Kummissjoni Ewropea > NGE > Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza > Ġermanja

L-aħħar aġġornament: 19-10-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza - Ġermanja

 

LISTA TAL- KONTENUT

I. L-oneru tal-prova I.
1.
a) X’inhuma r-regoli li jikkonċernaw l-oneru tal-prova? a)
b) Hemm regoli li jeżentaw lil ċerti fatti, f’ċerti ċirkostanzi, mill-oneru tal-prova? Huwa possibbli li dawn il-preżunzjonijiet jingħelbu bi provi? b)
2. Sa liema punt il-qorti trid tkun konvinta minn fatt sabiex tibbaża s-sentenza tagħha fuq l-eżistenza ta’ dak il-fatt? 2.
II. Il-ġbir tal-provi II.
3. Il-ġbir tal-provi dejjem jeħtieġ it-talba ta’ parti, jew f’ċerti każi l-imħallef jista’ jiġbor il-provi minn jeddu? 3.
4.
a) Jekk it-talba ta’ parti li tikkonċerna l-ġbir ta’ provi tintlaqa', x’jiġri wara dan? a)
b) F’liema każi, il-qorti tista’ tiċħad talba ta’ parti sabiex tikseb provi? b)
5.
a) X’mezzi differenti ta’ prova hemm? a)
b) X’inhuma l-metodi sabiex issir prova mix-xhieda u dawn huma differenti mill-mezzi li jintużaw sabiex issir prova minn xhieda esperti? X’inhuma r-regoli b’relazzjoni mal-preżentazzjoni ta’ provi u ta’ rapporti/opinjonijiet ta’ esperti bil-miktub? b)
c) Ċerti metodi ta’ prova huma aktar b’saħħithom minn oħrajn? c)
d) Sabiex ikunu ppruvati ċerti fatti, ċerti metodi ta’ prova huma obbligatorji? d)
6.
a) Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu? a)
b) F’liema każi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu? b)
c) Tista' persuna li tirrifjuta li tixhed tiġi sanzjonata jew imġiegħla tixhed? c)
d) Hemm persuni oħra li mingħandhom ma jistgħux jinkisbu provi? d)
7. X’inhu r-rwol ta’ l-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? F’liema kundizzjonijiet xhud jista’ jinstema’ permezz ta’ teknoloġija ġdida bħat-televiżjoni jew konferenza bil-vidjo? 7.
III. L-evalwazzjoni tal-provi III.
8. Fejn il-provi ma jkunux miksuba legalment minn parti, ikun hemm restrizzjonijiet fuq il-qorti fil-konklużjoni tad-deċiżjoni tagħha? 8.
9. Bħala parti f’kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova? 9.

 

I. L-oneru tal-prova

1.

a) X’inhuma r-regoli li jikkonċernaw l-oneru tal-prova?

(Fuq liema parti jistrieħ l-oneru tal-prova u għalxiex iridu jiġu provduti l-provi? X'inhuma l-konsegwenzi jekk ma jkunux jistgħu jiġu solvuti d-dubji dwar fatt?)

Ir-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova huma bbażati fuq ir-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni tat-talbiet min-naħa tal-partijiet fil-kawża, jiġifieri l-liġi sostantiva. Il-prinċipju ġenerali huwa li l-partijiet kollha jridu jippruvaw il-fatti favur tagħhom. Il-liġi tinkludi wkoll xi regoli espliċiti li jirregolaw l-oneru tal-prova.

Jekk ikun għad hemm dubju dwar punt essenzjali wara li jkunu ġew eżawriti l-mezzi kollha proċeduralment ammissibbli għall-ġbir tal-provi, trid tittieħed deċiżjoni sabiex ikun iddeterminat liema parti trid tipprova l-fatti li ma setgħux jiġu ppruvati.

b) Hemm regoli li jeżentaw lil ċerti fatti, f’ċerti ċirkostanzi, mill-oneru tal-prova? Huwa possibbli li dawn il-preżunzjonijiet jingħelbu bi provi?

Skond il-liġi Ġermaniża, l-eżenzjoni ta' ċerti fatti mill-oneru tal-prova tieħu l-forma ta' inverżjoni ta' l-oneru tal-prova mill-parti li fuqha jistrieħ l-oneru tal-prova għall-parti kontradittriċi jew li jiġi rrilassat ir-rekwiżit li jkunu provduti l-provi fir-rigward tal-parti li fuqha jaqa' l-oneru tal-prova.

  1. L-inverżjoni ta' l-oneru tal-prova

    L-oneru tal-prova jiġi invertit mill-parti li fuqha jaqa' normalment għall-parti kontradittriċi. F'uħud mill-każi, fil-qasam legali, din hija magħrufa bħala r-relazzjoni 'regola-eċċezzjoni'. L-oneru tal-prova mbagħad jaqa' fuq il-parti li tinvoka l-eċċezzjoni. Skond l-Artikoli 932(1)(1), 892(1)(1) u 2366 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż, pereżempju, il-leġiżlatur jassumi l-bona fidi tax-xerrej. L-inverżjoni ta' l-oneru tal-prova huwa partikolarment sinifikanti f'każi li jinvolvu responsabbiltà skond il-liġi dwar prestazzjoni difettuża, fejn id-debitur (il-konvenut) irid jipprova li mhux responsabbli għan-nuqqas ta' konformità ma' obbligu taħt l-Artikolu 280(1)(2) tal-Kodiċi Ċivili.

    FuqFuq

  2. Ir-rilassament ta' l-oneru tal-prova
    1. Il-preżunzjonijiet statutarji huma rilassament għall-parti li fuqha jaqa' l-oneru tal-prova peress li din ta' l-aħħar sempliċement trid turi u tipprova l-fatti li fuqhom hija bbażata l-preżunzjoni (l-Artikolu 292 taz-ZPO (il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili)). Il-preżunzjonijiet statutarji jistgħu japplikaw għal fatti bħall-preżunzjoni li ċertifikat ta' ipoteka jiġi trasferit lill-kreditur minħabba l-pussess taċ-ċertifikat (l-Artikolu 1117(3) tal-Kodiċi Ċivili). Dawn jistgħu jkunu relatati wkoll ma' drittijiet bħall-preżunzjoni li d-detentur taċ-ċertifikat tal-wirt jkollu l-istatus ta' werriet (l-Artikolu 2365 tal-Kodiċi Ċivili).

      Fil-prinċipju, il-preżunzjonijiet legali jistgħu jiġu ribattuti skond l-Artikolu 292 taz-ZPO, sakemm ma tapplika l-ebda dispożizzjoni legali oħra.

    2. Il-preżunzjonijiet statutarji huma paragunabbli a priori ma' preżunzjonijiet effettivi li fuqhom ikunu bbażati l-provi prima facie. Il-provi prima facie isiru meta fatt li għandu jiġi ppruvat ikun okkorrenza tipika fl-andament normali ta' l-avvenimenti fejn jitqiesu ċ-ċirkostanzi mhux ikkontestati u stabbiliti kollha tal-każ. B'mod partikolari, il-provi prima facie jistgħu jintużaw biex ikunu stabbiliti l-kawżalità u r-responsabbiltà, eż., ir-responsabbiltà meta karozza tinsaq f'siġra.

      Il-parti kontradittriċi tista' timpunja l-preżunzjoni fuq il-bażi tal-fatti li jitfgħu dubju serju fuq jekk tkunx involuta okkorrenza tipika.

    3. Il-ġurisprudenza qiegħda dejjem aktar tiddefinixxi l-oneru tal-prova skond qasam speċifiku ta' riskju minħabba l-ekwità u l-ibbilanċjar ġust ta' l-interessi. L-aktar eżempji sinifikanti huma:
Ir-responsabbiltà li tirriżulta minn prodotti difettużi (l-Artikolu 823(1) tal-Kodiċi Ċivili)

L-oneru tal-prova li jkun relatat ma' prodotti difettużi, mal-ksur ta' drittijiet legali u mar-relazzjoni kawżali bejn it-tnejn jaqa' fuq min jagħmel l-ilment, filwaqt li l-manifattur irid jipprova li ma kienx hemm ħtija.

FuqFuq

Ir-responsabbiltà medika

F'dan il-każ, ir-rilassamenti ta' l-oneru tal-prova jistgħu jinkludu l-inverżjoni ta' l-oneru tal-prova minħabba dokumentazzjoni medika inadegwata jew inkorretta (rapporti dwar operazzjonijiet u fajls tal-pazjenti). Fil-każ ta' żball mediku serju, dak li għandu jipprova min jagħmel l-ilment huwa li dan seta' jikkawża l-allegata ħsara. Jekk jeħtieġ li tiġi stabbilita l-kawżalità effettiva, ir-rilassament ta' l-oneru tal-prova għal min jagħmel l-ilment jista' jinkludi l-inverżjoni ta' l-oneru fuq it-tabib.

L-obbligi ta' kjarifika u ta' parir

Jekk ma jiġux sodisfatti obbligi speċjali ta' kjarifika kuntrattwali, informazzjoni u konsultazzjoni, it-trasgressur irid jipprova li d-dannu kien isir anki li kieku aġixxa skond l-obbligi tiegħu. Ikun hemm preżunzjoni li l-parti leża tkun aġġixxiet skond l-informazzjoni provduta.

2. Sa liema punt il-qorti trid tkun konvinta minn fatt sabiex tibbaża s-sentenza tagħha fuq l-eżistenza ta’ dak il-fatt?

(Il-Qorti trid tkun għal kollox konvinta mill-verità ta' fatt jew grad għoli ta' probabbiltà jkun biżżejjed anki jekk ikun hemm xi dubju?)

L-Artikolu 286 taz-ZPO jistabbilixxi l-prinċipju proċedurali fundamentali ta' l-evalwazzjoni libera tal-provi. Skond dan il-prinċipju, il-qorti jkollha ċerta diskrezzjoni biex tiddeċiedi, fid-dawl tal-kontenut kollu tal-proċeduri u tal-konklużjonjiet ta' kwalunkwe provi miġbura, jekk preżunzjoni effettiva hijiex vera jew falza.

Grad ferm għoli jew għoli ta' probabbiltà mhux biżżejjed biex jipprova fatt, imma mhemmx għalfejn ikun eskluż kull dubju. Skond il-ġurisprudenza, dak kollu li jrid ikun hemm huwa grad fattibbli ta' ċertezza fil-ħajja normali ta' kuljum li jippermetti xi element ta' dubju mingħajr ma jeskludih kompletament.

FuqFuq

Hemm eċċezzjoni waħda rigward il-grad ta' prova meħtieġ f'każi fejn il-liġi taċċetta li l-fatti jintwerew li huma kredibbli. Preżunzjoni tkun kredibbli jekk ikun hemm probabbiltà ferm għolja li tkun korretta. Biex jippruvaw il-kredibbiltà, il-partijiet mhemmx għalfejn jipprovdu prova stretta (xhieda, dokumenti, spezzjoni mill-qorti, xhieda ta' esperti jew interrogazzjoni tal-partijiet). Skond l-Artikolu 194 taz-ZPO, pereżempju, konferma bil-ġurament tista' tkun permessa.

II. Il-ġbir tal-provi

3. Il-ġbir tal-provi dejjem jeħtieġ it-talba ta’ parti, jew f’ċerti każi l-imħallef jista’ jiġbor il-provi minn jeddu?

Skond il-prinċipju li fil-kawżi ċivili l-azzjoni trid tipproċedi fuq il-bażi ta’ fatti u ta’ talbiet mill-partijiet, il-partijiet iridu jippreżentaw il-fatti in kwistjoni u l-provi rilevanti. Il-qorti ma tistax tippreżenta l-fatti hija stess bħala bażi għad-deċiżjoni tagħha. Dawn ir-restrizzjonijiet jirriżultaw mill-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kjarifika tal-qorti taħt l-Artikolu 139 taz-ZPO.

F’uħud mill-każi, bil-kuntrarju ta’ dan il-prinċipju, il-qorti tista’ tiġbor il-provi, imma dan irid isir għall-finijiet ta’ preżentazzjoni fondata tal-fatti min-naħa tal-partijiet u dan ma jistax jintuża għal investigazzjoni tal-fatti.

Il-qorti tista’ tordna spezzjonijiet u rapporti ta' esperti (l-Artikolu 144 taz-ZPO), il-preżentazzjoni ta’ dokumenti (l-Artikolu 142 taz-ZPO) u domandi ulterjuri lil parti (l-Artikolu 448 taz-ZPO). Il-qorti tista’ wkoll tagħmel domandi lil parti (skond l-Artikolu 448 taz-ZPO) fejn il-konklużjonjiet tas-smigħ jew il-ġbir ta’ l-evidenza ma jkunux biżżejjed sabiex jikkonvinċu lill-qorti bil-verità jew bil-falsità ta’ fatt li għandu jiġi ppruvat. Għall-prova ta' fatt jeħtieġ li jkun hemm ukoll ċertu grad ta’ probabbiltà inizjali.

FuqFuq

4.

a) Jekk it-talba ta’ parti li tikkonċerna l-ġbir ta’ provi tintlaqa', x’jiġri wara dan?

Il-qorti tordna lil parti biex tiġbor il-provi wara li tkun ippreżentat il-punti li dwarhom se jinġabru l-provi. Bħala regola ġenerali, skond l-Artikolu 358 taz-ZPO, dan isir fis-smigħ orali jew b’ordni formali sabiex jinġabru l-provi. Skond l-Artikolu 359 taz-ZPO, dan irid jinkludi deskrizzjoni tal-fatti kkontestati li dwarhom għandhom jinġabru l-provi, deskrizzjoni tal-mezzi li permezz tagħhom għandhom jinġabru l-provi, bl-ismijiet tax-xhieda u ta’ l-esperti li għandhom jinstemgħu jew tal-partijiet li għandhom jinstemgħu u deskrizzjoni tal-partijiet li qed jinvokaw dawn il-mezzi ta’ prova.

Imbagħad jinġabru l-provi skond id-dispożizzjonijiet legali rilevanti (l-Artikoli 355 sa 484 taz-ZPO). Iridu jiġu osservati l-prinċipji tal-provi diretti (l-Artikolu 355 taz-ZPO) u tat-trasparenza min-naħa tal-partijiet (l-Artikolu 357 taz-ZPO).

Skond il-prinċipju tal-provi diretti, jeħtieġ li l-provi jiġu ppreżentati quddiem il-qorti li tkun qed tisma' l-kawża peress li din tkun trid tevalwahom ukoll. Hemm eċċezzjoni waħda biss, f’każi statutarji fejn ir-responsabbiltà għall-ġbir tal-provi tista’ tiġi trasferita lil membru tal-qorti proċedurali (l-Artikolu 361 taz-ZPO) jew lil qorti oħra (l-Artikolu 362 taz-ZPO). Skond il-prinċipju tat-trasparenza tal-partijiet, il-partijiet għandhom dritt li jkunu preżenti fis-smigħ preliminari tax-xhieda u għandhom ukoll id-dritt li jagħmlu domandi lix-xhieda (l-Artikolu 397 taz-ZPO).

FuqFuq

Skond l-Artikolu 285 taz-ZPO, il-provi miġbura jifformaw il-bażi għall-proċeduri orali wara seduta mal-partijiet. Skond l-Artikolu 286 taz-ZPO, il-qorti trid tistabbilixxi l-fatti, fid-diskrezzjoni tagħha, fuq il-bażi tas-sejbiet mill-proċedimenti u l-provi miġbura.

b) F’liema każi, il-qorti tista’ tiċħad talba ta’ parti sabiex tikseb provi?

Talba sabiex jinkisbu provi tista' tiġi miċħuda minħabba raġunijiet proċedurali jew skond ir-regoli li jirregolaw il-provi, jekk:

  • il-fatti mhemmx għalfejn ikunu ppruvati bi provi, jiġifieri l-fatti diġà ġew ippruvati, huma ovvji jew mhumiex ikkontestati;
  • il-fatti mhumiex sostanzjali, jiġifieri ma jista' jkollhom l-ebda influwenza fuq id-deċiżjoni;
  • il-mezzi li ntużaw sabiex jinġabru l-provi sabiex ikunu ppruvati l-allegati fatti mhumiex xierqa (f'każijiet limitati ferm peress li m'huwiex meħtieġ li l-provi jiġu evalwati qabel ma jinġabru);
  • il-mezzi tal-ġbir tal-provi mhumiex prattikabbli;
  • il-mezzi tal-ġbir tal-provi mhumiex ammissibbli, eż. minħabba talba li tkun “intefgħet għal saqajha” li ma tkunx skond il-liġi jew obbligu tax-xhieda li jibqgħu siekta (ħlief jekk jinħallu minn dan l-obbligu);
  • il-ġbir tal-provi jkun fid-diskrezzjoni tal-qorti, eż. fil-valutazzjoni tad-danni skond l-Artikolu 287 taz-ZPO;
  • il-fatti kienu stabbiliti fi proċeduri oħra bħala li kellhom forza legali u jorbtu liż-żewġ partijiet;
  • ir-rikors biex jiġu ppreżentati l-provi jiġi miċħud minħabba li ma jkunx tressaq fit-terminu ta' żmien (l-Artikolu 296(1) taz-ZPO);
  • il-ġbir tal-provi jiġi mfixkel minn ostaklu b'tul ta' żmien inċert, il-limitu ta' żmien rilevanti jkun skada jew il-proċeduri jiġu mtawla minħabba raġunijiet oħra (l-Artikolu 356 taz-ZPO).

5.

a) X’mezzi differenti ta’ prova hemm?

(1) L-ispezzjoni ġudizzjarja (l-Artikoli 371 sa 372(a) taz-ZPO)

Din hija spezzjoni fiżika diretta tal-provi min-naħa ta' l-imħallef. Dan huwa mifhum ukoll li jinkludi l-mess, ix-xamm, is-smigħ u t-tidwiq. Għaldaqstant, rekordings tal-ħoss u bil-vidjo u rekords tal-kompjuter jistgħu jiġu spezzjonati wkoll.

FuqFuq

(2) Il-provi tax-xhieda (l-Artikoli 373 to 401 taz-ZPO)

Ix-xhieda jistgħu jikkonfermaw l-avvenimenti li seħħew fl-imgħoddi li huma stess kienu preżenti għalihom u għalhekk huma insostitwibbli, b'differenza għall-esperti.

Ix-xhieda mhumiex partijiet għall-kawża.

Jekk xhud isejjaħ lil espert partikolari sabiex jeżamina l-fatti, dan ta' l-aħħar ma jkunx xhud espert (l-Artikolu 414 taz-ZPO), eż. tabib fil-każ ta' ferimenti mġarrba f'aċċident.

(3) L-esperti (l-Artikoli 402 sa 414 taz-ZPO)

L-esperti jipprovdu lill-imħallef bl-għarfien speċjalizzat li l-imħallef m'għandux sabiex jivvaluta l-fatti. L-esperti ma jistabbilixxux l-fatti huma nfushom. Jinħtieġu sempliċement biex jagħtu ġudizzju fuq il-bażi ta' fatti stabbiliti.

Huwa biss jekk ikun meħtieġ għarfien ta' espert speċjalizzat sabiex ikunu stabbiliti l-fatti li espert jista' jintalab jagħti l-konklużjonijiet tiegħu. Eżempju ta' dan ikun id-dijanjosi ta' tabib.

Rapport ta' espert privat ikkummissjonat minn waħda mill-partijiet jista' jiġi ammess bħala prova ta' espert biss f'każi eċċezzjonali bil-kunsens taż-żewġ partijiet.

(4) Id-dokumenti (l-Artikoli 415 sa 444 taz-ZPO)

Id-dokumenti fit-tifsira taz-ZPO huma dikjarazzjonijiet bil-miktub. Il-liġi tagħmel distinzjoni bejn il-valur tal-prova ta' dokumenti pubbliċi (l-Artikoli 415, 417 u 418 taz-ZPO) u ta' dokmenti privati (l-Artikolu 416 taz-ZPO).

(5) Id-domandi lill-partijiet (l-Artikoli 445 sa 455 taz-ZPO)

Id-domandi lill-partijiet huma sussidjarji għal forom oħra ta'prova u jkunu ammissibbli biss għall-finijiet tal-provi prinċipali (l-Artikolu 445(2) taz-ZPO). Jistgħu jsiru domandi lill-partijiet biss bil-kunsens tal-parti kontradittriċi jew tal-qorti.

FuqFuq

b) X’inhuma l-metodi sabiex issir prova mix-xhieda u dawn huma differenti mill-mezzi li jintużaw sabiex issir prova minn xhieda esperti? X’inhuma r-regoli b’relazzjoni mal-preżentazzjoni ta’ provi u ta’ rapporti/opinjonijiet ta’ esperti bil-miktub?

Il-forom kollha tal-provi għandhom l-istess valur ta' prova peress li l-qorti għandha ċerta diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tal-provi. L-unika differenza hija l-metodu li jintuża fil-ġbir tal-provi.

Skond l-Artikolu 394(1) taz-ZPO, ix-xhieda kollha jridu jiġu mistoqsija individwalment u mhux quddiem ix-xhieda li għandhom jinstemgħu sussegwentement. Ix-xhieda li jagħtu xhieda kunfliġġenti jistgħu jiġu kkonfrontati (l-Artikolu 394(2) taz-ZPO).

Qabel ma jiġu mistoqsija, ix-xhieda jiġu mwissija li jridu jgħidu s-sewwa u li sussegwentement jistgħu jinħtieġu jieħdu ġurament skond l-Artikolu 395(1) taz-ZPO. Ix-xhieda jintalbu jagħtu d-dettalji personali tagħhom (l-Artikolu 395(2) taz-ZPO) u mbagħad jiġu mistoqsija dwar is-suġġett tal-kawża (l-Artikolu 396 taz-ZPO). Il-qorti tagħmel dak kollu li tista’ sabiex tgħin lix-xhieda jixhdu. Tista’ anki tagħmel aktar domandi lix-xhieda sabiex tiċċara xi punti jew tiżgura li x-xhieda tagħhom tkun sħiħa.

Il-partijiet għandhom id-dritt li jkunu preżenti meta x-xhieda jiġu mistoqsija u li jagħmlu domandi lix-xhieda. Bħala regola ġenerali, il-partijiet infushom biss jitħallew jissottomettu d-domandi li għandhom isiru lix-xhieda, filwaqt li l-avukat jista’ jistaqsi direttament lix-xhud (l-Artikolu 397 taz-ZPO).

Ir-regoli li jirregolaw il-mod kif isiru domandi lix-xhieda japplikaw ukoll għax-xhieda esperti u għad-domandi lill-partijiet involuti (l-Artikoli 402 u 451 taz-ZPO).

FuqFuq

Huwa meħtieġ li tiġi sottmessa l-prova permezz ta' dokumenti. Jekk il-parti li qed tippreżenta l-provi ma jkollhiex id-dokument in kwistjoni imma dan ikun għand il-parti kontradittriċi jew għand parti terza, il-parti kontradittriċi jew il-parti terza tintalab tressaq id-dokument (l-Artikoli 421 u 428 taz-ZPO). L-obbligu li jkunu ppreżentati d-dokumenti ġie stabblit fil-Kodiċi Ċivili u japplika fejn il-persuna li qed tippreżenta l-provi tista’ titlob lill-parti kontradittriċi jew lil parti terza li tippubblika jew tressaq dokument (l-Artikolu 422 taz-ZPO). Huwa meħtieġ li jiġu sostanzjati r-raġunijiet għal dan l-obbligu (l-Artikolu 424(5)(2) taz-ZPO). Ir-rapporti jew l-opinjonijiet ta’ l-esperti bil-miktub huma wkoll dokumenti fit-tifsira taz-ZPO.

c) Ċerti metodi ta’ prova huma aktar b’saħħithom minn oħrajn?

(eż. provi bil-miktub kontra dikjarazzjonijiet ta’ xhud, dokumenti awtentikati kontra dokumenti privati)

Fil-prinċipju, dan mhux il-każ. Il-forom kollha ta’ provi għandhom l-istess piż skond il-prinċipju li l-qorti għandha ċerta diskrezzjoni biex tevalwa l-provi (l-Artikolu 286 taz-ZPO). Skond dan il-prinċipju, il-provi kollha miġbura bħala evidenza jipprovdu bażi għal evalwazzjoni min-naħa tal-qorti. Huwa biss f’każi eċċezzjonali li l-imħallfin iridu josservaw regoli mandatorji dwar il-provi, eż. dawk li japplikaw għall-valur ta' prova tar-reġistrazzjoni tal-proċedimenti (l-Artikolu 165 taz-ZPO) jew tas-sentenza (l-Artikolu 341 taz-ZPO) jew dokumenti oħra (l-Artikoli 415 sa 418 taz-ZPO).

d) Sabiex ikunu ppruvati ċerti fatti, ċerti metodi ta’ prova huma obbligatorji?

(pereżempju fil-każ tad-djun li jeċċedu ċertu ammont, huma meħtieġa provi bil-miktub?)

FuqFuq

Le, iz-ZPO ma jistipula l-ebda forma obbligatorja ta’ prova biex ikunu ppruvati fatti partikolari.

Hemm eċċezzjoni waħda, imma din tapplika biss għal ċerti tipi ta’ kawżi. F’kawżi li jinvolvu talbiet relatati ma’ dokumenti, kambjali jew ċekkijiet, il-provi li jkunu relatati mat-talba nfisha jistgħu jkunu ppreżentati biss fil-forma ta’ dokumenti u l-provi rigward kwalunkwe fatt ieħor ikunu ammissibbli biss fil-forma ta’ dokumenti jew ta’ domandi lill-partijiet ikkonċernati (l-Artikolu 592 et seq. taz-ZPO).

6.

a) Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Ix-xhieda kollha li huma soġġetti għall-ġuriżdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi u li ġew imħarrka huma meħtieġa li jattendu għas-seduti tal-qorti, li jixhdu u li jieħdu ġurament.

Skond l-Artikolu 378 taz-ZPO, id-dmir ta’ xhud li jixhed jinkludi wkoll dmir li jiċċekkja dak li jaf fuq il-bażi tad-dokumenti u jiffriska l-memorja tiegħu. Mhemm l-ebda obbligu li x-xhieda jiġu mistoqsija dwar fatti li ma jafux bihom.

b) F’liema każi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

(Jekk ix-xhieda, pereżempju, ikunu qraba tal-familja jew ikunu relatati bi żwieġ ma' parti fil-kawża (sa liema grad?) jew jekk ix-xhieda tagħhom tkun ta' detriment għalihom)

Ir-regoli rilevanti taz-ZPO jirregolaw id-dritt tax-xhieda li jibqgħu siekta minħabba r-relazzjoni personali tagħhom ma' waħda mill-partijiet (l-Artikolu 383) u d-dritt li ma jirrispondux għal domandi partikolari minħabba raġunijiet tajba (l-Artikolu 384).

FuqFuq

Skond l-Artikolu 383 taz-ZPO, id-dritt tax-xhieda li jirrifjutaw li jixhdu hija bbażata fuq ir-relazzjoni familjari tagħhom jew fuq l-obbligu li għandhom ta' fiduċja professjonali u huwa maħsub sabiex jevita l-kunflitti ta' interess.

Dan japplika għall-għarajjes (1), għall-konjuġi (2) u għal persuni li jikkoabitaw (3) waqt il-perjodu kollu u saħansitra wara t-tmiem taż-żwieġ jew tal-koabitazzjoni tagħhom. Kwalunkwe persuna li tkun jew kienet qariba tal-familja jew relatata biż-żwieġ jew għandha jew kellha relazzjoni kollaterali fit-tielet grad jew fit-tieni grad biż-żwieġ (3) tista' wkoll ma tkunx obbligata li tixhed. Relazzjoni kollaterali ma tfissirx relazzjoni diretta imma dixxendenza mill-istess terza persuna. Il-grad ta' relazzjoni bid-demm jew ta' relazzjoni biż-żwieġ jiġi determinat min-numru ta' twelid.

Skond l-Artikolu 383(4) taz-ZPO, qassisin jew professjonisti reliġjużi, persuni li huma jew kienu involuti professjonalment fil-preparazzjoni, fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni ta' rivisti jew ta' programmi tar-radju u tat-televiżjoni (5) u persuni li, minħabba l-kariga, il-pożizzjoni jew il-professjoni tagħhom, jiġu fdati b'informazzjoni li ma tistax tiġi żvelata minħabba n-natura tagħha jew minħabba dispożizzjoni legali (6) ukoll mhumiex obbligati li jixhdu.

Id-dritt tax-xhieda li jirrifjutaw li jixhdu minħabba raġunijiet professjonali jkopri l-informazzjoni kollha magħrufa mill-persuni msemmija aktar 'il fuq minħabba l-pożizzjoni partikolari tagħhom.

Id-dritt tax-xhieda li ma jixhdux skond l-Artikolu 384 taz-ZPO huwa maħsub sabiex jipproteġi lix-xhieda mill-konsegwenzi ta' l-obbligu tagħhom li jixhdu. Jagħtihom id-dritt li ma jirrispondux għal domandi partikolari imma ma jagħtihomx dritt li jirrifjutaw li jixhdu għal kollox kif jagħmel l-Artikolu 383 taz-ZPO.

FuqFuq

Skond l-Artikolu 384 taz-ZPO, id-dritt li wieħed ma jixhedx japplika għal domandi li jikkawżaw lix-xhud jew lil persuna b'relazzjoni familjari elenkati fl-Artikolu 383 taz-ZPO dannu finanzjarju dirett (1) jew li jesponuhom għad-diżunur jew għar-riskju ta' prosekuzzjoni kriminali jew amministrattiva (2) jekk jirrisponduhom. Ix-xhieda lanqas m'għandhom jirrispondu domandi jekk dan jobbligahom jiżvelaw sigriet tan-negozju jew sigriet kummerċjali (3).

L-Artikolu 385 taz-ZPO jistabbilixxi numru ta' eċċezzjonijiet għad-dritt tax-xhieda li ma jixhdux skond l-Artikoli 383 u 384 taz-ZPO. Għandu jiġi nnotat partikolarment l-Artikolu 385(2) li jillibera lill-qassisin u lill-professjonisti reliġjużi u lill-persuni li huma meħtieġa li ma jixhdux skond il-liġi sostantiva skond l-Artikolu 383(1)(6) taz-ZPO mill-obbligu li jibqgħu siekta u konsegwentement joħloq mill-ġdid l-obbligu tagħhom li jixhdu.

c) Tista' persuna li tirrifjuta li tixhed tiġi sanzjonata jew imġiegħla tixhed?

Iva. Skond l-Artikolu 380(1) taz-ZPO, jekk xhud imħarrek biex jidher ma jattendix, il-qorti timponi multa amministrattiva u jekk din ma titħallasx, timponi sentenza ta’ detenzjoni. Skond l-artikolu 6(1) ta’ l-EGSTB (l-Att Introduttorju tal-Kodiċi Kriminali), il-multa tkun ta’ bejn €5 u €1 000 u skond l-Artikolu 6(2) ta’ l-EGSTB, is-sentenza ta’ detenzjoni tkun ta’ bejn jum u sitt ġimgħat. Ix-xhieda jinħtieġu wkoll li jħallsu l-ispejjeż li saru minħabba li ma attendewx.

Jekk ix-xhud naqas milli jattendi għat-tieni darba, skond l-Artikolu 380(2) taz-ZPO huwa jista’ jinġieb bil-forza għas-seduta minbarra li tkun imposta penali amministrattiva. Dawn il-miżuri ma jiġux infurzati jekk huwa jiskuża ruħu b’mod adegwat fiż-żmien xieraq. Jekk ix-xhud ma jiskużax ruħu fiż-żmien xieraq, irid jispjega għaliex huwa mhux responsabbli għad-dewmien (l-Artikolu 381 taz-ZPO).

FuqFuq

Jekk xhud jirrifjuta li jixhed jew li jieħu ġurament mingħajr ma jagħti raġuni jew li jagħti raġuni li titqies legalment mhux sostanzjali, jistgħu jittieħdu l-istess miżuri fil-konfront tiegħu bħal dawk li japplikaw għal xhud li ma jattendix u ma jiskużax ruħu. Jekk xhud jirrifjuta li jattendi għat-tielet darba, huwa jista’ jinżamm detenut sabiex jixhed meta jkun meħtieġ imma biss sakemm iddum għaddejja s-seduta tal-qorti (l-Artikolu 390(2) taz-ZPO).

d) Hemm persuni oħra li mingħandhom ma jistgħux jinkisbu provi?

(adulti li ma jistgħux jidħlu fi tranżazzjonijiet legali, minorenni, persuni bl-istess interessi bħal dawk ta’ waħda mill-partijiet, persuni li nstabu ħajta ta’ reati kriminali)

Le, mhemm l-ebda skwalifika ġenerali li tipprojbixxi wieħed milli jkun xhud. Kwalunkwe persuna li jkollha l-kapaċità mentali biex tifhem u tirrispondi d-domandi rilevanti, irrispettivament minn kemm ikollha żmien jew mill-ħila tagħha biex tidħol fi tranżazzjonijiet legali, tista’ tkun xhud.

Mhemm l-ebda regoli speċjali li jirregolaw lill-persuni li kienu preċedentement ikkastigati talli deliberatament għamlu dikjarazzjonijiet foloz jew xehdu falz.

Kwalunkwe persuna li tkun direttament involuta bħala parti jew bħala r-rappreżentant legali ta’ parti fil-kawża ma tistax tkun xhud. Hemm eċċezzjoni waħda li tapplika għal partijiet konġunti fir-rigward tal-fatti li jikkonċernaw biss partijiet konġunti oħra. F’ċerti ċirkostanzi, rappreżentant jista’ jkun xhud jekk is-suġġett tas-smigħ ma jkunx relatat mal-kwistjonijiet li huwa qed jirrappreżenta. Rappreżentant reġistrat, pereżempju, jista’ jixhed fir-rigward ta' fatti li mhumiex relatati ma’ dmirijietu fil-kawża li l-persuna lil min jirrappreżenta tkun parti.

FuqFuq

Jekk persuna tkunx adattata biex tixhed jiġi deċiż fl-istadju tas-smigħ.

7. X’inhu r-rwol ta’ l-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? F’liema kundizzjonijiet xhud jista’ jinstema’ permezz ta’ teknoloġija ġdida bħat-televiżjoni jew konferenza bil-vidjo?

(Min imexxi l-eżami tax-xhieda? Jista' l-imħallef jagħmel domandi lix-xhieda? Il-parti kontradittriċi għandha dritt tagħmel domandi lix-xhieda?)

Il-qorti tmexxi l-eżami tax-xhieda. Membru tal-qorti prinċipali jista’ jinħatar bħala mħallef sabiex jeżamina lix-xhieda. Hawnhekk spiss japplika l-Artikolu 375(1a) taz-ZPO.

Kull xhud irid jinstema’ individwalment u mhux fil-preżenza tax-xhieda li għandhom jinstemgħu sussegwentement (l-Artikolu 395(1) taz-ZPO). Ix-xhieda li jagħtu xhieda kunfliġġenti jistgħu jiġu soġġetti għal konfrontazzjoni wiċċ imbwiċċ (l-Artikolu 394(2) taz-ZPO).

Il-partijiet għandhom id-dritt ikunu preżenti u li jagħmlu domandi lix-xhieda waqt is-smigħ tagħhom. Bħala regola ġenerali, il-partijiet huma permessi biss li jissottomettu domandi lix-xhieda filwaqt li l-avukat tagħhom ikunu jista’ jagħmel id-domandi lix-xhieda direttament (l-Artikolu 397 taz-ZPO).

Ix-xhieda jistgħu jinstemgħu permezz ta’ konferenza bil-vidjo jekk il-partijiet ikkonċernati jiġu kkonsultati u jagħtu l-kunsens tagħhom għal dan (l-Artikolu 128a(2) taz-ZPO). Il-kunsens tax-xhieda jew ta’ l-esperti huwa meħtieġ peress li t-trażmissjoni teffettwa d-drittijiet tagħhom bħala individwi.

III. L-evalwazzjoni tal-provi

8. Fejn il-provi ma jkunux miksuba legalment minn parti, ikun hemm restrizzjonijiet fuq il-qorti fil-konklużjoni tad-deċiżjoni tagħha?

(eż. fil-każ ta' rekords illegali, eċċ.)

FuqFuq

Skond regoli statutarji partikolari, il-qorti tista' tkun ipprojbita milli tirrilixxa l-provi, eż. il-projbizzjoni tar-rilaxx ta' sentenzi mħassra jew li għandhom jiġu mħassra mir-Reġistru Ċentrali Federali (l-Artikolu 51 tal-BZRG (l-Att li jirregola r-Reġistru Ċentrali Federali).

Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-qorti tista' tkun ipprojbita milli tirrilaxxa l-provi f'każi fejn il-ġbir tal-provi jkun ta' ħsara għad-drittijiet individwali salvagwardjati mill-Kostituzzjoni u fejn ir-rilaxx tal-provi ma jkunx jista' jiġi ġustifikat b'mod eċċezzjonali bl-ibbilanċjar ta' l-interessi involuti.

Pereżempju, skond din il-ġurisprudenza, il-qorti ma tistax tirrilaxxa l-provi fejn ikunu saru rekordings tal-ħoss sigrieti. Dan japplika wkoll meta jintużaw mini-trażmettituri, mikrofoni jew sistemi tal-ħoss sabiex wieħed jissemma' konverżazzjonijiet jew sabiex jikseb b'mod illegali dokumenti personali bħal djarji jew ittri intimi.

Madankollu, f'dawn il-każi kollha, tista' tittieħed deċiżjoni fuq il-bażi ta' l-ibbilanċjar każ b'każ tad-drittijiet kunfliġġenti li jista'jsir użu minn provi miksuba b'mod illegali sakemm dan ma jaffetwax qasam essenzjali tal-ħajja privata.

Trid tittieħed deċiżjoni separata sabiex ikun iddeterminat jekk tali projbizzjoni tkunx f'kunflitt mal-liġi proċedurali fil-każ ta' kull dispożizzjoni individwali. Skond l-Artikolu 295(1) taz-ZPO, in-nuqqasijiet fil-proċeduri u b'mod partikolari fil-mod kif jitmexxa s-smigħ jistgħu jiġu korretti. Is-smigħ ta' parti bħala xhud, pereżempju, huwa nuqqas proċedurali fakultattiv, jiġifieri l-provi jistgħu jintużaw jekk il-partijiet ma jagħmlux użu mid-dispożizzjoni jew ma joġġezzjonawx kontra l-iżball sakemm ikun konkluż is-smigħ orali sussegwenti. Skond l-Artikolu 295(1) taz-ZPO, il-fatt li ma tkunx provduta informazzjoni dwar id-dritt ta' xhud li jirrifjuta li jixhed jista' jiġi korrett ukoll.

Il-konformità mar-regoli fl-interess pubbliku madankollu mhix fakultattiva (l-Artikolu 295(2) taz-ZPO). Eżempji jinkludu l-punti kollha li għandhom jitqiesu mill-qorti, bħall-prekundizzjonijiet għal proċedimenti, l-ammissibbiltà tar-rimedji legali u l-esklużjoni ta' persuni biex iservu bħala mħallfin.

9. Bħala parti f’kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Kif diġà ġie spjegat fil-punti 5(a) u (ċ), l-eżami tal-partijiet f'ċerti ċirkostanzi jista' jiġi ammess bħala mezz kif tinkiseb prova. L-evalwazzjoni ta' tali provi titħalla għad-diskrezzjoni tal-qorti (l-Artikolu 286 taz-ZPO).

« Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza - Informazzjoni Ġenerali | Ġermanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 19-10-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit