Kummissjoni Ewropea > NGE > Infurzar tas-sentenzi > Isvezja

L-aħħar aġġornament: 30-08-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Infurzar tas-sentenzi - Isvezja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Xi tfisser l-eżekuzzjoni f’kwistjonijiet ċivili u kummerċjali? 1.
2. X’inhuma l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu joħorġu titolu jew deċiżjoni eżegwibbli? 2.
2.1. Il-proċedura 2.1.
2.2. Il-kondizzjonijiet sostantivi 2.2.
3. L-għan u n-natura tal-miżuri ta’ l-eżekuzzjoni? 3.
3.1. X’tip ta’ beni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ l-eżekuzzjoni? 3.1.
3.2. X’inhuma l-effetti tal-miżuri ta’ l-eżekuzzjoni? 3.2.
3.3. X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn? 3.3.
4. Hemm il-possibbilità ta’ appell kontra deċiżjoni li tagħti miżura bħal din? 4.

 

1. Xi tfisser l-eżekuzzjoni f’kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

Eżekuzzjoni skond il-Kodiċi għall-Eżekuzzjoni tad-Dejn (utsökningsbalken)

Hemm l-“eżekuzzjoni” (verkställighet) meta awtorità eżekuttiva ġġiegħel il-ħarsien ta’ obbligu li kien ppruvat minn qorti tal-ġustizzja jew skond xi arranġament speċifiku. It-tipi ta’ obbligi l-aktar eżegwiti ta’spiss huma r-responsabbilità għall-ħlas u l-obbligu ta’ ħruġ minn dar. Miżuri kawtelatorji (säkerhetsåtgärder), bħall-qbid jew is-sekwestru (kvarstad), huma forma speċjali ta’eżekuzzjoni.

Responsabbilità għall-ħlas hija eżegwita permezz ta’ sekwestru (distraint) (utmätning). Dan jippermetti li l-proprjetà tad-debitur tittieħed biex tissodisfa l-ħlas.

Obbligi li m’humiex ta’ responsabbilità għall-ħlas, bħall-obbligu ta’ ħruġ minn dar, u miżuri kawtelatorji, bħas-sekwestrar, huma eżegwiti bil-mekkaniżmi stabbiliti fil-Kodiċi għall-Eżekuzzjoni tad-Dejn. Obbligu ta’ ħruġ minn dar, per eżempju, ikun eżegwit permezz ta’ żgumbrament. Iżda b’mod ġenerali, l-awtorità ta’ l-eżekuzzjoni tordna lill-parti kkonċernata biex tħares l-obbligi tagħha, jew tħares xi projbizzjoni jew xi ħtieġa oħra.  L-awtorità tista’ tieħu l-miżuri meħtieġa hija nnifisha. Tista’ timponi multi.

L-eżekuzzjoni skond il-Kodiċi tal-Ġenituri u t-Tfal (föräldrabalken)

Tista’ tintalab l-eżekuzzjoni ta’deċiżjonijiet dwar il-kustodja tat-tfal, il-kondizzjonijiet ta’ għixien tat-tfal, u l-kuntatt mat-tfal. Deċiżjoni ta’ l-eżekuzzjoni tista’ tipprovdi għal multa fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħarsien, jew għall-ġbir mill-pulizija.

FuqFuq

2. X’inhuma l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu joħorġu titolu jew deċiżjoni eżegwibbli?

2.1. Il-proċedura
Eżekuzzjoni skond il-Kodiċi għall-Eżekuzzjoni tad-Dejn (utsökningsbalken)

Biex issir l-eżekuzzjoni għandu jkun hemm sentenza jew titolu eżegwibbli ieħor li jimponu r-responsabbilità biex jitwettaq obbligu.

It-titoli eżegwibbli li ġejjin jistgħu jiffurmaw il-bażi ta’l-eżekuzzjoni:

  1. sentenza, riżoluzzjoni jew deċiżjoni ta’qorti;
  2. ftehim approvat mill-qorti;
  3. multa aċċettata fi ftehim barra l-qorti (strafföreläggande) jew multa aċċettata fil-post (ordningsbot);
  4. deċiżjoni arbitrali,
  5. ftehim bil-miktub, b’xhieda ta’ żewġ persuni, dwar il-manteniment skond il-Kodiċi taż-Żwieġ (äkteskapsbalken) u l-Kodiċi tal-Ġenituri u tat-Tfal,
  6. deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li hija eżegwibbli skond regoli speċjali;
  7. dokument li huwa eżegwibbli skond regoli speċjali;
  8. deċiżjoni ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Eżekuzzjoni (ara hawn taħt) fil-każ ta’ ordni għall-ħlas jew ta’ proċeduri sommarji għal titolu eżegwibbli (handräckning).

Ladarba jeżisti titolu eżekuttiv m’hemmx bżonn ta’ deċiżjoni ulterjuri minn qorti jew xi awtorità oħra qabel ma l-eżekuzzjoni tkun tista’ titwettaq.

L-eżekuzzjoni ssir minn awtorità ta’ l-Istat, l-Uffiċċju ta’ l-Eżekuzzjoni (kronofogdemyndigheten). Huwa għalhekk l-Uffiċċju ta’ l-Eżekuuzzjoni li jordna s-sekwestru, per eżempju. Ir-responsabbilità legali ġenerali għall-eżekuzzjoni hija tal-marixxall (kronofogde), waqt li l-eżekuzzjoni nnifisha normalment ssir minn uffiċjali ta’ l-eżekuzzjoni (förrättningsmän).

FuqFuq

Parti importanti mix-xogħol ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Eżekuzzjoni hija l-ġbir ta’ informazzjoni fuq id-debitur u l-beni tiegħu jew tagħha. Id-debituri għandhom jipprovdu dettalji tal-beni tagħhom, u għandhom jikkonfermaw il-verità ta’ l-informazzjoni li jipprovdu f’lista bil-miktub jew fi smigħ; il-ksur ta’ dan l-obbligu huwa reat kriminali. L-Uffiċċju ta’ l-Eżekuzzjoni jista’ jeħtieġ ukoll li d-debitur jipprovdi dik l-informazzjoni, u n-nuqqas ta’ ħarsien huwa punibbli b’multa, li tingħata mill-qorti distrettwali (tingsrätt) wara talba mill-Uffiċċju ta’ l-Eżekuzzjoni.

Terzi huma ukoll fl-obbligu li jipprovdu informazzjoni f’każijiet ta’ eżekuzzjoni (ara isfel fi 3.2). Il-ħarsien ta’ obbligu għall-għoti ta’ l-informazzjoni jista’ jkun imġiegħel permezz ta’ multi jew ħabs (häktning).

Applikazzjoni għall-eżekuzzjoni tista’ ssir mill-persuna intitolata jew permezz ta’ rappreżentant, u tista’ ssir verbalment jew bil-miktub. F’applikazzjoni bil-fomm ir-rikorrent, jiġifieri il-persuna li titlob l-eżekuzzjoni, tmur fl-Uffiċċju ta’ l-Eżekuzzjoni. F’ċerti ċirkostanzi l-applikazzjoni tista’ ssir permezz ta’ mezz kompjuterizzat. Applikazzjoni bil-miktub għandha tkun iffirmata mir-rikorrent jew mir-rappreżentant tar-rikorrent.

L-eżekuzzjoni is-soltu trid tintalab fl-Uffiċċju ta’ l-Eżekuzzjoni fir-reġjun tar-residenza tad-debitur. Is-sekwestru jista’ jintalab ukoll per eżempju fil-kontea fejn tinsab il-proprjetà.

Hemm dritt x’jitħallas għall-ispejjeż ta’ l-Istat fil-każijiet ta’ eżekuzzjoni. Jekk ikun hemm l-eżekuzzjoni, bħala regola ġenerali l-ispejjeż jinġabru mill-persuna kontra min tkun saret l-eżekuzzjoni, jekk dak huwa possibbli. Ir-rikorrent ġeneralment huwa responsabbli lejn l-Istat għall-ispejjeż ta’ l-eżekuzzjoni. Ir-regola li r-rikorrent huwa responsabbli ma tapplikax fil-każ ta’ talbiet għall-manteniment skond il-Kodiċi taż-Żwieġ jew il-Kodiċi tal-Ġenituri u tat-Tfal, jew talbiet għall-ħlas tal-manteniment li jkunu qed jiġu eżegwiti fl-Iżvezja, iżda t-talba ma għandhiex tkun ilha aktar minn ħames snin.  

FuqFuq

Ir-regola ewlenija hija li jintalab dritt bażiku għal kull titolu eżegwibbli fejn tintalab l-eżekuzzjoni. Fil-każ ta’ talba skond il-liġi ċivili, id-dritt bażiku ġeneralment huwa ta’ SEK 1 000. Iżda, f’xi każijiet ta’ sekwestru, d-dritt bażiku huwa ta’ SEK 500. Dan ikun hekk jekk ir-rikorrent jitlob sekwestru fuq il-paga jew s-salarji biss. Id-dritt bażiku aktar baxx japplika għas-sekwestru għal ħlas ta’ taxxi u dazji.

Drittijiet oħra jistgħu jitħallsu għall-preparazzjoni, il-bejgħ u spejjeż varji.

L-eżekuzzjoni skond il-Kodiċi tal-Ġenituri u t-Tfal

Tista’ tintalab l-eżekuzzjoni għal sentenza jew deċiżjoni ta’ qorti ordinarja dwar il-kustodja, il-kondizzjonijiet ta’ l-għixien, il-kuntatt jew meta jingħataw it-tfal. Ftehim bejn il-ġenituri dwar l-kustodja, il-kondizzjonijiet ta’ l-għixien u l-kuntatt huwa eżegwibbli wkoll, iżda għandu jkun approvat mill-bord tal-ħarsien soċjali (socialnämnden).

Hawn l-eżekuzzjoni sseħħ permezz tal-qorti amministrattiva tal-kontea (länsrätt). Is-soltu applikazzjoni għall-eżekuzzjoni għandha ssir lill-qorti tal-kontea fejn il-persuna li għandha l-kustodja tat-tfal tgħix jew toqgħod. Jekk it-tfal huma f’kontea oħra, l-qorti ta’ dik il-kontea wkoll għandha ġurisdizzjoni.

2.2. Il-kondizzjonijiet sostantivi
Eżekuzzjoni skond il-Kodiċi għall-Eżekuzzjoni tad-Dejn

F’xi każijiet jista’ jkun hemm impedimenti għall-eżekuzzjoni.

Dan huwa l-każ jekk it-titlu eżegwibbli tant mhux ċar li ma jistax ikun eżegwit.

Jekk il-persuna li tintalab kontra tagħha l-eżekuzzjoni ssostni li l-obbligu – per eżempju, ir-responsabbilità għall-ħlas – kien ġie sodisfatt minn meta t-titolu eżekuttiv ikun daħal fis-seħħ, hu jew hi għandha tipprovah dan biex tevita l-eżekuzzjoni.

FuqFuq

Id-debitur jista’ jsostni wkoll li hu jew hi għandhom kontro-talba kontra r-rikorrent biex ipaċu t-talba li qed tkun eżegwita. Dan huwa impediment għall-eżekuzzjoni jekk l-Uffiċċju ta’ l-Eżekuzzjoni jista’ jistabbilixxi li l-kontro-talba hija l-istess soġġetta għall-titolu eżegwibbli jew li hemm prova miktuba ta’ dan.

Jekk titolu eżegwibbli jitħassar, l-eżekuzzjoni għandha tieqaf minnufih. F’ċerti każijiet qorti tista’ tordna li talba m’għandhiex tkun eżegwita.

L-eżekuzzjoni skond il-Kodiċi tal-Ġenituri u t-Tfal

F'xi każijiet ikun hemm impedimenti għall-eżekuzzjoni.

Jekk it-tfal ikun għalqu 12-il sena, l-eżekuzzjoni ma tistax issir kontra r-rieda tat-tfal, ħlief fejn il-qorti amministrattiva tal-kontea tkun sodisfatta li jkun fl-aħjar interess tat-tfal. L-istess japplika jekk it-tfal ma jkunux għalqu 12-il sena imma jkollhom dik il-maturità li għandhom jitqiesu x-xewqat tagħhom.

Il-qorti amministrattiva tal-kontea tista’ tirrifjuta wkoll l-eżekuzzjoni jekk huwa ċar li ċ-ċirkostanzi nbidlu minn meta l-qorti ordinarja ħadet id-deċiżjoni tagħha, jew minn meta l-bord tal-ħarsien soċjali approva l-ftehim bejn il-ġenituri, u ssir applikazzjoni għall-konsiderazzjoni mill-ġdid tal-kwistjoni fl-aħjar interessi tat-tfal.

Il-qorti amministrattiva tal-kontea tista’ tirrifjuta wkoll l-eżekuzzjoni f’każijiet oħra jekk hemm riskju apprezzabbli li s-saħħa fiżika u mentali tat-tfal tista’ titgħarraq.

3. L-għan u n-natura tal-miżuri ta’ l-eżekuzzjoni?

3.1. X’tip ta’ beni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ l-eżekuzzjoni?
Eżekuzzjoni skond il-Kodiċi għall-Eżekuzzjoni tad-Dejn

Biex il-proprjetà tkun tista’ tiġi ssekwestrata, għandhom ikunu sodisfatti ċerti kondizzjonijiet. Il-proprjetà għandha

FuqFuq

  • tkun tad-debitur
  • tkun trasferibbli, u
  • ikollha valur tal-flus.

Fil-prinċipju, kull tip ta’ proprjetà tista’ tkun ssekwestrata. Dan japplika kemm għall-proprjetà mobbli u immobbli.

Il-proprjetà immobbli tinkludi mhux biss beni bħal karozzi, dgħajjes jew magni imma debiti riċevibbli, bħal bilanċi tal-bank, u drittijiet ta’ tip differenti, bħad-dritt għat-tgawdija ta’ l-użu ta’ proprjetà jew sehem fil-wirt ta’ persuna mejta.

Jistgħu jkunu ssekwestrati wkoll il-pagi, is-salarji, il-pensjonijiet u bħalhom.

Ċertu tipi ta’ propjetà ma jistgħux ikunu ssekkwestrati. Dan huwa l-każ ta’ affarijiet essenzjali bħal dawn li ġejjin:

  • ħwejjeġ u oġġetti oħra għall-użu personali tad-debitur, sa valur raġonevoli,
  • għamara, appliances tad-dar u tagħmir ieħor meħtieġ għal dar jew il-manutenzjoni tagħha.
  • għodod u tagħmir ieħor meħtieġ għax-xogħol jew it-taħriġ vokazzjonali tad-debitur,
  • oġġetti personali, eżempju medalji ta’ l-unur u trofej ta’ l-isports li tant għandhom valur personali għad-debitur li ma jkunx ġust li jkunulu ssekwestrati

Xi klassijiet ta’ proprjetà jistgħu jkunu protetti wkoll kontra s-sekwestru b’regoli speċifiċi. Dan per eżempju huwa l-każ ta’ danni riċevuti. Jekk id-debitur jirċievi danni għal ħsara personali, detenzjoni illegali, prosekuzzjoni doluża, inġurja u bħalhom, il-fondi ma jistgħux ikunu sskwestrati sakemm jitħallsu. Ladarba l-fondi jitħallsu, ma jistgħux ikunu ssekwestrati jekk jinżammu separati u huma maħsuba biex jissodisfaw bżonn għall-manteniment li jibqa’ jeżisti. Danni maħsuba biex jikkompensaw għal tipi oħra ta' ħsara, bħall-uġigħ u t-tbatija, ma jistgħux ikunu ssekwestrati sakemm jgħaddu sentejn mid-data tal-ħlas

FuqFuq

Parti biss minn paga jew salarju tista’ tkun issekwestrata, jiġifieri dik il-parti li taqbeż il-bżonnijiet tad-debitur għall-manteniment tiegħu jew tagħha u l-familja tiegħu jew tagħha.

Meta l-pagi u s-salarji jkunu ssekwestrati għandha tingħata l-prijorità lit-talbiet skond il-Kodiċi taż-Żwieġ u l-Kodiċi tal-Ġenituri u tat-Tfal.

3.2. X’inhuma l-effetti tal-miżuri ta’ l-eżekuzzjoni?
Eżekuzzjoni skond il-Kodiċi għall-Eżekuzzjoni tad-Dejn

Ladarba l-propjetà tkun ssekwestrata, id-debitur m’għandux l-istess kontroll fuq il-proprjetà bħal qabel. Id-debitur m’għandux ikollu x’jaqsam mal-propjetà bi ħsara għar-rikorrent, billi jittrasferiha jew xort’oħra, mingħajr l-approvazzjoni ta’ l-Uffiċċju ta' l-Eżekuzzjoni, li tista’ tingħata għal raġunijiet speċjali wara li tisma’ lir-rikorrent.

Persuna li jkollha x’taqsam mal-proprjetà illegalment hija responsabbli għall-ħlas ta’ penali.

Deċiżjonijiet fuq is-sekwestru jagħtu dritt preferenzjali fuq il-propjetà.

F’każijiet ta’ eżekuzzjoni t-terzi huma taħt obbligu li jipprovdu informazzjoni dwar kull talba li d-debitur jista’ jkollu kontrihom, u kull ħaġa oħra li tista’ tkun rilevanti għall-kwistjoni jekk id-debitur għandux propjetà sekwestrabbli. It-terzi huma soġġetti wkoll għal ħtieġa ta’ għoti ta’ l-informazzjoni jekk għandhom proprjetà li hija tad-debitur, per eżempju meta jkollhom f’idejhom propjetà b’rahan jew b’depożitu.  Għalhekk bank għandu jipprovdi informazzjoni fuq il-bilanċi bankarji u l-kaxxi tad-depożitu li huma tad-debitur, u l-proprjetà tad-debitur li l-bank għandu fil-kustodja tiegħu. Il-qraba mill-viċini tad-debitur ukoll għandhom id-dmir li jagħtu l-informazzjoni.

FuqFuq

L-informazzjoni minn terzi tista’ tintalab bil-fomm jew bil-miktub, u, jekk meħtieġ terz jista’ jissejjaħ f’udjenza. Jistgħu jingħataw il-multi u l-ħabs biex ikun imġiegħel il-ħarsien.

3.3. X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

M’hemmx terminu massimu għal kemm idum sekwestru. Iżda, il-leġislazzjoni trid li l-proprjetà ssekwestrata għandha tinbiegħ mingħajr dewmien.

Ir-regola għall-iżgumbrament hija li kull meta jkun possibbli l-iżgumbramenti jsir fi żmien erba’ ġimgħat minn meta jkunu riċevuti d-dokumenti meħtieġa mill-Uffiċċju ta’ l-Eżekuzzjoni.

4. Hemm il-possibbilità ta’ appell kontra deċiżjoni li tagħti miżura bħal din?

Eżekuzzjoni skond il-Kodiċi għall-Eżekuzzjoni tad-Dejn

Bħala regola d-deċiżjonijiet ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Eżekuzzjoni huma soġġetti għall-appell. L-appelli għandhom isiru bil-miktub f’qorti distrettwali fiż-żona ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Eżekuzzjoni, bla ħsara għar-regoli preskritti mill-Gvern. Kopja tad-dokument għandha tintbagħat lill-Uffiċċju ta’ l-Eżekuzzjoni

Appell kontra deċiżjoni ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Eżekuzzjoni jista' jsir minn persuna affettwata ħażin. M’hemmx terminu għall-appell kontra d-deċiżjonijiet fuq is-sekwestru tal-pagi; deċiżjonijiet fuq forom oħra ta’ sekwestru għandhom ikunu appellati fi żmien tliet ġimgħat min-notifika tad-deċiżjoni. Iżda, terz jista’ jappella kontra deċiżjoni ta’ sekwestru bħal din f’kull żmien.

Il-qorti distrettwali tista’ tissospendi miżura ta’ eżekuzzjoni sakemm tordna hi, u jekk hemm raġunijiet speċjali biex isir dan tista’ tordna li miżura li ttieħdet diġà tkun irrevokata.

L-eżekuzzjoni skond il-Kodiċi tal-Ġenituri u tat-Tfal

Id-deċiżjoni tal-qorti amministrattiva tal-kontea dwar l-eżekuzzjoni tista’ tkun appellata lill-qorti amministrattiva ta’ l-appell (kamarrätten). L-appelli għandhom isiru bil-miktub. Kopja tad-dokument għandu jintbagħat lill-qorti amministrattiva tal-kontea. L-appell għandu jkun riċevut fi żmien tliet ġimgħat min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata.

« Infurzar tas-sentenzi - Informazzjoni Ġenerali | Isvezja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 30-08-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit