Kummissjoni Ewropea > NGE > Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza > Rumanija

L-aħħar aġġornament: 05-05-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza - Rumanija

 

LISTA TAL- KONTENUT

I. L-oneru tal-prova I.
1.
a) Liema huma r-regoli dwar l-oneru tal-prova? a)
b) Hemm regoli li jeżentaw ċerti fatti mill-oneru tal-prova? F’liema każijiet? Ikun possibbli li dawn il-preżunzjonijiet jiġu ribattuti bil-produzzjoni ta’ xhieda? b)
2. Kemm għandha l-qorti tkun konvinta dwar fatt biex tibbaża l-ġudizzju tagħha fuq l-eżistenza ta’ dak il-fatt? 2.
II. Is-smigħ tax-xhieda II.
3. Is-smigħ tax-xhieda dejjem jeħtieġ l-applikazzjoni ta’ parti, jew l-imħallef jista’ f’ċerti każijiet jieħu wkoll ix-xhieda fuq inizjattiva tiegħu stess? 3.
4.
a) Jekk l-applikazzjoni ta’ parti dwar il-ġbir tax-xhieda tkun approvata, x’jiġri wara? a)
b) F’liema każijiet tista’ qorti ma tilqax applikazzjoni ta’ parti biex tinkiseb xhieda? b)
5.
a) Liema huma l-mezzi differenti ta’ prova li jeżistu? a)
b) Liema huma l-metodi biex tinkiseb testimonjanza ta’ xhieda u dawn huma differenti mill-mezzi użati biex tinkiseb xhieda ta’ esperti? Liema huma r-regoli dwar is-sottomissjoni ta’ xhieda bil-miktub u rapporti ta’ esperti/opinjonijiet? b)
c) Ċerti metodi ta’ prova huma aktar b’saħħithom minn oħrajn? c)
d) Biex ikunu ppruvati ċerti fatti, ċerti metodi ta’ prova huma obbligatorji? d)
6.
a) Xhieda huma obbligati mil-liġi li jixhdu? a)
b) F’liema każijiet huma jistgħu jirrifjutaw li jixhdu? b)
c) Tista’ persuna li tirrifjuta li tixhed tingħata piena jew tkun imġiegħla tagħti xhieda? c)
d) Hemm persuni li mingħandhom ma tistax tinkiseb xhieda? d)
7. X’inhu l-irwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ parti? Taħt liema kundizzjonijiet jista’ xhud jinstema’ permezz ta’ teknoloġija ġdida, bħat-televiżjoni, video konferenzi? 7.
III. L-evalwazzjoni tax-xhieda III.
8. Fejn xhieda ma tkunx inkisbet legalment minn parti, hemm restrizzjonijiet fuq il-qorti meta tasal għall-ġudizzju tagħha? 8.
9. Bħala parti f’kawża, dikjarazzjoni tiegħi nnifsi tgħodd bħala xhieda? 9.

 

I. L-oneru tal-prova

Il-liġi prinċipali fuq is-suġġett:

Il-Kodiċi tal-Liġi Ċivili, il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, il-Kodiċi tal-Kummerċ, il-Liġi Nru 189/2003 dwar għajnuna legali internazzjonali fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, il-Liġi Nru 105/1992 dwar ir-regolamentazzjoni ta’ kwistjonijiet tad-Dritt internazzjonali privat.

1.

a) Liema huma r-regoli dwar l-oneru tal-prova?

(Liema mill-partijiet għandha l-obbligu tal-oneru tal-prova u għal liema azzjonijiet? X’inhuma l-implikazzjonijiet jekk ikun hemm dubju dwar ċertu fatt li għalih ma jkunx hemm soluzzjoni?)

Min jagħmel it-talba għandu jġib prova dwar il-każ tiegħu jew tagħha. Fejn il-konvenut isemmi eċċezzjonijiet biex jimblokka t-talbiet tar-rikorrent, l-oneru tal-prova huwa tal-konvenut. F’każ ta’ preżunzjonijiet, l-oneru tal-prova jdur mill-persuna li favur tagħha jkunu saru għal fuq il-parti opposta.

b) Hemm regoli li jeżentaw ċerti fatti mill-oneru tal-prova? F’liema każijiet? Ikun possibbli li dawn il-preżunzjonijiet jiġu ribattuti bil-produzzjoni ta’ xhieda?

Preżunzjonijiet legali huma stabbiliti mil-liġi, u kontra preżunzjonijiet assoluti, xhieda kuntrarja titħalla tinġieb biss f’għamla ta’ testimonjanza, u xi drabi lanqas f’din l-għamla. Hemm ukoll kategorija intermedjarja jew imħallta ta’ preżunzjonijiet legali kkaratterizzata mill-fatt li dawn jistgħu jkunu ribattuti b’xhieda kuntrarja, iżda biss b’ċerta xhieda, f’ċerti ċirkustanzi jew minn ċerti persuni biss. Xhieda kuntrarja hija permessa kontra preżunzjonijiet legali kondizzjonali.

FuqFuq

Fatti magħrufa minn kulħadd (fejn il-bażi tal-prova tkun li kulħadd ikun jaf bil-fatt) u liġijiet, irrispettivament mill-għamla ta’ espressjoni tagħhom, mhumiex soġġetti għall-oneru tal-prova. Il-preżunzjoni hija li dawn ikunu magħrufin miċ-ċittadini kollha.

Dokumenti awtentiċi ma jeħtieġu lil ħadd biex jinvokahom biex tinġieb xi xhieda minħabba li dawn isiru kif imiss skont il-liġi minn uffiċjal pubbliku intitolat li jopera fil-post fejn id-dokument ikun ġie konkluż. Kważi l-atti kollha jkunu abbozzati f’uffiċċji ta’ nutara jew f’uffiċċji pubbliċi, jew ikunu ordnijiet tal-qorti, jew atti mniżżlin fir-reġistru pubbliku jew dokumenti maħruġin minn korpi ta’ amministrazzjoni tal-Istat, eċċ.

2. Kemm għandha l-qorti tkun konvinta dwar fatt biex tibbaża l-ġudizzju tagħha fuq l-eżistenza ta’ dak il-fatt?

(Il-qorti għandha tkun konvinta għal kollox bil-fatt jew ikun biżżejjed li l-fatt ikun probabbli ħafna, anki jekk jibqgħu xi dubji?)

Xhieda ma tistax tintuża jekk mhux biex tissodisfa ċerti kundizzjonijiet dwar il-legalità, il-kredibbiltà, ir-rilevanza u l-konklussività. L-ewwel regola dwar l-amministrazzjoni tax-xhieda hija li x-xhieda għandha tinkiseb qabel ma jibda l-ewwel smigħ tal-kawża, u t-tieni regola hija li x-xhieda u x-xhieda kuntrarja għandhom jinġiebu, kull meta jkun possibbli, fl-istess waqt.

II. Is-smigħ tax-xhieda

3. Is-smigħ tax-xhieda dejjem jeħtieġ l-applikazzjoni ta’ parti, jew l-imħallef jista’ f’ċerti każijiet jieħu wkoll ix-xhieda fuq inizjattiva tiegħu stess?

Fuq talba tal-partijiet, tista’ tinstema’ x-xhieda li ġejja: xhieda esperta, xhieda ta’ xhud mogħtija mill-attur fl-azzjoni u mill-konvenut fin-nota tal-eċċezzjonijiet jew, mhux aktar tard, mill-ewwel jum tal-kawża; il-konfessjonijiet wara taħrika għal dehra għal interrogatorju, fuq talba tal-parti interessata biex tinkiseb xi forma ta’ ammissjoni mill-kontroparti; ammissjoni (permezz ta’ konfessjoni/taħrika għal attendenza għal eżami)

FuqFuq

L-imħallef jista’ jitlob xhieda esperta; li jkunu stabbiliti l-fatti in situ, xhieda ta’ xhud, xhieda bħala riżultat ta’ mistoqsijiet, eċċ.

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi regoli dwar sitwazzjonijiet li fihom dokument imsemmi bħala xhieda minn waħda mill-partijiet ma jkunx fil-pussess tagħha; sitwazzjonijiet li fihom id-dokument ikun għand il-kontroparti u sitwazzjonijiet li fihom id-dokument ikun miżmum minn awtorità jew minn parti terza.

4.

a) Jekk l-applikazzjoni ta’ parti dwar il-ġbir tax-xhieda tkun approvata, x’jiġri wara?

Il-qorti tagħti l-opinjoni tagħha dwar xhieda mitluba mill-partijiet wara li hija teżamina l-ammissibbiltà tagħha. Ma tistax taċċetta xhieda qabel mal-partijiet ikunu kkontestawha.

L-ewwel regola għas-sottomissjoni ta’ xhieda hija li xhieda għandha tkun sottomessa qabel ma jkunu diskussi l-fatti tal-każ, u t-tieni regola hija li xhieda u xhieda kuntrarja għandhom jinġiebu fl-istess waqt, kull meta jkun possibbli.

Il-produzzjoni tax-xhieda hija proċedura avversarja biex tinġieb u tinżamm ix-xhieda jekk ikun hemm periklu li din tista’ tisparixxi jew li jinqalgħu diffikultajiet fil-ġejjieni dwar is-sottomissjoni tagħha. Il-kriterju fundamentali għal talbiet biex tinġieb xhieda hija l-ħtieġa urġenti tagħha. It-talba titqies mill-qorti li fil-ġuriżdizzjoni tagħha jkun jinsab l-oġġett tal-investigazzjoni jew fejn jgħix ix-xhud.

b) F’liema każijiet tista’ qorti ma tilqax applikazzjoni ta’ parti biex tinkiseb xhieda?

(Bħal fil-każijiet fejn xhieda ma tkunx adatta, konkreta u ammissibbli)

FuqFuq

Ix-xhieda tkun ippreżentata mir-rikorrent b’applikazzjoni biex jinbdew proċedimenti u mill-konvenut f’nota tal-eċċezzjonijiet, jew, għallinqas, mhux aktar tard mill-ewwel jum tal-kawża. Xhieda li ma tkunx ippreżentata skont dawn il-kundizzjonijiet jew mhux aktar tard mill-ewwel jum tal-kawża tista’ ma tintużax fil-kawża. Iżda s-sanzjoni ta’ esklużjoni ma tkunx applikata f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi fejn xhieda ma tkunx ippreżentata in limine litis iżda tkun ippreżentata aktar tard.

Il-liġi ma tipprovdix mezzi oħra għall-prova ta’ atti jew fatti legali. Iżda hemm xi restrizzjonijiet meta tintuża ċerta xhieda (eż. il-prova ta’ atti legali b’xhieda, il-projbizzjoni ta’ eżami orali biex ikunu stabbiliti l-motivi għal divorzju).

Dwar kwistjonijiet ta’ kredibbiltà, rilevanza u konklussività, tista’ tkun aċċettata xhieda jekk din twassal għat-tmiem tal-kawża.

5.

a) Liema huma l-mezzi differenti ta’ prova li jeżistu?

Dokumenti, dikjarazzjonijiet ta’ xhieda, preżunzjonijiet, konfessjonijiet matul interrogatorju fil-qorti, il-fatti stabbiliti in situ, xhieda esperta.

b) Liema huma l-metodi biex tinkiseb testimonjanza ta’ xhieda u dawn huma differenti mill-mezzi użati biex tinkiseb xhieda ta’ esperti? Liema huma r-regoli dwar is-sottomissjoni ta’ xhieda bil-miktub u rapporti ta’ esperti/opinjonijiet?

Normalment, ix-xhieda jkunu proposti in limine litis mill-partijiet, mir-rikorrent fl-applikazzjoni u mill-konvenut fin-nota tal-eċċezzjonijiet jew mhux aktar tard mill-ewwel jum tal-kawża. In-nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ xhieda skont dawn il-kundizzjonijiet iġib miegħu it-telfien tad-dritt tal-parti li tissottometti xhieda matul il-kawża, jekk ma jkunx hemm dispożizzjonijiet kuntrarji. Fl-interess li tkun stabbilita l-verità, il-qorti tista’ tisma’ xhieda ukoll jekk il-partijiet joġġezzjonaw għaliha. L-atti legali kollha ta’ valur ta’ aktar minn RON 250 jistgħu jkunu ċċertifikati biss b’att awtentiku jew b’att magħmul b’firma privata. Testimonjanza ta’ xhieda kontra jew dwar il-kontenut ta’ att hija ammissibbli. Din ir-restrizzjoni tapplika biss għal atti magħmulin qabel. Hemm għadd ta’ eċċezzjonijiet importanti għal dawn iż-żewġ regoli restrittivi dwar l-ammissibbiltà ta’ testimonjanza ta’ xhieda: testimonjanza ta’ xhieda ma tapplikax fejn tkun inbdiet proċedura ta’ xhieda bil-miktub u fejn kredituri ma jkunux jistgħu jiksbu xhieda bil-miktub dwar id-debitu jew għall-preservazzjoni tax-xhieda miksuba.

FuqFuq

Meta, biex ikunu stabbiliti ċerti fatti, il-qorti tqis li jkun meħtieġ li tinkiseb l-opinjoni ta’ speċjalisti, hija taħtar, fuq talba tal-partijiet jew ex officio, espert wieħed jew tlieta, tistabbilixxi l-punti li dwarhom ikunu qed jintalbu l-opinjonijiet tagħhom u t-terminu ta’ żmien li fih huma jkollhom jipprovdu l-ħila esperta tagħhom.

Xhieda għandha tkun sottomessa fil-qrati, sakemm il-liġi ma tipprovdix xort’oħra. Meta xhieda jkollha tittieħed band’oħra, hija għandha tittieħed b’delegazzjoni minn qorti tal-istess livell jew ta’ livell aktar ’l isfel, jekk ma jkunx hemm qorti tal-istess livell f’dik il-belt. Jekk ix-xorta ta’ xhieda tippermetti, u l-partijiet jaqblu, il-qorti li tieħu x-xhieda tista’ tkun eżentata milli tħarrek lill-partijiet biex jidhru.

c) Ċerti metodi ta’ prova huma aktar b’saħħithom minn oħrajn?

Dokumenti awtentiċi sikwit ikunu aċċettati mill-partijiet minħabba l-vantaġġi li joffru li jinkludu l-preżunzjoni tal-verità min-naħa tal-persuna li tissottometti dokumenti ċċertifikati bħala xhieda. Id-data tal-att awtentikat tirrappreżenta xhieda sakemm tinġieb prova kuntrarja. Atti awtentiċi li jistabbilixxu debiti għandhom il-qawwa ta’ mandat eżekuttiv u jistgħu jkunu infurzati mingħajr ma tinkiseb sentenza. Dokumenti legali relatati ma’ materja b’valur ta’ aktar minn RON 250, anki depożitati volontarjament, għandhom ikunu dokumenti magħmulin b’firma privata. Testimonjanza ta’ xhud kontra jew dwar il-kontenut tad-dokument jew dwar x’ikun allegat li ntqal qabel, matul jew wara li l-att ikun ġie abbozzat mhix ammissibbli anki fejn il-valur ma jaqbiżx RON 250.

FuqFuq

d) Biex ikunu ppruvati ċerti fatti, ċerti metodi ta’ prova huma obbligatorji?

Id-dokumenti legali kollha dwar suġġett b’valur ta’ aktar minn RON 250 jistgħu jkunu ppruvati biss permezz tad-dokument oriġinali magħmul b’firma privata. Din ir-restrizzjoni ma tapplikax għal fatti materjali; tista’ tingħata prova ta’ dawn iċ-ċirkustanzi mill-partijiet konċernati direttament, minn partijiet terzi u bl-użu ta’ kull xhieda. Iżda hemm fatti materjali li, fil-prinċipju, ma jistgħux jiġu ppruvati b’testimonjanza ta’ xhud, bħal twelid u mwiet jew prodotti mixtrijin mill-konjuġi flimkien.

Testimonjanza ta’ xhud hija inammissibbli kontra u dwar il-kontenut ta’ dokument. Din ir-restrizzjoni tapplika biss għal dokumenti miġjubin qabel. L-Artikoli 1197 u 1198 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdu eċċezzjonijiet importanti għall-projbizzjonijiet dwar l-ammissibiltà ta’ testimonjanza ta’ xhud:

  • testimonjanza ta’ xhud ma tistax tintuża fejn tkun inbdiet proċedura għal xhieda bil-miktub;
  • il-kreditur ma jkunx jista’ jikseb xhieda bil-miktub dwar it-talba jew biex jippriserva xhieda diġà miksuba.

Il-liġi tesiġi li dokumenti jkunu ċċertifikati jekk dawn ikollhom jikkonvalidaw l-operazzjoni ġudizzjarja li għaliha jkunu jirreferu. Dan japplika għal donazzjonijiet, ipoteki konvenzjonali u atti dwar proprjetà ta’ art.

Hemm xi eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali: dokumenti privati huma validi jekk titħares kundizzjoni waħda, jiġifieri ma jkunux iffirmati mill-parti li tkun qed tidħol għall-inkarigu. Għandhom jitħarsu rekwiżiti oħrajn ukoll. Waħda mill-ewwel eċċezzjonijiet hija dwar ftehimiet sinallagmatiċi, li l-liġi teżiġi li għandhom jinġiebu f’aktar minn kopja waħda. Eċċezzjoni oħra huwa r-rekwiżit ta’ approvazzjoni ta’ konferma li turi b’ittri l-ammont u l-firma fuq dokumenti privati li fihom parti waħda tobbliga lilha nfisha li tħallas ammont ta’ flus lil ħaddieħor.

FuqFuq

Dokumenti privati jakkwistaw validità (eżegwibbli kontra partijiet terzi) meta jkunu sottomessi lil istituzzjoni pubblika, jiddaħħlu f’reġistri pubbliċi jew il-kontenut tagħhom ikun irrappurtat jew, anki mqassar, f’dokumenti abbozzati minn uffiċjali pubbliċi.

6.

a) Xhieda huma obbligati mil-liġi li jixhdu?

Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija c).

b) F’liema każijiet huma jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

[eż. jekk ix-xhud ikun qarib ta’ waħda mill-partijiet (liema?) jew jekk ix-xhieda tkun tista’ tagħmel ħsara lix-xhud]

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex tinstema’ testimonjanza ta’ xhud, mhux ir-raġunijiet għaliex xhieda jistgħu jirrifjutaw li jixhdu. Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija d).

c) Tista’ persuna li tirrifjuta li tixhed tingħata piena jew tkun imġiegħla tagħti xhieda?

Il-qorti tagħti piena ta’ multa lil xhud li jonqos li jidher il-qorti jew jirrifjuta li jixhed meta jkun il-qorti, barra meta x-xhud ikun minuri. Multa ma tkunx imposta jekk xhud ma jkunx tħalla jħares l-obbligu tiegħu għal raġuni tajba.

Il-qorti tista’ toħroġ ordni lil kull xhud biex jidher jekk jonqos li jidher bi tweġiba għall-ewwel taħrika mill-qorti. F’materji ta’ urġenza, xhieda jistgħu jkunu ordnati jidhru wkoll għall-ewwel smigħ. Jekk ix-xhud jonqos li jidher quddiem il-qorti wara li jkun ġie ordnat jagħmel dan, il-qorti tipproċedi bil-kawża. Il-qorti tista’ taqbel li tisma’ lix-xhud fid-dar tiegħu jekk ma jkunx jista’ jidher quddiem il-qorti.

FuqFuq

Jekk il-parti tirrifjuta li twieġeb mistoqsijiet li jkollhom l-għan li jġibu prova dwar min ikun is-sid tad-dokument jew jekk ix-xhieda miġjuba turi li d-dokument inħeba jew inqered, jew fejn ikun hemm rifjut li jinġieb att wara li jkun ġie stabbilit min kien is-sid tiegħu, il-qorti tqis it-talbiet tal-parti li tkun talbet li jinġieb l-att bħala ppruvati. Għalhekk, f’ċirkustanzi bħal dawn, hemm preżunzjoni sempliċi li l-qorti tista’ tordna billi tqis l-imġiba tal-parti ordnata biex tidher għal interrogatorju.

It-tieni ipoteżi hija dwar is-sitwazzjoni li fiha d-dokument ikun miżmum għand awtorità jew minn persuna oħra. F’sitwazzjoni bħal din, il-qorti tordna li d-dokument jinġieb fid-data li jkun imiss.

Id-detentur ta’ dokument li jonqos li juri d-dokument jista’ jkun ikkundannat multa u, fuq talba tal-parti interessata, il-persuna li, għax tkun trid jew minħabba negliġenza, tkun naqset li turi d-dokument, tista’ tkun ordnata tħallas kumpens għall-ħsara kkawżata mid-dewmien.

Hemm eċċezzjonijiet għar-regola li l-qorti tista’ tordna t-trasferiment ta’ dokumenti, jiġifieri dokumenti u skemi mir-reġistru tal-artijiet, reġistri pubbliċi u atti oriġinali depożitati fi qrati jew għand nutara. Dawn l-atti kollha jistgħu, madankollu, jiġu eżaminati mill-qorti fl-uffiċċju konċernat jew permezz ta’ ittri rogatorji.

d) Hemm persuni li mingħandhom ma tistax tinkiseb xhieda?

(adulti mingħajr kapaċità legali, minuri, persuni li jaqsmu interessi komuni ma’ waħda mill-partijiet, persuni misjuba ħatja ta’ ċerti reati)

FuqFuq

Persuni li ma jistgħux jinstemgħu bħala xhieda jew li jkunu eżentati mill-obbligu li jixhdu huma qraba u familjari sat-tielet grad ta’ parentela, inklużi konjuġi, anki jekk ikunu separati, minuri taħt tutela, orfni u persuni dikjarati inkapaċi li jixhdu u persuni misjuba ħatja ta’ sperġur.

Fil-liġi ċivili u f’kawżi ta’ divorzju, qraba u familjari jistgħu jinstemgħu bħala xhieda. Għal raġunijiet ta’ etika, il-liġi ma tippermettix li dixxendenti jinstemgħu f’kawżi bħal dawn. Huwa pprojbit li eżamijiet ta’ xhieda jintużaw biex jinġiebu provi għal motivi ta’ divorzju. Minuri taħt tutela, persuni dikjarati inkapaċi li jixhdu u persuni misjuba ħatja ta’ sperġur ma jitħallewx jixhdu.

Dawk eżentati milli jixhdu huma ministri tar-reliġjon, tobba, qbiela, spiżjara, avukati, nutara pubbliċi u kull uffiċjal ieħor marbut mil-liġi bil-kunfidenzjalità dwar materji li jkunu semgħu fil-kors tal-attivitajiet professjonali tagħhom (sakemm ma jinħelsux mid-dmir tal-kunfidenzjalità mill-persuni jew mill-awtorità konċernati); uffiċjali pubbliċi attivi u dawk li qabel kienu uffiċjali pubbliċi b’rabta ma’ sigrieti li saru jafu fil-kapaċitajiet professjonali tagħhom (sakemm jinħelsu mid-dmir tal-kunfidenzjalità mill-persuni jew mill-awtorità konċernati); jew persuni li, bit-tweġibiet tagħhom, jistgħu jinkriminaw lilhom infushom jew lil persuni oħra jew jesponu lilhom infushom jew lil persuni oħra għal disprezz pubbliku.

Id-dispożizzjonijiet dwar is-smigħ ta’ qraba u familjari, u tal-konjuġi, anki jekk il-koppja tkun separata, huma ta’ natura kundizzjonali, minħabba li kienu stabbiliti fl-interess tal-partijiet. Għalhekk ġie deċiż li qraba u familjari jistgħu jinstemgħu bħala xhieda jekk il-parti li tkun kisbet din l-interdizzjoni ma toġġezzjonax li huma jinstemgħu.

FuqFuq

Minuri taħt tutela, persuni legalment iddikjarati inkapaċi li jixhdu u persuni misjuba ħatja ta’ sperġur ma jitħallewx jixhdu taħt ebda ċirkustanza.

7. X’inhu l-irwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ parti? Taħt liema kundizzjonijiet jista’ xhud jinstema’ permezz ta’ teknoloġija ġdida, bħat-televiżjoni, video konferenzi?

(Min jeżamina xhud? Jista’ l-imħallef jagħmel mistoqsijiet? Tista’ l-parti l-oħra titħalla tagħmel kontro-eżami lix-xhud?)

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili għandha għadd ta’ regoli importanti dwar l-eżami tax-xhieda.

L-ewwel, il-qorti tħarrek lix-xhieda biex jidhru u tista’ tikkundanna lil kull min jonqos li jidher għal ħlas ta’ multa. F’kawżi dwar artijiet, xhieda ma jitħarkux biex jidhru għaliex huwa min ipproponihom li jiżgura li jkunu l-qorti fil-jum tas-smigħ. L-ordni li fiha xhieda għandhom ikunu eżaminati tkun stabbilita waqt is-seduta. Kull xhud għandu jkun eżaminat separatament. Dawk li jkunu għadhom ma ġewx eżaminati jistgħu ma jkunux preżenti matul l-eżami ta’ xhud. Wara s-smigħ, ix-xhud għandu jibqa’ fl-awla tal-qorti sa tmiem is-seduta, jekk il-qorti ma tiddeċidix xort’oħra. Dan huwa rikjest mil-liġi biex b’hekk xhieda li jkunu diġà ġew eżaminati ma jinfluwenzawx b’xi mod xhieda li jkunu għadhom ma ġewx eżaminati.

Qabel l-eżami, ix-xhud ikun mistoqsi mill-imħallef sedenti biex jagħti l-informazzjoni li ġejja: l-isem, il-professjoni, il-post tar-residenza u l-età; jekk huwa/hija huwiex/hijiex qarib/a tal-partijiet u, jekk iva, ix-xorta ta’ relazzjoni; jekk huwa/hija huwiex/hijiex impjegat ta’ waħda mill-partijiet u jekk huwa/hija huwiex/hijiex f’litigazzjoni, għandux/għandhiex xi ħaġa kontra jew jekk għandux/għandhiex l-istess interessi ma’ xi waħda mill-partijiet. Dawn id-dettalji huma meħtieġa biex ix-xhud jintgħaraf eżatt u fl-aħħar biex ikun apprezzat il-valur tad-dikjarazzjoni magħmula quddiem il-qorti. Rekwiżit ieħor legali huwa dwar il-ġurament jew l-affermazzjoni. Wara li jkun ingħata l-ġurament, l-imħallef sedenti jgħarraf lix-xhud li jekk huwa/hija ma jgħidx/tgħidx il-verità, huwa/hija jkun/tkun qed iwettaq/twettaq sperġur. Skont is-sistema ta’ proċedura ċivili Rumena, xhieda taħt l-età ta’ 14-il sena ma jistgħux jingħataw il-ġurament; iżda jiġu avżati biex jgħidu l-verità.

FuqFuq

Wara li x-xhud ikun xehed, il-partijiet ikunu jistgħu jagħmlu l-mistoqsijiet. Il-parti li tkun ipproponiet l-eżami tax-xhud tagħmel l-ewwel mistoqsijiet u wara l-kontroparti. Ix-xhud ma jkunx jista’ jaqra tweġiba miktuba minn qabel, iżda jista’ juża noti bi qbil mal-imħallef, iżda biss dwar numri u ismijiet. Ix-xhieda jistgħu jerġgħu jiġu eżaminati jekk il-qorti jidhrilha li dan ikun meħtieġ. L-istess dispożizzjonijiet jippermettu l-kontroeżami ta’ xhieda kull meta dak li jgħidu ma jkunx jaqbel.

III. L-evalwazzjoni tax-xhieda

8. Fejn xhieda ma tkunx inkisbet legalment minn parti, hemm restrizzjonijiet fuq il-qorti meta tasal għall-ġudizzju tagħha?

(bħal irrekordjar awdjofoniku illegali)

Dokument li ma jistax ikun awtentiku minħabba nuqqas ta’ kompetenza jew minħabba inkapaċità min-naħa ta’ uffiċjal pubbliku, jew minħabba li ma jkunux tħarsu formalitajiet ikun validu bħala dokument privat jekk ikun iffirmat mill-partijiet kontraenti.

Fis-sitwazzjonijiet kollha fejn il-kitba jew firma jkunu kkontestati, l-awtentiċità tad-dokument tkun stabbilita permezz ta’ proċedura msejħa l-verika tar-reġistrazzjoni. Il-verifika tar-reġistrazzjoni hija l-proċedura wżata meta l-parti ma tagħrafx il-kitba jew firma fuq dokument. Wara l-verifika, l-qorti tkun tista’ tifforma opinjoni dwar l-awtentiċità tad-dokumenti. Jekk il-qorti ma tkunx tista’ jew ma titħallhiex tifforma opinjoni dwar l-awtentiċità tad-dokument wara l-verifika diretta tar-reġistrazzjonijiet, tintalab opinjoni esperta.

FuqFuq

Frodi tkun stabbilita permezz ta’ proċedura speċjali u kumplessa li tibda wara rapport mill-parti interessata ippreżentat personalment jew minn rappreżentant legali bi prokura speċjali. Il-parti li tkun tixtieq tuża d-dokument għandha tippreżenta l-kopja oriġinali. Il-qorti tista’ tordna s-sospensjoni tal-kawża ċivili sakemm is-servizz tal-prosekuzzjonijiet pubbliċi ikun lesta l-istħarriġ dwar il-frodi.

9. Bħala parti f’kawża, dikjarazzjoni tiegħi nnifsi tgħodd bħala xhieda?

Meta l-konvenut jittieħed il-qorti għal dejn finanzjarju u jammetti d-dejn u jiddikjara li huwa/hija jixtiequ jħallsu lil persuna maħtura mill-qorti, ma jkunx meħtieġ li jittieħdu proċedimenti kontra tiegħu/tagħha jekk huwa/hija jiddepożitaw is-somma dovuta. Jekk il-konvenut jammetti parti mit-talbiet tal-attur, il-qorti, fuq talba ta’ dan ta’ l-aħħar, tagħti sentenza parzjali ta’ rikonoxximent.

Dawk li jagħmlu t-talba jistgħu jirrinunzjawha f’kull waqt matul il-kawża quddiem il-qorti, ukoll jekk il-konvenut joġġezzjona. Ir-rinunzja ta’ min jagħmel it-talba m’għandha assolutament l-ebda rilevanza fuq it-talbiet tal-konvenut. Kawżi ta’ divorzju jistgħu jintemmu b’rikonċiljazzjoni min-naħa tal-konjuġi f’kull stadju tal-kawża, ukoll jekk il-kawża tkun intbagħtet lil qorti ta’ appell jew ta’ stħarriġ ġudizzjarju jew jekk l-appell jew l-istħarriġ ma jkunx ġie ttimbrat skont il-liġi. Min jagħmel it-talba jista’, madankollu, jippreżenta talba ġdida wara r-rikonċiljazzjoni u, f’dan il-każ, huwa/hija jkunu jistgħu jużaw il-fatti l-antiki ukoll.

Jekk il-persuna indikata bħala l-purtatur jammetti t-talbiet tal-konvenut u min jagħmel it-talba jkun jaqbel, huwa/hija jidħlu flok il-konvenut, li kontrih jitwaqqfu proċedimenti. Fejn persuna mħarrka tonqos li tidher quddiem il-qorti jew tikkontesta d-dehra tal-konvenut quddiem il-qorti, il-persuna li kontriha tkun infetħet il-kawża tista’ tintervjeni fl-interess tiegħu nnifsu/tagħha nfisha, u s-sentenza tkun torbot lilu/lilha.

Aktar tagħrif

(Konnessjonijiet ma' siti tal-internet, eċċ.)

www.just.ro română

kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali

« Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza - Informazzjoni Ġenerali | Rumanija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 05-05-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit