Kummissjoni Ewropea > NGE > Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza > Estonja

L-aħħar aġġornament: 10-01-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza - Estonja

 

LISTA TAL- KONTENUT

I. L-oneru tal-prova I.
1.
a) X’inhuma r-regoli li jikkonċernaw l-oneru tal-prova? a)
b) Hemm regoli li jeżentaw mill-oneru tal-prova għal ċertu fatti? F’liema każi? Tista’ tinġieb prova kuntrarja għal dawn il-preżunzjonijiet ? b)
2. Kemm għandha l-qorti tkun konvinta minn fatt sabiex tibbaża s-sentenza tagħha fuq l-eżistenza ta’ dak il-fatt? 2.
II. Il-ġbir tal-provi II.
3. Il-ġbir tal-provi jeħtieġ dejjem it-talba tal-parti, jew jista’ l-imħallef f’ċerti każi jiġbor il-provi wkoll fuq inizjattiva tiegħu stess? 3.
4.
a) Liema huma l-passi li jmiss jekk it-talba tal-parti dwar il-ġbir tal-provi tkun approvata? a)
b) F’liema każi tiġi miċħuda t-talba tal-parti għall-ġbir tal-provi? b)
5.
a) Liema mezzi ta’ prova differenti hemm? a)
b) X’inhi d-differenza bejn il-mezzi bħas-smigħ ta’ xhud u s-smigħ ta’ espert, jew is-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u rapport/opinjoni ta’ espert? b)
c) Hemm mezzi ta’ prova aktar b’saħħithom minn oħrajn? c)
d) Huma ċerti mezzi ta’ prova obbligatorji biex jiġu ppruvati ċerti fatti? d)
6.
a) Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu? a)
b) F’liema każi jistgħu jirrifjutaw li jagħtu x-xhieda tagħhom? b)
c) Tista’ persuna li tirrifjuta li tixhed tiġi mġiegħla jew sanzjonata? c)
d) Hemm persuni li ma tistax tinkiseb xhieda mingħandhom? d)
7. X’inhu r-rwol ta’ l-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? Taħt liema kundizzjonijiet jista’ xhud jinstema’ permezz ta’ teknoloġiji ġodda bħal tele- jew vidjokonferenzi? 7.
III. Il-valutazzjoni tal-provi III.
8. Hemm restrizzjonijiet fejn il-qorti tibbaża s-sentenza tagħha fuq prova li ma ġietx miksuba b’mod legali minn xi parti? 8.
9. Bħala parti fil-kawża, dikjarazzjoni tiegħi stess tgħodd bħala prova? 9.

 

I. L-oneru tal-prova

1.

a) X’inhuma r-regoli li jikkonċernaw l-oneru tal-prova?

Kull parti għandha tipprova l-fatti li fuqhom huma bbażati t-talbiet u l-eċċezzjonijiet tal-parti (per eżempju, jekk l-attur ma jistax jipprova t-talba tiegħu, l-azzjoni tiġi miċħuda). Il-provi għandhom jiġu sottomessi mill-partijiet u mill-parteċipanti l-oħra fil-proċeduri. Il-qorti tista’ tipproponi lill-partijiet u lill-parteċipanti l-oħra fil-proċeduri li jissottomettu provi addizzjonali. Il-qorti tista’ tiġbor il-provi fuq inizjattiva tagħha stess għall-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku.

b) Hemm regoli li jeżentaw mill-oneru tal-prova għal ċertu fatti? F’liema każi? Tista’ tinġieb prova kuntrarja għal dawn il-preżunzjonijiet ?

Fatt li l-qorti tqis li huwa ta’ għarfien komuni m’għandux għalfejn jiġi ppruvat. Fatt stabbilit minn sentenza li daħlet fis-seħħ f’materja ċivili m’għandux jiġi kkontestat f’materja ċivili oħra li fiha jipparteċipaw l-istess partijiet. Dan il-fatt lanqas m’għandu jiġi kkontestat minn terza persuna li pparteċipat fil-materja. Sentenza li daħlet fis-seħħ f’materja kriminali jew f’materja ta’ reat amministrattiv torbot lill-qorti li tkun qiegħda tisma’ materja li tikkonċerna l-konsegwenzi tal-liġi ċivili ta’ att biss fir-rigward ta’ jekk l-att seħħx u jekk il-persuna kkonċernata wettqitx dak l-att.

Jekk parti tammetti fatt li fuqu hija bbażata t-talba jew id-difiża tal-parti l-oħra, il-qorti għandha tqis il-fatt ammess ippruvat sakemm dan ma jiksirx id-drittijiet jew l-interessi legali ta’ parteċipanti oħra fil-proċeduri, jew sakemm l-ammissjoni ma kinitx influwenzata b’ingann jew b’forza jew kienet ibbażata fuq żball.

FuqFuq

Barra minn hekk hemm numru ta’ dispożizzjonijiet legali fl-atti legali, li jirregolow l-liġi sostantiva, li jirregolaw il-preżunzjonijiet (per eżempju, huwa meqjus li l-possessur huwa s-sid ta’ l-oġġett). Dawn il-preżunzjonijiet jistgħu jiġu mwaqqa’ matul il-kors tal-proċeduri fil-qorti, jiġifieri biex jiġi ppruvat l-oppost). Fl-istess ħin, meta xi ħaġa tkun stabbilita f’materja, ma tistax imbagħad tiġi kkontestata mill-istess partijiet f’materja oħra, jiġifieri s-sitwazzjoni differenti ma tistax tiġi ssostanzjata.

2. Kemm għandha l-qorti tkun konvinta minn fatt sabiex tibbaża s-sentenza tagħha fuq l-eżistenza ta’ dak il-fatt?

Il-qorti għandha taċċetta provi li huma relevanti għall-kwistjoni biss. Il-qorti għandha tiġġustifika fejn tiċħad li taċċetta prova sottomessa lill-qorti. Il-qorti għandha tevalwa l-provi kollha mill-perspettivi kollha, b’mod sħiħ u oġġettiv skond il-liġi. L-ebda prova m’għandu jkollha importanza determinata minn qabel għall-qorti. Il-liġi tista’ tipprovdi li ċerti ċertifikati jkunu preżunti li huma korretti.

II. Il-ġbir tal-provi

3. Il-ġbir tal-provi jeħtieġ dejjem it-talba tal-parti, jew jista’ l-imħallef f’ċerti każi jiġbor il-provi wkoll fuq inizjattiva tiegħu stess?

Il-provi għandhom jiġu sottomessi mill-partijiet u mill-parteċipanti l-oħra fil-proċeduri. Il-qorti tista’ tipproponi lill-partijiet u lill-parteċipanti l-oħra fil-proċeduri li jissottomettu provi addizzjonali. Il-qorti tista’ tiġbor provi fuq inizjattiva tagħha stess għall-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku.

FuqFuq

Jekk ikun neċessarju li jinġabru provi barra l-ġurisdizzjoni tal-qorti li qiegħda tisma’ kwistjoni u mhuwiex possibbli għal parteċipant fil-proċeduri li jikseb dawn il-provi, il-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-kwistjoni għandha tagħti digriet fuq it-twettiq ta’ azzjoni proċedurali fil-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jistgħu jinkisbu l-provi.

4.

a) Liema huma l-passi li jmiss jekk it-talba tal-parti dwar il-ġbir tal-provi tkun approvata?

Dawk il-passi mhumiex regolati separatament mill-liġi valida. La darba l-qorti taċċetta dokument bħala prova b’dokumenti, għandu jiżdied ma’l-inkartament u jiġi eżaminat fis-sessjoni tal-qorti. F’każ li l-qorti tiddeċiedi għal aċċess fuq il-post, hija tmur fuq il-post u tispezjona eċċ.

b) F’liema każi tiġi miċħuda t-talba tal-parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti għandha taċċetta biss provi li huma relevanti għall-kwistjoni. Għaldaqstant il-qorti tista’ tiċħad prova li m’għandha l-ebda relevanza għall-kwistjoni, imma f’dan il-każ il-qorti għandha tiġġustifika ċ-ċaħda li taċċetta prova sottomessa lill-qorti.

Jekk skond il-liġi fatt għandu jiġi ppruvat bi prova ta’ ċertu tip jew forma, il-fatt ma jkunx ippruvat bi prova ta’ tip jew forma oħra.

Ara wkoll ir-risposta għall-mistoqsija I 1 b).

5.

a) Liema mezzi ta’ prova differenti hemm?

Prova fi kwistjoni ċivili hija kull informazzjoni li hija f’forma proċedurali pprovduta mil-liġi u li fuq il-bażi tagħha il-qorti, skond il-proċedura pprovduta mil-liġi, taċċerta l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ fatti li fuqhom huma bbażati t-talbiet u l-eċċezzjonijiet tal-partijiet jew tal-parteċipanti l-oħra fil-proċeduri u fatti oħra relevanti għal aġġudikazzjoni ġusta tal-kwistjoni. Il-prova tista’ tkun ix-xiehda ta’ xhud, dikjarazzjonijiet ta’ parti jew ta’ terza persuna, prova b’dokumenti, prova fiżika, u aċċess fuq il-post għall-ispezzjoni jew opinjoni ta’ espert.

FuqFuq

b) X’inhi d-differenza bejn il-mezzi bħas-smigħ ta’ xhud u s-smigħ ta’ espert, jew is-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u rapport/opinjoni ta’ espert?

Xhieda ta’ xhud: kull persuna li tista’ tkun konxja mill-fatti relevanti għall-kwistjoni tista’ tinstema’ bħala xhud sakemm il-persuna ma tkunx parteċipanta fil-proċeduri.

Dikjarazzjonijiet tal-partijiet jew ta’ terzi persuni: id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet jew ta’ terzi persuni dwar il-fatti li huma jafu u li huma relevanti għall-aġġudikazzjoni tal-kwistjoni.

Prova b’dokumenti: prova b’dokumenti hija dokument bil-miktub jew dokumenti oħra li huma reġistrati permezz tal-fotografija, video, audio jew reġistrazzjoni oħra ta’ data, li fih informazzjoni fuq fatti relevanti għall-aġġudikazzjoni ta’ kwistjoni u jista’ jiġi sottomess f’sessjoni tal-qorti f’forma perċepibbli. Ittri uffiċċjali u personali huma wkoll dokumenti bil-miktub. Dokument bil-miktub għandu jiġi sottomess bħala dokument oriġinali, kopja jew estratt. Jekk dokument jiġi sottomess bħala kopja jew estratt, il-qorti għandha dritt li titlob sottomissjoni tad-dokument oriġinali fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ parteċipant ieħor fil-proċeduri.

Prova fiżika: prova fiżika hija ħaġa li l-eżistenza jew il-karatteristiċi tagħha jistgħu jiffaċilitaw l-aċċertament tal-fatti relevanti għall-aġġudikazzjoni ta’ kwistjoni.

Aċċess fuq il-post għall-ispezzjoni: matul il-kors ta’ aċċess fuq il-post għall-ispezzjoni, immobbli, area jew ix-xena ta’ avveniment għandha tiġi deskritta fid-dettall u, jekk neċessarju u possibbli, il-karatteristiċi relevanti tagħhom għandhom jiġu fotografati jew reġistrati b’xi mod ieħor. Għandhom jittieħdu l-minuti ta’ aċċess fuq il-post għall-ispezzjoni.

FuqFuq

Valutazzjoni ta’ l-espert: il-qorti għandha d-dritt li tordna valutazzjoni ta’ espert fil-każijiet fejn hija meħtieġa kompetenza mhux legali biex jiġu aċċertati fatti li huma relevanti għall-kwistjoni. Il-valutazzjoni ta’ l-espert għandha titwettaq minn espert forensiku minn istituzzjoni forensika, espert ċertifikat b’mod uffiċċjali jew minn persuna kkwalifikata oħra maħtura mill-qorti. Il-qorti għandha tikkunsidra l-opinjonijiet tal-partijiet fil-ħatra ta’ espert.

c) Hemm mezzi ta’ prova aktar b’saħħithom minn oħrajn?

Le. Madanakollu, il-liġi tista’ tipprovdi li ċertu ċertifikati jkunu preżunit li huma korretti. Per eżempju skond Art 1 (5) ta’ l-Att tan-Notarizzazzjoni huwa preżunt li atti notarili u ċertifikati notarili li huma ppreparati taħt il-kompetenza u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ta’ validità formali huma korretti.

d) Huma ċerti mezzi ta’ prova obbligatorji biex jiġu ppruvati ċerti fatti?

Jekk skond il-liġi fatt għandu jiġi ppruvat bi prova ta’ ċertu tip jew forma, il-fatt m’għandux jiġi ppruvat bi prova ta’ tip jew forma oħra.

6.

a) Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Persuna mħarrka bħala xhud hija meħtieġa li tidher il-qorti u tagħti xhieda vera quddiem il-qorti fir-rigward tal-fatti magħrufa minnu jew minnha.

b) F’liema każi jistgħu jirrifjutaw li jagħtu x-xhieda tagħhom?

Xhud għandu d-dritt li jirrifjuta li jagħti x-xhieda jekk:

FuqFuq

  1. hu jew hi huwa/hija jew kien/kienet miżżewweġ/miżżewġa lill-attur jew lill-konvenut;
  2. hu jew hi huwa/hija axxendent/a jew dixxendent/a ta’ l-attur jew tal-konvenut, jew huwa/hija jew kien/kienet miżżewweġ/miżżewġa lil dan l-axxendent jew dixxendent;
  3. hu jew hi huwa/hija ħu jew oħt l-attur jew il-konvenut, jew huwa/hija jew kien/kienet miżżewweġ/miżżewġa lil ħuh/a jew oħtu/ha;
  4. dan id-dritt jinħoloq minn bażi oħra pprovduta mill-liġi.

Xhud għandu d-dritt li jirrifjuta li jagħti xhieda fuq bażi rraġunata jekk ix-xhieda tiegħu jew tagħha tista’ timplika lilu nnifsu jew lilha nnifisha jew lil martu jew żewġha, lil martu jew żewġha preċedenti, ġenitur, tifel/tifla, ħu, oħt, nannu jew neputi f’reat kriminali jew att ieħor mhux xieraq.

c) Tista’ persuna li tirrifjuta li tixhed tiġi mġiegħla jew sanzjonata?

Jekk xhud jonqos milli jidher il-qorti fuq taħrika mingħajr impediment legali, il-qorti tista’ timponi multa jew timponi attendenza furzata fuq ix-xhud. Jekk ix-xhud jirrifjuta li jieħu l-ġurament li jagħti x-xhieda jew li jirrispondi mistoqsijiet mingħajr raġuni tajba, il-qorti tista’ timponi multa fuq jew tordna d-detenzjoni tax-xhud. Xhud jista’ jinżamm detenut sa tliet xhur; madanakollu, id-detenzjoni m’għandhiex tkompli wara t-tmiem tas-smigħ tal-kwistjoni fil-qorti konċernata jew wara li x-xhud jagħti x-xiehda jew jieħu l-ġurament jew wara li l-bżonn li jinstema’ x-xhud ma jibqax jeżisti.

Jekk parteċipant fi proċeduri li japplika għas-smigħ ta’ xhud jirtira t-talba, jew il-bżonn li jinstema’ x-xhud ma jibqax jeżisti minħabba xi raġuni oħra, xhud li jkun naqas milli jidher m’għandux jiġi mmultat; madanakollu, multa mħallsa m’għandhiex tiġi mħallsa lura. Il-qorti tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ parti, tordna li xhud iħallas kumpens għall-ispejjeż legali kkawżati mir-rifjut tax-xhud li jieħu l-ġurament jew li jagħti x-xhieda jew min-nuqqas tax-xhud li jidher fi smigħ preliminari jew f’sessjoni tal-qorti.

FuqFuq

d) Hemm persuni li ma tistax tinkiseb xhieda mingħandhom?

Impjegati pubbliċi jew lokali ta’ l-Istat li huma projbiti mil-liġi milli jikxfu sigrieti ta’ l-istat jew tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra li huma jsiru jafu minħabba l-pożizzjoni tagħhom m’għandhomx jinstemgħu fil-qorti bħala xhieda fir-rigward ta’ din l-informazzjoni.

Dawn li ġejjin m’għandhomx jinstemgħu bħala xhieda mingħajr il-permess tal-persuna li fl-interess tagħha huwa impost id-dover li tinżamm il-kunfidenzjalità:

  1. ir-rappreżentanti fi kwistjonijiet ċivili jew l-avukat difensur fi kwistjonijiet kriminali, fir-rigward ta’ fatti li saru jafu bihom fit-twettiq tad-doveri tagħhom;
  2. it-tobba jew impjegati oħra ta’ istituzzjonijiet mediċi, fir-rigward ta’ fatti li pazjent ikun fdalhom, kemm-il darba ma jkunx provdut xort’oħra bil-liġi.

Ministru tar-reliġjon m’għandux jinstema’ bħala xhud fir-rigward ta’ kwistjonijiet fdati lilu jew lilha. Persuna m’għandhiex tinstema’ bħala xhud jekk il-liġi tipprojbixxi s-smigħ ta’ din il-persuna fi proċeduri ċivili. Il-qorti tista’ tirrifjuta li tisma’ bħala xhud persuna ta’ mhux aktar minn 15-il sena jew persuna li minħabba diżabilità fiżika jew mentali m’hijiex kapaċi tifhem il-fatti relevanti għall-kwistjoni b’mod xieraq jew li tagħti xhieda vera fir-rigward tagħhom.

Jekk ikun neċessarju, xhud ta’ mhux aktar minn 15-il sena għandu jinstema’ fil-preżenza ta’ għalliem, psikologu, ġenitur jew gwardjan li, bil-permess tal-qorti, jista’ wkoll isaqsi lix-xhud. Il-qorti tista’ tneħħi parteċipant fil-proċeduri mill-awla għall-ħin li xhud li huwa minuri jinstema’ jekk dan ikun neċessarju biex tiġi aċċertata l-verità. Wara r-ritorn tal-parteċipant fil-proċeduri, ix-xhieda tax-xhud li huwa minuri għandha tinqara lill-parteċipant, li għandu d-dritt li jeżamina lix-xhud. Jekk ikun neċessarju, il-qorti tista’ tneħħi xhud ta’ mhux aktar minn 15-il sena mill-awla wara li hu jew hi jkun/tkun instema’/instemgħet.

FuqFuq

7. X’inhu r-rwol ta’ l-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? Taħt liema kundizzjonijiet jista’ xhud jinstema’ permezz ta’ teknoloġiji ġodda bħal tele- jew vidjokonferenzi?

Kull xhud għandu jinstema’ individwalment. Xhieda li ma nstemgħux m’għandhomx ikunu preżenti fl-awla waqt is-smigħ tal-kwistjoni. Xhud li nstema’ għandu jibqa’ fl-awla sa l-aħħar tas-smigħ tal-kwistjoni sakemm il-qorti ma tagħtix permess lix-xhud biex jitlaq qabel. Il-qorti għandha taċċerta l-identità ta’ xhud u l-qasam ta’ l-attività, l-edukazzjoni, ir-residenza, u l-konnessjoni tiegħu jew tagħha mal-kwistjoni u r-relazzjonijiet tiegħu jew tagħha mal-partijiet jew ma’ terzi persuni. Il-qorti għandha tinkoraġixxi lix-xhud biex jgħid biss il-verità fir-rigward tal-kwistjoni. Il-parteċipant fil-proċeduri li japplika għat-taħrika ta’ xhud għandu jkun l-ewwel li jinterroga x-xhud; minn hemm ’il quddiem, ix-xhud għandu jkun mistoqsi mill-parteċipanti l-oħra fil-proċeduri. Xhud imħarrek fuq l-inizjattiva tal-qorti għandu jkun mistoqsi l-ewwel mill-attur. Il-qorti għandha d-dritt li ssaqsi xhud matul il-ħin kollu li x-xhud ikun qiegħed jinstema’. Il-qorti għandha d-dritt li teskludi mistoqsijiet diretti u mistoqsijiet li mhumiex relevanti għall-kwistjoni.

Il-liġi jew il-prattika valida ma tistipulax il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ tele-/vidjokonferenzi.

III. Il-valutazzjoni tal-provi

8. Hemm restrizzjonijiet fejn il-qorti tibbaża s-sentenza tagħha fuq prova li ma ġietx miksuba b’mod legali minn xi parti?

Din il-kwistjoni mhijiex regolata mil-liġi – b’hekk il-valutazzjoni libera tal-provi tibqa’ fis-seħħ.

9. Bħala parti fil-kawża, dikjarazzjoni tiegħi stess tgħodd bħala prova?

Id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet jew ta’ terzi persuni dwar il-fatti li huma jafu u li huma relevanti għall-aġġudikazzjoni tal-kwistjoni għandhom jiġu valutati flimkien mal-provi l-oħra miġbura fil-kwistjoni. Dikjarazzjoni ta’ rappreżentant legali hija meqjusa bħala dikjarazzjoni tal-parti jew tat-terza persuna li hija jew huwa rappreżentant legali tagħha. Il-partijiet, terzi persuni u r-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jagħtu dikjarazzjonijiet taħt ġurament fir-rigward ta’ fatti li huma ta’ relevanza partikolari għall-kwistjoni. Dikjarazzjoni tista’ tittieħed taħt ġurament minn persuna li ta jew tat il-kunsens bil-miktub. Parti għandha d-dritt li titlob li d-dikjarazzjonijiet tal-parti, tal-parti opposta jew ta’ terza persuna u tar-rappreżentanti legali tagħhom jittieħdu taħt ġurament. Jekk parti tixtieq li tagħti dikjarazzjonijiet taħt ġurament fuq l-inizjattiva tagħha, it-talba għandha tiġi sottomessa bil-miktub.

Aktar tagħrif

  • Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili eesti keel - English

« Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza - Informazzjoni Ġenerali | Estonja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 10-01-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit