Kummissjoni Ewropea > NGE > Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza > Slovenja

L-aħħar aġġornament: 03-04-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza - Slovenja

 

LISTA TAL- KONTENUT

I. L-oneru tal-prova I.
1.
a) Liema huma r-regoli dwar l-oneru tal-prova? a)
b) Hemm regoli li jeżentaw ċerti fatti mill-oneru tal-prova? F’liema każijiet? Huwa possibbli li dawn il-preżunzzjonijiet jiġu ribattuti bil-produzzjoni ta’ xhieda? b)
2. Il-qorti kemm għandha tkun konvinta minn fatt biex tibbaża s-sentenza tagħha fuq l-eżistenza ta’ dak il-fatt? 2.
II. Is-smigħ tax-xhieda II.
3. Is-smigħ tax-xhieda dejjem jeħtieġlu l-applikazzjoni ta’ parti, jew l-imħallef jista’ f’ċerti każijiet jisma’ x-xhieda minn jeddu? 3.
4.
a) Jekk l-applikazzjoni ta’ parti dwar is-smigħ tax-xhieda tkun approvata, x’inhuma l-passi ta’ wara? a)
b) F’liema każijiet tista’ l-qorti tiċħad applikazzjoni ta’ parti biex tinkiseb xhieda? b)
5.
a) X’mezzi differenti ta’ prova jeżistu? a)
b) Liema huma l-metodi biex tinkiseb testimonjanza ta’ xhieda u dawn ikunu differenti mill-mezzi użati biex tinkiseb testimonjanza ta’ xhieda esperti? Liema huma r-regoli dwar is-sottomissjoni ta’ xhieda bil-miktub u rapporti/opinjonijiet esperti? b)
c) Ċerti metodi ta’ prova huma isħaħ minn oħrajn? c)
d) Biex tinġieb prova dwar ċerti fatti, ċerti metodi ta’ prova huma obbligatorji? d)
6.
a) Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu? a)
b) F’liema każijiet jistgħu jirrifjutaw li jixhdu? b)
c) Tista’ persuna li tirrifjuta li tixhed tingħatalha piena jew tkun imġiegħla tixhed? c)
d) Hemm persuni li mingħandhom ma tistax tinstema’ xhieda? d)
7. X’inhi l-funzjoni tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? Taħt liema kundizzjonijiet jista’ xhud jinstema’ permezz ta’ teknoloġija ġdida bħat-televiżjoni u vidjokonferenza? 7.
III. L-evalwazzjoni tax-xhieda III.
8. Fejn ix-xhieda ma tkunx inkisbet legalment minn parti, hemm restrizzjonijiet għall-qorti meta tiġi biex tagħti s-sentenza tagħha? 8.
9. Bħala parti fil-kawża, dikjarazzjoni tiegħi stess titqies bħala xhieda? 9.

 

I. L-oneru tal-prova

1.

a) Liema huma r-regoli dwar l-oneru tal-prova?

Ir-regola ġenerali hija li l-partijiet għandhom jiddikjaraw il-fatti kollha li fuqhom ikunu bbażati t-talbiet u l-oġġezzjonijiet tagħhom u li jippreżentaw xhieda bħala prova ta’ dawk il-fatti (Artikoli 7 u 212 tal-Att tal-Proċedura Ċívili (Zakon o pravdnem postopku – ZPP)).

L-atturi għandu jkollhom prova tal-fatti li minnhom joriġinaw it-talbiet tagħhom u l-konvenuti għandu jkollhom prova tal-fatti li fuqhom ikunu bbażati l-oġġezzjonijiet tagħhom. Il-liġi sustantiva tgħidilna liema mill-partijiet jeħtiġilha tiddikjara u tipprova fatt partikulari. Il-konsegwenzi ta’ fatt li ma jkunx ippruvat huma tal-parti li, skont in-normi tal-liġi sustantiva, għandha tafferma u tagħti prova wkoll dak il-fatt (Artikolu 7 u 215 taż-ZPP).

b) Hemm regoli li jeżentaw ċerti fatti mill-oneru tal-prova? F’liema każijiet? Huwa possibbli li dawn il-preżunzzjonijiet jiġu ribattuti bil-produzzjoni ta’ xhieda?

Ir-rekwiżit tal-prova jkopri l-fatti li fuqhom ikunu bbażati t-talbiet u l-oġġezzjonijiet, regoli xjentifiċi u professjonali u regoli msejsa fuq l-esperjenza, iżda mhux regoli legali. Il-prinċipju applikat għal regoli legali huwa li l-qorti għandha tkun taf bihom ex officio (iura novit curia).

Ma hemmx bżonn ta’ prova għal fatti li huma rikonoxxuti u ġeneralment magħrufa (l-ewwel u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 214 taż-ZPP).

FuqFuq

Il-qorti tqis fatt rikonoxxut bħala l-bażi tas-sentenza tagħha mingħajr ma teżamina l-veraċità tiegħu (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 214 taż-ZPP), sakemm ma tqisx li l-parti tkun irrikonoxxietu bil-ħsieb li tafferma talba li hija tista’ ma taffermax.

Fit-teorija u l-prattika xorta waħda jkun hemm xi mistoqsijiet relatati mal-oneru tal-prova fir-rigward ta’ fatti mhux ikkontestati – fatti li jsiru magħrufin matul il-proċedura tas-smigħ tax-xhieda, iżda mhux miġjubin minn xi waħda mill-partijiet, u preżunzjonijiet legali.

2. Il-qorti kemm għandha tkun konvinta minn fatt biex tibbaża s-sentenza tagħha fuq l-eżistenza ta’ dak il-fatt?

Biex tieħu deċiżjoni fuq il-mertu ta’ talba ta’ attur, il-qorti għandu jkollha grad għoli ta’ prova materjali u tkun konvinta xort’oħra dwar il-fatti li jkunu rilevanti skont il-liġi.

Xi drabi, jekk tintwera probabbiltà, din tkun ukoll biżżejjed biex tittieħed deċiżjoni, b’mod partikolari ċerti deċiżjonijiet proċedurali intermedji li ma jġibux il-proċedimenti fi tmiemhom u li bihom il-qorti tiddeċiedi kwistjonijiet proċedurali intermedji. Biex l-imħallef japplika regola proċedurali speċifika, il-fatti rilevanti skont il-liġi għandhom jidhru li jkunu probabbli. Madanakollu l-imħallef ma jinħtieġlux li jkun konvint mill-eżistenza tagħhom. Iż-ZPP ma jiddefinix dawk il-fatti li jistgħu jintwerew li jkunu probabbli biex tiġi kkunsidrata ċerta norma.

II. Is-smigħ tax-xhieda

3. Is-smigħ tax-xhieda dejjem jeħtieġlu l-applikazzjoni ta’ parti, jew l-imħallef jista’ f’ċerti każijiet jisma’ x-xhieda minn jeddu?

Skont il-prinċipju tal-kontradittorju, huma l-partijiet li l-aktar li japplikaw biex tinstema’ x-xhieda. Il-qorti tista’ wkoll tisma’ x-xhieda minn jeddha (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 taż-ZPP), jekk tqis li l-partijiet ikunu biħsiebhom li jagħmlu użu inammissibbli mit-talbiet tagħhom.

FuqFuq

4.

a) Jekk l-applikazzjoni ta’ parti dwar is-smigħ tax-xhieda tkun approvata, x’inhuma l-passi ta’ wara?

Il-qorti tiddeċiedi liema xhieda tinstema’ biex ikunu stabbiliti l-fatti deċiżivi (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 213 u l-Artikolu 287 taż-ZPP). Hija tadotta deċiżjoni fuq ix-xhieda, li biha hija taċċetta jew tiċħad l-applikazzjonijiet tal-partijiet, u tista’ wkoll tordna minn jeddha is-smigħ ta’ ċerta xhieda.

Jekk l-applikazzjoni tal-parti dwar ix-xhieda tkun approvata b’deċiżjoni tal-qorti, din imbagħad tkun implimentata u x-xhieda tinstema’ fil-fatt. Il-qorti ma tkunx marbuta bid-deċiżjoni tagħha dwar ix-xhieda. Tista’ tibdilha matul il-proċedimenti u tisma’ x-xhieda qabel tkun ċaħdet applikazzjoni dwarha, u tista’ tisma’ xhieda ġdida (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 287 taż-ZPP).

Ix-xhieda ġeneralment tinstema’ fil-kawża quddiem l-imħallef li jagħti d-deċiżjoni finali (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 217 taż-ZPP). Jekk ikun hemm raġunijiet validi, ix-xhieda tista’ tinstema’ minn imħallef partikolari meta ssir talba għal dan (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 217 taż-ZPP). F’każijiet eċċezzjonali jkun possibbli wkoll li x-xhieda tinstema’ wara li l-kawża tkun intemmet (Artikolu 291 taż-ZPP).

b) F’liema każijiet tista’ l-qorti tiċħad applikazzjoni ta’ parti biex tinkiseb xhieda?

Iż-ZPP speċifikament jiddisponi li s-smigħ tax-xhieda jista’ ma jiġix aċċettat biss fejn ix-xhieda tkun irrilevanti għad-deċiżjoni, jiġifieri x-xhieda ma sservix biex ikunu stabbiliti l-fatti legalment rilevanti. Iżda ż-ZPP m’għandux dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-fini għaċ-ċaħda ta’ xhieda inammissibbli jew xhieda li ma tkunx ekonomika jew li ma tkunx tista’ tinkiseb fil-prattika.

FuqFuq

Dwar xhieda inammissibbli u xhieda li ma tkunx tista’ tinkiseb fil-prattika, huwa importanti li jkun hemm konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 taż-ZPP, li jgħid li l-qorti m’għandhiex tirrikonoxxi l-applikazzjonijiet ta’ partijiet li jkunu kuntrarji għal regolamenti obbligatorji jew kuntrarji għal regoli morali u dispożizzjonijiet dwar xhieda li għandha titħalla barra.

5.

a) X’mezzi differenti ta’ prova jeżistu?

Skont iż-ZPP: spezzjonijiet, dokumenti, smigħ ta' xhieda, smigħ ta' xhieda esperti u smigħ ta' partijiet.

b) Liema huma l-metodi biex tinkiseb testimonjanza ta’ xhieda u dawn ikunu differenti mill-mezzi użati biex tinkiseb testimonjanza ta’ xhieda esperti? Liema huma r-regoli dwar is-sottomissjoni ta’ xhieda bil-miktub u rapporti/opinjonijiet esperti?

Xhieda. Kull min jitħarrek bħala xhud għandu jidher u, ħlief fejn il-liġi tgħid xort'oħra, għandu jixhed (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 229 taż-ZPP). Ix-xhieda jinstemgħu fuq proposta ta' parti, li għandha tgħid fuq xiex ix-xhud ser jixhed u tagħti d-dettalji personali tiegħu jew tagħha (Artikolu 236 taż-ZPP). Xhieda jissejħu għal data ffissata b'taħrika speċjali li biha għandhom ikunu avżati bl-obbligu tagħhom li jixhdu, bil-konsegwenzi jekk jonqsu li jidhru u dwar d-drittijiet tagħhom għal rimborż ta' spejjeż (Artikolu 237 taż-ZPP).

Xhieda jinstemgħu waqt il-kawża. Xhieda li, minħabba l-età, mard jew diżabiltà fiżika serja, ma jkunux jistgħu jottemperaw ruħhom mat-taħrika, jistgħu jinstemgħu fi djarhom (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 237 taż-ZPP). Kull xhud jinstema' individwalment u mhux fil-preżenza ta' xhieda oħra li jkollhom jixhdu wara (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 238 taż-ZPP). Il-qorti tavża lix-xhieda dwar l-obbligu tagħhom li jgħidu l-verità u li ma jħallu xejn barra. Twissihom ukoll bil-konsegwenzi jekk jagħtu xhieda falza. Ix-xhud l-ewwel jgħid dak li hu jaf dwar il-każ. L-imħallef li jippresjedi l-awla jew membri tal-awla u l-partijiet u r-rappreżentanti u l-prokuraturi tagħhom imbagħad jagħmlu mistoqsijiet biex jagħrblu l-istqarrijiet tax-xhud jew biex jissupplimentawhom jew jiċċarawhom. Jekk xhieda jagħmlu stqarrijiet li jkunu inkonsistenti, huma jistgħu jkunu kkonfrontati (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 239 taż-ZPP). Iż-ZPP ma jirrikonoxxix il-ġuramenti ta' xhieda.

FuqFuq

Iż-ZPP ma jagħmilx distinzjoni bejn il-proċedura għas-smigħ ta' xhieda ordinarji u xhieda "esperti" u ma jistabbilixxi ebda dispożizzjoni proċedurali speċjali dwar dan. M'hemmx differenza fil-proċedura għas-smigħ ta' xhieda u xhieda esperti.

Dokumenti. Għalkemm iż-ZPP ma toħloqx ġerarkija tal-mezzi differenti ta' prova, id-dokumenti huma l-aktar affidabbli. Jistgħu jinqasmu f'dokumenti pubbliċi u privati. Dokumenti pubbliċi huma dawk li jinħarġu f'għamla preskritta minn istituzzjoni tal-istat li taġixxi fl-isfera ta' responsabbiltà tagħha jew dokumenti maħruġin f'ċertu għamla minn awtorità lokali, assoċjazzjoni jew organizzazzjoni oħra jew minn individwu fl-eżerċizzju ta' awtorità pubblika fdata lilhom bil-liġi (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 224 taż-ZPP). Dokumenti privati huma d-dokumenti kollha li mhumiex pubbliċi. F'dokument privat il-firma tista' tkun awtentikata minn istituzzjoni awtorizzata tal-istat jew minn persuna ġuridika jew fiżika li teżerċita awtorità pubblika (eż. nutar). Klawżoli awtentikati bħal dawn f'dokumenti privati għandhom sinifikat pubbliku u dik il-parti tad-dokument tista' titqies ukoll bħala dokument pubbliku. Il-valur probatorju ta' dokumenti pubbliċi huwa definit separatament fiż-ZPP. Dokument pubbliku huwa prova tal-veraċità tal-fatti kkonfermati jew speċifikati fih (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 224 taż-ZPP). Iż-ZPP jassumi li l-kontenut ta' dokument pubbliku jkun il-verità. Iżda huwa ammissibbli li tinġieb prova biex jintwera li fatti jkunu rreġistrati ħażin f'dokument pubbliku jew li dokument pubbliku jkun sar b'mod mhux korrett (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 224 taż-ZPP). Iżda dik hija l-unika regola ta' evidenza fil-proċedura ċivili tagħna.

FuqFuq

Dokumenti pubbliċi barranin awtentikati skont ir-regolamenti rilevanti għandhom l-istess valur probatorju bħal ta' dokumenti Sloveni, bil-kundizzjoni li jkunu applikati arranġamenti ta' reċiproċità u bla ħsara għal dak provdut xort'oħra fi trattati internazzjonali (Artikolu 225 taż-ZPP).

Iż-ZPP jistabbilixxi wkoll regoli dwar l-obbligu li jkunu pprovduti dokumenti, li jkun jiddependi fuq jekk id-dokument ikunx għand il-parti li tagħmel referenza għalih, għand il-kontroparti, istituzzjoni tal-Istat jew organizzazzjoni li teżerċita awtorità, jew għand terza persuna (persuna fiżika jew ġuridika).

Xhieda esperti. Il-qorti tisma' x-xhieda ta' xhud espert meta jkun meħtieġ tagħrif tekniku biex ikun stabbilit jew iċċarat fatt partikulari u meta tagħrif bħal dak ma jkunx għand il-qorti (Artikolu 243 taż-ZPP). Il-qorti taħtar lix-xhud espert b'deċiżjoni speċjali (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 244 taż-ZPP). Qabel il-ħatra, il-qorti tisma' l-fehmiet tal-partijiet dwar il-materja (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 244 taż-ZPP). Xhud espert jista' jinħatar ukoll mill-imħallef li jippresedi l-awla jew minn imħallef rikjest, jekk ikun awtorizzat li jisma' xhieda bħal dik (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 244 taż-ZPP). Xhieda esperti ġeneralment jinħatru minn lista speċjali użata mill-qorti. L-inkarigu jista' jkun fdat ukoll lil istituzzjoni speċjalizzata. Persuni fiżiċi biss jistgħu jkunu xhieda esperti. Xhieda esperti ikunu obbligati jaċċettaw id-dmirijiet tagħhom u jagħtu dak li jkunu sabu u l-opinjoni tagħhom (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 246 taż-ZPP). Il-qorti tista' timponi multa fuq xhud espert li jonqos li jersaq għal ħatra minkejja li jkun tħarrek kif imiss; tista' wkoll timmulta xhud espert li jirrifjuta li jaqdi l-inkarigu tiegħu jew tagħha mingħajr ma jagħti jew tagħti raġuni ġusta (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 248 taż-ZPP). Xhieda esperti jistgħu jinħelsu mill-obbligu tagħhom mill-qorti, fuq talba tagħhom, għar-raġunijiet biss li huma jistgħu jinvokaw biex jirrifjutaw li jixhdu jew iwieġbu mistoqsija partikulari, jiġifieri għar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikoli 231 sa 233 taż-ZPP. Il-qorti tista' wkoll teħles xhieda esperti mill-inkarigu tagħhom għal raġunijiet oħra ġustifikati (eż. skeda ta' xogħol eċċessiva). Tista' wkoll tintalab eżenzjoni għal dik ir-raġuni minn impjegat awtorizzat tal-istituzzjoni jew organizzazzjoni li magħha jkun jaħdem x-xhud espert (it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 246 taż-ZPP). Xhud espert jista' jkun eskluż ukoll bl-istess mod bħal imħallef. L-unika eċċezzjoni hija li persuna li tkun diġà nstemgħet qabel bħala xhud tista' sservi bħal xhud espert (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 247 taż-ZPP).

FuqFuq

L-inkarigu tax-xhud espert ikun dak li jgħid x'ikun sab u jagħti l-opinjoni tiegħu. Il-qorti tiddeċiedi wkoll jekk xhieda esperti jgħidux dak li jkunu sabu u l-opinjonijiet tagħhom bil-fomm biss waqt il-kawża jew jekk għandhomx jissottomettuhom ukoll bil-miktub qabel il-kawża. Jekk ikun inħatar aktar minn xhud espert wieħed, huma jistgħu jgħidu x'sabu u l-opinjonijiet tagħhom flimkien, jekk jaqblu bejniethom fuqhom. Jekk ma jaqblux, kull xhud espert jgħid x'ikun sab b'mod separat (Artikolu 254 taż-ZPP). Jekk jirriżultaw differenzi fundamentali bejn l-informazzjoni mogħtija minn xhieda esperti jew jekk is-sejbiet ta' xhud espert wieħed jew aktar ma jkunux ċari, ma jkunux sħaħ, jikkontradixxu �l xulxin jew jikkontradixxu ċirkostanzi li kienu investigati, u anomaliji bħal dawn ma jkunux rettifikati bi smigħ ġdid tax-xhud espert, terġa' tittieħed ix-xhieda mingħand l-istess xhud jew xhieda esperti (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 254 taż-ZPP). Iżda jekk ikun hemm kontradizzjonijiet fl-opinjoni ta' xhud espert wieħed jew aktar jew jekk l-opinjoni tagħhom ikollha anomaliji jew jinqala' dubju raġonevoli dwar il-korrettezza tal-opinjoni mogħtija, jintalbu l-opinjonijiet ta' xhieda esperti oħra (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 254 taż-ZPP). Xhieda esperti għandhom dritt għar-rimborż tal-ispejjeż u tad-dritt għal ħlas ta' xogħolhom (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 249 taż-ZPP).

c) Ċerti metodi ta’ prova huma isħaħ minn oħrajn?

Il-prinċipju applikat fl-eżami tax-xhieda huwa li l-ġudizzju dwar xhieda huwa wieħed ħieles. Il-qorti, li taġixxi skont il-konvinzjonijiet tagħha stess, tiddeċiedi liema fatti tqis li kienu ppruvati, abbażi ta’ apprezzament bir-reqqa u meqjus ta’ kull parti tax-xhieda b’mod separat u tax-xhieda kollha flimkien u abbażi li l-proċedimenti jkunu rnexxew fl-intier tagħhom (Artikolu 8 taż-ZPP). Il-proċedura ċivili tagħna ma tirrikonoxxix, għalhekk, "regoli ta’ xhieda", li bihom il-leġiżlatur jistabbilixxi minn qabel b’mod astratt il-valur ta’ tipi speċifiċi ta’ xhieda. L-unika eċċezzjoni għal dan hija r-regola dwar l-evalwazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi.

FuqFuq

Madankollu, fil-prattika, ir-regola applikata hija li xhieda dokumentarja, pereżempju, hija aktar affidabbli iżda mhux isħaħ minn prova oħra bħat-testimonjanza ta’ xhieda jew tal-partijiet.

d) Biex tinġieb prova dwar ċerti fatti, ċerti metodi ta’ prova huma obbligatorji?

Iż-ZPP m’għandux dispożizzjonijiet dwar jekk ċerti metodi ta’ prova humiex obbligatorji biex tkun stabbilita l-eżistenza ta’ ċerti fatti.

6.

a) Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Iva. Kull min jitħarrek bħala xhud għandu jattendi u, ħlief fejn il-liġi tgħid mod ieħor, għandu wkoll jixhed (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 229 taż-ZPP).

b) F’liema każijiet jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Persuna tista' ma tinstemax bħala xhud jekk ix-xhieda tagħha tikser l-obbligu li tippreserva sigriet uffiċjali jew militari, sakemm l-awtorità kompetenti teħlisha minn dak l-obbligu (Artikolu 230 taż-ZPP).

Xhieda jistgħu jirrifjutaw li jixhdu (Artikolu 231 taż-ZPP):

  • dwar affarijiet li parti tkun fdatilhom bħala rappreżentanti tagħha;
  • dwar affarijiet li l-parti jew il-persuna l-oħra stqarret magħhom bħala konfessuri reliġjużi;
  • dwar fatti li jkunu saru jafu bihom bħala avukati jew tobba jew fl-eżerċizzju ta' kull professjoni oħra jew kull attività oħra fejn ikunu marbutin b'obbligu li jżommu sigriet kull fatt li jsiru jafu bih fl-eżerċizzju ta' dik il-professjoni jew attività.

Xhieda jistgħu jirrifjutaw li jwieġbu mistoqsijiet speċifiċi jekk ikollhom raġuni tajba, b'mod partikolari fejn, jekk iwieġbu, jġibu għajb serju, ħsara finanzjarja konsiderevoli jew proċediment kriminali kontrihom jew kontra qrabathom konsangwinji sa kull grad jew qraba kollaterali konsangwinji sat-tielet grad, jew jekk iġibu għajb serju, ħsara finanzjarja konsiderevoli jew proċediment kriminali fuq il-konjuġi tagħhom jew qraba biż-żwieġ sa u inkluż it-tieni grad (ukoll jekk iż-żwieġ ikun intemm) jew fuq il-kuratur tagħhom jew fuq il-persuna fdata lilhom, jew fuq il-missier jew l-omm adottivi tagħhom jew fuq it-tfal adottivi tagħhom (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 taż-ZPP).

FuqFuq

Iżda r-riskju li tkun ikkawżata xi ħsara finanzjarja ma jistax jintuża minn xhieda bħala raġuni biex jirrifjutaw li jixhdu dwar operazzjonijiet legali fejn huma kienu preżenti bħala xhieda, dwar azzjoni li huma jkunu wettqu bħala predeċessuri jew rappreżentanti legali ta' xi waħda mill-partijiet dwar xi tilwima, dwar fatti rigward reġimi ta' proprjetà relatati ma' rabtiet familjari jew matrimonjali, dwar fatti relatati ma' twelid, żwieġ jew mewt jew kull fejn, skont regoli speċjali, huma jkollhom jissottomettu applikazzjoni jew jagħmlu dikjarazzjoni (Artikolu 234 taż-ZPP).

c) Tista’ persuna li tirrifjuta li tixhed tingħatalha piena jew tkun imġiegħla tixhed?

Iva. Jekk xhieda li jkunu tħarrku kif imiss jonqsu li jattendu u l-assenza tagħhom ma tkunx ġustifikata jew jekk ikunu telqu mingħajr permess mill-post fejn kien messhom jinstemgħu, il-qorti tista’ tordna li jinġiebu bil-forza, bi spejjeż tagħhom, u tista’ wkoll timponi multa. Il-qorti tista’ wkoll timponi multa bħal dik fuq xhud li jattendi imma mbagħad, wara li jkun twissa bil-konsegwenzi, jirrifjuta li jixhed jew li jwieġeb mistoqsijiet speċifiċi għal raġunijiet li l-qorti tqis mhux ġustifikati. F’dan l-aħħar każ il-qorti tista, jekk ix-xhud jibqa’ ma jridx jixhed, tagħti lix-xhud piena ta’ priġunerija sa dak iż-żmien li huwa jkun irid jixhed jew sakemm ma jkunx jeħtieġlu jinstema’, iżda mhux għal aktar minn xahar (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 241 taż-ZPP).

d) Hemm persuni li mingħandhom ma tistax tinstema’ xhieda?

Xhud jista' jkun kull persuna li kapaċi tagħti informazzjoni dwar il-fatti li għandha tingħata prova tagħhom (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 229 taż-ZPP). L-eliġibiltà biex persuna tkun xhud ma tiddependix fuq il-kapaċità legali. Minuri jew maġġorenni li jkunu ddikjarati inkapaċi parzjalment jew totalment jistgħu jkunu xhieda jekk huma jkunu tassew kapaċi li jagħtu informazzjoni dwar il-fatti legalment rilevanti. Il-kwistjoni dwar jekk xhud ikunx kapaċi jixhed tkun eżaminata mill-qorti abbażi ta' każ b'każ.

FuqFuq

Parti jew rappreżentant legali ta' parti ma jistgħux ikunu xhieda, waqt li rappreżentant ordinarju (pooblaščenec) jew intervenut (stranski intervenient) jista'.

7. X’inhi l-funzjoni tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? Taħt liema kundizzjonijiet jista’ xhud jinstema’ permezz ta’ teknoloġija ġdida bħat-televiżjoni u vidjokonferenza?

Fir-rigward ta' smigħ ta' xhieda, ara t-tweġiba għall-punt 5(b).

Teknoloġiji ġodda, eż. it-televiżjoni jew konnessjonijiet bil-vidjo, attwalment ma jintużawx fil-prattika għas-smigħ ta' xhieda fis-Slovenja, għalkemm iż-ZPP fil-fatt għandu dispożizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' proċedimenti bl-użu ta' teknoloġija moderna adatta (eż. reġistrazzjoni bit-tejp) jew b'tagħmir stenografiku (Artikolu 125 taż-ZPP).

III. L-evalwazzjoni tax-xhieda

8. Fejn ix-xhieda ma tkunx inkisbet legalment minn parti, hemm restrizzjonijiet għall-qorti meta tiġi biex tagħti s-sentenza tagħha?

Fit-teorija legali, fil-każistika u fil-leġiżlazzjoni Slovena, il-problema ta’ xhieda miksuba b’mod mhux ammissibbli s’issa tqajmet biss b’rabta ma’ proċedimenti kriminali. Fil-preżent, iż-ZPP m’għandux dispożizzjonijiet speċifiċi dwar xhieda inammissibbli.

9. Bħala parti fil-kawża, dikjarazzjoni tiegħi stess titqies bħala xhieda?

Jekk id-dikjarazzjoni tkun tagħmel parti mid-denunzja jew minn applikazzjoni ta’ xi xorta, hija ma tkunx tgħodd bħala xhieda, iżda jkollha l-istatus ta’ stqarrija attwali mill-parti, li għaliha, il-parti għandha tippreżenta wkoll xhieda xierqa. Jekk id-dikjarazzjoni tkun f’dokument ippreżentat bħala xhieda ta’ stqarrijiet ta’ parti, dik id-dikjarazzjoni jkollha l-istatus ta’ dokument.

Dikjarazzjoni magħmula minn parti waqt li tkun qed tinstema’ wkoll tgħodd bħala xhieda, minħabba li ż-ZPP jirrikonoxxi wkoll is-smigħ ta’ partijiet bħala xhieda (Artikolu 257 taż-ZPP).

« Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza - Informazzjoni Ġenerali | Slovenja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 03-04-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit