Kummissjoni Ewropea > NGE > Jurisdizzjoni tal-qrati > Repubblika Ċeka

L-aħħar aġġornament: 23-04-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Jurisdizzjoni tal-qrati - Repubblika Ċeka

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

A. Għandi nippreżenta rikors quddiem qorti ċivili ordinarja jew qorti speċjalizzata? A.
B. Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom ġuriżdizzjoni, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema waħda minnhom għandi nippreżenta rikors? B.
I. Hemm distinzjoni bejn qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri u jekk fl-affermattiv, liema waħda minnhon hija kompetenti għall-kawża tiegħi? I.
II. Ġuriżdizzjoni territorjali II.
1. Ir-regola bażi tal-ġuriżdizzjoni territorjali 1.
2. Eċċezzjonijiet għar-regola bażi 2.
a) Meta nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn ikun jgħix il-konvenut (qorti ddeterminata bl-applikazzjoni tar-regola bażi) u qorti oħra? a)
b) Meta għandi nagħżel qorti barra minn dik tal-post fejn ikun jgħix il-konvenut (qorti determinata bl-applikazzjoni tar-regola bażika)? b)
c) Jistgħu il-partijiet infushom jattribwixxu ġuriżdizzjoni lil qorti li mod ieħor ma tkunx kompetenti? c)
C. Meta l-qrati speċjalizzati jkollhom ġuriżdizzjoni kif inkun naf liema waħda għandi nindirizza? C.

 

A. Għandi nippreżenta rikors quddiem qorti ċivili ordinarja jew qorti speċjalizzata?

Fir-Repubblika Ċeka il-ġuriżdizzjoni ċivili tal-qrati hija stabbilita f’termini ġenerali fi § 7(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Att Nru 99/1963 Koll.). Din id-dispożizzjoni tidentifika kull wieħed mit-tipi ta’ tilwim fid-dritt privat, bħal tilwim li joħroġ mid-Dritt ċivili, tal-familja, tax-xogħol u tar-relazzjonijiet fin- negozju.

Il-proċedura ċivili Ċeka ma tagħmel l-ebda distinzjoni dwar ġuriżdizzjoni abbażi ta’ kawża. Tipi speċifiċi ta’ kawżi ma jinstemgħux, għalhekk, quddiem qrati speċjalizzati maħturin għal dak il-għan u li jagħmlu parti mis-sistema ġudizzjarja. Fil-prinċipju, għalhekk, il-qorti ordinarja hija kompetenti fil-każijiet kollha tad-Dritt privat.

B. Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom ġuriżdizzjoni, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema waħda minnhom għandi nippreżenta rikors?

I. Hemm distinzjoni bejn qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri u jekk fl-affermattiv, liema waħda minnhon hija kompetenti għall-kawża tiegħi?

It-taqqims tal-kompetenzi bejn kull waħda mill-qrati fi proċedimenti ċivili hija ddeterminata mill-ġuriżdizzjoni rispettiva tagħhom. Ir-regoli tal-ġuriżdizzjoni huma tali li proċedimenti jitmexxew fil-qorti li l-aħjar tista' tismagħhom, li ġeneralment aktarx tkun il-qorti l-eqreb tal-partijiet jew tas-suġġett tal-proċedimenti. Dan il-prinċipju, iżda, għandu xi drabi jċedi postu għal rekwiżiti oħra, pereżempju minħabba speċjalizzazzjoni speċifika jew akbar jew minħabba tagħrif espert min-naħa tal-qrati.

FuqFuq

Skont id-dritt Ċek l-indikazzjoni ta' qrati biex jisimgħu kawżi u jiddeċiduhom hija msejsa fuq il-ġuriżdizzjoni sostantiva, territorjali u funzjonali tagħhom.

Il-ġuriżdizzjoni sostantiva tiddetermina liema qrati huma kompetenti li jisimgħu u jiddeċiedu kawżi bħala qrati ta' prim'istanza. Issir distinzjoni, għalhekk, skont jekk proċedimenti ta' prim'istanza jsirux f'livell ta' qorti distrettwali jew reġjonali.

Id-Dritt proċedurali Ċek huwa msejjes fuq il-prinċipju ta' ġuriżdizzjoni sostantiva differenzjata, li skontha huma l-qrati reġjonali aktar milli l-qrati distrettwali li huma kompetenti f'xi każijiet għal raġunijiet relatati ma' speċjalizzazzjoni akbar u teħid konsistenti ta' deċiżjonijiet.

Il-ġuriżdizzjoni sostantiva hija rregolata b'§ 9 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (Att Nru 99/1963 Koll.), li jistabbilixxi l-prinċipju li l-qrati distrettwali għandhom ġuriżdizzjoni sostantiva fil-prim'istanza sakemm il-liġi ma tiddikjarax mod ieħor. Eċċezzjonijiet għal din ir-regola huma stabbiliti f'§ 9(2), (3) u (4) tal-Kodiċi.

Il-ġuriżdizzjoni sostantiva tal-qrati reġjonali hija stabbilita fil-paragrafi 2 u 3. It-tieni paragrafu jkopri l-aktar kwistjonijiet mhux kummerċjali li jkunu kkomplikati u speċjalizzati u ma jsseħħux sikwit (eż. il-protezzjoni tal-privatezza). It-tielet paragrafu jkopri proċedimenti ta' natura kummerċjali, barra s-subparagrafu (r), li skontu l-qorti distrettwali aktar milli l-qorti reġjonali hija kompetenti (eż. fi proċedimenti li jinvolvu kumpens finanzjarju sa CZK 100 000, ftehimiet ta' kreditu, drittijiet in rem jew kirjiet ta' proprjetà immobbli).

Ir-raba' paragrafu jistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni sostantiva tal-Qorti Suprema fejn din tkun speċifikata f'liġijiet speċjali (eż. skont § 67 tal-Att 97/1963 Koll. dwar id-dritt internazzjonali privat u proċedurali, il-Qorti Suprema tiddeċiedi dwar ċerti tipi ta' deċiżjonijiet barranin).

FuqFuq

II. Ġuriżdizzjoni territorjali

Il-ġuriżdizzjoni territorjali tiddetermina d-diviżjoni tal-kompetenzi bejn qrati tal-istess grad tas-sistema. Hija, għalhekk, tistabbilixxi liema mill-qrati speċifiċi b’kompetenza sostantiva għandhom ikunu indikati abbażi ta’ konsiderazzjonijiet territorjali. Fejn, pereżempju, il-qrati distrettwali jkollhom kompetenza sostantiva, ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali jiddeterminaw liema minnhom jisimgħu u jiddeċiedu dwar każ. Kull qorti għandha definizzjoni territorjali tal-kompetenza tagħha.

Skont § 11(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Att Nru 99/1963 Koll.), proċedimenti dejjem isiru fil-qorti li jkollha kompetenza sostantiva u territorjali. Ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali ma jeskludux il-possibbiltà li aktar minn qorti waħda jkollha kompetenza bħal dik. Liema qorti jkollha kompetenza f’każ speċifiku tkun deċiża skont iċ-ċirkustanzi li jkunu jipprevalu fil-perjodu ta’ qabel il-bidu tal-proċedimenti.

1. Ir-regola bażi tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Il-ġuriżdizzjoni territorjali hija rregolata minn § 84 et seq. tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (Att Nru 99/1963 Koll.). Issir distinzjoni bejn ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali u speċifika. Ġuriżdizzjoni territorjali speċifika tinqasam ukoll f'"ġuriżdizzjoni diskrezzjonali" (fakultattiva) u "ġuriżdizzjoni esklużiva" (obbligatorja).

Il-ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali hija msejsa fuq il-fatt li l-qorti ordinarja tal-konvenut tkun kompetenti. Il-qorti ordinarja hija ddeterminata minn § 85-86 skont il-persuna kkonċernata. Il-qorti ordinarja ta' persuna fiżika hija l-qorti distrettwali għaż-żona li fiha l-konvenut ikollu d-domiċilju tiegħu u, jekk ma jkollux, il-qorti taż-żona fejn ikun residenti. Il-qorti ordinarja ta' persuna fiżika fin-negozju hija l-qorti tad-distrett fiż-żona fejn il-persuna jkollha l-post tan-negozju tagħha (§ 2(3) tal-Kodiċi tal-Kummerċ - Att Nru 513/1991 Koll.) u, jekk ma jkollhiex, il-post fejn hija tkun domiċiljata jew residenti.

FuqFuq

Il-kriterju biex tkun determinata l-qorti ordinarja ta' persuna ġuridika huwa l-uffiċċju reġistrat tagħha (§ 19c tal-Kodiċi Ċivili - Att Nru 40/1964).

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi ta' § 86 jittrattaw sitwazzjonijiet fejn il-konvenut ma jkollux qorti ordinarja, jew ma jkollu xejn fir-Repubblika Ċeka. Fejn ikun involut ċittadin Ċek, il-qorti distrettwali kompetenti tkun dik li fiż-żona tagħha huwa kellu l-aħħar domiċilju magħruf tiegħu fir-Repubblika Ċeka. Drittijiet ta' proprjetà kontra persuna li ma jkollhiex qorti kompetenti fir-Repubblika Ċeka jistgħu jkunu eżerċitati quddiem il-qorti distrettwali li fiż-żona tagħha l-proprjetà ta' dik il-persuna tkun tinsab jew, f'każ ta' persuna barranija, li fiż-żona tagħha n-negozju jew fergħa tan-negozju jkunu jinsabu.

Il-qorti ordinarja tal-konvenut hija dejjem il-qorti distrettwali, iżda jekk qorti reġjonali tkun sostanzjalment kompetenti l-qorti ordinarja tkun il-qorti reġjonali li fiż-żona tagħha l-qorti ordinarja tal-parti tkun tinsab (§ 85a tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

Il-ġuriżdizzjoni territorjali hija soġġetta għall-prinċipju ta' perpetuatio fori (§ 11(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili), jiġifieri għall-finijiet biex tkun iddeterminata liema qorti jkollha kompetenza, iċ-ċirkustanzi li jipprevalu fiż-żmien meta l-proċedimenti jibdew huma rilevanti. Jekk xi fatti jinbidlu matul il-proċedimenti, dan ma jkollu ebda effett fuq l-andament tal-proċedimenti (eż. jekk il-konvenut jibdel id-dar fejn joqgħod). Il-liġi, iżda, tistabbilixxi eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju. Dan jinvolvi l-kunċetti ta' trasferiment ta' kompetenza u delegazzjoni (każijiet rinvjati). Il-kompetenza tkun ittrasferita mill-aspett territorjali biss fi proċedimenti li jdumu aktar minħabba n-natura tal-każ (eż. il-kura ġudizzjarja tal-minuri, reġistru kummerċjali).

FuqFuq

2. Eċċezzjonijiet għar-regola bażi
a) Meta nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn ikun jgħix il-konvenut (qorti ddeterminata bl-applikazzjoni tar-regola bażi) u qorti oħra?

Din tinvolvi ġuriżdizzjoni territorjali diskrezzjonali speċifika fejn l-attur jista' jagħżel bejn qorti ordinarja u l-qrati msemmija fi § 87 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili. Il-proċedimenti jistgħu, għalhekk, jitmexxew ukoll mill-qorti li fiż-żona tagħha:

  1. il-konvenut ikollu l-post tax-xogħol tiegħu permanenti;
  2. ikun oriġina l-fatt li jistabbilixxi d-dritt ta' kumpens għal ħsara;
  3. tkun tinsab fergħa tan-negozju tal-persuna fiżika jew ġuridika li tkun il-konvenuta, jekk it-tilwima jkollha rabta ma' din il-fergħa;
  4. ikun jinsab il-post tal-ħlas fil-każ ta' eżerċizzju ta' dritt b'rabta ma' kambjala, ċekk jew garanzija oħra;
  5. ikun jinsab l-uffiċċju reġistrat tal-borża, fil-każ ta' tilwima dwar operazzjoni tal-borża;
  6. ikun jinsab l-uffiċċju reġistrat għall-ġejjieni ta' kumpanija Ewropea li tkun ser titwaqqaf, jekk dan ser ikun ġewwa r-Repubblika Ċeka u l-każ ikun dwar il-ħatra ta' espert skont regola speċifika.

L-attur għandu jkun diġà għamel għażla saż-żmien li fih tinġieb l-azzjoni.

b) Meta għandi nagħżel qorti barra minn dik tal-post fejn ikun jgħix il-konvenut (qorti determinata bl-applikazzjoni tar-regola bażika)?

Fejn il-ġuriżdizzjoni territorjali esklużiva stabbilita f'§ 88 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili tkun tapplika, ma tistax tinġieb azzjoni quddiem il-qorti ordinarja tal-parti; il-każ għandu jinstema' mill-qorti speċifikata minn dik id-dispożizzjoni. Ħafna mill-istanzi ta' ġuriżdizzjoni territorjali esklużiva jinvolvu proċedimenti mhux kontenzjużi li fihom ma jkunx hemm konvenut.

FuqFuq

F'każijiet kontenzjużi, tapplika l-ġuriżdizzjoni territorjali esklużiva. Pereżempju, fi proċedimenti li jinvolvu divorzju jew annullament ta' żwieġ, il-qorti kompetenti tkun il-qorti li fiż-żona tagħha l-konjuġi kellhom l-aħħar domiċilju komuni fir-Repubblika Ċeka; u jekk mill-anqas wieħed jew waħda minnhom ikollu jew ikollha d-domiċilju tiegħu jew tagħha f'din iż-żona u ma jkunx hemm qorti bħal dik, tkun kompetenti l-qorti tal-konvenut jew il-qorti ordinarja tal-attur. Il-qorti li tkun iddeċidiet id-divorzju tiddeċiedi wkoll dwar it-tqassim tal-assi konġunti tal-konjuġi u t-terminazzjoni ta' kull kirja konġunta ta' appartament jew dar.

Fil-każ ta' tutela ta' minuri, il-qorti kompetenti mill-aspett territorjali tkun dik li fiż-żona tagħha l-minuri jkollu d-domiċilju tiegħu abbażi ta' ftehim tal-ġenituri jew deċiżjoni ta' qorti jew fatti deċiżivi oħra.

Tip ieħor sinifikanti ta' ġuriżdizzjoni esklużiva hija l-kompetenza ta' qorti li fiż-żona tagħha tkun tinsab proprjetà immobbli, jekk il-proċedimenti jkunu dwar dritt għal proprjetà bħal dik (din għandha x'taqsam l-aktar ma' drittijiet in rem u mhux ma' talbiet derivanti minn obbligazzjoni).

Aktar partikularitajiet jinsabu fil-liġi.

c) Jistgħu il-partijiet infushom jattribwixxu ġuriżdizzjoni lil qorti li mod ieħor ma tkunx kompetenti?

Ftehim ta’ proroga: skont § 89a tal-Kodiċi ta’ Proċedura, il-partijiet f’kawża kummerċjali jistgħu jaqblu li qorti li ma tkunx dik determinata mil-liġi jkollha ġuriżdizzjoni territorjali, jekk ma tkunx tapplika ġuriżdizzjoni territorjali esklużiva. Ftehim ta’ proroga għandu jintlaħaq minn qabel u jinthemeż mal-kawża. Ftehim bħal dan għandu jkun distint minn ftehim ta’ proroga li jistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ċeki (§ 37 tal-Att tad-Dritt Internazzjonali Privat u Proċedurali - Nru 97/1963 Koll.).

Oġġezzjoni fir-rigward ta’ ġuriżdizzjoni territorjali: il-qorti teżamina l-ġuriżdizzjoni territorjali bħala prerekwiżit għall-proċedimenti u qabel ma tittratta l-każ stess (jiġifieri qabel ma tistieden lill-partijiet biex jiddikjaraw il-każ tagħhom fl-ewwel seduta jew qabel ma tieħu deċiżjoni li tiddeċiedi mingħajr seduta). Il-kwistjoni ta’ ġuriżdizzjoni territorjali tista’ wara tkun indirizzata biss bħala tweġiba għal oġġezzjoni minn parti jekk titqajjem matul l-ewwel stadju li fih il-parti tkun involuta. Jekk ma jkunx iddikjarat nuqqas ta’ kompetenza territorjali f’kawża bħal din, ma jkunx possibbli li dan isir fi stadju aktar tard u l-kawża tinstema’ u tkun deċiża minn qorti li ma jkollhiex ġuriżdizzjoni territorjali skont il-liġi.

C. Meta l-qrati speċjalizzati jkollhom ġuriżdizzjoni kif inkun naf liema waħda għandi nindirizza?

Kif diġà ntqal fis-sezzjoni A, ir-regolamenti Ċeki dwar proċeduri ċivili ma jagħmlux distinzjoni bejn qrati speċjalizzati u ordinarji. Id-dispożizzjonijiet kollha rilevanti dwar il-ġuriżdizzjoni u l-kompetenza tal-qrati jinsabu fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Att Nru 99/1963 Koll.).

« Jurisdizzjoni tal-qrati - Informazzjoni Ġenerali | Repubblika Ċeka - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 23-04-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit