Ordni Legali
Organizzazzjoni tal-Ġustizzja
Professjonijiet legali
Għajnuna legali
Jurisdizzjoni tal-qrati
Ftuħ ta’ kawża fil-qorti
Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura
Liġi applikabbli
Servizz tad-dokumenti
Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza
Miżuri temporanji u miżuri ta’ prekawzjonijiet
Infurzar tas-sentenzi
Proċeduri simplifikati u maġġla
Divorzju
Risponsabilità tal-ġenituri
Talbiet ta’manteniment
Falliment
Meżżi alternattivi għal riżoluzzjoni ta’ kwistjoni
Kumpens għall-vittmi tal-kriminalità
Proċessar Awtomatiku
L-oneru tal-prova jibda mill-‘oneru ta’ l-allegazzjoni’, li huwa essenzjalment iddeterminat mid-dispożizzjoni legali li fuq il-bażi tagħha għandu jiġi infurzat dritt quddiem qorti; b’mod partikolari, huwa s-sett ta’ fatti li jridu jiġu ddikjarati f’każ speċifiku. Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi li kull parti hija meħtieġa tipprova l-pretensjonijiet tagħha billi tispeċifika l-evidenza rilevanti – dan l-obbligu huwa magħruf bħala ‘l-oneru tal-prova’. Bħala regola ġenerali, il-persuni kollha li jagħmlu pretensjoni li hija rilevanti għal xi każ partikolari huma soġġetti għall-oneru tal-prova.
Il-partijiet kollha għandhom jissoddisfaw l-obbligu ta’ l-oneru ta’ l-allegazzjoni u tal-prova sa fejn jaslu l-pretensjonijiet tagħhom. Jekk il-fatti li tippretendi parti u l-evidenza proposta mhumiex kompleti, il-qorti hija obbligata tavża lill-parti dwar dan il-fatt.
Jekk il-qorti ssib li l-fatti tal-pretensjoni ta' waħda mill-partijiet ma ġewx ipprovati fil-proċeduri kontenzjużi, hija tkun meħtieġa tavża lil dik il-parti li l-evidenza għandha tkun proposta għall-pretensjonijiet kollha u li jekk il-parti tonqos milli tħares dan l-obbligu tista’ titlef il-kawża. Madankollu l-qorti hija meħtieġa tipprovdi din l-informazzjoni biss matul is-smigħ, u mhux bil-miktub (eż., f’ċitazzjoni).
Jekk qorti għandha d-dubju dwar xi fatti, hija titlob lill-parti tippreżenta provi addizzjonali. Fejn il-fatti jistgħu biss jiġu ppruvati b' għarfien espert, il-qorti normalment tqabbad espert għall-opinjoni tiegħu; jekk il-qorti għandha d-dubji dwar il-korrettezza ta’ opinjoni ta’ espert, din l-opinjoni ghandha tkun supplimentata jew trid tiġi ppreparata opinjoni ġdida.
L-evidenza m’għandhiex għalfejn tiġi prodotta għal dawk il-fatti li huma ġeneralment magħrufin (jiġifieri fatti li huma magħrufa minn grupp kbir ta’ persuni f’post partikolari u f’ħin partikolari, u għalhekk mill-imħallfin) jew li huma magħrufa mill-qorti mill-attivitajiet l-oħrajn tagħha, jew għal regolamenti legali ppubblikati jew innotifikati fil-Kollezzjoni tal-Liġijiet tar-Repubblika Ċeka. Il-qorti tista’ ssir taf dwar liġi barranija permezz ta’ studju tagħha stess, permezz ta’ dikjarazzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja, jew permezz ta’ opinjoni esperta. Dawn il-fatti kollha jistgħu jiġu ribattuti bil-proposta ta’ l-evidenza.
Għal xi kategoriji ta’ fatti, il-liġi tista’ tistipula preżunzjoni (il-lista ta’ dawn il-preżunzjonijiet mhijiex parti mill-għan ta’ dan it-test, għandha ssir valutazzjoni skond il-liġi sostantiva li tirregola l-każ speċifiku); jista’ jkun hemm preżunzjonijiet ribattibbli li jammettu evidenza għall-kuntrarju u, eċċezzjonalment, jista’ jkun hemm preżunzjonijiet mhux ribattibbli li ma jammettu ebda evidenza għall-kuntrarju. F’każijiet ta’ preżunzjoni ribattibbli, il-qorti għandha tqisha bħala ppruvata jekk ħadd mill-partijiet ma jippreżenta provi fil-proċeduri biex jirribatti l-preżunzjoni u b’hekk jipprova l-fatti għall-kuntrarju. B’xi preżunzjonijiet konfutabbli, il-kuntrarju għandu jiġi ppruvat biss f’terminu stabbilit mil-liġi.
Grupp ieħor ta’ fatti li m’għandux għalfejn jiġi ssostanzjat u li dwaru lanqas hija disponibbli evidenza għall-kuntrarju jinkludi deċiżjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti li jkun sar att kriminali, offiża jew kwalunkwe infrazzjoni oħra amministrattiva li hija ssanzjonata taħt regolamenti separati, id-deċiżjonijiet dwar min hi l-persuna li wettqet l-att, kif ukoll deċiżjonijiet dwar l-istatus personali. Iżda, il-qorti mhijiex marbuta minn deċiżjoni li twettqet offiża jew minn deċiżjoni dwar minn wettaqha jekk id-deċiżjoni saret waqt proċeduri fuq il-post. L-ebda verdett ieħor taħt sentenzi kriminali jew deċiżjonijiet dwar delitt amministrattiv ma jorbot lill-qorti.
Tip speċjali ta’ preżunzjoni ribattibbli huma l-fatti li jiddikjaraw li parti kienet direttament jew indirettament soġġetta għal diskriminazzjoni minħabba raġunijiet ta’ sess jew ċirkostanzi oħrajn. F’dawn il-każijiet, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-kontroparti, li hija meħtieġa tipprova li ma saritx diskriminazzjoni kontra l-parti.
Meta l-fatti huma ppruvati permezz ta’ strumenti pubbliċi, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-parti li trid tirribatti l-awtentiċità ta’ dawn l-istrumenti. B’kuntrast, fejn hemm involuti strumenti privati, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-parti li tridhom jiġu applikati. Jekk parti tissostanzja l-pretensjonijiet bi strument privat u l-kontroparti tikkontesta l-awtentiċità jew il-korrettezza tiegħu, l-oneru jgħaddi lura fuq il-parti fit-tilwima li tkun ressqet din il-prova, li għandha tissostanzja l-pretensjonijiet tagħha permezz ta’ modalità oħra ta’ prova. Bħala regola, il-pretensjonijiet identiċi magħmulin mill-partijiet m’għandhomx għalfejn jiġu ppruvati u l-qorti tħares lejhom bħala fatti aċċettati.
Fil-proċeduri ġudizzjarji, jiġi applikat il-prinċipju ta’ l-evalwazzjoni tal-provi, jiġifieri l-liġi ma tipprovdix limiti preċiżi li jiddeterminaw meta l-qorti għandha taċċetta li fatt huwa ppruvat jew le. Il-liġi tipprovdi li “il-qorti tevalwa l-provi fid-diskrezzjoni tagħha, kull biċċa evidenza separatament u l-provi kollha fil-kuntest reċiproku tagħhom; il-qorti tqis dak kollu li jitfaċċa fil-proċeduri, inklużi l-fatti ppreżentati mill-partijiet”.
B’mod ġenerali, jekk il-konsiderazzjonijiet fl-evalwazzjoni ta’ l-evidenza jwasslu għall-konklużjoni li l-verità tal-pretensjonijiet ma tistax tiġi kkonfermata jew innegata, is-sentenza ma tkunx favorevoli għall-parti li kellha tipprova l-verità tal-pretensjonijiet tagħha.
Il-qorti tagħti stima fuq il-bażi tas-sejbiet tagħha. Is-sejbiet jirrappreżentaw sitwazzjoni fejn ma hemm ebda dubju raġonevoli jew leġittimu (jiġifieri l-qorti jista’ jkollha xi dubji, iżda ma jistgħux ikunu ta’ natura fundamentali).
Fil-proċeduri kontenzjużi, b’mod ġenerali l-prinċipju huwa li l-qorti tagħti biss il-provi mressqa; iżda l-qorti tista’ tiddeċiedi li xi evidenza ma tinġabarx – bħala regola jekk tqis il-fatt in kwistjoni bħala pprovat. F’sitwazzjoni fejn ebda mill-partijiet ma tipproponi li tressaq xi evidenza, iżda l-bżonn għal din l-evidenza jsir ċar matul il-proċeduri, il-qorti tiġbor din l-evidenza minn jeddha.
B’kuntrast, fil-proċeduri mhux kontenzjużi, jiġifieri fil-każijiet fejn il-proċeduri jistgu jibdew mingħajr petizzjoni, u fi proċeduri dwar permess sabiex wieħed jiżżewweġ, il-proċeduri biex tiġi ddeterminata jew innegata l-paternità, il-proċeduri biex jiġi ddeterminat jekk il-kunsens tal-ġenituri ta’ minuri huwiex meħtieġ biex jiġi adottat, il-proċeduri ta’ l-adozzjoni, il-proċeduri tal-ħatra ta’ arbitru jew arbitru li jippresjedi, il-proċeduri fil-każijiet dwar ir-Reġistru Kummerċjali, il-proċeduri biex tiġi sanzjonata t-terminazzjoni ta’ kirja residenzjali, il-proċeduri dwar ix-xoljiment ta’ partit politiku jew moviment politiku, jew is-sospensjoni u t-tiġdid ta’ l-attivitajiet ta’ dan, il-proċeduri dwar il-legalità tad-detenzjoni ta’ persuna barranija u dwar ir-rilaxx tagħha, u il-proċeduri dwar xi kwistjonijiet relatati ma’ kumpaniji kummerċjali, il-kooperattivi u persuni legali oħrajn, il-qorti hija obbligata tiġbor aktar evidenza meħtieġa biex tiddetermina l-fatti tal-każ minbarra l-evidenza proposta mill-partijiet.
Jekk l-applikazzjoni ssir matul smigħ, il-qorti tista’ tordna l-ġbir ta’ l-evidenza minnufih, jekk huwa possibbli, inkella tiddeċiedi kif u meta tinġabar l-evidenza (dan jiddependi fuq it-tip ta’ evidenza eċċ.).
Jiddependi fuq il-qorti liema evidenza tammetti jew le. B’mod ġenerali, il-qorti ma tiħux evidenza li, fl-opinjoni tal-qorti, ma tistax tgħin biex tiċċara l-kwistjoni (l-għan ta’ dan huwa li jitrażżan il-ġbir mhux neċessarju ta’ provi), u lanqas ma tiġbor provi li jirrikjedu spiża li mhijiex proporzjonata għas-suġġett tat-tilwima. Ara wkoll il-mistoqsija 8. Sabiex il-qorti tevalwa b’mod ċar liema evidenza għandha tieħu, il-partijiet huma obbligati jipproponu evidenza speċifika, jiġifieri jispeċifikaw ix-xhieda b’isimhom u informazzjoni oħra ta’ identifikazzjoni, u jiddikjaraw it-talbiet li dwarhom se jixhdu x-xhieda proposti; il-partijiet huma wkoll obbligati jispeċifikaw evidenza dokumentarja jew jiddikjaraw l-iskop ta’ kwistjoni li għandu jindirizza espert fl-opinjoni esperta tiegħu.
Essenzjalment, ir-riżorsi kollha li jintużaw fid-determinazzjoni tal-fatti ta’ każ jistgħu jintużaw bħala evidenza. Dawn l-aktar jinkludu l-intervista lix-xhud, parti jew espert, u l-eżami ta’ persuna, oġġett jew, tabilħaqq, l-evidenza dokumentarja.
Kwalunkwe persuna naturali li mhijiex parti għall-proċeduri hija obbligata tidher il-qorti jekk tiġi mħarrka, u tixhed bħala xhud. Xhud jixhed dwar dak li jkun għadda minnu u osserva. Għandu jgħid il-verità u ma jaħbi xejn. Fil-bidu ta’ eżaminazzjoni, għandha tkun iddeterminata l-identità tax-xhud flimkien maċ-ċirkostanzi li jistgħu jaffettwaw il-veraċità tiegħu. Ix-xhieda għandhom jiġu mgħarrfa dwar is-sinjifikanza tad-deposizzjoni tagħhom, dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u dwar il-konsegwenzi kriminali ta’ xhieda falza. L-imħallef li jippresjedi jitlob lix-xhieda jiddeskrivu kull ma jafu dwar is-suġġett ta’ l-eżami. L-imħallef imbagħad jagħmel mistoqsijiet meħtieġa sabiex jimla u jiċċara xi aspetti tax-xhieda. Il-membri tal-kamra u, bil-permess ta’ l-imħallef li jippresjedi, il-partijiet u l-esperti jistgħu wkoll jagħmlu mistoqsijiet
Il-kisba ta’ l-evidenza mill-esperti hija differenti l-aktar minħabba li fil-parti l-kbira tal-każijiet l-esperti jfasslu opinjoni esperta bil-miktub u mbagħad jipprovdu kummenti bil-fomm dwar din l-opinjoni. Il-provi jinkisbu permezz ta’ opinjoni esperta fil-każijiet fejn huwa meħtieġ li jiġu vvalutati ċirkostanzi li jeħtieġu għarfien espert. Opinjoni esperta għandha tliet partijiet: is-sejba, fejn l-espert jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi li jkun eżamina; l-opinjoni, li jkun fiha l-valutazzjoni ta’ l-espert (il-konklużjonijiet ta’ l-espert), u l-klawsola ta’ l-espert. Bħala regola, l-esperti jindirizzaw mistoqsijiet speċifiċi definiti mill-qorti, kemm-il darba opinjoni ma tkunx soġġetta għal rekwiżiti addizzjonali direttament taħt il-liġi (speċjalment fil-qasam tal-liġi dwar il-kumpaniji). L-esperti maħtura mill-qrati huma magħżula minn lista’ ta’ esperti u interpreti rreġistrati (miżmuma mill-qrati reġjonali).
Ix-xhieda jipprovdu xhieda dwar il-fatti li nnutaw direttament, filwaqt li l-esperti jesprimu l-kummenti biss fl-oqsma fejn stima tal-fatti tiddependi fuq għarfien espert. Il-konklużjonijiet milħuqa minn espert mhumiex soġġetti li jiġu vvalutati mill-qorti dwar il-korrettezza tagħhom; il-qorti tevalwa n-natura persważiva ta’ l-opinjoni fir-rigward tal-kompletezza tagħha relatata mar-rekwiżiti stabbiliti, il-konsistenza interna u l-konformità ma’ evidenza oħra miksuba.
L-evidenza dokumentarja hija miksuba b’tali mod li d-dokument jew parti minnu jinqara, jew il-kontenut jiġi kkomunikat, waqt is-smigħ mill-imħallef li jippresjedi. L-imħallef li jippresjedi jista’ jeħtieġ li parti li għandha dokument meħtieġ bħala evidenza tippreżenta dan id-dokument, jew jista’ jikseb dan id-dokument minn qorti, awtorità jew persuna legali oħra.
Ma hemm ebda preferenza rigward il-metodi użati, għalkemm xi mezzi ta’ prova jistgħu jiġu applikati biss wara li l-metodi ta’ prova meħtieġa mil-liġi jsiru impossibbli (bħala regola, bosta atti f’forma bil-miktub obbligatorja – huwa biss jekk, per eżempju, jinqerdu, li tista’ tinkiseb l-evidenza b’mezzi oħrajn, jiġifieri bl-eżami tax-xhieda). Il-provi miġbura bl-eżaminazzjoni ta’ parti dwar l-allegazzjonijiet tagħha jistgħu jiġu ordnati fil-każijiet kontenzjużi biss jekk il-fatt konċernat ma jistax jiġi ppruvat b’mezzi oħrajn (minbarra l-kunsens għal eżami). Għalhekk provi oħrajn huma aktar b’saħħithom.
F’xi każijiet, il-liġi tista’ tipprovdi liema evidenza hemm bżonn li tinġabar: jiddependi fuq it-tilwima speċifika (eż., fil-proċeduri dwar il-permess li wieħed jiżżewweġ jeħtieġu li jiġu eżaminati ż-żewġ għarajjes).
Xi fatti jistgħu jiġu ppruvati biss b’mod partikolari, eż, ordni dwar kambjala jew ċekk tista’ tinħareġ biss fuq il-bażi ta’ l-oriġinali tal-kambjala, deċiżjoni dwar il-fidi tal-kambjala jew dokument ieħor; ċitazzjoni ta’ l-eżekuzzjoni tista’ biss tiġi infurzata fuq produzzjoni ta’ deċiżjoni infurzabbli jew titolu ta’ l-eżekuzzjoni, eċċ.).
Biex jiġu stabbiliti ċerti obbligi jew drittijiet materjali (speċjalment relatati mal-proprjetà), il-liġi tirrikjedi kuntratt bil-miktub – il-metodu tal-prova mbagħad jinħareġ minn dan ir-rekwiżit.
Iva, il-persuni kollha huma obbligati mill-liġi li jidhru quddiem qorti bħala xhieda, jekk jiġu mħarrka, u li jixhdu; ma jistgħux ikunu rappreżentati minn persuna oħra f’dan il-każ. Ix-xhieda li jħarsu l-obbligu tagħhom li jixhdu huma intitolati għal ‘allowance tax-xhieda’ (il-ħlas lura ta’ spejjeż f’kontanti u dħul mitluf).
Jekk parti mhijiex attiva jew, minkejja t-talbiet mill-qorti, tonqos li tipprovdi l-evidenza kollha meħtieġa, u l-proċeduri għalhekk jitwalu, il-qorti tista’, fuq talba mill-parti l-oħra, tiddeċiedi li l-evidenza biex tipprova l-fatti deċiżivi fil-każ tista’ tiġi speċifikata biss f’terminu stabbilit li m’għandux ikun iqsar minn 15-il jum. Meta jiskadi dan it-terminu, il-qorti ma tqis ebda evidenza ġdida proposta, ħlief l-evidenza li biha l-partijiet jirribattu l-verità ta’ l-evidenza miksuba sa dak il-punt, jew l-evidenza li l-partijiet ma setgħux iġibu qabel mingħajr it-tort tagħhom.
Ix-xhieda jistgħu jirrifjutaw li jixhdu fil-każjiet fejn din ix-xhieda tagħti lok għar-riskju tal-prosekuzzjoni kriminali tax-xhud jew ta’ qraba; il-qorti tiddeċiedi jekk ir-raġunijiet li wieħed jirrifjuta li jixhed humiex ġustifikati. Il-qorti għandha tirrispetta l-obbligu statutorju tax-xhieda li jżommu ċerti affarijiet sigrieti jew kunfidenzjali (eż., skond il-liġi dwar il-protezzjoni ta’ tagħrif klassifikat; il-fatti speċifikati fid-dokumenti tas-saħħa ta’ pazjent – jiġifieri sigrieti mediċi; sigrieti bankarji; eċċ.).
Persuna tista’ tiġi mġiegħla tixhed billi titressaq mill-Forza tal-Pulizija Ċeka jew, fil-każijiet estremi, billi jiġu mmultati massimu ta’ CZK 50,000.
B’mod ġenerali, ma ġiet iddefinita ebda kategorija ta’ persuni li minnhom ma tistax tinġabar l-evidenza; jekk xejn, hemm għadd ta’ ċirkostanzi fejn xi persuni ma jistgħux jixhdu (ara l-mistoqsija 6.b).
Huwa biss l-imħallef li jippresjedi li għandu d-dritt jeżamina lil xhud u huwa l-persuna li jkollha f'idejha l-ġestjoni ta' l-eżami. Il-membri l-ohrajn tal-kamra u l-partijiet oħrajn jew l-esperti jistgħu jistaqsu lix-xhud aktar mistoqsijiet biss bil-permess ta’ l-imħallef presjedenti; l-imħallef presjedenti jista’ jirrifjuta mistoqija speċifika li, per eżempju, hija mistoqsija li tissuġġerixxi r-risposta t-tajba u li hija mfassla sabiex tnassas, jew mhux xierqa jew espedjenti.
Bħalissa l-użu tat-teknoloġija biex jinstemgħu ix-xhieda mill-bogħod mhix possibbli.
Iva. Jekk biex tipprova l-pretensjonijiet tagħha parti tressaq evidenza li tkun inkisbet mill-parti b’kontravenzjoni ta’ regolamenti legali li jorbtu b’mod ġenerali, u l-kisba ta’ l-evidenza tkun irriżultat fi ksur tad-drittijiet ta’ persuna oħra naturali jew legali, il-qorti tqis dik l-evidenza bħala inammissibbli. Għalhekk l-evidenza inammissibbli tinkludi l-irrekordjar ta’ diskors fuq it-telefon li jkun sar mingħajr ma jafu l-persuni fid-diskors (dan huwa pprojbit fl-Att dwar it-Telekomunikazzjonijiet).
Essenzjalment kondizzjoni għall-ammissibilità ta’ din l-evidenza hija li l-fatti li għandhom jiġu ppruvati b’dan il-mod ma jistgħux jiġu ppruvati b’metodu ieħor tal-provi. Titqies bħala metodu tal-provi biss l-eżaminazzjoni tal-partijiet li l-qorti tkun ordnat separatament bħala evidenza proċedurali biex jiġu ppruvati l-fatti dikjarati.
« Teħid ta’ evidenza u mezz ta’ evidenza - Informazzjoni Ġenerali | Repubblika Ċeka - Informazzjoni Ġenerali »
L-aħħar aġġornament: 16-04-2007

