Ordni Legali
Organizzazzjoni tal-Ġustizzja
Professjonijiet legali
Għajnuna legali
Jurisdizzjoni tal-qrati
Ftuħ ta’ kawża fil-qorti
Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura
Liġi applikabbli
Servizz tad-dokumenti
Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza
Miżuri temporanji u miżuri ta’ prekawzjonijiet
Infurzar tas-sentenzi
Proċeduri simplifikati u maġġla
Divorzju
Risponsabilità tal-ġenituri
Talbiet ta’manteniment
Falliment
Meżżi alternattivi għal riżoluzzjoni ta’ kwistjoni
Kumpens għall-vittmi tal-kriminalità
Proċessar Awtomatiku
Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.
Is-sistema proċesswali Taljana għandha numru ta’ strumenti regolati minn settijiet differenti ta’ regoli li jistgħu jitqiesu bħala miżuri temporanji jew kawtelatorji. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu definiti skond l-għan tagħhom, li hu (a) li jippreveni, bħala miżura proviżorja jew ta’ emerġenza, il-kontenut jew effetti possibbli ta’ deċiżjoni li tkun se tittieħed f’għeluq il-proċedimenti prinċipali (miżuri temporanji), jew (b) li jippreserva ċirkustanzi partikolari sakemm il-proċedimenti prinċipali jkunu konklużi biex ikun żgurat li l-proċedimenti jistgħu ikollhom l-effetti prattiċi li altrimenti jkunu reżi inutili minn kwalunkwe tibdil fil-kwistjoni (miżuri kawtelatorji), jew anki (c) li jipprovdi rimedju immedjat għal sitwazzjonijiet eżistenti ta’ periklu jew fejn qed tiġi kkawżata ħsara (miżuri temporanji jew kawtelatorji, skond it-tip ta’ miżura adottata).
Hemm fatturi komuni għall-miżuri kemm temporanji u kemm kawtelatorji. Jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri, x’aktarx ikunu temporanji u jkunu strumentali għall-kawża. Madankollu, din ir-relazzjoni strumentali m’hijiex karatteristika essenzjali; ir-riforma ta’ l-1990, li sussegwentement kienet riveduta fl-2005, inkorporat sett regoli bażiċi standard għal miżuri temporanji fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Skond dan il-mudell proċedurali, li jipprovdi l-bażi għal kull miżura temporanja (sew jekk hemm provdut dwarhom fl-istess Kodiċi ta’ Proċedura jew jekk regolati minn liġijiet speċifiċi), f’ċerti każijiet speċifiċi l-miżura ma tistax tkun segwita minn sentenza f'kawża jew miżura konsegwenti; f’dawn il-każijiet il-miżura temporanja fil-fatt tispiċċa purament bħala miżura protettiva stabbilita (per eżempju, meta s-suġġett li jkun meħtieġ li jikkonforma ruħu ma’ miżura jagħmel hekk minn jeddu; il-leġiżlazzjoni adottata fl-2003 tapplika b’mod ċar l-istess dispożizzjonijiet għal proċedimenti li jinvolvu kumpaniji kummerċjali, u ta’ kreditu u intermedjarji finanzjarji).
Billi din il-proċedura uniformi temporanja x’aktarx isservi bħala l-punt ta’ referenza għall-miżuri kollha, l-analiżi sussegwenti bażikament se tiffoka fuq dan il-mudell.
Il-miżuri temporanji u kawtelatorji jkunu ordnati minn imħallef (ara r-risposta għal mistoqsija 3). Jistgħu jiġu adottati kull meta jkunu meħtieġa, kemm qabel u kemm waqt il-proċedimenti prinċipali. Tista’ ssir distinzjoni bejn miżuri “tipiċi”, fejn il-kontenut tal-miżura jkun stabbilit mill-liġi, u miżuri “atipiċi”, fejn il-liġi tagħti lill-imħallef id-diskrezzjoni li jiddeċiedi l-aktar mod xieraq biex jissalvagwarda d-drittijiet tal-persuna li tipproponi l-azzjoni (ara r-risposta għal mistoqsija 2).
Fuq livell formali il-proċedura hija semplifikata u bla telf ta’ żmien, billi tinħtieġ li tegħleb “kwalunkwe formalità mhux neċessarja” (taħt sezzjoni 669-sexies tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). Madankollu, tiggarantixxi wkoll li l-prinċipju ta’ proċedimenti kontenzjużi jinżamm (li hu enfasizzat fid-diċitura l-ġdida ta’ l-Artiklu 111 tal-Kostituzzjoni). L-imħallef għandu jisma’ lill-partijiet u jipparaguna l-pożizzjonijiet tagħhom u jista’ jordna kwalunkwe verifika li jidhirlu xierqa qabel jiddeċiedi favur jew kontra l-applikant. F’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, meta tkun kwistjoni ta’ urġenza, jkun possibbli li tiġi adottata miżura mingħajr ma l-ewwel jinżamm smigħ.
Dawn il-miżuri jistgħu jiġu adottati f’każijiet meta ma jkun hemm ebda strument ieħor (“tipiku”) adattat. In-natura eżatta tal-miżura mhijiex predeterminata; il-kontenut tagħha hu fid-diskrezzjoni ta’ l-imħallef (għalkemm, ovvjament, ma jistgħux ikunu adottati miżuri li huma projbiti mil-liġi jew li jiksru l-prinċipji kostituzzjonali). L-għan tal-miżura huwa predeterminat, madankollu, billi l-liġi teżiġi li l-imħallef jordna miżuri li jidhru li probabbilment “jevitaw ħsara imminenti u irreparabbli” (l-Artikolu 700 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) fil-kawża speċifika, waqt li “provviżorjament jissalvagwardaw l-effetti tad-deċiżjoni fuq il-kawża”. Il-persuna li tapplika għall-miżura għandha tidentifika l-fatti tal-kawża u l-liġi applikabbli, billi l-ordni ta’ l-imħallef hija strumentali għall-proċedimenti prinċipali li jiġu wara. Għal din ir-raġuni, id-deċiżjoni finali jingħad li “tassorbixxi” l-miżura preventiva.
Ordni temporanja għall-qbid ta’ assi (oġġetti mobbli, oġġetti immobbli u kumpaniji), meta l-kwistjoni tikkonċerna s-sjieda jew il-pussess tagħhom. Il-miżura tiżgura l-kustodja ta’ l-assi.
Inġunzjoni Mareva żżomm parti milli tiddisponi minn assi (mobbli jew immobbli) jew somom ta’ flus. L-inġunzjoni tinħareġ biex tipproteġi l-kredituri li jkollhom biża’ ġustifikabbli li s-self tagħhom mhux ser jibqa’ garantit. Dan l-aħħar sar possibbli li tinħareġ inġunzjoni Mareva kontra kull min jonqos li jipprovdi l-manteniment dovut lill-konjuġi separati tagħhom.
Dawn il-miżuri jkunu invokati meta persuna tixtieq li tipproteġi assi kontra theddida jew tfixkil jew meta applikant jitlob reintegrazzjoni fil-pussess.
Bl-istess mod bħall-miżura ta’ qabel, l-inġunzjoni quia timet hija intiża biex tipproteġi l-istatus quo billi tevita azzjoni mhedda (minn oħrajn).
Miżuri investigattivi kawtelatorji huma strettament proċedurali u huma relatati ma’ l-evidenza. Fi kwalunkwe punt fil-proċedimenti, meta jkun hemm il-ħtieġa li tinkiseb evidenza immedjatament u jkun hemm raġuni għall-biża’ li, għal kwalunkwe raġuni, jista’ jkun impossibbli li dan isir fi stadju aktar tard, l-imħallef jista’ joħroġ ordni motivata biex xhieda jiġu eżaminati jew biex jitmexxew operazzjonijiet jew spezzjonijiet tekniċi ta’ investigazzjoni.
Din hija miżura preventiva fis-sens wiesa' tat-terminu. Waqt li sentenza tal-qorti ta’ l-ewwel istanza hija infurzabbli skond il-liġi, imħallef tal-qorti ta’ l-appell jista’ jissospendi l-effetti tagħha meta jinħass li hemm raġunijiet serji biex jagħmel hekk.
Dawn il-miżuri huma mfassla biex jipprovdu rimedju immedjat, f’konnessjoni kemm mal-persuni u kemm mal-proprjetà involuta, għal sitwazzjonijiet ta’ kunflitt bejn il-ġenituri u biex jevitaw ħsara possibbli lil uliedhom, li jistgħu ikunu mingħajr kontroll adegwat u mezzi suffiċjenti.
Ordni għall-ħlas ta’ alimenti tinħareġ lill-persuna li tkun meħtieġa tħallas l-alimenti waqt il-proċedimenti.
Dawn il-miżuri jkunu adottati f’tilwim rigward assi li kienu ta’ persuni mejta.
L-inġunzjonijiet jinħarġu fuq talba ta’ l-Ombudsman ta’ l-Istampa sakemm jingħataw deċiżjonijiet fi proċeduri kontra l-monopolju.
Dawn l-inġunzjonijiet jinħarġu biex jevitaw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (regoli dwar ismijiet ta’ prodotti, it-teħid ta’ klijenti, eċċ.).
Dawn l-ordnijiet jinħarġu fuq talba ta’ gruppi tal-konsumaturi jew Kmamar tal-Kummerċ li jkunu applikaw biex klawżoli kuntrattwali jkunu ddikjarati illegali.
L-ordnijiet jinħarġu meta l-ammonti ma jkunux kontestati jew ikunu ġew stabbiliti definittivament fi proċeduri dwar l-impjiegi.
Dawn il-miżuri jkunu adottati sakemm jingħataw deċiżjonijiet dwar il-kustodja.
L-ordni tinħareġ in konnessjoni ma’ deċiżjoni li għandha ssegwi li tikkonċerna l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni mhux korretta.
Id-danni jkunu assenjati lil vittma ta’ inċident stradali li tkun fil-bżonn meta eżami sommarju tal-fatti juri li l-persuna l-oħra kienet responsabbli.
Din il-miżura preventiva tkun adottata meta deċiżjoni meħuda minn kumpanija kummerċjali tirriżulta fi ksur tal-liġi jew ta’ l-istatut tal-kumpanija.
Mill-inqas wieħed minn għaxra ta’ l-azzjonisti tal-kumpanija għandhom japplikaw għal tali ordni, li tinħareġ in konnessjoni ma’ deċiżjoni rigward ir-responsabbiltà tal-maniġment tal-kumpanija.
Din l-ordni tinħareġ meta rappreżentanti ta’ l-unjin ikunu tkeċċew mingħajr raġuni valida.
Hemm diversi miżuri mmirati biex jissalvagwardaw l-interessi tal-kredituri fi proċeduri ta’ falliment.
L-awtoritajiet ġudizzjarji dejjem għandhom jawtorizzaw l-użu tal-miżura?
Normalment minħabba n-natura tagħhom miżuri ‘interim’ huma temporanji, iżda jbiddlu jew b’xi mod ikollhom effett fuq id-drittijiet jew is-sitwazzjonijiet ta’ individwi involuti f’tilwima u għalhekk, skond il-Kostituzzjoni, jistgħu jinħarġu biss mill-awtoritajiet ġudizzjarji (b’hekk ikun eskluż kwalunkwe att awtorevoli ta’ individwi privati, li ma jistgħux jieħdu l-liġi f’idejhom).
Liema awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw miżuri temporanji? Meta l-miżura tintalab indipendentement qabel il-proċedimenti prinċipali, l-applikazzjoni tkun evalwata mill-imħallef li lilu tkun assenjata l-kawża skond ir-regoli ġenerali tal-proċedura (apparti mill-maġistrati, li m’għandhomx il-poter li jieħdu tali deċiżjonijiet; f’dan il-każ il-kwistjoni tkun riferuta lill-Qorti Distrettwali). Meta l-miżura tintalab waqt il-proċeduri prinċipali, tkun riferuta lill-imħallef li jippresjedi. Hemm regoli speċifiċi li jirregolaw l-applikazzjonijiet li jinvolvu sentenzi ta’ imħallfin minn pajjiżi barranin. Barra minn hekk, hemm regoli li jistabbilixxu l-poteri ta’ awtoritajiet ġudizzjarji speċifiċi (eż. miżuri relatati mal-kompetizzjoni inġusta deskritti fit-taqsima 2.2.11 jkunu riferuti lill-Qorti ta’ l-Appell, filwaqt li miżuri rigward il-konjuġi u l-ulied (taqsima 2.2.7) jkunu riferuti lill-President tal-Qorti Distrettwali).
X’inhu r-rwol ta’ l-intermedjarji, per eżempju, il-marixxalli? Il-kostituzzjoni tal-qorti tagħti bidu għal relazzjoni diretta bejn l-imħallef u l-partijiet. Madanakollu, hemm okkażjonijiet meta l-impjegati ġudizzjarji anċillari (il-marixxalli) jkunu involuti fl-implimentazzjoni ta’ miżuri temporanji, bħal mandati ta’ qbid temporanji jew inġunzjonijiet Mareva, billi jkunu implimentati kważi bl-istess mod bħal miżuri ta’ infurzar relatati ma’ assi, u għalhekk isir provvediment għall-involviment ta’ awtoritajiet pubbliċi anċillari oħra.
Agħti indikazzjoni ta’ l-ispejjeż involuti f’kull tip ta’ miżura. Bħal f’kull miżura ġudizzjarja, meta l-proċedura prinċipali jew temporanja tiddaħħal fil-lista, l-applikant iħallas kontribuzzjoni lill-Uffiċċju tat-Taxxi Interni. L-ammont huwa stabbilit minn qabel u jvarja skond in-natura u l-ispiża tal-proċedura. Ir-relazzjoni bejn il-partijiet u l-avukati difensuri tagħhom is-soltu tkun f’idejn il-partijiet ikkonċernati, għalkemm jeżistu tabelli ta’ referenza li jsiru f’intervalli regolari mill-professjoni u jkunu approvati b’ordni tal-Ministeru tal-Ġustizzja. It-tabelli jindikaw id-drittijiet u spejjeż minimi u massimi, u jorbtu meta jridu jiġu stabbiliti l-ispejjeż tal-parti telliefa f’ċerti kawżi fejn l-imħallfin ikunu adottaw miżura (per eżempju, jekk l-imħallef jiċħad l-applikazzjoni għal miżura ta’ emerġenza atipika u b’hekk jagħlaq il-proċedimenti ta’ qabel il-kawża).
Iddeskrivi r-rekwiżiti effettivi. Fuq liema kriterji l-Qorti Distrettwali tibbaża d-deċiżjoni tagħha li toħroġ inġunzjoni jew ordni?
Jekk intalab kreditu, il-kawża trid tkun kwestjonabbli?
Irid ikun hemm emerġenza?
Irid jintwera illi jkun impossibbli li tittieħed id-deċiżjoni finali għaliex l-assi tad-debitur ġew imċaqalqa jew sparixxew? Bħala regola, kull min japplika għal inġunzjoni jrid jipprova li qed isseħħ jew ser isseħħ bidla fiċ-ċirkostanzi jew fid-drittijiet, u li s-sitwazzjoni tista’ verament tagħmel ħsara lill-interessi ta’ l-applikant, jiġifieri s-sitwazzjoni titlob it-tneħħija tat-theddida jew miżuri li jevitaw aktar ħsara sakemm il-kawża prinċipali tkun ġiet deċiża. Għandu jitqies ir-riskju tad-dewmien (fl-adozzjoni tal-miżura). Kull miżura, skond il-liġi li tirregolaha, tistabbilixxi l-qasam ta’ l-applikazzjoni tagħha f’relazzjoni mat-tip ta’ drittijiet li għandhom jiġu salvagwardati (eż. xogħlijiet ġodda fuq proprjetà reali; il-ħtieġa ta’ struttura għar-relazzjonijiet mat-tfal, miżuri provviżorji; ħsara lin-negozju, il-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni inġusta, u ħwejjeġ oħra bħal dawn).
Il-prinċipju tar-rekwiżit tal-periklu japplika wkoll fejn is-sitwazzjoni ta’ l-applikant tkun aggravata jew tkompli tiddeterjora, per eżempju, jekk id-debitur ikompli jneħħi u b’hekk inaqqas l-assi tiegħu. Madanakollu, l-indikazzjonijiet waħedhom m’humiex biżżejjed; għandu jkun hemm evidenza tassew konkreta li miżuri ta’ emerġenza jkunu meħtieġa.
Kontijiet bankarji? – Assi mobbli? – Mezzi reġistrati ta’ trasport? – Assi immobbli? – Assi oħra?
Il-miżuri temporanji jistgħu ikopru kwalunkwe tip ta’ assi. Il-liġi tistabbilixxi l-limiti li fihom il-miżura tista’ tkun applikata. F’dan il-kuntest l-imħallef jiddeċiedi jekk l-assi jistgħux ikunu s-suġġett ta’ inġunzjoni abbażi ta’ jekk jipprovdux garanziji għall-kreditur jew - partikolarment in konnessjoni ma’ miżuri “atipiċi” - xi jkun meħtieġ biex jipprovdu salvagward temporanju.
Fil-każ ta’ qbid, li ġeneralment ikun regolat mill-istess proċeduri li jkopru l-infurzar, il-kriterji oġġettivi tar-responsabbiltà għall-qbid japplikaw, jiġifieri l-possibbiltà tal-qbid ta’ assi fl-użu personali jew kurrenti ta’ proprjetà tal-persuna li kontriha tkun diretta l-miżura. B’mod partikolari, kontijiet kurrenti jistgħu jkunu ffriżati jew jiġi stabbilit limitu għall-aċċessibbiltà. Vettura tista’ tinqabad biss taħt ċerti kondizzjonijiet.
Fi kwalunkwe każ, il-kriterju essenzjali huwa li s-sitwazzjoni li ser tiġi garantita - l-oġġettiv tal-miżura - ma tiddgħajjifx. Għalhekk il-bejgħ ta’ proprjetà immobbli u vetturi ma jgħinx lill-kreditur u jista’ jimponi responsabbiltà fuq id-debitur, kif ukoll fuq ix-xerrej jekk ma jkunx ħa ħsieb li jsir jaf dwar l-inġunzjoni jew għażel li jinjoraha, dejjem bl-assunzjoni li dettalji relatati ma’ l-oġġetti kkonċernati jistgħu jinstabu fir-reġistri pubbliċi. Jekk id-debitur ibiegħ kwalunkwe oġġett ieħor (eż. oġġetti ta’ valur), il-kreditur jista’ jirkupra l-oġġetti permezz ta’ azzjoni ta’ rkupru in rem.
Fuq id-debitur li jonqos milli jikkonforma ruħu ma’ l-ordni? Xorta jista’ jiddisponi mill-assi tiegħu? Jista’ jiġi kkastigat? X’inhuma l-obbligi tal-bank fir-rigward ta’ l-iżvelar ta’ informazzjoni u l-iffriżar ta’ kontijiet kurrenti? X’inhuma l-penalitajiet għan-nuqqas ta’ konformità ma’ l-ordni?
B’żieda ma’ taqsima 4 hawn fuq, in-nuqqas ta’ konformità ma’ miżuri biex jissalvagwardaw il-garanzija tal-kreditur l-ewwelnett iqiegħed lill-parti li tonqos taħt obbligazzjoni li tikkumpensa lill-parti l-oħra. Ovvjament ikun neċessarju li ssir referenza għall-kontenut ta’ l-ordni biex jiġi vverifikat kwalunkwe nuqqas ta’ konformità rigward d-disponibblità ta’ l-oġġett.
Meta jkun jista’ jiġi ppruvat li l-persuna li kontriha nħarġet l-ordni tkun aġixxiet b’malafede jew b’xi mod ieħor kienet kolpevoli, wara applikazzjoni mill-parti l-oħra l-imħallef jista’ jordna lill-parti li tikkommetti l-offiża biex tħallas l-ispejjeż u kumpens għad-danni, u dan ir-rekwiżit ikun formalizzat fis-sentenza.
Jekk il-persuna ordnata tonqos milli tikkonforma ruħha ma’ l-inġunzjoni, l-imħallef jista’ jadotta miżuri oħra preventivi jew ta’ l-infurzar qabel tintemm il-kawża. Meta n-nuqqas ta’ konformità jinvolvi l-ingann, min jikkommetti l-offiża jsir responsabbli skond il-liġi kriminali.
Il-bank fejn jinżamm il-kont jista’ jinforma lil terzi biss li l-fondi m’humiex disponibbli, iżda għandu jittratta r-raġunijiet għall-iffriżar tal-kont bħala kunfidenzjali.
Il-liġi normalment tistabbilixxi terminu ta’ żmien jew huwa l-imħallef li għandu jistabbilixxi t-terminu fl-ordni?
L-ordni tapplika sakemm tingħata s-sentenza jew tinħareġ ordni ġdida?
Meta tkun inħarġet ordni mingħajr ma jkunu saru proċeduri kontenzjużi, hemm terminu ta’ żmien biex jitħarrku u jinstemgħu il-partijiet?
Kif ingħad f’taqsima 1 hawn fuq, billi miżura temporanja s-soltu tkun strumentali għall-proċedimenti tal-kawża sussegwenti, l-ordni normalment tapplika sakemm tingħata s-sentenza.
Madankollu, l-imħallef jista’ jibdel it-termini taż-żmien, jimponi ordni oħra jew jirrevoka l-miżura inizjali, anke waqt il-kawża, skond il-fatti tal-każ. Jista’ wkoll jordna li l-applikant jiddepożita garanzija biex jiggarantixxi li l-partijiet ikun trattati ugwalment jekk sussegwentement jirriżulta li ma kienx hemm raġunijiet għall-impożizzjoni tal-miżura. Bl-istess standard, ċaħda inizjali ta’ applikazzjoni ma żżommx milli jiġu adottati miżuri temporanji f’data aktar tard, jekk tkun ippreżentata applikazzjoni ġdida u jkun stabbilit li ċ-ċirkostanzi li nbidlu jimmeritaw li l-miżura tkun adottata.
Jekk il-miżura temporanja tkun ġiet adottata mingħajr ma jkun inżamm smigħ (każ eċċezzjonali, ara taqsima 1 hawn fuq) u tkun ġiet ġustifikata biss għar-raġunijiet ta’ urġenza, fil-miżura (li, f’dawn iċ-ċirkostanzi, tkun digriet aktar milli ordni) l-imħallef għandu jordna li l-partijiet jinstemgħu fi żmien mhux aktar minn 15-il ġurnata, jagħti lill-applikant perjodu fiss ta’ mhux aktar minn tmint ijiem biex jinnotifika l-miżura. Fl-udjenza, il-partijiet jinstemgħu bi proċedura simplifikata u informali (ara taqsima 1 hawn fuq), li warajha l-imħallef jikkonferma, jemenda jew jaqleb il-miżura inizjali.
Min jista’ jisfida l-ordni?
Liema awtorità ġudizzjarja tisma’ l-appell?
Kemm hemm żmien biex isir appell?
X’inhu l-effett ta’ l-appell?
Appell kontra applikazzjoni milqugħa jew miċħuda jista’ jinġieb quddiem il-Qorti Distrettwali minn wieħed mill-partijiet (skond l-interessi kkonċernati u t-tip ta’ miżura meħuda) fi żmien 10 tijiem min-notifika tal-miżura. Il-Qorti tagħti d-deċiżjoni tagħha kollettivament. Jekk il-miżura tkun ġiet ordnata mill-Qorti ta’ l-Appell, l-appell jiġi preżentat f’taqsima oħra tal-Qorti ta’ l-Appell jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fl-eqreb Qorti ta’ l-Appell. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni li tikkonferma, li temenda jew li treġġa' lura l-miżura inizjali tittieħed in camera.
Appell ma jissospendix l-implimentazzjoni tal-miżura u d-deċiżjoni dwar l-appell ma tistax tiġi kkontestata. Madankollu, jekk titfaċċa evidenza oħra li l-miżura tkun qed tagħmel ħsara serjament lill-persuna li fuqha tkun imposta, l-awtoritajiet ġudizzjarji li jkunu qed jisimgħu l-appell jistgħu jissospenduha jew jordnaw li tiġi depożitata garanzija xierqa, bħala alternattiva.
« Miżuri temporanji u miżuri ta’ prekawzjonijiet - Informazzjoni Ġenerali | Italja - Informazzjoni Ġenerali »
L-aħħar aġġornament: 02-04-2007

