiet tiegħek minħabba n-nuqqas ta' ġuriżdizzjoni.

Id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ġuriżdizzjoni u l-kompetenza tal-qrati huma infurzati fil-proċeduri kollha mibdija fuq il-bażi tal-liġi irrispettivament minn jekk il-partijiet kontendenti humiex persuni naturali jew legali nazzjonali jew barranin, ħlief fejn ftehim internazzjonali jipprovdi mod ieħor.



 

LISTA TAL- KONTENUT

A. Għandi napplika lil qorti ċivili ordinarja jew waħda speċjalizzata? A.
B. Meta l-qrati ċivili ordinarji għandhom il-ġuriżdizzjoni, kif nista’ nsib fejn eżattament għandi nissottometti t-talba tiegħi? B.
I. Hemm distinzjoni bejn il-qrati ta’ l-ewwel istanza inferjuri u superjuri u jekk iva, liema hija kompetenti fil-każ tiegħi? I.
II. Il-ġuriżdizzjoni territorjali (il-qorti tal-belt A jew tal-belt B għandha l-ġuriżdizzjoni fil-każ tiegħi?) II.
1. Ir-regola bażika dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali 1.
2. L-eċċezzjonijiet għar-regola bażika 2.
a) Meta nista’ nagħżel bejn qorti fejn jgħix il-konvenut (qorti ddeterminata b’applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra? a)
b) Meta għandi nagħżel qorti li mhijiex il-qorti fejn jgħix il-konvenut (qorti ddeterminata b’applikazzjoni tar-regola bażika)? b)
c) Il-partijiet stess jistgħu jagħtu ġuriżdizzjoni lil qorti li ma tkunx kompetenti mod ieħor? c)
C. Fejn għandhom il-ġuriżdizzjoni qrati speċjalizzati, kif nista’ nsib liema waħda rrid nindirizza? C.

 

A. Għandi napplika lil qorti ċivili ordinarja jew waħda speċjalizzata?

Skond l-Artikolu 16 ta' l-Att LXVI ta' l-1997 dwar l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tal-qrati, qorti speċjalizzata waħda biss topera fl-Ungerija: il-Qorti tax-Xogħol, li tittratta l-aktar dwar każijiet relatati ma' l-impjieg.

Il-Qorti tax-Xogħol hija qorti ta' l-ewwel istanza li tittratta:

  1. Tilwimiet qabel il-konklużjoni tal-kuntratti ta' l-impjiegi u dwar drittijiet li jirriżultaw minn relazzjoni ta' impjieg wara t-tmiem ta' impjieg,
  2. Tilwimiet dwar ftehim kollettiv bejn il-partijiet awtorizzati li jagħmlu ftehim bħal dan jew bejniethom u partijiet terzi dwar id-drittijiet li jirriżultaw mill-ftehim kollettiv,
  3. L-infurzar ta' talbiet ibbażati fuq imġieba illegali relatata ma' strajks jew mezzi oħrajn ta' azzjonijiet industrijali jew relatata mal-libertà ta' l-organizzazzjoni.

Talbiet taħt il-liġi li tirregola r-relazzjonijiet bejn l-impjegat u min iħaddem u relatati direttament ma' l-impjiegi jistgħu jiġu wkoll infurzati f'xi tilwimiet dwar l-impjiegi.

Il-ġuriżdizzjoni tal-qorti tax-xogħol tinkludi spezzjoni tax-xogħol, deċiżjonijiet amministrattivi dwar is-sigurtà fuq xogħol, deċiżjonijiet amministrattivi meħuda miċ-ċentru tax-xogħol tal-kontea (metropolitan) taħt l-Att dwar il-Promozzjoni ta' l-Impjiegi u l-Benefiċċji tal-Qgħad, u l-qorti tar-reviżjoni ta' deċiżjonijiet dwar sigurtà soċjali, li jiġu ttrattati skond ir-regoli dwar is-smigħ tal-każijiet amministrattivi.

Fit-tilwimiet tax-xogħol, il-qorti tax-xogħol għaż-żona fejn jinsabu l-kwartieri ewlenin ta' min iħaddem, jew fejn jinsab il-post tan-negozju fejn jaħdem jew kien jaħdem l-impjegat, għandha l-ġuriżdizzjoni esklussiva.

FuqFuq

Fil-każijiet dwar ir-relazzjonijiet tas-servizz ta' membri professjonali tal-forzi armati, għandha l-kompetenza l-qorti tax-xogħol kompetenti għaż-żona fejn jinsab il-korp ta' l-ewwel istanza li ħa d-deċiżjoni ta' preġudizzju, filwaqt li l-Qorti tax-Xogħol Metropolitana tisma' azzjonijiet legali mibdija minn membri mistura tas-servizzi tas-sigurtà ċivili, militari u nazzjonali u l-pulizija.

L-appelli ma jinstemgħux mill-qorti speċjali iżda minn qorti regolari, speċifikament mill-qorti tal-kontea li għandha l-ġuriżdizzjoni fuq iż-żona fejn tinsab il-qorti tax-xogħol.

B. Meta l-qrati ċivili ordinarji għandhom il-ġuriżdizzjoni, kif nista’ nsib fejn eżattament għandi nissottometti t-talba tiegħi?

I. Hemm distinzjoni bejn il-qrati ta’ l-ewwel istanza inferjuri u superjuri u jekk iva, liema hija kompetenti fil-każ tiegħi?

Is-sentenzi ta' l-ewwel istanza jingħataw minn:

  • Qrati lokali (qrati muniċipali, qrati tad-distrett) u
  • Qrati tal-kontea (qorti metropolitana).

Is-sentenzi tat-tieni istanza jingħataw minn:

  • Qrati tal-kontea (qorti metropolitana) fi kwistjonijiet fil-kompetenza tal-qrati lokali (qrati muniċipali, qrati tad-distrett),
  • Il-qorti l-għolja ta' l-appell fi kwistjonijiet ta' kompetenza tal-qrati tal-kontea (qorti metropolitana),
  • Il-Qorti Suprema fil-kompetenza tal-qorti l-għolja ta' l-appell (l-Artikolu 233/A) u fil-każijiet speċifikati fl-Artikolu 235(3).

Il-Qorti Suprema tiddeċiedi dwar il-każijiet ta' reviżjoni (rimedju legali speċjali).

FuqFuq

L-azzjonijiet legali kollha li ma jaqgħuxfil-ġurżdizzjoni tal-qrati tal-kontea skond il-liġi jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni tal-qrati lokali.

It-tilwimiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-impiegi elenkati taħt (A) jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni tal-qrati tax-xogħol.

Il-ġuriżdizzjoni ta' l-ewwel istanza tal-qrati tal-kontea tkopri dawn li ġejjin:

  1. Azzjonijiet legali dwar drittijiet ta' proprjetà fejn il-valur tal-proprjetà jeċċedi ħames miljun HUF, ħlief azzjonijiet dwar proprjetà mixtrija minn koppji miżżewġa jekk jinbdew flimkien ma', jew matul il-kors ta', proċeduri tad-divorzju;
  2. Azzjonijiet legali mibdija sabiex jinkiseb kumpens għal dannu kkawżat minn persuni li jaġixxu fil-kapaċità uffijali tagħhom taħt l-awtorità ta' xi amministrazzjoni pubblika;
  3. Tilwimiet dwar copyright u drittijiet relatati, inklużi azzjonijiet biex jiġu infurzati talbiet dwar drittijiet u spejjeż taħt amministrazzjoni legali konġunta, azzjonijiet legali dwar il-proprjetà industrijali, u każijiet li jikkonċernaw drittijiet ikkontemplati fl-Artikolu 86(3)-(4) tal-Kodiċi Ċivili;
  4. Azzjonijiet legali dwar it-trasport internazzjonali tal-merkanzija jew il-kuntratti tat-trasport;
  5. Fost l-azzjonijiet legali li jikkonċernaw il-kumpaniji:
    1. Azzjonijiet legali biex titħassar deċiżjoni tal-qorti tar-reġistrazzjoni li tilqa' applikazzoni għal reġistrazzjoni,
    2. Azzjonijiet legali biex jiġi stabbilit li strument ta' inkorporazzjoni ta' kumpanija jew emendi għalih huwa/huma invalidu/i, jew sabiex jitrażżan id-dħul fis-seħh tagħhom,
    3. Azzjonijiet legali għal stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-korpijiet ta' kumpaniji,
    4. Azzjonijiet legali bejn kumpaniji u l-membri tagħhom (jew persuni li qabel kienu membri) u bejn il-membri (jew persuni li qabel kienu membri) stess dwar relazzjonijiet ta' sħubija,
    5. Azzjonijiet legali dwar il-kisba ta' parteċipazzjonijiet fil-kumpaniji, u
    6. Azzjonijiet legali biex jinbidlu r-responsabbiltajiet ta' membru (azzjonist) li għandu responsabbiltajiet limitati għad-djun tal-kumpaniji għal responsabbiltajiet mingħajr limitu;
  6. Fost l-azzjonijiet legali li jikkonċernaw organizzazzjonijiet li ma jikkwalifikawx bħala kumpaniji u rreġistrati mill-qorti tal-kontea:
    1. Azzjonijiet legali mibdija kontra dawn l-organizzazzjonijiet mill-organizzazzjoni li legalment tissorveljahom,
    2. Azzjonijiet legali bbażati fuq relazzjonijiet ta' sħubija bejn dawn l-organizzazzjonijiet u l-membri tagħhom (jew persuni li qabel kienu membri) u bejn il-membri (jew persuni li qabel kienu membri) stess;
  7. Azzjonijiet legali biex jiġu infurzati pretensjonijiet ta' drittijiet ċivili li jirriżultaw minħabba ksur ta' drittijiet morali, inklużi azzjonijiet legali għall-kumpens għal dan il-ksur jekk jinbdew flimkien ma', jew matul il-kors ta', dawn l-azzjonijiet legali;
  8. Azzjonijiet legali dwar ir-relazzjonijiet legali li jirriżultaw mis-sigurtajiet;
  9. Azzjonijiet legali dwar l-amministrazzjoni pubblika, ħlief dawk allokati lill-Qorti tax-xogħol;
  10. Azzjonijiet legali għar-rettifikazzjoni mill-istampa;
  11. Azzjonijiet legali biex jitħassru l-kondizzjonijiet kuntrattwali inġusti [l-Artikolu 209/A(1) u (2), l-Artikolu 209/B, l-Artikolu 301/A(4)-(6) tal-Kodiċi Ċivili];
  12. Azzjonijiet legali biex jiġu stabbiliti l-fatti għall-każijiet fejn il-valur tas-suġġett ta' l-azzjoni legali jeċċedi l-valur provdut taħt il-paragrafu (a);
  13. Azzjonijiet legali għall-kumpens ta' nuqqas ta' tlestija ta' proċedura fi żmien raġonevoli;
  14. Azzjonijiet legali dwar kuntratti ta' finanzjament iffirmati mal-provdituri tal-kura tas-saħħa [l-Artikolu 30 ta' l-Att LXXXIII ta' l-1997];
  15. Azzjonijiet legali li l-liġi tirreferi għall-ġuriżdizzjoni tal-qrati tal-kontea.

Jekk xi wieħed mill-atturi konġunti jaqa' taħt il-ġuriżdizzjoni ta' qorti tal-kontea, l-azzjoni legali taqa' taħt il-ġuriżdizzjoni ta' dik il-qorti.

FuqFuq

Dak li jissejjaħ valur ta' limitu huwa applikat fir-rigward ta' azzjonijiet legali dwar il-proprjetà. Fil-każijiet oħrajn imsemmija hawn fuq, l-azzjonijiet legali jitressqu fl-ewwel istanza quddiem il-qorti tal-kontea minħabba n-natura tagħhom (normalment għaliex huma aktar ikkumplikati).

II. Il-ġuriżdizzjoni territorjali (il-qorti tal-belt A jew tal-belt B għandha l-ġuriżdizzjoni fil-każ tiegħi?)

1. Ir-regola bażika dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali

F’termini ġenerali, għandha ġuriżdizzjoni l-qorti li fiż-żona tagħha jgħix il-konvenut fil-każijiet kollha fejn il-kompetenza esklussiva ta’ xi qorti oħra mhijiex stabbilita (ġuriżdizzjoni ġenerali).

Jekk il-konvenut m’għandux domiċilju fl-Ungerija, għandu ġuriżdizzjoni l-post fejn qed joqgħod. Jekk il-post fejn qed joqgħod mhuwiex magħruf jew jinsab barra mill-pajjiż, għandu ġuriżdizzjoni l-aħħar post ta’ residenza tiegħu fl-Ungerija. Jekk dan ma jistax jiġi stabbilit jew jekk il-konvenut ma kellux wieħed, il-ġuriżdizzjoni tkun skond id-domiċilju ta’ l-attur jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-post fejn qed jogħod l-attur jew, jekk l-attur mhuwiex persuna naturali, il-post fejn jinsabu l-kwartieri ewlenin ta’ l-attur.

Fil-kawżi kontra l-persuni legali, il-ġuriżdizzjoni ġenerali tista’ tiġi ddeterminata skond fejn jinsab l-uffiċċju ewlieni tal-persuna legali jew il-kwartieri ewlenin tal-korp intitolat li jirrappreżentaha. Fil-każ ta’ dubju, il-post ta’ amministrazzjoni jitqies li huwa l-kwartieri ewlenin. Jekk il-kwartieri ewlenin tal-persuna legali huma f’Budapest iżda l-operat tagħha jestendu ghat-territorju tal-Kontea ta’ Pest, il-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni fuq il-Kontea ta’ Pest tittratta l-każ.

FuqFuq

Jekk il-persuna legali m’għandhiex kwartieri ewlenin fl-Unerija, il-ġuriżdizzjoni f’azzjoni legali minn persuna legali Ungeriża (l-attur) tiġi ffissata skond il-post tal-kwartieri ewlenin tal-persuna legali. Jekk l-attur huwa persuna naturali Ungeriża, il-ġuriżdizzjoni wkoll tiġi stabbilita skond id-domiċilju ta’ l-attur jew, fin-nuqqas, il-post ta’ residenza ta’ l-attur.

Fl-azzjonijiet legali kontra intrapriżi mingħajr personalità legali, jgħoddu r-regoli dwar l-entitajiet legali meta tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni.

2. L-eċċezzjonijiet għar-regola bażika
a) Meta nista’ nagħżel bejn qorti fejn jgħix il-konvenut (qorti ddeterminata b’applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

Fil-każijiet kollha fejn mhijiex speċifikata l-ġuriżdizzjoni esklussiva ta’ qorti oħra, l-attur jista’, jekk jippreferi u jekk jilħaq xi prekondizzjonijiet, jibda l-azzjoni legali quddiem qorti oħra kkontemplata mil-liġi minflok quddiem il-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni ġenerali għall-konvenut. Pereżempju, fl-azzjonijiet legali dwar il-proprjetà, il-qorti li fiż-żona tagħha qed joqgħod il-konvenut għal perjodu prevedibbilment twil (p.e., impjegat jew student) hija kompetenti wkoll. Għall-membri mhux professjonali tal-forzi armati, il-post tal-kariga permanenti tagħhom jiddetermina liema qorti hija kompetenti. Din ir-raġuni għall-ġuriżdizzjoni ma tistax tiġi applikata fil-każ ta’ konvenuti li m’għandhomx kapaċità jaġixxu f’kawża.

Għal konvenut li la għandu domiċilju u lanqas post ta’ residenza fl-Ungerija, azzjoni legali relatata ma’ proprjetà tista’ wkoll titressaq quddiem qorti li fiż-żona tagħha huwa bbażat is-suġġett ta’ l-azzjoni legali jew fejn jinsabu l-assi tal-konvenut li jistgħu jinqabdu. Jekk l-assi jikkonsistu minn talba, l-azzjoni legali tista’ tinbeda fiż-żona fejn jgħix id-debitur tal-konvenut jew, jekk it-talba hija assikurata minn xi ħaġa, tista’ wkoll tinbeda fil-post fejn tinsab din ta’ l-aħħar.

FuqFuq

Azzjoni legali relatata ma’ proprjetà tista’ titressaq kontra persuna legali barranija fil-qorti li fiż-żona tagħha tgħix il-persuna mahtura biex tiġġestixxi l-affarijiet tal-persuna legali barranija, bħala alternattiva għall-qorti msemmija hawn fuq. Il-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni fuq iż-żona fejn jinsab l-istabbiliment fergħa Ungeriż tal-persuna legali barranija jew fejn hija bbażata r-rappreżentanza kummerċjali tagħha hija kompetenti wkoll.

Azzjoni legali biex jinkiseb manteniment, allowances u simili tista’ wkoll titressaq quddiem il-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post ta’ residenza ta’ l-attur.

Azzjoni legali għall-kustodja tat-tfal tista’ wkoll titressaq quddiem il-qorti li hija kompeteni skond il-post ta’ residenza tat-tfal.

Azzjonijiet legali dwar proprjetà jew pussess ta’ proprjetà immobbli u drittijiet oħrajn jew relazzjonijiet legali marbuta mal-proprjetà immobbli jistgħu wkoll jitressqu quddiem il-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli.

Azzjonijiet legali dwar talbiet li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet kummerċjali fil-qasam ta’ l-attivitajiet tagħhom jistgħu wkoll jitressqu quddiem il-qorti tal-post tat-tranżazzjoni jew il-post tat-twettiq.

Azzjonijiet legali għal danni jistgħu wkoll jitressqu quddiem il-qorti kompetenti skond il-post jew iż-żona fejn sar id-dannu.

Azzjonijiet legali dwar kambjali jistgħu jitressqu quddiem il-qorti kompetenti skond il-post tal-pagament.

b) Meta għandi nagħżel qorti li mhijiex il-qorti fejn jgħix il-konvenut (qorti ddeterminata b’applikazzjoni tar-regola bażika)?

Sabiex il-każijiet jiġu mqassma f’gruppi jew biex jiġi żgurat l-għarfien espert, il-leġiżlazzjoni speċifika tista’ tirregola li f’każijiet determinati qorti waħda biss, eż., il-qorti metropolitana, għandha tipproċedi fl-ewwel istanza. Pereżempju, l-azzjonijiet legali dwar proprjetà industrijali jirrelataw għal dan il-grupp. Il-kompetenza esklussiva tista’ biss tiġi stabbilita mil-liġi. Il-qorti nnominata normalment hija l-qorti metropolitana.

c) Il-partijiet stess jistgħu jagħtu ġuriżdizzjoni lil qorti li ma tkunx kompetenti mod ieħor?

Fil-każijiet relatati ma' proprjetà il-partijiet jistgħu jattribwixxu l-ġuriżdizzjoni lil qorti partikolari biex jirrisolvu tilwima partikolari jew it-tilwimiet li jistgħu jirriżultaw minn relazzjoni partikolari legali. Il-partijiet jistgħu jissottomettu għal din il-ġuriżdizzjoni:

  1. Bil-miktub;
  2. Verbalment, bil-konferma bil-miktub;
  3. F'forma li hija konformi mal-prattika kummerċjali żviluppata bejn il-partijiet; jew
  4. Fil-kummerċ internazzjonali, f'forma li hija konformi mal-prattika kummerċjali li hija magħrufa jew li għandha tkun magħrufa lill-partijiet u li hija normalment magħrufa u wżata regolarment fil-qasam kummerċjali partikolari minn partijiet għal dan it-tip ta' kuntratt.

Il-ġuriżdizzjoni ma tistax tiġi attribwita f'każijiet fejn il-kompetenza esklussiva ta' qorti partikolari hija stabbilita mil-liġi.

Kemm-il darba mhux miftiehem mod ieħor bejn il-partijiet, il-qorti nnominata għandha l-kompetenza esklussiva.

L-istipulazzjoni tgħodd ukoll għas-suċċessuri legali.

C. Fejn għandhom il-ġuriżdizzjoni qrati speċjalizzati, kif nista’ nsib liema waħda rrid nindirizza?

Id-dispożizzjonijiet legali dwar każ partikolari jgħidu b’mod ċar il-qorti li quddiemha għandhek tirrikorri.

« Jurisdizzjoni tal-qrati - Informazzjoni Ġenerali | Ungerija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 03-03-2008

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit