Kummissjoni Ewropea > NGE > Miżuri temporanji u miżuri ta’ prekawzjonijiet > Finlandja

L-aħħar aġġornament: 30-10-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Miżuri temporanji u miżuri ta’ prekawzjonijiet - Finlandja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri? 1.
2. X’inhuma l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jinħarġu tali miżuri? 2.
2.1. Il-proċedura 2.1.
2.2. Il-kundizzjonijiet sostantivi 2.2.
3. L-għan u n-natura ta’ tali miżuri 3.
3.1. X’tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal tali miżuri? 3.1.
3.2. X’inhuma l-effetti ta’ tali miżuri? 3.2.
3.3. X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri? 3.3.
4. Hemm possibbilità ta’ appell kontra l-miżura? 4.

 

1. X’inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Fil-Finlandja, debitur jew konvenut ieħor fi proċeduri ċivili jew kummerċjali jista’ jikseb miżuri kawtelatorji favurih. L-iskop ta’ miżuri kawtelatorji huwa li jkun żgurat li deċiżjoni li ser tingħata aktar tard fuq il-merti tista’ tiġi nfurzata. Id-dispożizzjonijiet li jiggvernaw l-ordni ta’ miżuri kawtelatorji huma stipulati f’Kapitolu 7 tal-Kodiċi tal-Proċedura u d-dispożizzjonijiet fuq l-infurzar tal-ġudizzji f’Kapitolu 7 ta’ l-Att dwar il-Ġbir tad-Dejn (Debt Recovery Act). Hemm tlett tipi ta’ miżuri kawtelatorji ta’ dan it-tip:

  1. qbid biex jiġi kawtelat dejn finanzjarju dovut,
  2. qbid biex jiġi kawtelat dritt ta’ proprjetà jew xi dritt ta’ preċedenza ieħor u
  3. miżuri kawtelatorji oħra (miżuri kawtelatorji ġenerali).

Dawn il-miżuri kawtelatorji, li jistgħu jinkisbu fi kwistjonijiet ċivili ta’ kull tip, huma deskritti aktar ’l isfel. Hemm ukoll miżuri kawtelatorji li huma disponibbli f’ċerti tipi ta’ tilwim taħt leġiżlazzjoni speċjali. Eżempji jinkludu miżuri kawtelatorji għall-preservazzjoni ta’ evidenza fi kwistjonijiet ċivili li jikkonċernaw drittijiet industrijali u d-drittijiet ta’ l-awtur. Fi kwistjonijiet kriminali jista’ jiġi applikat l-Att dwar il-Miżuri bil-Forza (Coercive Measures Act); il-miżuri bil-forza pprovduti fl-Att jinkludu qbid, inibizzjoni tat-trasferiment u sekwestru.

Teżisti distinzjoni bejn miżuri kawtelatorji u nfurzar preliminari (proviżorju) ta’ sentenza fi kwistjoni ċivili. Dan ta’ l-aħħar jirreferi għall-infurzar ta’ sentenza qabel ma ssir finali jew mhux appellabbli. Sentenza mhux finali fi kwistjoni ċivili ġeneralment tista’ tiġi nfurzata legalment b’mod dirett, imma s-soltu l-infurzar ma jistax jitwettaq bis-sħiħ. Pereżempju, taħt sentenza mhux finali mogħtija minn qorti tal-Prim’Istanza dwar djun dovuti, il-proprjetà tad-debitur tista’ tinqabad f’każ li d-debitur jonqos milli jiddepożita garanzija għad-djun dovuti. Il-proprjetà maqbuda tista’ madankollu tiġi trasferita u l-profitti jingħataw lill-kreditur biss jekk il-kreditur jiddepożita garanzija għalihom. Min-naħa l-oħra, sentenza fil-kontumaċja tista’ tiġi nfurzata immedjatament.

FuqFuq

2. X’inhuma l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jinħarġu tali miżuri?

2.1. Il-proċedura

Id-deċiżjoni li biha jiġu ordnati l-miżuri kawtelatorji msemmija tittieħed minn qorti ġenerali (qorti tad-distrett tal-prim’istanza). Il-miżuri kawtelatorji ordnati minn qorti jiġu implimentati minn marixxall. L-applikazzjonijiet għall-miżuri kawtelatorji isiru lill-qorti fejn huma pendenti l-proċeduri legali dwar il-mertu. Fejn il-proċeduri legali għadhom ma ġewx istitwiti, għandha ssir applikazzjoni għal miżuri kawtelatorji fil-qorti tad-distrett fejn probabbilment jinġiebu l-proċeduri dwar il-mertu. Fil-Finlandja m’hemm l-ebda obbligu li wieħed jiġi rrappreżentat minn avukat, imma meta tintuża r-rappreżentanza minn avukat, it-tip ta’ avukat imqabbad huwa ġeneralment lakimies.

Il-qorti ma tistax tilqa’ b’mod finali applikazzjoni għal miżuri kawtelatorji mingħajr ma tagħti lill-konvenut opportunità li jinstema’. Il-qorti tista’, madankollu, tilqa’ t-talba ta’ l-applikant għal miżuri kawtelatorji proviżorji mingħajr ma tagħti smigħ lill-parti l-oħra meta smigħ bħal dak jista’ jxejjen l-iskop tal-miżura kawtelatorja. Fil-prattika, miżuri kawtelatorji jistgħu jinkisbu malajr ħafna. Deċiżjoni proviżorja hija valida sakemm tittieħed deċiżjoni kuntrarja.

Meta applikant diġà għandu bażi biex jiġbor lura d-dejn imma dan il-ġbir ma jistax jiġi implimentat immedjatament, il-marixxall jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, joħroġ direttament hu stess miżuri kawtelatorji temporanji. Hawn taħt ser nikkunsidraw biss miżuri kawtelatorji ordnati minn qorti.

FuqFuq

2.2. Il-kundizzjonijiet sostantivi

Il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġi ordnat qbid biex jiġi kawtelat dejn dovut jew dritt ta’ preċedenza huma kif ġej:

  1. l-applikant irid juri każ raġonevoli li għandu dejn dovut u sekwestrabbli mingħand il-konvenut jew li jingħata dritt ta’ preċedenza fuq proprjetà partikolari, u
  2. irid ikun hemm periklu li l-konvenut ser jaġixxi b’tali mod li jista’ jipperikola d-dejn dovut lill-applikant jew id-dritt ta’ l-applikant.

Min-naħa l-oħra, miżuri oħra kawtelatorji jirrikjedu evidenza prima facie ta’ dritt ieħor u periklu li l-konvenut jista’ jikser dak id-dritt.

Qabel ma jiġu infurzati l-miżuri kawtelatorji, l-applikant irid jiddepożita garanzija mal-marixxall.

3. L-għan u n-natura ta’ tali miżuri

3.1. X’tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal tali miżuri?

Il-proprjetà ta’ kull tip tista’ tkun suġġetta għal miżuri kawtelatorji. Jekk l-għan ta’ qbid huwa li jiġi kawtelat dejn dovut, il-qorti tordna li proprjetà mobbli u immobbli tal-konvenut tiġi maqbuda sal-valur magħruf li jikkawtela d-dejn dovut lill-applikant. Il-marixxall imbagħad jiddeċiedi liema oġġetti mill-proprjetà tal-konvenut għandhom jinqabdu taħt l-ordni proviżorja. Jekk l-għan ta’ qbid huwa li jiġi kawtelat dritt ta’ preċedenza, il-qorti tordna l-qbid tal-proprjetà speċifika li hija s-suġġett tad-dritt u l-marixxall jinforza l-ordni kontra dik il-proprjetà.

Bħala miżuri oħra kawtelatorji, il-qorti tista’:

FuqFuq

  1. taħt piena ta’ multa, tipprojbixxi lill-konvenut milli jagħmel xi ħaġa jew milli jidħol f’xi ħaġa;
  2. tordna lill-konvenut, taħt piena ta’ multa, biex jagħmel xi ħaġa;
  3. tawtoriżża lill-applikant li jagħmel xi ħaġa jew li jkollu xi ħaġa magħmula;
  4. tordna li l-proprjetà tal-konvenut titpoġġa fil-pussess jew fil-kustodja ta’ aġent; jew
  5. tordna xi miżura oħra kawtelatorja neċessarja biex jiġu kawtelati d-drittijiet ta’ l-applikant.
3.2. X’inhuma l-effetti ta’ tali miżuri?

Meta tiġi implimentata ordni għall-qbid ta’ proprjetà, id-debitur jitlef l-awtorità tiegħu fuq il-proprjetà. Huwa reat li wieħed jinnegozja proprjetà li hija suġġetta għal ordni ta’ qbid. Fejn fondi f’kont tal-bank ta’ debitur ikunu saru s-suġġett ta’ ordni ta’ qbid, il-bank ma jista’ jagħti l-fondi lil ħadd ħlief lill-marixxall. Ordni ta’ qbid, min-naħa l-oħra, ma tagħtix lill-persuna li applikat għall-ordni xi dritt preferenzjali, b’relazzjoni għall-kredituri l-oħra tad-debitur, għall-fondi li huma suġġetti għall-ordni.

L-effetti ta’ miżuri kawtelatorji oħra jiddependu mill-kontenut tal-miżuri.

3.3. X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Fi żmien xahar mid-deċiżjoni li tordna l-ħruġ ta’ miżuri kawtelatorji, l-applikant irid jibda l-azzjoni fil-mertu quddiem qorti jew jistitwixxi proċedura oħra li tista’ tirriżulta f’deċiżjoni li tista’ tiġi nfurzata, bħall-arbitraġġ. Jekk jonqos milli jagħmel dan, il-miżuri kawtelatorji jiġu rtirati. Jistgħu jiġu rtirati wkoll jekk għal xi raġuni oħra l-bażi li fuqha nħarġu m’humiex aktar validi. Meta qorti ser tagħti deċiżjoni fil-mertu trid, fl-istess ħin, tagħmel ordni fuq il-miżuri kawtelatorji.

L-applikant huwa primarjament responsabbli għall-ispejjeż li jintnefqu b’riżultat tal-miżuri kawtelatorji. Fejn jiġi ppruvat li l-miżuri kawtelatorji huma bla bażi, l-applikant huwa responsabbli għad-danni kaġunati lill-konvenut minħabba l-miżuri, mingħajr ma jiġi kkunsidrat jekk kienx negliġenti. Biex ikopri dik l-eventwalità, l-applikant irid iwaqqaf sigurtà qabel l-infurzar tal-miżuri kawtelatorji. Ġeneralment, il-konvenut jista’ jipprevjeni l-infurzar ta’ miżuri kawtelatorji billi jiddepożita garanzija.

4. Hemm possibbilità ta’ appell kontra l-miżura?

Appell jista’ jiġi ppreżentat f’qorti għola (il-Qorti ta’ l-Appell, il-Qorti Suprema) kontra d-deċiżjoni ta’ qorti li tordna miżuri kawtelatorji. L-appell ma jwaqqafx l-infurzar ta’ deċiżjoni sakemm il-qorti li qed tisma’ l-appell ma tissospendix dik id-deċiżjoni. Madankollu, m’hemmx possibilità ta’ appell kontra deċiżjoni dwar miżuri kawtelatorji proviżorji.

Appell jista’ jiġi ppreżentat f’Qorti tad-Distrett kontra miżura jew deċiżjoni meħuda minn marixxall rigward l-infurzar ta’ miżuri kawtelatorji. L-appell jista’ jsir ukoll minn, pereżempju, parti terza li jidrilha li nqabdet il-proprjetà tagħha stess bħala riżultat tad-dejn tad-debitur.

« Miżuri temporanji u miżuri ta’ prekawzjonijiet - Informazzjoni Ġenerali | Finlandja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 30-10-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit