Kummissjoni Ewropea > NGE > Jurisdizzjoni tal-qrati > Belġju

L-aħħar aġġornament: 21-07-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Jurisdizzjoni tal-qrati - Belġju

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


Qabel ma tibda proċedura legali, trid tistabbilixxi liema qorti għandha l-ġurisdizzjoni biex tisma’ l-kawża tiegħek. Jekk tagħżel qorti mhux kompetenti, jew jekk il-ġurisdizzjoni tal-qorti tiġi kkontestata, jista’ jkun hemm dewmien serju fil-każ tiegħek, u t-talba tiegħek tista’ tiġi respinta għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza.



 

LISTA TAL- KONTENUT

A. Għandi nirrikorri quddiem qorti normali jew qorti speċjalizzata? A.
B. Jekk il-qrati normali jkollhom ġurisdizzjoni, kif nista’ nsib liema qorti hija kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi? B.
I. X’inhi d-differenza bejn il-qrati ċivili inferjuri u dawk superjuri, u liema qorti hija kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi? I.
II. Ġurisdizzjoni territorjali (liema qorti għandha l-ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-każ tiegħi, dik tal-belt A jew dik tal-belt B)? II.
1. Ir-regola ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni territorjali. 1.
2. Eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali. 2.
a) Taħt liema ċirkostanzi nista’ nagħżel qorti li m’hijiex dik fejn il-konvenut għandu r-residenza ordinarja tiegħu (kif stipulat mir-regola ġenerali)? a)
b) Taħt liema ċirkostanzi jiena obbligat nagħżel qorti li m’hijiex dik fejn il-konvenut għandu r-residenza ordinarja tiegħu (kif stipulat mir-regola ġenerali)? b)
c) Il-partijiet jistgħu jagħżlu qorti bi ftehim bejniethom, jekk din il-qorti ma jkollhiex ġurisdizzjoni taħt ir-regola ġenerali? c)
C. Kif inkun naf liema qorti hija kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi jekk dan ikun jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti speċjalizzata? C.

 

A. Għandi nirrikorri quddiem qorti normali jew qorti speċjalizzata?

Ara aktar l-isfel

B. Jekk il-qrati normali jkollhom ġurisdizzjoni, kif nista’ nsib liema qorti hija kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

I. X’inhi d-differenza bejn il-qrati ċivili inferjuri u dawk superjuri, u liema qorti hija kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Introduzzjoni

Meta wieħed iqis il-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema ġuridika Belġjana, huwa xieraq li l-mistoqsijiet A u B, I jiġu indirizzati flimkien, fl-interessi taċ-ċarezza.

L-ewwel nett, għandha ssir distinzjoni bejn il-ġurisdizzjoni assoluta (jew ġurisdizzjoni bbazata fuq ir-ratione materiae) u l-ġurisdizzjoni territorjali.

Kull pretensjoni għandha suġġett u spiss ikollha wkoll ċertu valur. Il-leġislatur jiddefinixxi l-iskop tal-ġurisdizzjoni assoluta billi jindika n-natura u l-valur tal-pretensjonijiet li fuqhom il-qorti għandha ġurisdizzjoni.

F’dan id-dokument, il-ġurisdizzjoni assoluta hija mfissra fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet A u B, I.

Il-qrati m’għandhomx ġurisdizzjoni fuq it-territorju Belġjan kollu. Il-Belġju huwa maqsum f’żoni ġudizzjali separati (cantons, distretti, eċċ). Kull qorti għandha ġurisdizzjoni biss fuq iż-żona jew territorju tagħha, l-hekk imsejħa ġurisdizzjoni territorjali. Dan huwa mfisser f’aktar dettall fit-tweġiba għall-mistoqsija B, II.

Ġurisdizzjoni sħiħa: il-qorti ta’ l-ewwel grad.

Il-qorti ta’ l-ewwel grad għandha ‘ġurisdizzjoni sħiħa’. Dan ifisser illi l-qorti ta’ l-ewwel grad, b’differenza mill-qrati l-oħrajn, tista’ tieħu konjizzjoni tal-każijiet kollha, anki ta’ dawk il-każijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti oħra.

FuqFuq

L-Artikolu 568 tal-Kodiċi Ġudizzarju jistabbilixxi illi l-qorti ta’ l-ewwel grad tieħu konjizzjoni tat-talbiet kollha, ħlief għal dawk it-talbiet li jinstemgħu direttament quddiem il-Qorti ta’ l-Appell jew il-Qorti tal-Kassazzjoni. Għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti ta’ l-ewwel grad hija relattiva, billi l-konvenut jista’ jeċċepixxi n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni minħabba l-ġurisdizzjoni partikolari ta’ qorti oħra. Barra minn hekk, il-qorti ta’ l-ewwel grad għandha għadd ta’ kompetenzi esklussivi. Għadd ta’ kawżi speċifiċi jistgħu jinġiebu quddiem din il-qorti, anki jekk il-valur tat-talba jkun inqas minn 1860 EUR, bħal per eżempju talbiet dwar l-istat ċivili ta’ persuna.

Il-qrati l-oħrajn.

Hawn isfel qed jiġu elenkati l-qrati l-oħrajn b’deskrizzjoni fil-qosor tal-ġurisdizzjoni assoluta tagħhom.

  1. L-Imħallef tal-Canton:
  2. Skond l-artikolu 590 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, il-ġurisdizzjoni ġenerali ta’ l-Imħallef tal-Canton tinkludi t-talbiet kollha li ma jaqbżux l-1860 EUR ħlief għal dawk it-talbiet li huma espressament assenjati bil-liġi lil ġurisdizzjoni ta’ qorti oħra. Minbarra din il-ġurisdizzjoni ġenerali, l-Imħallef tal-Canton għandu wkoll għadd ta’ kompetenzi partikolari (ara l-artikoli 591, 593 u 594 tal-Kodiċi Ġudizzjarju) u kompetenzi esklussivi (l-artikoli 595 u 597 tal-Kodiċi Ġudizzarju), ikun xi jkun il-valur tat-talba. Eżempji ta’ dawn il-kompetenzi partikolari huma kawżi relatati ma’ kirjiet, il-komunjoni tal-beni, is-servitujiet u l-benefiċċji soċjali. Barra minn hekk, l-imħallef tal-Canton huwa kompetenti wkoll biex jeżegwixxi dokumenti ta’ l-adozzjoni u ċertifikati ta’ l-identità, jagħti digrieti urġenti ta’ l-esproprjazzjoni u jeżegwixxi l-affissjoni ta’ siġilli.

    FuqFuq

  3. Il-Maġistrat tal-Pulizija:
  4. Il-Maġistrat tal-Pulizija, skond l-artikolu 601 bis tal-Kodiċi Ġudizzjarju, jieħu konjizzjoni tat-talbiet kollha għad-danni wara inċident tat-traffiku, ikun xi jkun l-ammont tat-talba. Din hija ġurisdizzjoni esklussiva tal-Maġistrat tal-Pulizija.

  5. Il-Qorti Kummerċjali:
  6. L-Artikolu 573 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jistabbilixxi illi l-Qorti Kummerċjali ta’ l-ewwel grad tieħu konjizzjoni tal-kawżi bejn il-kummerċjanti, u dwar azzjonijiet li jitqiesu bħala ‘atti tal-kummerċ’ skond il-liġi, u li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni ġenerali ta’ l-Imħallef tal-Canton jew tal-Maġistrat tal-Pulizija. Huwa possibbli wkoll li persuna li m’hijiex kummerċjant tiftaħ kawża kontra kummerċjant quddiem il-Qorti Kummerċjali; kummerċjant madanakollu ma jistax jiftaħ kawża kontra persuna li m’hijiex kumemrċjant quddiem il-Qorti Kummerċjali. Minnbarra dan, il-Qorti Kummerċjali tieħu konjizzjoni tal-kawżi dwar kambjali u fatturi, jekk il-valur ikun ogħla minn 1.860 EUR.

    Il-Qorti Kummerċjali għandha, minbarra dawn il-kompetenzi ġenerali, għadd ta’ kompetenzi partikolari u esklussivi. Il-kompetenzi partikolari huma elenkati fl- artikolu 574 tal-Kodiċi Ġudizzjarju. Dawn jinkludu inter alia l-kompetenza fuq kawżi dwar intrapriża kummerċjali u l-kawżi dwar it-trasport bil-baħar u l-mogħdijiet interni ta’ l-ilma. L-Artikolu 574(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju jiddeskrivi l-ġurisdizzjoni esklussiva tal-Qorti Kummerċjali. Din għandha ġurisdizzjoni fuq it-talbiet u l-kawżi li jirriżultaw direttament minn falliment jew akkordju, skond il-ħtiġijiet ta’ l-‘Att dwar il-Falliment’ u l-‘Att dwar l-Akkordju’, meta s-soluzzjoni tal-każ tkun tinsab fil-liġi partikolari applikabbli għar-reġim tal-falliment u l-akkordju.

    FuqFuq

  7. It-Tribunal Industrijali:
  8. It-Tribunal Industrijali huwa l-ġurisdizzjoni speċjali ewlenija u għandu kompetenzi speċjali. Dawn il-kompetenzi, li huma mfissra fl-artikoli 578 et seq tal-Kodiċi Ġudizzjarju huma:

    • tilwim industrijali
    • tilwim dwar inċidenti fuq ix-xogħol u mard minħabba xogħol
    • tilwim dwar is-sigurtà speċjali

    It-tribunal industrijali għandu ġurisdizzjoni esklussiva f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi stabbiliti bil-liġijiet u regolamenti msemmija fl-Artikoli 578 sa 582, u s-sanzjonijiet amministrattivi stabbiliti bl-Att dwar il-penalitajiet finanzjarji amminsitrattivi f’każ ta’ ksur ta’ ċerti liġijiet soċjali.

  9. Presidenti tal-Qrati – il-proċedura sommarja
  10. L-Artikoli 584 sa 589 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jistipulaw li l-Presidenti tal-Qrati (ta’ l-Ewwel Grad, Kummerċjali u t-Tribunal Industrijali) jistgħu jagħtu deċiżjoni preliminari fil-każijiet urġenti kollha li jaqgħu taħt l-isfera tal-kompetenza tagħhom. Il-kundizzjoni hi li dawn il-każijiet ikunu urġenti u li d-deċiżjoni tkun biss ta’ natura preliminari, mingħajr ma’ toħloq ebda preġudizzju għall-merti tal-każ. Xi eżempji ta’ dan huma digrieti li jordnaw is-smigħ ta’ esperti, ta’ xhieda eċċ.

  11. Il-Qorti Eżekuttiva (ara l-artikolu 195 tal-Kodiċi Ġudizzjarju):
  12. Kull rikors dwar mandati ta’ sekwestru, miżuri ta’ infurzar u kostituzzjoni ta’ debitu jinġiebu quddiem il-Qorti Eżekuttiva.

  13. Il-Qorti tal-Minorenni
  14. Għalkemm il-komunitajiet (dawn huma l-istati ta’ l-istat federali Belġjan) huma kompetenti fil-qasam tal-ħarsien tal-minorenni, l-organizzazzjoni tal-Qrati tal-Minorenni hija regolata bl-Att Federali dwar il-ħarsien tal-Minorenni tat-8 ta’ April 1965. Il-Qorti tal-Minorenni hija sezzjoni tal-Qorti ta’ l-Ewwel Grad li tittratta dwar miżuri ta’ protezzjoni għall-minorenni. Barra hekk, il-Qorti tal-Minorenni għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ xi kawżi ċivili, bħall-approvazzjoni ta’ l-adozzjoni, litigazzjoni bejn il-ġenituri dwar l-eżerċizzju tas-setgħa tal-ġenituri, eċċ….

    FuqFuq

II. Ġurisdizzjoni territorjali (liema qorti għandha l-ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-każ tiegħi, dik tal-belt A jew dik tal-belt B)?

1. Ir-regola ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni territorjali.

Il-punt tat-tluq tas-sistema legali Belġjana huwa d-dritt ta’ għażla ta’ l-attur. Ir-regola ġenerali tinsab fl-Artikolu 624(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju. Normalment l-attur jippreżenta l-kawża tiegħu quddiem il-qorti tal-post ta’ residenza tal-konvenut jew wieħed mill-konvenuti.

X’jiġri jekk il-konvenut ikun persuna ġuridika? Il-post ta’ residenza tal-persuna ġuridika huwa l-post fejn għandha s-sede prinċipali tagħha, jiġifieri ċ-ċentru amminsitrattiv minn fejn titmexxa l-intrapriża.

2. Eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali.

a) Taħt liema ċirkostanzi nista’ nagħżel qorti li m’hijiex dik fejn il-konvenut għandu r-residenza ordinarja tiegħu (kif stipulat mir-regola ġenerali)? 

F’għadd ta’ każijiet, l-attur għandu l-għażla li jibda proċedimenti quddiem qorti oħra, kif naraw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 624(2) sa 4 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, inter alia. Minbarra l-qorti fil-post fejn joqgħod il-konvenut jew wieħed mill-konvenuti, l-attur jista’ jagħżel:

  • li jressaq il-kawża tiegħu quddiem il-qorti fit-territorju fejn il-kuntratt li jifforma l-bażi tat-tilwima, jew wieħed mill-kuntratti, ġie konkluż, għandu jiġi eżegwit, ser jiġi eżegwit jew ġie eżegwit;
  • li jressaq il-kawża quddiem il-qorti tal-post ta’ residenza li ntgħażel għall-eżekuzzjoni tad-dokument legali;
  • li jressaq il-kawża tiegħu quddiem il-qorti tal-post fejn l-Hussier de Justice nnotifika lill-konvenut personalment f’każ li l-konvenut, jew wieħed mill- konvenuti, ma jkollux post magħruf ta’ residenza fil-Belġju jew f’pajjiż ieħor.

Barra minn hekk, il-ġurispridenza tistabbilixxi li, fir-rigward ta’ proċedura sommarja, il-qorti tal-post fejn id-deċiżjoni trid tiġi eżegwita għandha ġurisdizzjoni territorjali.

FuqFuq

Fir-rigward ta’ benefiċċji soċjali, l-artikolu 626 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jistabbilixxi illi t-talbiet dwar benefiċċji soċjali, skond l-artikolu 591(7), jistgħu jitressqu quddiem il-qorti tal-post ta’ residenza ta’ l-attur.

Madanakollu, ir-regoli li jinsabu fl-artikoli 624 u 626 m’humiex mandatorji u l-partijiet jistgħu jidderogaw minnhom. B’hekk, il-partijiet jistgħu jiftiehmu dwar il-qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni f’każ ta’ tilwima bejniethom.

Iżda hemm xi eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju tal-fakultà ta’ l-għażla.

Il-leġislatur jistabbilixxi għadd ta’ każiiet fejn l-attur ma jkollux għażla. Dawn il-każijiet huma speċifikati fl-629 tal-Kodiċi Ġudizzjarju. Dawn huma xi eżempji:

  • Tilwim dwar kuntratti ta’ l-impjieg (artikolu 627(9)): il-qorti kompetenti hija l-qorti fejn jinsab il-post tax-xogħol (e.ż. il-minjiera, il-fabbrika, il-kantier, il-maħżen jew l-uffiċċju), u f’termini aktar ġenerali, il-post fejn jiżvolġu l-attivitajiet ta’ l-intrapriża.
  • Meta t-tilwima tkun dwar talba għal divorzju jew separazzjoni jew talba biex separazzjoni jinqeleb f’divorzju, (artikolu 628(1)), il-Qorti tal-post ta’ l-aħħar residenza matrimonjali jew il-Qorti tal-post ta’ residenza tal-konvenut/a għandha ġurisdizzjoni.

Anki f’dawn il-każijiet, il-fakultà ta’ l-għażla m’hijiex għal kollox imrażżna. L-Artikolu 630 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jistabbilixxi illi l-partijiet jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet statutorji permezz ta’ ftehim wara li tkun inqalgħet it-tilwima. Jekk ikun sar xi ftehim qabel ma tinqala’ t-tilwima, dan isir null.

FuqFuq

b) Taħt liema ċirkostanzi jiena obbligat nagħżel qorti li m’hijiex dik fejn il-konvenut għandu r-residenza ordinarja tiegħu (kif stipulat mir-regola ġenerali)? 

F’għadd ta’ każijiet, Qorti waħda biss ikollha ġurisdizzjoni territorjali esklussiva. Dawn il-każijiet huma speċifikati fl-artikoli 631 sa 633 tal-Kodiċi Ġudizzjarju. F’dawn il-każijiet, l-attur m’għandux għażla u ma jistax isir ftehim dwar il-ġurisdizzjoni, la qabel u lanqas wara li tinqala’ t-tilwima. Dawn il-każijiet jinkludu:

  • Falliment (artikolu 631): il-qorti kompetenti hija dik taż-żona ġudizzjarja fejn il-kummerċjant għandu r-residenza tiegħu, jew is-sede legali fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, fil-jum meta jiġi ddikjarat il-falliment jew fil-jum meta tinbeda azzjoni legali. Falliment sekondardju: il-qorti kompetenti hija l-Qorti Kummerċjali taż-żona ġudizzjarja fejn il-persuna ddikjarata falluta tkun stabbilita. Jekk ikun hemm aktar minn post ta’ stabbiliment wieħed, il-ġurisdizzjoni tkun tal-qorti li tieħu konjizzjoni tal-każ l-ewwel.
  • Akkordju (artikolu 631): il-qorti kompetenti hija l-Qorti Kummerċjali taż-żona ġudizzjarja fejn id-debitur għandu l-istabbiliment prinċipali tiegħu, jew is-sede legali fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, fil-jum meta jintlaħaq l-akkordju.
  • Tilwim dwar l-applikazzjoni tal-liġi fiskali (artikolu 632): il-qorti kompetenti hija l-qorti taż-żona ġudizzjarja fejn it-taxxi jkunu nġabru jew fejn kellhom jinġabru. Jekk it-tilwima ma tkunx dwar il-ġbir ta’ taxxi, il-ġurisdizzjoni tkun tal-qorti taż-żona ġudizzjarja fejn jinsab id-dipartiment tat-taxxa responsabbli għad-deċiżjoni kkontestata.
  • Talbiet dwar mandati ta’ qbid/sekwestru u proċedimenti ta’ infurzar (artikolu 633): il-qorti tal-post fejn ikun ser isir il-qbid/sekwestru għandha ġurisdizzjoni, salv jekk il-liġi tipprovdi mod ieħor. Fil-każ ta’ mandati ta’ sekwestri, għandha ġurisdizzjoni il-qorti tal-post ta’ residenza tad-debitur li l-proprjetà tiegħu tkun ser tiġi sekwestrata. Jekk il-post ta’ residenza tad-debitur ikun f’pajjiż ieħor jew mhux magħruf, il-ġurisdizzjoni tkun tal-qorti tal-post fejn isir l-infurzar u s-sekwestru. (Ara wkoll: artikolu 22(5) tar-Regolament tal-KE Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru tas-sena 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali).
c) Il-partijiet jistgħu jagħżlu qorti bi ftehim bejniethom, jekk din il-qorti ma jkollhiex ġurisdizzjoni taħt ir-regola ġenerali?

Kif rajna aktar qabel, ir-regoli li jinsabu fl-artikoli 624 u 626 m’humiex mandatorji u l-partijiet jistgħu jidderogaw minnhom. Għal kull tilwima, il-partijiet jistgħu jilħqu ftehim dwar il-ġurisdizzjoni li permezz tiegħu jekk tinqala’ tilwima din tista’ titressaq biss quddiem qorti ta’ l-ewwel grad speċifikata.

Fil-każijiet li jaqgħu taħt l-artikoli 627 sa 629 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, ma jistax isir ftehim dwar ġurisdizzjoni qabel ma tinqala’ t-tilwima. Madanakollu, l-artikolu 630 jgħid li dawn il-ftehim ikollhom effett jekk isiru wara li tinqala’ t-tilwima.

Fil-każijiet msemmija fl-artikoli 631 sa 633 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, ma jistax isir ftehim dwar il-ġurisdizzjoni.

C. Kif inkun naf liema qorti hija kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi jekk dan ikun jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti speċjalizzata?

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tinsab fit-tweġiba għall-mistoqsijiet A u B.

Aktar tagħrif

  • Artikoli rilevanti tal-Kodiċi Ġudizzjarju: Servizz tal-Ġustizzja tal-Gvern Federali Deutsch - français - Nederlands
    • ikklikkja fuq “Geconsolideerde wetgeving” (“Liġijiet konsolidati”)
    • agħżel “Juridische aard”: “Gerechtelijk Wetboek” (“Kodiċi Ġudizzjarju” fit-taqsima “Legali”)
    • daħħal “624” fit-taqsima “Woord(en)” (“kliem”)
    • ikklikkja fuq “Opzoeking” (“Fittex”)
    • ikklikkja fuq “Lijst” (“Lista”)
    • ikklikkja fuq “Justitie van A tot Z” (“Il-Ġustizzja mill-A saż-Ż”)
    • agħżel: “Hoven: bevoegdheid” (“Qrati: ġurisdizzjoni”)
  • Għal aktar għajnuna biex issib il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni territorjali: Servizz tal-Ġustizzja tal-Gvern Federali Deutsch - français - Nederlands 
    • ikklikkja “Territoriale bevoegdheid” (“Ġurisdizzjoni Territorjali”)

« Jurisdizzjoni tal-qrati - Informazzjoni Ġenerali | Belġju - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 21-07-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit