Kummissjoni Ewropea > NGE > Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza > Ungerija

L-aħħar aġġornament: 03-03-2008
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza - Ungerija

 

LISTA TAL- KONTENUT

I. L-oneru tal-prova I.
1.
a) X’inhuma r-regoli li jikkonċernaw l-oneru tal-prova? a)
b) Hemm regoli li jeżentaw ċerti fatti mill-oneru tal-prova? F’liema każijiet? Huwa possibbli li jiġu rribattuti dawn il-preżunzjonijiet billi jiġu prodotti l-provi? b)
2. Sa liema grad għandha tkun konvinta l-qorti b’fatt sabiex tibbaża s-sentenza tagħha fuq l-eżistenza ta’ dak il-fatt? 2.
II. Il-ġbir tal-provi II.
3. Il-ġbir tal-provi dejjem jeħtieġ ir-rikors ta’ parti, jew l-imħallef jista’ f’ċerti każijiet jiġbor il-provi fuq inizjattiva tiegħu stess ukoll? 3.
4.
a) Jekk ir-rikors ta’ parti dwar il-ġbir ta’ provi jkun approvat, liema passi jsegwu? a)
b) F’liema każijiet il-qorti tista’ tirrifjuta rikors ta’ parti biex tinkiseb prova? b)
5.
a) X’mezzi ta’ prova differenti hemm? a)
b) X’inhuma l-metodi tal-ksib tal-provi mingħand ix-xhieda u dawn huma differenti mill-mezzi użati biex jinkisbu l-provi mingħand xhieda esperti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u rapporti/opinjonijiet ta’ l-esperti? b)
c) Ċerti metodi ta’ prova jġorru aktar piż minn oħrajn? c)
d) Sabiex jiġu ppruvati ċerti fatti, ċerti metodi ta’ prova huma obbligatorji? d)
6.
a) Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu? a)
b) F’liema każijiet jistgħu jirrifjutaw li jixhdu? b)
c) Tista’ persuna li tirrifjuta li tixhed tiġi ppenalizzata jew sfurzata li tixhed? c)
d) Hemm persuni li mingħandhom ma tistax tinkiseb xiehda? d)
7. X’inhu r-rwol ta’ l-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? Taħt liema kondizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ teknoloġija ġdida bħat-televiżjoni jew vidjokonferenzi? 7.
III. Il-valutazzjoni tal-prova III.
8. Fejn il-prova ma tkunx inkisbet legalment minn parti, hemm xi restrizzjonijiet fuq il-qorti sabiex tasal biex tagħti s-sentenza tagħha? 8.
9. Bħala parti fil-każ, id-dikjarazzjoni tiegħi stess tgħodd bħala prova? 9.

 

I. L-oneru tal-prova

1.

a) X’inhuma r-regoli li jikkonċernaw l-oneru tal-prova?

F’termini ġenerali, il-fatti neċessarji għal deċiżjoni fuq tilwima għandhom jiġu ppruvati mill-parti li jkun fl-interess tagħha li l-qorti taċċetahom bħala veri (l-oneru tal-prova). Il-qorti għandha tinforma lill-partijiet bil-firxa ta’ fatti li għandhom jiġu ppruvati.

Il-mistoqsija dwar liema parti għandha tipprova x’hiex f’każ partikolari jiddependi fuq is-suġġett tal-każ, ir-regolamenti legali sostantivi kkonċernati, eċċ., imma peress li l-qorti dejjem għandha tinforma lill-partijiet bil-fatti li għandhom jiġu ppruvati, il-falliment tal-kawża minħabba nuqqas ta’ informazzjoni huwa eskluż.

Jekk fatt jew ċirkostanza essenzjali (relevanti) tibqa’ mhux ippruvata, għandu/ha jiġi/tiġi valutat/a bi żvantaġġ tal-parti li jkun fl-interess tagħha li l-qorti taċċettah/a bħala veru. Madankollu, l-oneru tal-prova mhuwiex biss aspett ta’ l-obbligazzjoni tal-prova. Il-qorti tista’ titlob lill-parti l-oħra biex tforni prova (eż. li ċċedi dokument li jkun fil-pussess tagħhom) u, f’ċerti każijiet speċjali, il-qorti tista’ tiġbor il-provi ex officio.

Fejn hija kkonċernata l-"kwalità" tal-prova, il-qorti għandu jkollha ċertezza assoluta dwar il-fatti li huma essenzjali (relevanti) għal deċiżjoni dwar tilwima. Jekk iċ-ċertezza assoluta ma tistax tintlaħaq, taħt ir-regoli ta’ l-oneru tal-prova il-kawża tfalli.

FuqFuq

b) Hemm regoli li jeżentaw ċerti fatti mill-oneru tal-prova? F’liema każijiet? Huwa possibbli li jiġu rribattuti dawn il-preżunzjonijiet billi jiġu prodotti l-provi?

Fuq il-bażi ta' ammissjoni mill-parti opposta, dikjarazzjoni identika miż-żewġ partijiet jew dikjarazzjoni minn wieħed mill-partijiet li mhijiex ikkontestata mill-parti opposta minkejja twissija tal-qorti, il-qorti tista' taċċetta l-fatti bħala li huma veri jekk ma jkollhiex dubji dwarhom. Il-qorti tista' taċċetta fatti li hija tqies li huma magħrufa pubblikament bħala veri. L-istess japplika għall-fatti li l-qorti jkollha għarfien uffiċjali dwarhom; il-qorti tqis dawn il-fatti anke jekk il-partijiet ma jkunux għamlu referenza għalihom. Madankollu, matul il-kawża l-qorti għandha tagħti parir lill-partijiet dwar dawn il-fatti. Naturalment, anke l-fatti enumerati jistgħu jiġu appellati, u l-qorti nnifisha mhijiex obbligata li taċċettahom jekk ikollha dubji dwar il-veraċità tagħhom.

Ċerti regolamenti legali jirregolaw preżunzjonijiet oħra wkoll (il-preżunzjoni tal-paternità, il-preżunzjoni tad-data tal-konċepiment, il-preżunzjoni tal-kunsinna, il-preżunzjoni tal-mewt ta' persuna ddikjarata mejta, eċċ.). B'mod ġenerali, il-preżunzjonijiet jistgħu jiġu rribattuti, jiġifieri huma għandhom jiġu aċċettati bħala veri sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju. Madankollu, hemm ukoll preżunzjonijiet konklużivi (eż l-minorenni kollha taħt l-età ta' 14-il sena huma inkapaċi) li ma jippermettux prova tal-kuntrarju.

2. Sa liema grad għandha tkun konvinta l-qorti b’fatt sabiex tibbaża s-sentenza tagħha fuq l-eżistenza ta’ dak il-fatt?

Il-qorti għandu jkollha ċertezza assoluta dwar il-fatti prinċipali li fuqhom tibbaża s-sentenza tagħha. Livell għoli ta’ ċertezza mhuwiex biżżejjed biex jiġi żgurat li sentenza tkun motivata tajjeb.

FuqFuq

II. Il-ġbir tal-provi

3. Il-ġbir tal-provi dejjem jeħtieġ ir-rikors ta’ parti, jew l-imħallef jista’ f’ċerti każijiet jiġbor il-provi fuq inizjattiva tiegħu stess ukoll?

Bħala regola ġenerali, il-qorti tordna l-ġbir ta' provi fuq talba tal-partijiet. Il-qorti tista’ tordna li tinġieb prova mingħajr talba tal-partijiet jekk il-liġi tippermettiha. Din ir-regola ta’ eċċezzjoni tfisser li l-qorti tista’ tippreżenta l-provi ex officio f’każijiet speċjali biss, tipikament f’każijiet straordinarji (eż. l-istatus ċivili).

4.

a) Jekk ir-rikors ta’ parti dwar il-ġbir ta’ provi jkun approvat, liema passi jsegwu?

Il-qorti tordna l-ġbir ta’ provi fuq il-bażi ta’ talba minn wieħed mill-partijiet. Il-passi li jsegwu jiddependu fuq liema strumenti ta’ prova huma ordnati mill-qorti: f’każ ta’ xhieda hija tordna l-attendenza tax-xhud, fil-każ ta’ opinjoni ta’ espert hija taħtar l-espert, eċċ.

b) F’liema każijiet il-qorti tista’ tirrifjuta rikors ta’ parti biex tinkiseb prova?

Il-qorti mhijiex marbuta minn kwalunkwe talba jew deċiżjoni li tordna li tinġieb prova. Il-qorti toqgħod lura milli timplimenta ordni biex tiġi meħuda (jew tiġi supplimentata jew tiġi mtennija) prova jekk il-prova ma tkunx neċessarja għall-iskop ta' l-iġġudikar tat-tilwima. Sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor mil-liġi, il-qorti ma tistax tordna li tinġieb prova jekk il-parti, għal raġunijiet attribwibbli għalih/a, jissottometti/tissottometti l-mozzjoni tard jew b'mod li huwa inkompatibbli mal-proċess tal-kawża b'bona fidi.

FuqFuq

Mhuwiex speċifikat eżattament f'liema ċirkostanzi l-qorti għandha tirrifjuta talba tal-partijiet biex iġibu l-provi. Bażikament, il-qorti għandha tipprova tevita t-tul ta' żmien żejjed tal-kawżi u għandha tirrifjuta talba biex jinġiebu provi jekk tkun inammissibbli b'mod ovvju. Deċiżjoni fuq talba biex jinġiebu provi ma tistax tiġi appellata separatament imma tista' tiġi kkontestata f'appell kontra d-deċiżjoni fuq il-mertu.

5.

a) X’mezzi ta’ prova differenti hemm?

Skond il-prinċipju tal-libertà tal-provi, il-liġi ma tistabbilixxix regoli speċifiċi dwar il-mezzi possibbli ta’ prova imma minflok tagħti eżempji, eż. xhieda, opinjonijiet ta’ l-esperti, reviżjonijiet, dokumenti u provi materjali oħra. Id-dikjarazzjonijiet maħlufa biss huma esklużi mill-mezzi possibbli ta’ prova; kull ħaġa oħra hija aċċettabbli.

Skond il-prinċipju tal-prova diretta, il-qorti tista’ tqis kull att tal-partijiet – anke s-silenzju – bħala prova.

b) X’inhuma l-metodi tal-ksib tal-provi mingħand ix-xhieda u dawn huma differenti mill-mezzi użati biex jinkisbu l-provi mingħand xhieda esperti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u rapporti/opinjonijiet ta’ l-esperti?

Ix-xiehda tinkiseb permezz tas-smigħ tax-xhieda. Ix-xhieda ma’ jistgħux jixhdu bil-miktub. Ix-xiehda għandha tiġi rrekordjata quddiem il-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-kawża; biss f’każijiet eċċezzjonali jistgħu x-xhieda jinstemgħu f’darhom jew fejn joqgħodu (eż. jekk ix-xhud ikun anzjan ħafna, marid, għandu diżabilità fiżika, eċċ.). Il-qorti lokali li x-xhud ikun joqgħod fil-ġuriżdizzjoni tagħha tista’ wkoll tiġi kkuntattjata sabiex tittieħed il-prova.

FuqFuq

Espert jista’ jagħmel id-depożizzjoni tiegħu verbalment jew bil-miktub: jekk iwettaq l-investigazzjoni quddiem il-qorti u jkun jista’ jirrispondi immedjatament għall-mistoqsijiet impoġġija lilu, huwa jissottometti l-provi tiegħu verbalment, inkella jagħmel hekk bil-miktub jew, jekk ikun stabbilit limitu ta’ żmien, verbalment. Il-qorti tistabbilixxi limitu ta’ żmien xieraq għas-sottomissjoni tad-depożizzjoni bil-miktub ta’ l-espert.

Wara li x-xiehda jew id-depożizzjoni tiġi introdotta, il-qorti tista’ tagħmel il-mistoqsijiet kemm lix-xhud kif ukoll lill-espert u l-partijiet jistgħu jibdew bil-mistoqsijiet.

c) Ċerti metodi ta’ prova jġorru aktar piż minn oħrajn?

Skond il-prinċipju tal-libertà tal-prova, il-piż li jingħata lil biċċiet differenti ta' prova mhux predeterminat. Il-qorti tistabbilixxi l-fatti billi tikkompara l-biċċiet ta' prova sottomessi mill-partijiet u oħrajn matul il-proċeduri tal-ġbir tal-provi; tiżen il-provi f'daqqa u tagħti s-sentenza skond il-konvinzjoni tagħha.

Is-sistema legali Ungeriża ma tirreferix għal valur tal-prova akbar anke fil-każ ta' dokumenti pubbliċi jew dokumenti privati b'saħħa ta' prova sħiħa; imma, il-liġi tgħaqqad preżunzjoni ribattibbli ma' ċertu tipi ta' dokument fejn il-kontenut tad-dokumenti partikolari għandu jiġi aċċettat bħala veru sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju.

Taħt il-liġi, dokument fuq il-karta jew dokument elettroniku maħruġ bħala dokument pubbliku minn qorti, nutar pubbliku jew awtorità oħra jew aġenzija ta' l-amministrazzjoni pubblika fil-qasam tal-kompetenza tagħha u f'forma speċifika jikkonferma b'mod sħiħ il-miżura jew id-deċiżjoni u l-preċiżjoni tad-data u tal-fatti kontenuti fih, flimkien ma' l-eżistenza tad-dikjarazzjonijiet li fih u d-data u l-manjiera tad-dikjarazzjonijiet. Dokument dikjarat dokument pubbliku minn regolament legali ieħor għandu l-istess saħħa ta' prova.

FuqFuq

L-irreġistrar magħmul - normalment b'mezzi tekniċi jew kimiċi - ta' dokument pubbliku (ritratt, film, reġistrazzjoni awdjo, eċċ.) jew dokument magħmul mid-dokument oriġinali fuq kwalunkwe mezz ta' data għandu l-istess saħħa ta' prova daqs id-dokument pubbliku oriġinali bbażat fuq il-karta jekk l-irreġistrar jew id-dokument mill-mezz tad-data jsir minn qorti, nutar pubbliku, awtorità oħra, aġenzija ta' l-amministrazzjoni pubblika jew enti oħra taħt l-awtorità ta' dawn il-korpi. L-irreġistrar jew dokument magħmul minn jew taħt l-awtorità tal-korp maħtur biex jaħżen id-dokument (eż. l-arkivji) u dokument magħmul mill-awtorità ta' ħruġ jew minn korp maħtur għall-kustodja tad-dokument fuq il-bażi tad-data miksuba mill-mezz tad-data għandha wkoll l-istess saħħa ta' prova.

Dokument elettroniku magħmul minn dokument pubbliku mill-enti awtorizzata li toħroġ id-dokument pubbliku kkonċernat fi ħdan il-qasam ta' kompetenza tagħha u f'forma speċifika, li fuqu ssir firma kwalifikata u, jekk ikun provdut mil-liġi, timbru tal-ħin, għandu l-istess saħħa ta' prova daqs id-dokument pubbliku oriġinali bbażat fuq il-karta jew elettroniku. Dokument elettroniku magħmul skond proċedura speċifikata f'regolament legali separat mill-enti awtorizzata li toħroġ id-dokument pubbliku kkonċernat u dokument li huwa kkwalifikat mil-liġi bħala dokument pubbliku elettroniku għandhom l-istess saħħa ta' prova daqs id-dokument pubbliku oriġinali.

Dokument (inkluż dokument elettroniku) magħmul minn dokument privat mill-enti awtorizzata li toħroġ dokumenti pubbliċi fi ħdan il-qasam tal-kompetenza tagħha f'forma speċifikata jikkonferma b'mod sħiħ li l-kontenut tad-dokument kkonċernat jaqbel ma' dak tad-dokument oriġinali. F'każ ta' dokument elettroniku, din is-saħħa ta' prova hija suġġetta wkoll għar-rekwiżit li l-enti awtorizzata li toħroġ id-dokument pubbliku tipprovdi d-dokument b'firma elettronika kwalifikata u - jekk regolament legali jkun jipprovdi hekk - b'timbru tal-ħin, jew li hija tħejji d-dokument skond proċedura speċifikata f'regolament legali separat. Is-saħħa tal-prova ta' dokument magħmul minn dokument privat fil-forma ta' dokument pubbliku hija l-istess bħal dik tad-dokument oriġinali safejn huwa kkonċernat il-kontenut tad-dokument privat.

FuqFuq

Dawn ir-regoli huma applikabbli wkoll għal dokumenti pubbliċi minn barra, sakemm l-awtorità ta' rappreżentanza barranija ta' l-Ungerija kompetenti skond il-post tal-ħruġ tkun iċċertifikata. Fejn ikun hemm provvediment minn ftehim internazzjonali konkluż mill-istat Ungeriż, din it-tip ta' ċertifikazzjoni ma tkunx meħtieġa.

Il-kriterji li ġejjin għandhom jiġu ssodisfati sabiex dokumenti privati jkollhom saħħa ta' prova sħiħa:

  1. min joħroġ id-dokument ikun kiteb u ffirma d-dokument b'idejh/a;
  2. żewġ xhieda jiċċertifikaw li min joħroġ id-dokument ikun iffirma quddiemhom id-dokument li ma jkunx inkiteb personalment minnu/minnha jew li min joħroġ id-dokument irrikonoxxa quddiemhom il-firma fuq id-dokument bħala l-firma tiegħu/tagħha, billi jiffirmaw id-dokument. Il-post fejn joqgħodu (l-indirizz) tax-xhieda għandu jidher ukoll fuq id-dokument;
  3. il-firma jew l-inizjali ta' min joħroġ id-dokument ikunu ċċertifikati minn maġistrat jew nutar pubbliku;
  4. id-dokument maħruġ minn enti kummerċjali fir-rigward ta' l-attività kummerċjali tagħha jkun iffirmat kif suppost;
  5. billi jpoġġi l-firma regolari tiegħu/tagħha fuq id-dokument li huwa/hija ħejja/ħejjiet, l-avukat (il-konsulent legali) jiċċertifika/tiċċertifika li min joħroġ id-dokument ikun iffirma quddiemu/quddiemha d-dokument mhux magħmul personalment minn min joħroġ id-dokument, jew li min joħroġ id-dokument irrikonoxxa quddiemu/quddiemha l-firma fuq id-dokument bħala l-firma tiegħu/tagħha, jew li l-kontenut tad-dokument elettroniku li fih il-firma elettronika kwalifikata ta' min joħroġ id-dokument huwa identiku għal dak tad-dokument elettroniku magħmul mill-avukat;
  6. min joħroġ id-dokument ikun poġġa l-firma elettronika kwalifikata tiegħu/tagħha fuq id-dokument elettroniku.

L-irrekordjar ta' dokument maħruġ jew maħżun minn enti kummerċjali [l-Artikolu 195(2)] u kull dokument magħmul permezz ta' kwalunkwe strument ta' data jiċċertifika b'saħħa ta' prova sħiħa li l-kontenut tiegħu huwa identiku għal dak tad-dokument oriġinali jekk l-enti kummerċjali li tkun għamlet l-irrekordjar jew ħarġet jew ħażnet id-dokument tkun iċċertifikat kif dovut li l-irrekordjar jew id-dokument huwa identiku għall-oriġinal. Dokument elettroniku magħmul minn dokument maħruġ jew maħżun minn negozju jiċċertifika b'saħħa ta' prova sħiħa li l-kontenut tiegħu jaqbel ma' dak tad-dokument oriġinali jekk l-enti li tagħmel d-dokument elettroniku mid-dokument tkun poġġiet firma elettronika kwalifikata u, jekk regolament legali jkun jeħtieġ hekk, timbru tal-ħin, u jekk l-enti tkun ħejjiet id-dokument skond proċedura stabbilita f'regolament legali separat. Is-saħħa tal-prova ta' dokument magħmul minn dokument maħruġ jew salvagwardjat minn enti kummerċjali hija identika fil-kontenut għal dik tad-dokument oriġinali, filwaqt li fil-każ ta' dokument magħmul minn dokument pubbliku hija identika għad-dokument privat li jkollu saħħa ta' prova sħiħa.

FuqFuq

Jekk min joħroġ id-dokument ma jkunx jista' jaqra d-dokument jew ma jifhimx il-lingwa li biha d-dokument ikun ġie miktub, id-dokument ikollu saħħa ta' prova sħiħa biss jekk jindika b'mod ċar li l-kontenut tiegħu jkun ġie spjegat lil min joħroġ id-dokument minn wieħed mix-xhieda jew mill-persuna li tawtentikah.

d) Sabiex jiġu ppruvati ċerti fatti, ċerti metodi ta’ prova huma obbligatorji?

Ċerti dispożizzjonijiet statutorji speċjali jistgħu jistipulaw l-istrumenti ta’ prova li huma obbligatorji, eż. eżaminazzjoni minn espert tas-saħħa mentali ta’ persuna li għandha titpoġġa taħt tutela f’kawża għat-tutela.

6.

a) Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Iva.

b) F’liema każijiet jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Dawn li ġejjin jistgħu jirrifjutaw li jixhdu:

  1.  qarib ta' xi ħadd mill-partijiet [qarib ifisser qarib f'linja diretta, il-konjuġi ta' qarib fil-linja diretta, ġenitur adottiv, ġenitur fostering, wild adottata jew fostered, aħwa, konjuġi, għarus/a, sieħeb irreġistrat, qarib fil-linja diretta jew aħwa tal-konjuġi, u l-konjuġi ta' l-aħwa];
  2. persuna li fix-xiehda tiegħu jew tagħha jkun/tkun se jinkrimina/tinkrimina lilu/lilha nnifsu/nnifisha jew qarib bit-twettiq tar-reat kriminali;
  3. avukat, tabib jew kwalunkwe persuna oħra li hija marbuta bis-segretezza mill-professjoni tagħha jekk ix-xiehda tagħhom tfisser ksur ta' l-obbligazzjoni tas-segretezza tagħhom, sakemm il-parti kkonċernata ma teżentahomx minn dik l-obbligazzjoni;
  4. il-medjatur u l-espert fil-proċeduri ta' medjazzjoni relatati mat-tilwima.

Ix-xiehda ma tistax tiġi rrifjutata fil-punti (a) u (b) jekk:

FuqFuq

  1. il-kwistjoni tkun tikkonċerna tranżazzjoni legali li fiha x-xhud ikun diġà kkollabora bħala r-rappreżentant ta' wieħed mill-partijiet jew bħala xhud tat-tranżazzjoni, jew li fiha xi ħadd mill-partijiet kien ir-rappreżentant tax-xhud jew jekk fir-relazzjoni legali kkonċernata x-xhud kien il-predeċessur legali ta' wieħed mill-partijiet;
  2. il-kwistjoni tikkonċerna n-nisel, iż-żwieġ, il-ħajja jew il-mewt ta' membru tal-familja tax-xhud, il-kustodja ta' tifel/tifla fil-familja tax-xhud, l-infieq, jew id-drittijiet patrimonjali bbażati fuq ir-relazzjoni familjari tax-xhud.

c) Tista’ persuna li tirrifjuta li tixhed tiġi ppenalizzata jew sfurzata li tixhed?

Il-qorti tista' tordna lil dawn li ġejjin li jirrimborżaw l-ispejjeż li jkunu saru:

  1. xhud jew espert li ma jkunx deher quddiem il-qorti minkejja taħrika (ordni) valida u ma jkunx/tkunx iġġustifika/ġġustifikatx l-assenza tiegħu jew tagħha minn qabel b'raġuni fondata jew li jitlaq/titlaq mingħajr permess;
  2. xhud li jirrifjuta li jixhed jew li jikkoopera, jew espert li jirrifjuta li jagħmel dikjarazzjoni, mingħajr ma jagħti raġuni jew minkejja d-deċiżjoni finali tal-qorti u wara li jkun ġie mwissi bil-konsegwenzi;
  3. espert li, mingħajr ma jagħti raġuni fondata, idum biex jagħti/tagħti l-opinjoni tiegħu jew tagħha jew ma jinnotifikax/tinnotifikax lill-qorti b'dewmien mistenni fis-sottomissjoni tagħha qabel l-iskadenza tat-terminu ta' żmien.

Tista' wkoll timponi multa. Il-qorti tista' wkoll tordna l-preżenza obbligatorja tax-xhud jew l-espert assenti. L-ammont tal-multa huwa ta' massimu ta' HUF 500 000 u ma jistax jaqbeż il-valur tal-kawża kkonċernata.

FuqFuq

d) Hemm persuni li mingħandhom ma tistax tinkiseb xiehda?

Persuni li ma jistgħux jiġu mistennija li jagħtu xiehda preċiża minħabba diżabbiltà fiżika jew mentali ma jistgħux jinstemgħu bħala xhieda. Ix-xhieda li ma jkunux ġew eżentati mill-ħtieġa ta’ segretezza ma jiġux mistoqsija dwar kwistjonijiet li jikkwalifikaw bħala sigrieti ta’ l-istat jew tas-servizz jew li jaqgħu taħt l-obbligazzjoni tagħhom li jżommu sigrieti kummerċjali, sakemm taħt dispożizzjonijiet legali separati l-kwistjonijiet ikkonċernati ma jkunux jikkwalifikaw bħala sigrieti kummerċjali. Ix-xiehda ta’ xhieda li jiġu interrogati minkejja dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax titqies bħala prova.

7. X’inhu r-rwol ta’ l-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? Taħt liema kondizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ teknoloġija ġdida bħat-televiżjoni jew vidjokonferenzi?

Il-qorti tagħmel il-mistoqsijiet lix-xhud. Il-partijiet jistgħu jibdew il-mistoqsijiet u l-qorti tista’ tħallihom jagħmlu l-mistoqsijiet direttament lix-xhud.

Xhud jista’ jiġi interrogat quddiem il-qorti jew quddiem qorti lokali oħra jekk hu/hi joqgħod/toqgħod aktar qribha jew jekk ikun aktar prattiku għal xi raġuni oħra. F’każijiet eċċezzjonali (jekk ix-xhud huwa anzjan ħafna, marid, għandu diżabbiltà fiżika, eċċ.) ix-xhud jista’ jinstema’ f’daru jew fir-residenza tiegħu.

III. Il-valutazzjoni tal-prova

8. Fejn il-prova ma tkunx inkisbet legalment minn parti, hemm xi restrizzjonijiet fuq il-qorti sabiex tasal biex tagħti s-sentenza tagħha?

Peress li l-prinċipju tal-libertà tal-prova japplika fl-Ungerija, m’hemmx dispożizzjonijiet espliċiti dwar kif jinkisbu l-provi. Madankollu, biex ma jiġix inkoraġġat l-ksur mhux imrażżan tal-liġi, il-qorti ma tqisx biċċiet ta’ prova miksuba bi ksur serju tal-liġi (eż. ix-xiehda ta’ persuna li ma tistax tkun xhud).

9. Bħala parti fil-każ, id-dikjarazzjoni tiegħi stess tgħodd bħala prova?

Isegwi wkoll mill-prinċipju tal-prova libera u diretta li l-qorti tqis kull att jew ommissjoni fil-proċeduri (dikjarazzjoni, silenzju, assenza, nuqqas ta’ memorja, eċċ.) bħala prova. Madankollu, peress li l-parti mhijiex marbuta (bħalma huwa x-xhud) li tgħid il-verità, il-qorti tqis l-atti tal-parti flimkien maċ-ċirkostanzi kollha tal-każ biex tasal għas-sentenza skond il-konvinzjoni tagħha.

« Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza - Informazzjoni Ġenerali | Ungerija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 03-03-2008

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit