Kummissjoni Ewropea > NGE > Infurzar tas-sentenzi > Litwanja

L-aħħar aġġornament: 04-05-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Infurzar tas-sentenzi - Litwanja

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’ifisser infurzar fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali? 1.
2. Liema huma l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jkun maħruġ titlu jew deċiżjoni infurzabbli? 2.
2.1. Il-proċedura 2.1.
2.2. Il-kundizzjonijiet sustantivi 2.2.
3. L-għan u n-natura tal-miżuri ta’ infurzar? 3.
3.1. X’tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal infurzar? 3.1.
3.2. X’inhuma l-effetti ta’ miżuri ta’ infurzar? 3.2.
3.3. X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri? 3.3.
4. Hemm possibiltà ta’ appell kontra d-deċiżjoni li tagħti din il-miżura? 4.

 

1. X’ifisser infurzar fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

Infurzar huwa mifhum li jfisser l-assigurazzjoni ta' twettiq ta' obbligazzjonijiet imposti permezz ta' deċiżjoni ġudizzjarja fuq partijiet fi proċeduri legali sabiex, meta jimplimentaw id-deċiżjoni ġudizzjarja, il-partijiet iwettqu l-azzjonijiet li huma mitluba minnhom.

Xi deċiżjonijiet ġudizzjarji ma jirrikjedux infurzar b'mod speċifiku. Dan japplika, pereżempju, għal deċiżjonijiet dwar rikonoxximent u s-sospensjoni, il-modifikazzjoni jew l-istabbiliment ta' relazzjonijiet legali.

Deċiżjoni ġudizzjarja tista' tkun implimentata jew fuq il-bażi tal-bona fide tal-partijiet, fi kliem ieħor mingħajr ma jittieħdu miżuri ta' infurzar, jew bil-forza.

Jekk id-destinatarju ta' deċiżjoni ġudizzjarja ma jimplimentax id-deċiżjoni volontarjament, il-kreditur in kwistjoni huwa intitolat li jagħmel applikazzjoni fil-qorti għall-ħruġ ta' ordni ta' infurzar u li jissottomettiha lil marixxall tal-qorti. Marixxalli tal-qorti huma persuni awtorizzati mill-Istat biex jaġixxu fuq talba ta' kreditur biex jiżguraw li deċiżjoni ġudizzjarja li mhix implimentata volontarjament hija implimentata permezz ta' miżuri ta' infurzar bil-forza.

L-infurzar ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji huwa regolat mit-Taqsima VI tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (Proċeduri ta' infurzar) u l-Istruzzjonijiet dwar l-infurzar ta' deċiżjonijiet adottati permezz ta' digriet tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Regoli speċifiċi li jirregolaw l-infurzar ta' deċiżjonijiet jistgħu jkunu stabbiliti minn atti legali oħra.

2. Liema huma l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jkun maħruġ titlu jew deċiżjoni infurzabbli?

2.1. Il-proċedura

L-ordni ta’ infurzar maħruġa fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja hija sottomessa lil marixxall tal-qorti minn persuna intitolata li tagħmel dan, fi kliem ieħor ir-rikorrenti jew ir-rappreżentant tiegħu/tagħha. Jekk l-ordni ta’ infurzar hijaa sottomessa minn rappreżentant, id-dritt tiegħu/tagħha li jagħmel dan għandu bil-liġi jkun mogħti permezz ta’ awtorizzazzjoni maħruġa u miktuba kif xieraq, fi kliem ieħor awtorizzazjonijiet maħruġa minn persuni naturali għandhom ikunu reġistrati għand Nutar, u dawk maħruġa minn persuni legali jistgħu jkunu approvati wkoll mill-korp aproprjat fil-persuna legali in kwistjoni. Jekk avukat jew assistent ta’ avukat jissottometti l-ordni ta’ infurzar lil marixxall tal-qorti, hu/hi għandu jipprovdi wkoll lill-marixxall tal-qorti ftehim bil-miktub mal-klijent jew dokument ieħor li jikkonferma l-obbligazzjonijiet tiegħu/tagħha u l-iskop tagħhom.

FuqFuq

Wara li jkun irċieva l-istrument ta’ infurzar, il-marixxall tal-qorti għandu, fi tlett ijiem jew, f’każijiet urġenti, immedjatament, jikkonferma li m’hemmx raġunijiet ovvji għala m’għandux jaċċettah.

2.2. Il-kundizzjonijiet sustantivi

L-istrument ta’ infurzar huwa sottomess lill-marixxall tal-qorti li jopera fit-territorju li fuqu d-debitur għandu r-residenza jew post tax-xogħol tiegħu/tagħha jew li fuqu huma allokati l-assi tad-debitur. Jekk għandu jkun implimentat irkupru minn persuna legali, l-istrument ta’ infurzar huwa sottomess lill-marixxall tal-qorti li jopera fit-territorju tal-uffiċċju prinċipali tad-debitur – fi kliem ieħor il-persuna legali – jew il-post fejn l-assi ta’ dan tal-aħħar huma allokati.

Ordni ta’ infurzar hija aċċettata meta r-rikorrent iħallas lill-marixxall tal-qorti il-ħlas ta’ eżekuzzjoni totali. Skont is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti (tal-persuna naturali), il-marixxall tal-qorti jista’ ma jitlobx pagament tal-ħlas jew parti minnu jew jiddifferixxi pagament sa meta l-proċeduri ta’ infurzar ikunu spiċċaw. Jekk persuna legali tissottometti l-istrument ta’ infurzar, il-marixxall tal-qorti huwa intitolat li ma jiddeferix pagament ta’ iktar minn nofs il-paga totali.

3. L-għan u n-natura tal-miżuri ta’ infurzar?

3.1. X’tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal infurzar?

Miżuri ta’ infurzar possibbli huma:

  1. irkupru mill-fondi tad-debitur u drittijiet għal assi jew proprjetà;
  2. irkupru mill-assi tad-debitur u flejjes miżmuma minn persuni oħra;
  3. projbizzjoni fuq persuni oħra milli jittrasferixxu flus jew assi lid-debitur jew milli jwettqu obbligazzjonijiet oħra għalih;
  4. konfiska ta’ dokumenti li jikkonfermaw id-drittjiet tad-debitur;
  5. irkupru mill-pagi u salarji, pensjonijiet, għotjiet jew dħul ieħor tad-debitur;
  6. konfiska mid-debitur ta’ ċertu oġġetti imsemmija fid-deċiżjoni ġudizzjarja u t-trasferiment tagħhom lir-rikorrenti.
  7. amministrazzjoni tal-assi tad-debitur u użu ta’ dħul miksub b’dan il-mod biex ikun rimborsat ir-rikorrenti;
  8. obligazzjoni tad-debitur biex iwettaq jew jonqos milli jwettaq ċertu azzjonijiet;
  9. bilanċ tal-kontro-talbiet tar-rikorrenti;
  10. miżuri oħra stabbiliti mill-liġi.

Iktar minn miżura ta’ infurzar waħda tista’ tkun applikata fl-istess ħin.

FuqFuq

3.2. X’inhuma l-effetti ta’ miżuri ta’ infurzar?

Miżuri u proċeduri ta’ infurzar ivarjaw skont jekk hix qed tkun infurzata miżura monetarja jew waħda mhux monetarja u skont jekk iseħħx irkupru mill-fondi, dħul jew assi oħra ta’ debitur.

Jekk qed tkun infurzata obbligazzjoni monetarja u rkupru huwa dirett lejn fondi ta’ debitur miżmuma minn bank jew terza persuna, il-marixxall tal-qorti għandu jibgħat ordni fil-forma xierqa lill-bank, istituzzjoni jew persuna ta’ kreditu oħra, li tagħtihom struzzjonijiet biex jivverifikaw jekk iżommux fondi monetarji f’isem id-debitur u, f’dan il-każ, biex jissospendu pagamenti minn dawk il-fondi sal-punt neċessarju biex ikopru somom rekuperabbli u l-ispejjeż ta’ infurzar. Wara li jirċievi risposta mill-bank li tikkonferma li pagamenti mill-fondi tad-debitur kienu sospiżi, il-fondi tad-debitur huma sekwestrati u trasferiti fil-kont tal-marixxall tal-qorti.

Jekk il-marixxall tal-qorti jsib li l-fondi jew assi oħra tad-debitur huma miżmuma minn terzi persuni (il-marixxall tal-qorti huwa intitolat li jirċievi din l-informazzjoni u informazzjoni wkoll rigward jekk it-terza persuna hix rikjesta li tħallas fondi jew tipprovdi assi oħra lid-debitur), dawn il-fondi jiġu sekwestrati.

Jekk qed tkun infurzata obbligazzjoni monetarja u rkupru huwa dirett lejn id-dħul tad-debitur, il-marixxall tal-qorti għandu jissottometti l-ordni ta’ infurzar lil min iħaddem lid-debitur jew lil persuna oħra li tħallsu/tħallasha. Tnaqqis għandu jkun magħmul mill-pagi u pagamenti simili tad-debitur sal-punt neċessarju biex ikopri ammonti rekuperabbli.

FuqFuq

Jekk qed tkun infurzata obbligazzjoni monetarja u rkupru huwa dirett lejn l-assi tad-debitur, dawn l-assi għandhom ikunu sekwestrati u mibjugħa. Rkupru ma jistax ikun dirett lejn l-assi monetarji ta’ debitur jekk id-debitur jipprovdi evidenza lill-marixxall tal-qorti li l-flejjes jistgħu jkunu rkuprati fi żmien sitt xhur permezz ta’ tnaqqis tal-ammont statutorju mid-dħul tad-debitur. Rkupru jista’ jkun dirett lejn proprjetà residenzjali li tappartjeni lid-debitur u li fiha hu/hi jirresjedi biss jekk l-ammont li għandu jkun irkuprat huwa ikbar minn LTL 7 000. Fuq rikjesta tad-debitur jew il-membri tal-familja tiegħu/tagħha wara li appartament jew dar kienu magħmula suġġetti għal sekwestru bl-għan li jirkupraw ammonti mhux imħallsa għal kontijiet ta’ enerġija, servizzi muniċipali u servizzi oħra, il-qorti tista’ tordna li ebda rkupru ma jista’ jkun magħmul mill-aħħar appartament, dar jew parti minnhom li fih il-persuni kkonċernati għandhom bżonn jgħixu. Filwaqt li tagħmel dan, il-qorti għandha tikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja u interessi tat-tfal, persuni diżabilitati u gruppi żvantaġġjati.

Sekwestru ta’ assi ta’ debitur huwa inġunzjoni temporanja jew restrizzjoni ta’ proprjetà jew komponent individwali ta’ proprjetà (ġestjoni, użu jew rimi) impost fuq l-assi ta’ debitur.

Sekwestru jista’ jkun imwettaq minn qorti jew minn marixxall tal-qorti.

Qorti twettaq sekwestru ta’ assi permezz ta’ sentenza li tinvolvi l-implimentazzjoni ta’ miżuri protettivi temporanji. L-ammont ta’ fondi jew assi sekwestrati ma jistax jeċċedi l-ammont tat-talba tar-rikorrenti. Il-qorti tista’ tirrevoka din id-deċiżjoni fuq rikjesta ta’ partijiet interessati jew, f’ċerti każijiet predeterminati, fuq l-inizjattiva tagħha stess. Meta l-qorti tkun eżaminat każ u rrifjutat talba, miżuri ta’ protezzjoni temporanji jibgħu fis-seħħ sa meta s-sentenza tagħha tidħol fis-seħħ, u jekk, wara li l-qorti tkun applikat miżuri ta’ protezzjoni temporanji, it-talba hija mwettqa, il-miżuri ta’ protezzjoni temporanji japplikaw sa meta s-sentenza tagħha kienet implimentata.  

FuqFuq

Marixxall tal-qorti li qed jimplimenta deċiżjoni ta’ infurzar għandu, meta jwettaq sekwestru tal-assi tad-debitur, jiffirma l-ordni ta’ sekwestru. Marixxall tal-qorti jista’ jirrevoka ordni ta’ sekwestru biss jekk hu/hi wettaq is-sekwestru. Marixxall tal-qorti ma jistax bħala prinċipju jissekwestra mill-assi tad-debitur iktar milli hu meħtieġ biex ikopri l-ammont rekuperabbli u l-ispejjeż ta’ infurzar.

Realizzazzjoni ta’ assi – il-bejgħ bl-irkant obbligatorju permezz ta’ kumpaniji li huma involuti f’kummerċ ta’ jew f’konverżjoni ta’ assi, it-trasferiment lir-rikorrenti, il-bejgħ lil xerrej issuġġerit mid-debitur jew ir-realizzazzjoni permezz ta’ mezzi oħra ta’ assi sekwestrati li jappartjenu lid-debitur jew fornitur kollaterali. Skont ir-raġunijiet għal sekwestru u t-tip ta’ assi involuti, assi sekwestrati huma realizzati skont il-liġi minn marixxall tal-qorti, uffiċċji tal-Ispettorat tat-Taxxa tal-Istat jew sensara u kumpaniji attivi f’kummerċ pubbliku f’titoli.

Assi immobbli u assi oħra reġistrati mill-liġi li jappartjenu lid-debitur u proprjetà immobbli oħra ta’ valur ta’ unità ta’ iktar minn mitt elf litas huma realizzati billi jkunu mibjugħa bl-irkant. Assi oħra jistgħu jkunu realizzati permezz ta’ mezzi oħra.

Id-debitur huwa intitolat li jsib xerrej għall-assi li qed ikunu mibjugħa qabel il-bidu tal-irkant. Jekk id-debitur isib xerrej qabel l-irkant, l-assi għandhom ikunu mibjugħa lil dak ix-xerrej. Assi jistgħu jkunu mibjugħa lix-xerrej li nstab mid-debitur għal ammont li mhuwiex inqas mill-valur indikat fl-ordni ta’ sekwestru, jew għal ammont iżgħar li huwa biżżejjed biex ikopri d-dejn u l-ispejjeż kollha ta’ infurzar.

FuqFuq

Ir-realizzazzjoni ta’ assi sekwestrati iħassar is-sekwestri kollha ta’ dawk l-assi.

Jekk l-istrumenti ta’ infurzar huma sottomessi rigward kontro-talbiet tad-debitur u r-rikorrent, il-marixxall tal-qorti għandu jibbilanċja dawn l-ammonti skont il-proċedura preskritta. Jekk huwa possibbli skont il-proċedura preskritta li jkunu irkuprat l-ammont totali permezz ta’ tpaċija, ebda miżuri obbligatorji ta’ infurzar oħra ma huma mwettqa. Tpaċija ma tistax tkun użata biex ikun irkuprat mantentiment.

Ir-rekwiżiti speċifiċi applikabbli għal infurzar obbligatorju mhux monetarju ta’ obbligazzjonijiet huma mwettqa mil-liġi.

Fl-infurzar ta’ deċiżjoni ġudizzjarja dwar it-trasferiment tal-kustodja ta’ tfal, marixxall tal-qorti għandu jinvolvi l-persuna li liha tkun se tiġi trasferita l-kustodja tat-tifel u rappreżentant tal-korp pubbliku responsabbli għad-difiża tad-drittijiet tat-tifel. Id-difiża tad-drittijiet tat-tifel għandha tkun żgurata.

Jekk ir-rikorrenti huwa mogħti ċerti artikli msemmija fid-deċiżjoni ġudizzjarja, il-marixxall tal-qorti għandu jikkonfiska dawk l-artikli mid-debitur u jittrasferihom lir-rikorrenti.

Skont id-deċiżjoni ġudizzjarja, dawk il-persuni li huma speċifikati biss fl-ordni ta’ infurzar jistgħu jkunu installati fi (jew imneħħija minn) premessi residenzjali. Jekk ikun neċessarju, assistenza tal-pulizija tista’ tkun mitluba.

Jekk deċiżjoni li tirrikjedi li debitur iwettaq jew jittermina ċertu azzjonijiet li m’humiex relatati mat-trasferiment ta’ assi jew fondi ma tiġix infurzata, il-marixxall tal-qorti għandu jikteb rapport f’dak ir-rigward. Dan ir-rapport huwa imbagħad mibgħut lill-qorti tad-distrett tal-post ta’ infurzar, li għandha tiddeċiedi li l-konsegwenzi imsemmija fid-deċiżjoni oriġinali jkunu effettwati (fi kliem ieħor li jekk il-konvenut ma implimentax id-deċiżjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat, ir-rikorrent għandu jkun intitolat li jwettaq azzjonijiet jew jieħu miżuri sabiex jiżgura t-terminazzjoni ta’ azzjonijiet li juża l-fondi tal-konvenut u, fl-istess ħin, jirkupra l-ispejjeż meħtieġa mill-konvenut), u jekk konsegwenzi mhumiex imsemmija fid-deċiżjoni, il-qorti għandha tindirizza s-suġġett ta’ emenda ta’ arranġamenti għall-infurzar tad-deċiżjoni oriġinali.

FuqFuq

Jekk l-azzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni ġudizzjarja jistgħu jkunu imwettqa jew itterminati biss mill-konvenut innifsu u hu/hi jonqos milli jimxi skont dik id-deċiżjoni, il-konvenut jista’ jkun immultat għall-benefiċċju tar-rikorrent u limitu ta’ żmien ġdid ikun stabbilit għall-infurzar tad-deċiżjoni. Ħlas tal-multa mid-debitur ma’ teħilsux/teħlishiex mill-obbligazzjoni li jwettaq jew jittermina l-azzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni ġudizzjarja.

3.3. X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Skont id-deċiżjoni in kwistjoni, ordnijiet ta’ infurzar jistgħu jkunu sottomessi għal infurzar fi żmien għaxar snin minn meta daħlet fis-seħħ id-deċiżjoni. Il-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni ta’ ordnijiet ta’ infurzar fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li għandhom bżonn ikunu infurzati urġentament jibda mill-ġurnata ta’ wara li d-deċiżjoni kienet adottata. Strumenti ta’ infurzar li jirrigwardaw integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg jistgħu jkunu sottomessi għal infurzar fi żmien xahar mill-ġurnata ta’ wara li d-deċiżjoni kienet adottata.

Skont id-deċiżjoni in kwistjoni, jekk pagamenti perjodiċi qed ikunu mitluba, dokumenti ta’ infurzar huma validi għall-perjodu kollu li għalih pagamenti huma mogħtija, u l-limitu ta’ żmien li fih għandhom ikunu sottomessi għal infurzar jibda fi kwalunkwe data li fiha skadenza ta’ pagament jiskadi.

Limiti ta’ żmien speċifiċi huma stabbiliti għal deċiżjonijiet infurzabbli ta’ uffiċjali jew istituzzjonijiet oħra li għandhom ikunu sottomessi għal infurzar.

FuqFuq

Jekk il-limitu ta’ żmien biex ikun sottomess dokument ta’ infurzar għal infurzar huwa estiż għal raġunijiet li l-qorti tikkunsidra importanti, il-qorti tista’ tirrinova l-estensjoni sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor mil-liġi.

Miżuri ta’ infurzar meħuda minn marixxall tal-qorti għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm ikunu revokati mill-marixxall tal-qorti in kwistjoni. Jekk isir appell li jikkontesta l-legalità tal-azzjonijiet tal-marixxall tal-qorti u l-qorti irrikonoxxiet li l-appell huwa ġustifikat jew parzjalment ġustifikat, il-miżuri kollha meħuda jew uħud minnhom jistgħu jkunu revokati mill-qorti li qed tisma’ l-appell.

Is-sekwestru ta’ assi jew miżuri ta’ protezzjoni temporanji oħra applikati mill-qorti għandhom jibqgħu fis-seħħ sa meta jkunu revokati (jew mibdula minn miżura oħra), kienu applikati mill-qorti jew, fil-każ ta’ appell, kienu revokati minn qorti ogħla.

Ir-realizzazzjoni ta’ assi sekwestrati tħassar is-sekwestri kollha ta’ dawk l-assi.

Ara wkoll ir-risposta għad-domanda 3.2.

4. Hemm possibiltà ta’ appell kontra d-deċiżjoni li tagħti din il-miżura?

Jistgħu jsiru appelli kontra azzjonijiet ta’ marixxall tal-qorti mhux iktar tard minn 10 ijiem wara d-data li fiha l-persuna li tressaq ilment saret jew kellha issir konxja tat-twettiq ta’ jew nuqqas ta’ twettiq tal-azzjoni in kwistjoni, iżda mhux iktar tard minn 30 ġurnata wara t-twettiq tal-azzjoni. L-appell għandu jkun magħmul fil-qorti tad-distrett tat-territorju li fih jopera l-marixxall tal-qorti.

Miżuri meħuda minn qorti jistgħu jkunu revokati jew mibdula mill-istess qorti jew, jekk appell huwa magħmul f’qorti għolja, permezz ta’ deċiżjoni ta’ dik il-qorti.

« Infurzar tas-sentenzi - Informazzjoni Ġenerali | Litwanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 04-05-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit