Kummissjoni Ewropea > NGE > Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza > Spanja

L-aħħar aġġornament: 15-06-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza - Spanja

 

LISTA TAL- KONTENUT

1.
1.a) X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-prova (l-onus probandi)? 1.a)
1.b) X’inhu l-oġġett tal-prova? Jeżistu regoli li jeżentaw ċerti fatti mill-oneru tal-prova? Dawn il-preżunzjonijiet jistgħu jiġu ribattuti permezz ta’ provi? 1.b)
2. Sa liema grad trid tkun konvinta l-Qorti dwar xi fatt biex tibbaża d-deċizjoni tagħha fuq dak il-fatt? 2.
3. Il-provi jisgħu jitressqu biss jekk dan jintalab mill-parti fil-kawża, jew jista’ jsir ukoll f’ċerti każijiet fuq l-inizzjattiva ta’ l-Imħallef (ex officio)? 3.
4.
4.a) Jekk tiġi milqugħa talba biex jitressqu l-provi, xi jsir wara? 4.a)
4.b) F’liema każijiet tista’ l-Qorti tiċħad talba li ssir minn parti fil-kawża biex jitressqu l-provi?. 4.b)
5.
5.a) Liema huma l-mezzi differenti ta’ prova? 5.a)
5.b) Teżisti xi differenza bejn il-mezzi ta’ prova li tikkonsisti fis-smigħ ta’ xhud, u rapport bil-fomm ta’ espert? X’inhuma r-regoli fir-rigward tal-preżentazzjoni ta’ provi bil-miktub jew ta’ rapport ta’ perit bil-miktub? 5.b)
5.c) Bejn il-mezzi differenti tal-prova, hemm xi mezz partikolari li jitqies li huwa aktar b’saħħtu mill-oħrajn? 5.c)
5.d) Biex tipprova fatti partikulari, huwa obbligatorju li jintużaw provi partikolari? 5.d)
6. Il-leġiżlazzjoni Spanjola tobbliga lix-xhieda biex jixhdu? 6.
7. Hemm persuni li ma jistgħux jitressqu bħala xhieda? 7.
8. Xi rwol għandhom il-Qorti u l-partijiet matul l-eżaminazzjoni tax- xhud? 8.
9. X’valur għandha bħala prova x-xiehda ta’ xhud? 9.
10. Jistgħu jitressqu bħala xhieda persuni ġuridiċi jew xi entità mingħajr personalità ġuridika? 10.
11. Kif issir l-eżaminazzjoni tax-xhud? 11.
12. X’valur għandha d-dikjarazzjoni ta’ l-attur jew tal-konvenut ? 12.
13. Kif jiġu dokumentati ix-xhieda ta’ xhud u d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet? 13.
14. X’valur ikollha prova li tinġieb b’mod illegali? 14.
15. Tista’ titressaq prova qabel ma jibda l-proċess ġuridiku? 15.
16. Minn fejn nista’ nikseb aktar tagħrif dwar il-proċess ġudizzjarju? 16.

 

Biex jiġi rikonoxxut dritt quddiem Qorti, huwa meħtieġ li jiġi ppruvat dak li qed jiġi allegat. Għal dan l-iskop, għandha tiġi segwita proċedura stabbilita minn qabel, kemm fir-rigward tal-forma kif ukoll tat-termini ta’ żmien.

Huwa essenzjali li kull min iressaq kawża quddiem il-Qorti jagħmel analiżi minn qabel tal-possibilitajiet li għandu biex jipprova dak li qed jallega, sabiex b’hekk jiġi evitat telf ta’ ħin u flus (spejjeż tal-proċess). Għaldaqstant, kull persuna li tkun beħsiebha tiftaħ kawża għandha jkollha tagħrif, anke jekk dan it-tagħrif ikun ġenerali u bażiku, dwar ir-regoli tal-provi.

Ir-regoli dwar il-provi taħt il-Liġi Spanjola jinsabu fil-kapitoli V u VI tat-Titolu I (l-Artikoli  281 sa 386) tal-Liġi tal-Proċedura Ċivili (Liġi 1/2000, tas-7 ta’ Jannar), għalkemm għal ċerti proċeduri partikolari (dawk mibdija qabel it-8 ta’ Jannar ta’ l-2001 meta daħlet fis-seħħ il-Liġi 1/2000) tibqa’ tgħodd il-liġi preċedenti (Liġi tat-3 ta’ Frar ta’ 1881). Il-Liġi l-ġdida tistabbilixxi prinċipji ġenerali dwar il-provi fit-Taqsima XI ta’ l-introduzzjoni tagħha (msejħa teknikament “espożizzjoni tal-motivi”) li jistgħu ikunu ta’ interess għal dawk il-persuni li jixtiequ jiksbu tagħrif dwar kif il-leġislatur Spanjol jinterpreta l-proċedura tal-provi.

1.

1.a) X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-prova (l-onus probandi)?

Kull parti fil-kawża hija obbligata li tipprova l-fatti li qed tallega u li fuqhom tkun qed tibbaża l-pretensjonijiet tagħha - l-attur irid jipprova l-fatti li fuqhom tkun ibbażata t-talba, waqt li d-difiża trid tipprova l-fatti li jimpedixxu, jġibu fix-xejn jew idgħajfu l-effett ġuridiku tal-fatti allegati. Din hija r-regola ġenerali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-oneru tal-prova, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni legali li tistabbilixxi kriterji oħrajn.

Il-konsegwenzi ġuridiċi ta’ nuqqas ta’ prova jolqtu lill-parti li għandha l-oneru li ġġib il-prova - għaldaqstant, meta l-Qorti tasal biex tagħti s-sentenza, hija għandha tiċħad it-talba jekk il-fatti allegati ma jkunux ġew ippruvati. Madanakollu, ir-regoli dwar l-oneru tal-prova ma jsegwux xi prinċipji riġidi, iżda jadattaw ruħhom skond il-każ, skond in-natura tal-fatti li qed jiġi affermati jew miċħuda, u skond id-disponibilità u l-faċilità li għandhom il-partijiet biex jippruvaw il-fatti. Eżempju ta’ dan huwa dak li jseħħ fi kwistjonijiet tal-konsumaturi, fejn klawsola li timponi l-oneru tal-prova fuq il-komsumatur titqies li hija abbużiva, meta il-prova trid tinġieb mill-bejjiegħ.

1.b) X’inhu l-oġġett tal-prova? Jeżistu regoli li jeżentaw ċerti fatti mill-oneru tal-prova? Dawn il-preżunzjonijiet jistgħu jiġu ribattuti permezz ta’ provi?

L-oġġett tal-prova huma l-fatti li fuqhom il-partijiet jibbażaw it-talbiet tagħhom. L-oġġett ta’ prova jista’ jkun ukoll xi konswetudni jew regola tad-dritt internazzjonali, iżda ma jkunx meħtieġ li tinġieb prova tal-konswetudni jekk il-partijiet jaqblu dwar l-eżistenza u l-kontenut tagħha u jekk din ma taffetwax l-ordni pubbliku.

FuqFuq

Mhux neċessarju li tinġieb prova tal-fatti li jkunu magħrufa b’mod assolut u ġenerali jew tal-fatti li fuqhom hemm qbil bejn il-partijiet, ħlief f’dawk il-każijiet fejn xi fatti li jkunu relevanti għall-proċess ma jkunux disponibbli għall-partijiet, bħal per eżempju, sentenzi dwar il-kapaċità ta’ persuni, filjazzjoni, nullità, separazzjoni u divorzju, kustodja ta’ tfal minuri jew manteniment minn xi ġenitur kontra l-ġenitur l-ieħor f’isem it-tfal minuri, oppożizzjoni għal deċiżjonijiet amministrattivi għall-protezzjoni tal-persuni minorenni, u proċessi dwar il-ħtieġa tal-kunsens fl-adozzjoni.

Il-liġi tistabbilixxi xi preżunzjonijiet fejn ma tkunx meħtieġa li tinġieb prova dwar ċerti fatti. Dawn il-preżunzjonijiet jeqilbu l-oneru tal-prova, ħlief jekk dan ikun espressament projbit bil-liġi. Xi eżempji ta’ dawn il-preżunzjonijiet stabbiliti bil-liġi jinkludu: il-preżunzjoni illi l-beni kollha li hemm fiż-żwieġ huma komuni, ħlief jekk jiġi ppruvat li jippartjenu lir-raġel jew lill-mara biss, il-preżunzjoni li l-konjugi jgħixu flimkien, u l-preżunzjoni li persuna assenti tkun għexet sal-mument tad-dikjarazzjoni tal-mewt tagħha.

2. Sa liema grad trid tkun konvinta l-Qorti dwar xi fatt biex tibbaża d-deċizjoni tagħha fuq dak il-fatt?

Il-fatti li l-partijiet jallegaw fiċ-ċitazzjoni u n-nota ta’ eċċezzjonijiet iridu jiġu ppruvati, u din l-evalwazzjoni ssir fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi tal-każ u tal-provi kollha mressqa u n-natura tagħhom (għaldaqstant, att pubbliku għandu valur ogħla minn dikjarazzjoni unilaterali minn parti fil-kawża). Din l-evalwazzjoni u r-raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom l-Imħallef jasal għal konklużjonijiet partikolari jridu jitniżżlu fis-sentenza. Iżda minbarra provi diretti hemm ukoll dawk indiretti, fejn il-Qorti timplika ċ-ċertezza ta’ fatt min fatt ieħor li ma jkunx ikkontestat jew li jkun ġie ppruvat, kemm-il darba jkun hemm konnessjoni preċiża u diretta bejn iż-żewġ fatti, u l-Qorti tispjega fis-sentenza r-raġunar li jkun wassal minn fatt ippruvat għal wieħed preżunt.

FuqFuq

3. Il-provi jisgħu jitressqu biss jekk dan jintalab mill-parti fil-kawża, jew jista’ jsir ukoll f’ċerti każijiet fuq l-inizzjattiva ta’ l-Imħallef (ex officio)?

Il-prinċipju bażiku tal-proċedura ċivili hu li għandhom ikunu l-partijiet li jitolbu lill-Qorti li titressaq xi prova relevanti għall-każ. Madanakollu, il-Qorti tista’ tordna li jitressqu xi provi partikolari, iżda biss f’dawk il-każijiet stabbiliti fil-liġi. Għaldaqstant, jekk xi parti tkun ressqet prova matul il-fażi ta’ smigħ fi proċess ordinarju, u l-Qorti jidhrilha li din il-prova m’hijiex biżżejjed biex tiċċara l-fatti, il-Qorti tista’ tiġbed l-attenzjoni tal-parti in kwestjoni għal dan il-fatt, u tindikalha l-provi li tista’ ġġib.

Fi proċessi dwar il-kapaċita’ ta’ persuna, filjazzjoni, u żwieġ bejn persuni minuri, il-Qorti tista’ dejjem titlob li jitressqu provi li jidhrilha li huma meħtieġa biex tinqata’ s-sentenza, independentement mill-provi li jistgħu jressqu l-partijiet jew il-prosekutur pubbliku.

4.

4.a) Jekk tiġi milqugħa talba biex jitressqu l-provi, xi jsir wara?

Fi proċeduri verbali (talbiet sa 3,000 €), wara li ssir talba biex tinġieb prova u wara li din tiġi milqugħa, il-prova titressaq quddiem il-Qorti.

Fil-proċedura ordinarja (talbiet ‘il fuq minn 3,000 €), wara li t-talba biex tinġieb prova tkun ġiet milqugħa fis-seduta preliminari (fejn jiġu riżolti wkoll il-kwistjonijiet ta’ natura proċedurali), tiġi appuntata d-data tal-kawża u l-provi jitressqu fid-data appuntata. Għaldaqstant, jiġu nnotifikati x-xhieda li l-parti ma tistax tressaq hi stess, jiġu nnotifikati l-periti meta l-partijiet ikunu jixtiequ kjarifiċi jew spjegazzjonijiet għar-rapporti ppreżentati, u jiġu notifikati l-entitajiet li jkollhom fil-pussess tagħhom dokumenti li l-partijiet ma jistgħux jiksbu weħidhom, kemm-il darba jkunu magħrufa l-arkivji fejn jinsabu. Kull prova li ma jkollhiex għalfejn tinġieb matul is-smigħ tal-kawża (bħall-identifikazzjoni ta’ fond) trid titressaq qabel dak in-nhar. Fil-każ li t-talba li tintlaqa’ fis-seduta preliminari tkun tirrigwarda biss provi b’dokumenti, u dawn id-dokumenti ma jiġux ikkontestati, jew meta jiġi ppreżentat rapport ta’ perit u l-ebda parti ma titlob li l-perit jittella’ biex jixhed, il-Qorti tgħaddi mal-ewwel għas-sentenza.

FuqFuq

Ir-regola ġenerali hi li l-prova titressaq quddiem il-Qorti jew Tribunal li jkun ħa konjizzjoni tal-każ fid-data appuntata, anki jekk ix-xhud ma jkun jgħix f’post qrib u b’hekk ikollu jivjaġġa lejn is-sede tal-Qorti jew Tribunal, wara li jkun ġie notifikat (bid-dritt li jitlob rimborż ta’ parti mill-ispiża li tiffissa il-Qorti, u mingħajr preġudizzju għad-dritt ulterjuri li jitlob rimborż ta’ l-ispejjeż mingħand il-parti l-oħra jekk jirbaħ il-kawża bl-ispejjeż). Tingħata assistenza ġudizzjali biss f’każijiet eċċezzjonali (li tfisser illi x-xhieda tingħata fil-Qorti tal-post fejn toqgħod il-persuna minnflok quddiem il-Qorti li tkun ħadet konjizzjoni tal-każ), u din trid tkun motivata minħabba raġunijiet ta’ distanza relevanti. F’dan il-każ, tintuża l-proċedura ta’ delegazzjoni (fuq livell nazzjonali) jew il-mekkaniżmi stabbiliti taħt ir-regoli tal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali, skond fejn ikun il-post fejn tkun trid tinstema’ x-xhieda. F’dan il-każ, il-partijiet jagħtu bil-miktub il-mistoqsijiet li jridu jsaqsu lix-xhud. Madanakollu, illum-il ġurnata qed jiżdied dejjem aktar l-użu ta’ teknoloġiji ta’ vidjo-konferenzi, u għalhekk m’għadhiex daqshekk meħtieġa aktar il-preżentazzjoni ta’ mistoqsijiet minn qabel.

4.b) F’liema każijiet tista’ l-Qorti tiċħad talba li ssir minn parti fil-kawża biex jitressqu l-provi?.

Il-Qorti ma tilqax provi li jikkonsistu fi kwalunkwe attività li hija pprojbita mill-liġi, provi li jkunu irrelevanti għall-proċess, jew provi li skond kriterji raġonevoli u żguri ma jgħinux biex jiċċaraw il-fatti disputati.

FuqFuq

Kull prova li ma tinġiebx fil-mument opportun tal-proċess tiġi rifjutata wkoll.

5.

5.a) Liema huma l-mezzi differenti ta’ prova?

Il-mezzi ta’ prova li jistgħu jintużaw fil-proċess ġuridiku huma: eżaminazzjoni tal- partijiet; atti pubbliċi; skritturi privati; rapporti tal-periti; rikonoxximent ġuridiku; eżaminazzjoni ta’ xhieda; u mezzi ta’ riproduzzjoni ta’ kliem, ħsejjes jew xbihat, kif ukoll tagħmir li jżomm, jagħraf u jirriproduċi kliem, informazzjoni, ċifri u operazzjonijiet matematiċi magħmula b’għan li huwa relevanti għall-proċess.

5.b) Teżisti xi differenza bejn il-mezzi ta’ prova li tikkonsisti fis-smigħ ta’ xhud, u rapport bil-fomm ta’ espert? X’inhuma r-regoli fir-rigward tal-preżentazzjoni ta’ provi bil-miktub jew ta’ rapport ta’ perit bil-miktub?

Jekk waħda mill-partijiet tixtieq tressaq prova permezz ta’ perit ex parte, trid tehmeż maċ-ċitazzjoni jew nota ta’ eċċezzjonijiet ir-rapport tal-perit li jissostanzja l-pretensjonijiet jew eċċezzjonijiet tagħha. Jekk dan ma jkunx possibli, għandha ssemmi r-rapporti li tixtieq tressaq, li għandhom jiġu ppreżentati malli jkunu disponibbli, u f’kull każ qabel ma tibda s-seduta preliminari fi proċess ordinarju, jew qabel is-smigħ fil-proċess verbali. Madanakollu, il-partijiet jistgħu jitolbu li jinħatar perit tal-qorti, meta tiġi ppreżentata ċ-ċitazzjoni jew in-nota ta’ l-eċċezzjonijiet, u f’dan il-każ ir-rapport jiġi ppreżentat ġeneralment matul il-perjodu bejn is-seduta preliminari u s-seduta tas-smigħ tal-kawża, iżda b’mod illi jkun hemm żmien biżżejjed sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jeżaminawh qabel is-seduta ta’ smigħ tal-kawża.

FuqFuq

Ma tista’ ssir l-ebda referenza għax-xhieda fiċ-ċitazzjoni jew fin-nota ta’ eċċezzjonijiet : f’dik id-data appuntata għas-smigħ tal-kawża, kull parti trid tidher flimkien mal-persuni li jridu jixhdu fil-kawża, u għandha ssir talba lill-Qorti sabiex jiġu mħarka dawk ix-xhieda li l-partijiet ma setgħux jippreżentaw weħidhom, fi żmien tlett ijiem minn meta wieħed jiġi nnotifikat bil-kawża. Fil-proċess ordinarju, l-identifikazzjoni tax-xhieda li jkunu meħtieġa jixhdu fis-seduta tas-smigħ tal-kawża ssir fis-seduta preliminari, li matulha minbarra l-kwistjonijiet proċedurali jiġi stabbilit liema huma l-fatti tal-kawża li dwarhom m’hemmx qbil, u jiġu milqugħa jew miċħuda t-talbiet biex jitressqu l-provi relattivi. (Eċċezzjoni għal din ir-regola hija l-ħtieġa stabbilita fil-liġi li l-attur jidentifika fiċ-ċitazzjoni x-xhieda li jeħtieġ li jixhdu fis-smigħ tal-kawża, bil-għan illi jiġi ddikjarat il-pussess ta’ beni minn werriet/a jekk dawn ma kienu ta’ ħadd b’titolu ta’ sid jew użufruttwarju).

Ix-xiehda dejjem issir bil-fomm, u tiġi mressqa dak in-nhar tas-smigħ tal-kawża (l-istess jgħodd għall-kjarifiċi pertinenti li jsiru minn perit). Madanakollu hemm eċċezzjoni għal din ir-regola tas-smigħ tax-xiehda, f’każ illi jkunu meħtieġa fatti relevanti għall-każ minn xi persuna ġuridika jew entità pubblika, mingħajr ma jkun meħtieġ li t-talba tiġi indirizzata lil xi persuna fiżika partikolari. F’dan il-każ, minflok id-dikjarazzjoni bil-fomm, l-entità tibgħat risposta għall-mistoqsijiet tal-partijiet li jkunu ġew notifikati lilha, u l-Imħallef jiddikjara jekk dawn humiex relevanti għall-każ.

FuqFuq

Madanakollu, ir-rapport ta’ perit dejjem jiġi ppreżentat bil-miktub, u wara li dan ikun ġie eżaminat mill-partijiet, huma jistgħu jitolbu li l-perit jattendi għall-proċess biex jagħmel xi kjarifiċi jew spjegazzjonijiet jekk huma jħossu li dan ikun meħtieġ.

5.c) Bejn il-mezzi differenti tal-prova, hemm xi mezz partikolari li jitqies li huwa aktar b’saħħtu mill-oħrajn?

Iva. Att pubbliku jitqies li huwa l-aħjar prova tal-fatt, l-att jew l-istat ta’ fatt fih imsemmi, kif ukoll tad-data meta ġiet ippreżentata d-dokumentazzjoni relattiva u l-identità tan-nutar involut. Biex tiġi kkontestata l-awtentiċità ta’ att pubbliku, dan irid jiġi mqabbel u vverifikat ma’ l-oriġinal, jinsab fejn jinsab. Mingħajr preġudizzju għal dak li ntqal hawn fuq, l-iskritturi pubbliċi antiki mingħajr protokoll jew kull att pubbliku li l-oriġinal tiegħu jew ir-reġistru fejn jista’ jiġi vverifikat jew imqabbel ma jkunx jinstab, jitqies li huwa prova sħiħa fil-kawża, mingħajr il-bżonn li jiġi vverifikat jew imqabbel, ħlief jekk ikun hemm prova kuntrarja permezz ta’ dokumenti verifikati.

L-iskritturi privati ukoll huma prova sħiħa fil-kawża, jekk dawn ma jkunux ikkontestati mill-parti preġudikata. Jekk tiġi kkontestata skrittura privata, il-parti li tkun ippreżentatha tista’ titlob li tinġieb prova għall-verifikazzjoni tagħha jew kull prova oħra biex tipprova l-awtentiċità tagħha. Meta ma tistax tiġi ppruvata l-awtenteċità ta’ skrittura privata, issir evalwazzjoni skond ir-regoli ta’ ġudizzju raġonat, regoli li jiġu segwiti fl-evalwazzjoni tal-provi l-oħra mressqa. Jekk wara l-kontestazzjoni, jirriżulta li d-dokument huwa awtentiku, il-parti li tkun għamlet il-kontestazzjoni tista’ teħel mhux biss l-ispejjeż iżda wkoll multa.

FuqFuq

5.d) Biex tipprova fatti partikulari, huwa obbligatorju li jintużaw provi partikolari?

Fil-prinċipju ma teżistix regola li tistipula liema provi jridu jitressqu biex jipprovaw fatti konkreti, iżda bħala eżempju huwa loġiku illi f’każ ta’ talba għal ħlas minħabba relazzjoni kummerċjali bejn il-partijiet, l-eżistenza jew le tad-dejn tiġi ppruvata bid-dokumenti relattivi.

6. Il-leġiżlazzjoni Spanjola tobbliga lix-xhieda biex jixhdu?

Ix-xhieda għandhom id-dmir li jidhru għall-kawża meta jkunu msejħa, u jekk ma jwettqux dan id-dmir, jistgħu jeħlu multa ta’ bejn 180 u 600 € wara seduta li ssir fi żmien ħamest ijiem. Fil-każ li ma jidhrux għat-tieni darba, ix-xhud jeħel mhux biss il-multa iżda jinstab ukoll ħati ta’ disprezz tal-qorti.

Ix-xhieda huma obbligati wkoll li jwieġbu l-mistoqsijiet kollha li jsirulhom mill-partijiet u li jkunu aċċettati mill-Qorti. Eċċezzjoni għal dan il-prinċipju ġenerali hi meta x-xhud minħabba l-pożizzjoni jew professjoni tiegħu, ikun marbut bis-sigriet professjonali fir-rigward tal-fatti li dwarhom jiġi mistoqsi, u f’dan il-każ, ix-xhud għandu jispjega dan il-fatt. Wara li tisma’ r-raġuni għar-rifjut tax-xhud li jwieġeb għal xi mistoqsija, il-Qorti tiddeċiedi kif għandha titkompla l-eżaminazzjoni, u tista’ teżentah milli jwieġeb. Jekk ix-xhud jiġi eżentat milli jwieġeb, dan il-fatt irid jiġi verbalizzat.

Jekk jiġi allegat mix-xhud illi l-fatti li dwarhom qed jiġi mistoqsi huma ta’ natura riżervata jew sigrieta, skond xi dikjarazzjoni jew klassifikazzjoni legali, il-Qorti tista’ titlob uffiċjalment lill-entità kompetenti d-dokument uffiċjali li juri dan, skond l-aħjar interessi ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Il-Qorti, wara li tivverika il-bażi ta’ l-allegazzjoni tan-natura riżervata jew sigrieta tad-dokument, tista’ tordna li d-dokument jinthemeż mad-digriet, u b’hekk hemm ikun hemm prova tal-mistoqsijiet li jaqgħu taħt is-segretezza uffiċjali.

FuqFuq

Ix-xhud jiġi mistoqsi wkoll mill-Qorti qabel ma jixhed dwar iċ-ċirkostanzi personali tiegħu (parentela, ħbiberija jew antipatija lejn il-partijiet, interess personali fil-kawża, eċċ.) u skond it-tweġibiet tiegħu, il-partijiet jistgħu jagħmlu osservazzjonijiet dwar l-imparzjalità tiegħu.

7. Hemm persuni li ma jistgħux jitressqu bħala xhieda?

Kull persuna tista’ tkun xhur, ħlief dawk li jinsabu fi stat permanenti ta’ nuqqas ta’ raġuni jew ta’ l-użu tas-sensi (dawl, smigħ…), meta x-xiehda tkun tirrigwarda fatti li bniedem jista’ jkun jaf biss permezz ta’ l-użu tas-sensi tiegħu.

Persuni minorenni ta’ erbatax-il sena jistgħu jitqiesu bħala xhieda, jekk fil-fehma tal-Qorti jkollhom il-livell ta’ maturità meħtieġ biex jifhmu u jixhdu b’mod veritier.

Fil-liġi Spanjola, il-kunċett klassiku tax-xhud jirreferi għall-persuna fiżika, iżda dan ma jżommx lir-rappreżentanti legali ta’ persuni ġuridiċi milli jidhru bħala xhieda biex jixhdu dwar fatti li jkunu jafu. Fil-każijiet ta’ persuni ġuridiċi jew entitajiet pubbliċi, hija espressament prevista l-possibilità li jagħtu informazzjoni lill-Qorti bil-miktub, (kif issemma aktar ‘il fuq. 381).

8. Xi rwol għandhom il-Qorti u l-partijiet matul l-eżaminazzjoni tax- xhud?

Il-mistoqsijiet li jiġu milqugħa mill-Qorti jsiru direttament mill-avukati tal-partijiet, u jibda l-Avukat li jkun talab li jittella’ x-xhud. Wara li x-xhud iwieġeb il-mistoqsijiet li jsirulu mill-Avukat li jkun talab li jittella’ x-xhud, l-Avukat tal-parti l-oħra jista’ jsaqsi lix-xhud mistoqsijiet oħra li jidhirlu li huma importanti biex jiċċara l-fatti li dwarhom ikun xehed ix-xhud. Il-Qorti wkoll tista’ tagħmel mistoqsijiet lix-xhud biex tiċċara aktar il-fatti.

FuqFuq

Il-Qorti, fuq l-inizzjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tista’ tordna lix-xhud li nqabad f’kontradizzjonijiet serji ma’ xhud ieħor jew ma’ xi parti li kienet interrogata qabel, jiġi kkonfrontat wiċċ imb’wiċċ max-xhud jew mal-parti in kwestjoni.

9. X’valur għandha bħala prova x-xiehda ta’ xhud?

Hija kwistjoni li taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-Qorti, li tevalwa d-dikjarazzjoni tax-xhud skond l-esperjenza, il-loġika, ir-raġunijiet li x-xhud ikun ta għall-affermazzjonijiet tiegħu, iċ-ċirkostanzi personali tax-xhud, ir-relazzjoni tax-xhud mal-partijiet u l-interess possibbli tiegħu fil-każ.

10. Jistgħu jitressqu bħala xhieda persuni ġuridiċi jew xi entità mingħajr personalità ġuridika?

Iva, permezz tar-rappreżentant legali tagħhom jew tal-persuna li tkun interveniet f’isimhom fil-fatti diskussi fil-proċess.

Fil-każ tal-Istat, il-Komunitajiet Awtonomi, il-Kunsilli Lokali u entitajiet oħrajn pubbliċi hija stipulata speċifikament il-possibilità li l-mistoqsijiet jiġu mwieġba bil-miktub.

11. Kif issir l-eżaminazzjoni tax-xhud?

Ix-xhud iwieġeb direttament u bil-fomm lill-Avukat tal-parti li talbet il-prova, dawk il-mistoqsijiet li jitqiesu li huma relevanti mill-Qorti. Wara, jista’ jsir kontro-eżami mill-Avukat tal-parti l-oħra, iżda l-Avukat li jkun ressaq ix-xhud ikollu dritt biex isaqsi l-aħħar domanda. Bil-għan li jiġu iċċarati iktar l-affarijiet, il-Qorti wkoll tista’ tagħmel mistoqsijiet lix-xhud.

FuqFuq

12. X’valur għandha d-dikjarazzjoni ta’ l-attur jew tal-konvenut ?

Il-fatti rikonoxxuti minn parti li jippreġudikaw l-interessi tagħha huma kkunsidrati veritieri, jekk il-parti tkun involuta f’dawn il-fatti personalment, sakemm ma jirriżultax li dawn il-fatti huma kontradittorji meta mqabbla ma’ fatti oħra li jirriżultaw minn provi oħrajn. L-istess kriterju huwa applikat mill-Qorti jekk il-parti msejħa biex tixhed ma tidhirx, jew jekk tidher iżda tirrifjuta li tixhed jew tagħti tweġibiet evażivi. Il-parti li ma tidhirx tista’ teħel multa ta’ bejn 180 u 600 €.

13. Kif jiġu dokumentati ix-xhieda ta’ xhud u d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet?

Is-sottomissjonijiet bil-fomm matul is-smigħ tal-kawża jiġu rrekordjati b’tagħmir adattat sabiex ikun hemm rekordjar u riproduzzjoni tajba tal-ħoss u tax-xbihat. Ir-rekordjar isir taħt il-kustodja tas-Segretarju Ġudizzjarju, li huwa responsabbli għaż-żamma tat-tejps, diski jew apparat ieħor li fuqhom issir ir-rikordjar. Is-Segretarju jikteb ukoll fil-qosor t-talbiet u l-proposti tal-partijiet, flimkien ma’ informazzjoni dwar il-ħin u l-post, u r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Qorti, kif ukoll iċ-ċirkostanzi u l-inċidenti li ma jistgħux jidhru bl-apparat involut.

Ix-xhieda tista’ ssir ukoll permezz ta’ teknoloġija tal-vidjo-konferenza bil-kundizzjoni li x-xhud li ma jkunx preżenti fl-Awla tal-Qorti jagħmel id-dikjarazzjoni tiegħu fil-preżenza tas-Segretarju Ġudizzjarju tal-post fejn ikun qed jixhed.

14. X’valur ikollha prova li tinġieb b’mod illegali?

Qatt ma tista’ tiġi ammessa bħala prova xi attività pprojbita bil-Liġi. Bl-istess mod, dawk il-provi li jinkisbu direttament jew indirettament bi ksur tad-drittijiet jew il-libertajiet fundamentali tal-bniedem huma nulli. Għaldaqstant, il-Qorti ma tieħux konjizzjoni ta’ dawn il-provi meta taqta’ l-każ.

FuqFuq

Meta xi parti kkonċernata tinduna illi xi prova li tkun intlaqgħet mill-Qorti tkun inkisbet bi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, għandha tgħarraf lill-Qorti minnufih. Sussegwentement, il-Qorti tiddeċiedi dwar il-legalità in kwestjoni.

Jekk il-Qorti stess tinduna li xi prova inkisbet bi ksur fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem, għandha tiċħad din il-prova.

Din il-kwistjoni, li tista’ tiġi mqajma mill-Qorti, tiġi deċiża fl-att tal-proċess jew, fir-rigward ta’ proċessi verbali, fil-bidu tas-smigħ, qabel ma jibdew jitressqu l-provi.

15. Tista’ titressaq prova qabel ma jibda l-proċess ġuridiku?

Il-liġi tipprovdi speċifikament għal din it-tip ta’ prova antiċipata meta jkun hemm biża’ reali li l-prova ma tistax tinġieb matul il-proċess ġuridiku (per eżempju, minħabba mard gravi ta’ xi xhud jew ta’ xi parti, assenza minħabba xi vjaġġ, eċċ.). F’dak il-każ kull parti tista’ titlob li titressaq il-prova b’mod antiċipat u jekk il-Qorti tilqa’ t-talba, il-prova titressaq fil-preżenza tal-partijiet.

Tista’ ssir ukoll talba sabiex il-Qorti tadotta miżuri kawtelatorji (preżervazzjoni ta’ oġġetti, per eżempju) sabiex jiġu evitatati d-distruzzjoni jew id-deterjorament ta’ oġġetti materjali jew affarijiet li jkunu meħtieġa li jitressqu bħala provi aktar ‘il quddiem.

16. Minn fejn nista’ nikseb aktar tagħrif dwar il-proċess ġudizzjarju?

Żur il-Websajt tal-Consejo General del Poder Judicial (Kunsill Ġenerali ta’ l-Awtorità Ġuridika) español

Żur il-Websajt tal-Ministeru tal-Ġustizzja English - español

« Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza - Informazzjoni Ġenerali | Spanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 15-06-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit