Kummissjoni Ewropea > NGE > Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza > Latvja

L-aħħar aġġornament: 15-02-2008
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza - Latvja

 

LISTA TAL- KONTENUT

I. L-oneru tal-prova I.
1.
a) Min għandu jipprova xiex lil min (min għandu l-oneru tal-prova)? a)
b) Hemm regoli li jeżentaw ċerti fatti mill-oneru tal-prova? F’liema każijiet? Huwa possibbli li dawn il-preżunzjonijiet jiġu rribattuti billi tinġieb evidenza? b)
2. X’rekwiżiti huma stabbiliti għall-piż ta’ l-evidenza (rekwiżiti ta’ l-evidenza)? 2.
II. It-teħid ta’ l-evidenza II.
3. L-evidenza li l-qorti tieħu mingħajr ma tkun mitluba minn waħda mill-partijiet 3.
4. Kif tiġi introdotta l-evidenza fil-kawża? 4.
a) Kif tiġi introdotta l-evidenza fil-kawża a)
b) F’liema każijiet tista’ l-qorti tirrifjuta l-evidenza? b)
5.
a) X’inhuma l-mezzi varji ta’ evidenza? a)
b) Id-differenza bejn dikjarazzjoni ta’ xhud espert u opinjoni bil-miktub ta’ espert b)
c) Ċerta evidenza għandha aktar piż bħala evidenza minn evidenza oħra? c)
d) Hemm regoli li jgħidu li ċerti ċirkostanzi jeħtieġu ċerti tipi ta’ evidenza? d)
6.
a) Ix-xhieda għandhom obbligazzjoni legali li jixhdu? a)
b) F’liema każijiet jista’ xhud jirrifjuta li jixhed? b)
c) Liema sanzjonijiet jittieħdu kontra xi ħadd li jirrifjuta li jixhed? c)
d) Persuni li ma jistgħux jixhdu d)
7. Kif jiġu eżaminati x-xhieda? Tista’ tingħata l-evidenza permezz ta’ konferenza vidjow? 7.
III. Il-piż ta’ l-evidenza III.
8. Fejn l-evidenza ma tkunx inkisbet legalment minn parti, hemm restrizzjonijiet fuq il-qorti biex tasal għas-sentenza tagħha? 8.
9. Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala evidenza? 9.

 

I. L-oneru tal-prova

1.

a) Min għandu jipprova xiex lil min (min għandu l-oneru tal-prova)?

Kull parti hija responsabbli li tipprova l-fatti li fuqhom huma bbażati t-talbiet jew id-difiża tagħha. Ir-rikorrent għandu jissustanzja t-talbiet tiegħu jew tagħha u l-intimat għandu jissustanzja d-difiża tiegħu jew tagħha.

L-evidenza hija sottomessa mill-partijiet f’kawża u minn parteċipanti oħra fil-kawża. Fejn ma jkunx possibbli għall-partijiet jew għall-parteċipanti l-oħra li jissottomettu l-evidenza, fuq it-talba motivata tagħhom il-qorti tista’ tagħmel talba biex tinġieb l-evidenza.

b) Hemm regoli li jeżentaw ċerti fatti mill-oneru tal-prova? F’liema każijiet? Huwa possibbli li dawn il-preżunzjonijiet jiġu rribattuti billi tinġieb evidenza?

Fejn il-qorti tirrikonoxxi li fatt huwa rikonoxxut universalment l-ebda evidenza ma hi meħtieġa.

Barra minn hekk, fatti stabbiliti b’riżultat ta’ deċiżjoni valida f’kawża ċivili partikolari m’hemmx bżonn li jiġu ppruvati ripetutament meta jinstemgħu kawżi ċivili oħra li jinvolvu l-istess partijiet.

Deċiżjoni f’kawża kriminali torbot biss lil qorti li tkun qiegħda tisma’ kawża li tikkonċerna r-responsabbiltajiet ċivili tal-persuna li għaliha tapplika d-deċiżjoni kriminali fir-rigward ta’ l-okkorrenza ta’ l-att kriminali jew in-nuqqas ta’ azzjoni u jekk kienx imwettaq jew permess mill-istess persuna.

FuqFuq

Il-fatti li huma meqjusa bħala stabbiliti skond il-leġiżlazzjoni m’hemmx bżonn li jiġu ppruvati. Din l-assunzjoni tista’ tiġi kkontestata taħt il-proċeduri ġenerali.

Parti m’għandhiex għalfejn tipprova fatti li ma jkunux ġew ikkontestati mill-parti opposta taħt l-Att dwar il-Proċeduri Ċivili.

2. X’rekwiżiti huma stabbiliti għall-piż ta’ l-evidenza (rekwiżiti ta’ l-evidenza)?

Il-valutazzjoni tal-qorti ta’ l-evidenza hija bbażata fuq l-integrità, il-kompletezza u l-verifikazzjoni oġġettiva ta’ l-evidenza valutata matul is-seduti tal-qorti skond l-għarfien legali bbażat fuq ir-regoli tal-loġika, il-konklużjonijiet xjentifiċi u l-osservazzjonijiet miksuba mill-esperjenza. Fid-deċiżjoni tagħha l-qorti għandha tispjega għaliex biċċa evidenza partikolari ngħatat priorità fuq oħra u għaliex qieset li ċerti fatti ġew ippruvati imma oħrajn le.

II. It-teħid ta’ l-evidenza

3. L-evidenza li l-qorti tieħu mingħajr ma tkun mitluba minn waħda mill-partijiet

L-Att dwar il-Proċeduri Ċivili jistabbilixxi li l-partijiet huma responsabbli li jissottomettu l-evidenza, imma l-Att jipprovdi għal ċerti każijiet fejn il-qorti tista’ titlob l-evidenza fuq inizjattiva tagħha stess (pereżempju fejn l-iġġudikar jinvolvi l-interessi tat-tfal). Jekk il-qorti tqis li ma ġiet sottomessa l-ebda evidenza fir-rigward ta’ ċerti fatti li fuqhom waħda mill-partijiet tkun qiegħda tibbaża t-talbiet jew id-difiża tagħha, il-partijiet jiġu infurmati b’dan u fejn ikun meħtieġ jiġi ffissat perjodu ta’ żmien biex jinġieb din l-evidenza.

FuqFuq

4. Kif tiġi introdotta l-evidenza fil-kawża?

a) Kif tiġi introdotta l-evidenza fil-kawża

L-evidenza bil-miktub u materjali tiġi sottomessa lill-qorti mill-partijiet fil-kawża. Fejn parti tagħmel referenza għal evidenza verbali l-qorti tistieden lix-xhieda indikati mill-partijiet għal seduta tal-qorti biex tisma’ x-xiehda tagħhom.

b) F’liema każijiet tista’ l-qorti tirrifjuta l-evidenza?

Il-qorti tippermetti biss evidenza stabbilita mil-liġi u li hi ta’ relevanza għall-kawża. Il-qorti tista’ tirrifjuta li taċċetta evidenza sottomessa aktar tard minn sebat ijiem qabel is-smigħ tal-qorti, sakemm l-imħallef ma jistabbilixxix perjodu differenti li fih l-evidenza għandha tiġi sottomessa. Matul is-smigħ tal-kawża l-evidenza tista’ tiġi sottomessa fuq it-talba motivata ta’ parti fil-kawża jew ta’ parteċipant fil-kawża fejn dan ma jtellifx is-smigħ, jekk il-qorti tkun aċċettat ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ l-evidenza fil-ħin, jew fejn l-evidenza tkun relatata ma’ fatti li rriżultaw matul il-kors tas-smigħ.

Id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda bbażati fuq informazzjoni ta’ sors mhux magħruf jew informazzjoni pprovduta minn persuni oħra fejn dawn il-persuni ma jkunux ġew mistoqsija ma jistgħux jiġu użati bħala evidenza.

5.

a) X’inhuma l-mezzi varji ta’ evidenza?

  1. Dikjarazzjonijiet mill-partijiet u terzi persuni li jinkludu informazzjoni dwar il-fatti li fuqhom it-talbiet jew id-difiża tagħhom ikunu bbażati huma meqjusa evidenza fejn dawn ikunu kkonfermati permezz ta' evidenza oħra eżaminata u valutata fil-qorti;
  2. xiehda mix-xhieda u l-esperti;
  3. evidenza bil-miktub - dokumenti jew testi oħra li fihom informazzjoni dwar fatti li huma relevanti għall-kawża hija rrekordjata permezz ta' ittri, ċifri u simboli miktuba oħra jew bl-użu ta' mezzi tekniċi oħra, u kwalunkwe mezzi ta' rrekordjar korrispondenti (tejps ta' l-awdjo jew tal-vidjo, diski eċċ);
  4. evidenza materjali.

b) Id-differenza bejn dikjarazzjoni ta’ xhud espert u opinjoni bil-miktub ta’ espert

M’hemm l-ebda differenza sostanzjali peress li xiehda pprovduta minn esperti hija evidenza u dikjarazzjonijiet bil-miktub mill-esperti huma meqjusa evidenza wkoll.

FuqFuq

c) Ċerta evidenza għandha aktar piż bħala evidenza minn evidenza oħra?

L-ebda evidenza m’għandha sinifikanza predeterminata safejn hija kkonċernata l-qorti, imma fid-deċiżjoni tagħha l-qorti għandha tispjega għaliex ċerta biċċa evidenza ngħatat priorità fuq oħra u għaliex qieset li ċerti fatti ġew ippruvati imma oħrajn le.

d) Hemm regoli li jgħidu li ċerti ċirkostanzi jeħtieġu ċerti tipi ta’ evidenza?

Iva. Fatti li skond il-leġiżlazzjoni jistgħu jiġu ppruvati biss permezz ta’ ċerti mezzi ta’ evidenza ma jistgħux jiġu ppruvati bl-użu ta’ kwalunkwe mezzi oħra ta’ evidenza.

6.

a) Ix-xhieda għandhom obbligazzjoni legali li jixhdu?

Xhud li jiġi mħarrek biex jidher il-qorti ma jistax jirrifjuta li jipprovdi l-evidenza barra fejn speċifikat taħt il-leġiżlazzjoni.

b) F’liema każijiet jista’ xhud jirrifjuta li jixhed?

  1. Qraba f'linja diretta ta' parti fil-kawża, qraba fl-ewwel u t-tieni grad kollaterali, konjuġi u qraba fl-ewwel grad biż-żwieġ u membri tal-familja tal-partijiet.
  2. Gwardjani u kuraturi tal-partijiet u kwalunkwe persuni taħt tutela jew kustodja tal-partijiet.
  3. Persuni li huma involuti f'tilwima legali differenti ma' waħda mill-partijiet.

c) Liema sanzjonijiet jittieħdu kontra xi ħadd li jirrifjuta li jixhed?

Xhud li għandu mill-inqas 14-il sena u jirrifjuta li jixhed għal raġunijiet li jitqiesu bħala invalidi mill-qorti jew li intenzjonalment jagħti xiehda falza huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali.

FuqFuq

Fejn xhud jonqos milli jidher fil-qorti wara li jirċievi taħrika mill-qorti jew mingħand imħallef u ma jkunx jista’ jiġġustifika għaliex ma jkunx deher, il-qorti hija intitolata li timponi multa sa LVL 40 jew li tisforza lix-xhud li jidher il-qorti.

d) Persuni li ma jistgħux jixhdu

  1. Membri tal-kleru fir-rigward ta' ċirkostanzi li jkunu saru konxji minnhom matul il-kors ta' qrara u persuni li, f'konnessjoni mal-professjoni jew il-kariga tagħhom, m'humiex intitolati li jikxfu informazzjoni li jkunu ġew fdati biha, fir-rigward ta' din l-informazzjoni;
  2. minorenni fir-rigward ta' ċirkostanzi li jinvolvu evidenza kontra l-ġenituri tagħhom, in-nanniet tagħhom jew ħuthom;
  3. persuni li minħabba inkapaċità fiżika jew mentali ma jkunux jistgħu jipperċepixxu ċ-ċirkostanzi li huma ta' sinifikat għall-kawża b'mod xieraq;
  4. tfal sa l-età ta' seba' snin.

7. Kif jiġu eżaminati x-xhieda? Tista’ tingħata l-evidenza permezz ta’ konferenza vidjow?

Persuni mħarrka bħala xhieda għandhom jidhru fil-qorti u għandhom jipprovdu xiehda onesta relatata maċ-ċirkostanzi li huma jafu bihom. Ix-xhieda għandhom jirrispondu għall-mistoqsijiet magħmula mill-qorti u mill-parteċipanti fil-kawża. Il-qorti tista’ tistaqsi xhud in situ jekk ix-xhud ma jkunx jista’ jidher il-qorti kif imħarrek għal raġunijiet ta’ mard, anzjanità jew diżabbiltà, jew għal raġunijiet validi oħra. Il-proċedura speċifika għall-eżaminazzjoni tax-xhieda permezz ta' konferenza vidjow mhijiex stabbilita fil-leġiżlazzjoni.

FuqFuq

III. Il-piż ta’ l-evidenza

8. Fejn l-evidenza ma tkunx inkisbet legalment minn parti, hemm restrizzjonijiet fuq il-qorti biex tasal għas-sentenza tagħha?

Il-fatt li l-evidenza ma tkunx inkisbet legalment għandu jiġi ppruvat mill-parti li tikkontesta l-biċċa ta’ evidenza kkonċernata. Din il-parti għandha tiftaħ kawża separata biex tikkontesta l-evidenza. Parti fil-kawża tista’ wkoll tissottometti rikors motivat fejn tiddikjara li evidenza bil-miktub tkun ġiet iffalsifikata. Il-persuna li tissottometti din it-talba tista’ titlob lill-qorti li teskludi l-evidenza kkonċernata u tinnotifika lill-prosekutur pubbliku dwar il-falsifikazzjoni. Il-qorti tista’ tqabbad speċjalist jew titlob aktar evidenza biex tivverifika rikors relatat ma’ evidenza bil-miktub iffalsifikata. Madankollu, jekk il-qorti ssib li l-parteċipant ressaq it-tilwima mingħajr ġustifikazzjoni tista’ timponi multa.

9. Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala evidenza?

Dikjarazzjonijiet mill-partijiet u persuni terzi li jinkludu informazzjoni dwar fatti li fuqhom huma bbażati t-talbiet jew id-difiża tagħhom huma meqjusa evidenza fejn dawn ikunu kkonfermati permezz ta’ evidenza oħra eżaminata u valutata fil-qorti. Fejn parti tirrikonoxxi fatti li fuqhom il-parti opposta tkun qiegħda tibbaża t-talbiet jew id-difiża tagħha l-qorti tirrikonoxxi dawn il-fatti bħala ppruvati jekk ma jkollha l-ebda dubju li dan ir-rikonoxximent ma jkunx riżultat ta’ frodi, vjolenza, theddid jew qerq jew li ma jkunx qiegħed jintuża biex titgħatta l-verità.

« Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza - Informazzjoni Ġenerali | Latvja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 15-02-2008

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit