Kummissjoni Ewropea > NGE > Miżuri temporanji u miżuri ta’ prekawzjonijiet > Ungerija

L-aħħar aġġornament: 22-08-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Miżuri temporanji u miżuri ta’ prekawzjonijiet - Ungerija

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri? 1.
2. X’inhuma l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jinħarġu dawn il-miżuri? 2.
2.1. Jekk jogħġbok iddeskrivi l-proċedura! 2.1.
2.2. X’inhuma l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jinħarġu tali miżuri? 2.2.
3. L-għan u n-natura ta’ tali miżuri? 3.
3.1. X’tip ta’ beni jistgħu jkunu soġġetti għal tali miżuri? 3.1.
3.2. X’inhuma l-effetti ta’ tali miżuri? 3.2.
3.3. X’inhi l-validità ta’ tali miżuri? 3.3.
4. Hemm possibbiltà ta’ appell kontra l-miżura? 4.

 

1. X’inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

L-Att III ta’ l-1952 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi għal żewġ tipi ta’ miżuri legali biex ikun żgurat li tkun tista’ tiġi sodisfatta talba kontestata: inġunzjoni provviżorja u infurzar provviżorju, li jipprovdu protezzjoni qabel ma tittieħed id-deċiżjoni li torbot legalment. Dan huwa supplimentat bil-miżura kawtelatorja provduta mill-Att LIII ta’ l-1994 dwar l-Infurzar.

2. X’inhuma l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jinħarġu dawn il-miżuri?

2.1. Jekk jogħġbok iddeskrivi l-proċedura!
Inġunzjoni provviżorja:

L-Artikolu 156 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jirregola l-inġunzjoni provviżorja, li l-għan tagħha huwa li tiżgura ħarsien legali immedjat sabiex ikun evitat it-taħsir tad-drittijiet li, minħabba t-trapass taż-żmien, ma jkunux jistgħu jiġu rimedjati ex post. Bl-ordni ta' inġunzjoni provviżorja l-qorti tobbliga lill-avversarju tar-rikorrent sabiex jirregola ruħu fi żmien li fih tkun għadha ma waslitx għal deċiżjoni dwar is-sustanza tat-tilwima legali bejn il-partijiet. B’mod kuntrarju għar-regoli ġenerali, il-qorti tiġġudika fuq l-applikazzjoni minn qabel u d-deċiżjoni li toħroġ l-inġunzjoni provviżorja tista’ tiġi eżegwita minn qabel irrispettivament mill-proċedura ta’ l-appelli.

Bħala regola ġenerali, l-inġunzjoni provviżorja tista’ tingħata biss fuq rikors; il-qorti tista’ tilqa' t-talba ex officio biss jekk ikun hemm awtorizzazzjoni speċjali bil-liġi: f’azzjoni ta’ filjazzjoni – jekk il-proċedimenti tal-kawża ikunu ġew sospiżi – dwar l-alimenti li l-minuri jkun intitolat għalihom [L-Artikolu 153(3) ta’ l-Att dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili] u fi proċeduri matrimonjali dwar il-kustodja u s-sostenn tal-minuri, li jestendu jew jillimitaw id-drittijiet ta’ superviżjoni parentali u drittijiet ta' aċċess (l-Artikolu 287 ta’ l-Att dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

FuqFuq

It-talba tista’ ssir biss f’azzjoni quddiem il-qorti, bl-iktar data bikrija tkun dik tal-mument meta jitressaq ir-rikors.

Fir-rigward tal-kontenut tar-rikors, għandu jintwera li ċ-ċirkostanzi preżentati fiha jkunu probabbli u li jirreferu għal waħda mis-sitwazzjonijiet speċifikati li jirrikjedu protezzjoni legali immedjata (riskju ta’ ħsara, ħtieġa għal protezzjoni legali minħabba l-bidla ta’ l-istat tat-tilwima legali, jew sitwazzjoni ta’ protezzjoni legali li titlob rikonoxximent speċjali) u l-miżura applikata għandha, ovvjament, tkun tali li tevita t-tfixkil tad-drittijiet. Skond il-liġi r-rikors m’għandux għalfejn jagħti prova li l-informazzjoni preżentata hija vera mingħajr dubju, iżda biss li hija probabbli. Hemm biss possibbiltà limitata għal verifika waqt li l-miżura tkun qed titħaddem; din tista’ tkun permessa biss jekk ir-rikors ma jkunx jista’ jiġi deċiż mingħajrha. Ir-raġuni għar-restrizzjoni hija l-għan ta’ l-inġunzjoni provviżorja u l-fatt li l-parti trid biss turi li s-sitwazzjoni hija possibbli, mingħajr ma tivverifika jekk il-kondizzjonijiet għall-applikazzjonijiet ikunux definittivament milħuqa.

Meta l-qorti li tkun qed tisma' l-kawża tasal għal deċiżjoni, trid tikkunsidra jekk il-parti urietx li l-kondizzjonijiet legali li jiġġustifikaw l-ordni ta’ inġunzjoni provviżorja jkunux probabbilment milħuqa. Il-qorti hija libera wkoll li tiddeċiedi liema grad ta’ probabbiltà se tirrikjedi li l-parti jkollha turi. Jekk ir-rikors jissodisfa dawn il-kondizzjonijiet, il-qorti għandha tivvaluta l-iżvantaġġi kkawżati mill-inġunzjoni provviżorja u tqabbilhom mal-vantaġġi li jistgħu jinkisbu. Għalkemm l-Att juża l-espressjoni ‘żvantaġġ ikkawżat’ effettivament irid ifisser mhux l-iżvantaġġ li jkun diġà kkawżat iżda l-iżvantaġġ li jista’ jiġi kkawżat bl-inġunzjoni u bl-implimentazzjoni tagħha. Jekk il-valutazzjoni tirrivela li l-iżvantaġġi jaqbżu l-vantaġġi, ir-rikors ikollu jiġi miċħud. Fil-mument tal-valutazzjoni l-qorti tiddeċiedi wkoll jekk tirrikjedix li tkun depożitata garanzija għall-inġunzjoni provviżorja.

FuqFuq

Il-qorti tiddeċiedi permezz ta' ordni dwar ir-rikors għal inġunzjoni provviżorja. F’każi eċċezzjonali l-qorti tirrevoka l-inġunzjoni provviżorja fis-sentenza tagħha.

Il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar ir-rikors jew matul is-smigħ tal-kawża proprju jew b’mod separat.

L-ordni jibqa’ fis-seħħ sakemm ikun revokat jew, jekk dan ma jseħħx, sakemm jingħata l-ġudizzju finali fil-każ jew meta l-ġudizzju tal-qorti ta’ l-ewwel istanza jsir jorbot legalment.

Kull wieħed mill-partijiet jista’ japplika biex l-ordni jiġi revokat.

Infurzar provviżorju:

L-Artikolu 231 ta’ l-Att dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tirregola l-possibilitajiet ta’ infurzar provviżorju. Skond id-dispożizzjonijiet – f’xi każi – id-deċiżjoni li torbot legalment jista’ jkollha xi effetti u d-deċiżjoni tista’ tiġi infurzata qabel issir effettivament finali. Fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 231 ta’ l-Att dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, jekk il-kondizzjonijiet imsemmija jkunu sodisfatti, il-qorti ta’ l-ewwel istanza għandha tiddikjara ex officio l-ġudizzju tagħha bħala provviżorjament infurzabbli, il-qorti tat-tieni istanza tista’ tiddeċiedi wkoll dwar l-infurzar provviżorju fuq applikazzjoni mill-persuna konċernata, wara li tikkunsidra l-fatti tal-każ.

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jinkludi lista eżawrjenti, li ma tistax tingħata interpretazzjoni wiesgħa. Għalhekk l-infurzar provviżorju ma jistax jiġi ordnat għal kwalunkwe raġuni oħra.

Fuq il-bażi ta’ dan kollu, dan li ġej għandu jiġi dikjarat bħala infurzabbli, kemm jekk isir appell u kemm jekk le:

  • deċiżjoni li tordna l-ħlas tal-manteniment jew allowance għall-kura tat-tfal u l-forniment ta’ servizzi oħra temporanji li għandhom għan simili;
  • deċiżjoni li tordna t-terminazzjoni tad-dħul fil-proprjetà;
  • deċiżjoni li tordna l-adempiment ta’ talba rikonoxxuta mill-konvenut;
  • deċiżjoni li tordna l-ħlas ta’ somma ta’ flus fuq il-bażi ta’ obbligu aċċettat fi strument awtentiku jew dokument privat li jirrapreżenta prova konklużiva (l-Artikoli 195 u 196), jekk iċ-ċirkustanzi kollha li jservu bħala bażi għaliha jkunu ċertifikati b’tali dokument;
  • deċiżjoni li tordna li tittieħed azzjoni mhux finanzjarja, jekk min jagħmel it-talba jkun se jsofri ħsara gravi u sproporzjonata jew jekk ikun diffiċli li tkun stabbilita l-ħsara kkawżata bil-posponiment ta’ l-infurzar, u jekk min jagħmel it-talba jipprovdi sigurtà adegwata.

Jekk il-qorti ta’ l-ewwel istanza tiddikjara d-deċiżjoni provviżorjament infurzabbli minkejja l-Artikoli 231 u 232 ta’ l-Att tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, il-president tal-kamra li jaġixxi fit-tieni istanza jista’ jordna li l-proċeduri jkunu sospiżi qabel ma jsir is-smigħ, iżda dan isir fuq talba tal-partijiet interessati anki jekk il-kawża fl-appell tkun ġiet differita, flimkien ma’ l-eżaminazzjoni tal-fatti kollha tal-każ.

FuqFuq

Il-qorti tista’ tagħżel li ma tordnax infurzar provviżorju jekk dan l-ordni jkun se jġib piż ikbar u sproporzjonat fuq il-konvenut meta mqabbel ma' dak li kien ikun hemm fuq ir-rikorrent kieku dan l-ordni ma jingħatax. Il-konvenut, madankollu, għandu f'kull każ jippreżenta rikors lill-qorti; il-qorti ma tistax ex officio tiddeċiedi li tiċħad l-ordni għal infurzar provviżorju fil-każijiet elenkati.

L-infurzar ta’ miżura kawtelatorja:

Skond il-liġi Ungeriża, l-infurzar jista’ jiġi ordnat biss jekk il-qorti tkun ħarġet ordni ta’ infurzar. L-ordni ta’ infurzar jista’ jinħareġ jekk id-deċiżjoni finali tkun tinkludi obbligu (ordni li ssir xi ħaġa), ikun jorbot legalment jew ikun jista’ jiġi infurzat b’mod provviżorju u t-terminu ta’ żmien għall-konformità jkun skada. Jekk dawn it-tliet kondizzjonijiet ma jkunux sodisfatti b’mod simultanju, il-ħruġ ta’ ordni ta’ infurzar ma jkunx possibbli u għalhekk l-infurzar ma jkunx jista’ jinbeda. Madankollu, għall-ħarsien tad-drittijiet tal-persuna intitolata hemm il-possibbiltà li tkun ordnata miżura kawtelatorja.

Għalhekk jekk l-ordni ta’ l-infurzar biex tkun sodisfatta t-talba ma tkunx għad tista’ tinħareġ iżda l-parti li titlob l-infurzar tkun uriet li t-twettiq aktar tard tat-talba jkun probabilment mhedded, fuq rikors tal-parti li titlob l-infurzar, il-qorti permezz ta’ miżura kawtelatorja tordna:

  1. sigurtà għal talba dwar flus, u
  2. is-sekwestru ta’ l-oġġett speċifikat.

Tista’ tiġi ordnata miżura kawtelatorja biss fil-każi li huma speċifikati bil-liġi. Per eżempju, jekk it-talba tkun ibbażata fuq deċiżjoni li taħtha jkun jista’ jinħareġ ordni ta’ infurzar iżda dan ma jkunx jista’ jseħħ minħabba li l-ġudizzju ma jkunx għadu jorbot legalment jew minħabba li l-ġudizzju jkun jorbot legalment iżda t-terminu ta’ l-għeluq għat-twettiq ma jkunx għadu skada; jew ikunu ġew istitwiti proċeduri matrimonjali jew proċeduri oħra fuq talba fil-qrati tal-familja u l-validità tat-talba, l-ammont tagħha u l-fatt li hija dovuta jkunu lkoll ġew ċertifikati bi strument awtentiku jew dokument privat li jippreżenta evidenza konklużiva.

FuqFuq

Fl-ewwel każ il-qorti intitolata li toħroġ ordni ta’ infurzar u fit-tieni każ il-qorti fejn ikunu ġew istitwiti l-proċeduri, ikollha d-dritt li tipproċedi.

Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar il-miżura kawtelatorja bħala kwistjoni ta’ urġenza u f’mhux iktar minn tmint ijiem tibgħat lill-marixxall l-ordni għal miżura kawtelatorja mingħajr telf ta’ żmien.

L-appell kontra l-ordni għal miżura kawtelatorja m’għandux effett sospensorju.

Wara li jirċievi l-ordni għal miżura kawtelatorja, il-marixxall jsejjaħ mingħajr telf ta’ żmien lill-parti li titlob għall-infurzar biex tħallas minn qabel il-pagament neċessarju għall-infurzar fi ħdan perjodu limitat ta’ żmien, u wara li jasal il-pagament bil-quddiem huwa jibda l-infurzar tal-miżura kawtelatorja mingħajr telf ta’ żmien.
2.2. X’inhuma l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jinħarġu tali miżuri?

Il-kriterji li jridu jiġu applikati mill-qrati prinċipalment jirriflettu l-ħtieġa li jkun żgurat l-infurzar sussegwenti għat-talba. Fil-każ ta’ inġunzjoni provviżorja l-kriterju bażiku huwa li l-infurzar għandu jkun neċessarju biex jevita theddida imminenti ta’ ħsara jew biex iżomm is-sitwazzjoni li kkawżat it-tilwima legali jew għall-protezzjoni tad-drittijiet speċifiċi tar-rikorrent, u li l-iżvantaġġ ikkawżat mill-miżura ma jaqbiżx il-vantaġġi li jistgħu jinkisbu minnha. Fejn ikun ordnat l-infurzar provviżorju, il-qorti għandha tordna l-infurzar. Trid tiġi eżerċitata diskrezzjoni biss meta jkun hemm talba mill-konvenut biex ma jiġix ordnat infurzar provviżorju. Fejn tkun se tiġi ordnata miżura kawtelatorja, irid ikun hemm evidenza ta’ theddida għat-twettiq sussegwenti tat-talba. Għaldaqstant it-talba trid tkun ġiet kontestata fit-tliet każijiet kollha u fil-każ ta’ inġunzjoni provviżorja u ta’ miżura kawtelatorja trid tkun taħt theddida; fil-każ ta’ infurzar provviżorju l-kriterju huwa l-ħarsien ta’ l-interessi tal-persuna eliġibbli.

FuqFuq

3. L-għan u n-natura ta’ tali miżuri?

3.1. X’tip ta’ beni jistgħu jkunu soġġetti għal tali miżuri?

Fil-każ ta’ inġunzjoni provviżorja l-qorti tordna t-twettiq ta’ dak li jkun ġie mitlub fir-rikors promotur jew fir-rikors għal inġunzjoni provviżorja fuq it-talba magħmula mill-qorti. Din tista’ testendi għal kwalunkwe talba magħmula fir-rikors.

L-infurzar provviżorju jfisser l-infurzar ta’ dak li jkun ġie ordnat f’deċiżjoni tal-qorti ta’ l-ewwel istanza li jkun għad ma jkollux effett ta’ rabta legali; dan jista’ jimponi wkoll diversi obbligi jew servizzi.

F’miżura kawtelatorja l-qorti tista’ tordna s-sekwestru ta’ oġġett speċifikat jew titlob garanzija għal talba finanzjarja. Jekk il-qorti tordna li tingħata garanzija għal talba finanzjarja, l-marixxall jgħaddi l-ordni tagħha lid-debitur fuq il-post, u fl-istess ħin jordna lilu/lilha biex iħallas/tħallas l-ammont rilevanti lill-marixxall mingħajr telf ta’ żmien. Jekk id-debitur ma jikkonformax, l-marixxall jista’ jieħu l-pussess ta’ kwalunkwe beni tad-debitur. Sabiex jieħu l-pussess ta’ proprjetà reali, il-marixxall jikkuntattja l-uffiċjal tar-reġistrazzjoni ta’ l-artijiet mingħajr telf ta’ żmien biex jirreġistra d-drittijiet ta’ l-infurzar sabiex jiżgura t-talba finanzjarja fil-reġistru ta’ l-artijiet.

Għas-sekwestru ta' ammont, il-marixxall isejjaħ lill-istituzzjoni finanzjarja li tieħu ħsieb l-ammont li d-debitur ikun intitolat għalih b’ordni li, wara li tirċievi l-ittra ta' l-ordni, din m’għandhiex tħallas l-ammont sekwestrat u l-ammont li jkopri l-ispejjeż tal-proċeduri la lid-debitur lanqas lil xi ħaddieħor u, jekk il-bilanċ tal-kont ma jkunx jilħaq l-ammont li jrid jiġi sekwestrat, din għandha taġixxi b’mod identiku fir-rigward ta’ ħlasijiet futuri.

FuqFuq

Is-sekwestu ordnat għal oġġett speċifikat jista’ jestendi għal kwalunkwe proprjetà mobbli li jkollha valur.
3.2. X’inhuma l-effetti ta’ tali miżuri?

Fil-każ ta’ inġunzjoni provviżorja u infurzar provviżorju, id-debitur irid jikkonforma mal-ġudizzju tal-qorti. Fuq il-bażi ta’ ordni ta’ infurzar, il-proċedura tista’ tinbeda.

Hemm żewġ tipi ta’ miżuri kawtelatorji b’effetti differenti. Fejn il-miżura tkun li tikkawtela pretensjoni, id-debitur għandu jagħti ammont speċifikat ta’ flus lill-marixxall. Jekk l-istituzzjoni finanzjarja tkun tamministra l-ammont ta’ flus li d-debitur ikun intitolat għalih, l-marixxall isejjaħ lill-istituzzjoni finanzjarja li tieħu ħsieb l-ammont li d-debitur ikun intitolat għalih b’ordni li, wara li tirċievi l-ittra ta’ l-ordni, din m’għandhiex tħallas l-ammont sekwestrat u l-ammont li jkopri l-ispejjeż tal-proċeduri la lid-debitur lanqas lil xi ħaddieħor u, jekk il-bilanċ tal-kont ma jkunx jilħaq l-ammont li jrid jiġi żgurat, din għandha taġixxi b’mod identiku fir-rigward ta’ ħlasijiet futuri. L-istituzzjoni finanzjarja tinforma lill-marixxall fi żmien tmint ijiem minn meta tirċievi l-ittra ta’ l-ordni dwar l-ammont li fuqu setgħet tapplika l-miżura, u wara dan il-beni tad-debitur ikunu jistgħu jiġu sekwestrati biss sa l-ammont tal-bilanċ li jibqa' dovut. Jekk id-debitur ma jkollux l-ammont speċifikat ta’ flus, jiġu sekwestrat oġġett ieħor.

Fejn oġġett speċifikat ikun se jiġi sekwestrat, id-debitur jista’ jkompli jużah jekk dan ma jkunx irid jiġi msakkar fiżikament iżda ma jkunx liberu li jiddisponi minnu. Jekk l-marixxall jsakkar l-oġġett fiżikament, ikun reat jekk tinfetaħ il-kamra li fih jinżamm l-oġġett, jekk jitneħħa s-siġill li jindika s-sekwestrar jew jiddisponi mill-oġġett jew juża l-oġġett sekwestrat u min ikun ħati ta’ dan jiġi mħarrek (vjolazzjoni tas-siġilli).

FuqFuq

3.3. X’inhi l-validità ta’ tali miżuri?

Permezz ta’ ordni l-qorti tiddeċiedi dwar ir-rikors għal inġunzjoni provviżorja. L-ordni jibqa’ fis-seħħ sakemm jiġi revokat, jew jekk ma jiġix revokat, sakemm isir ordni li jagħlaq il-każ jew meta jikseb effett legali fl-ewwel istanza.

Il-miżura kawtelatorja tibqa’ fis-seħħ sakemm issir l-ordni ta’ l-infurzar tat-talba jew sakemm il-qorti tiddeċiedi li ttemm il-miżura kawtelatorja.

L-infurzar provviżorju jfisser l-infurzar ta’ l-obbligu stabbilit fid-deċiżjoni qabel ma dan jikseb effett li jorbot legalment, kemm jekk ikun hemm appell u kemm jekk le. Għaldaqstant, dan m’għandu l-ebda limitu ta’ żmien.

4. Hemm possibbiltà ta’ appell kontra l-miżura?

Hemm possibbiltà ta’ appell separat kontra l-ordni għal inġunzjoni provviżorja. Is-sottomissjoni ta’ dan l-appell hija regolata mir-regoli ġenerali. Il-limitu huwa ta’ 15-il ġurnata. L-appell irid isir fil-qorti li tkun tat id-deċiżjoni. Jekk l-appell ikun sostanzjat, il-qorti tirrevoka l-inġunzjoni provviżorja tagħha. Inkella, b’rikors – jew jekk ir-rikorrent jabbanduna t-talbiet – il-qorti tista’ tibdel l-ordni hi stess.

Il-qorti hija obbligata li tordna infurzar provviżorju fil-każi elenkati fl-Att. Il-konvenut jista’, madankollu, jitlob li l-infurzar provviżorju jiġi mħassar jekk dan ikun ifisser piż sever u sproporzjonat għalih/għaliha. Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat fil-qorti li tisma’ l-każ.

Jista’ jitressaq appell kontra ordni għal miżura kawtelatorja fil-qorti li tisma’ l-każ. Madankollu, dan m’għandu l-ebda effett sospensiv fuq l-infurzar. Il-partijiet jistgħu jressqu appell fi żmien 15-il ġurnata mit-tħabbir ta’ l-ordni.

« Miżuri temporanji u miżuri ta’ prekawzjonijiet - Informazzjoni Ġenerali | Ungerija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 22-08-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit