Kummissjoni Ewropea > NGE > Infurzar tas-sentenzi > Italja

L-aħħar aġġornament: 09-10-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Infurzar tas-sentenzi - Italja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Xi jfisser l-infurzar fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali? 1.
1.1. Agħmel lista tat-tipi ta’ infurzar li jeħtieġu li debitur josserva, jastjeni jew iħallas somma ta’ flus. 1.1.
2. Liema huma l-kondizzjonijiet li taħthom jista’ jinħareġ titolu infurzabbli jew tista’ tinħareġ deċiżjoni infurzabbli? 2.
2.1. Il-proċedura 2.1.
2.1.1. Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji u dawk mhux ġudizzjarji huma t-tnejn infurzabbli? 2.1.1.
2.1.2. Huwa meħtieġ li tintalab l-awtorizzazzjoni tal-qorti biex il-pretensjonijiet jiġu infurzati? 2.1.2.
2.1.3. Liema qorti hija responsabbli li tordna l-infurzar? 2.1.3.
2.1.4. Ir-regoli dwar l-istat, ir-rwoli, ir-responsabbiltajiet u l-poteri ta’ l-aġenti ta’ l-infurzar. 2.1.4.
2.1.5. L-użu ta’ avukati u professjonisti legali oħrajn 2.1.5.
2.1.6. L-iskala ta’ l-ispejjeż għall-infurzar 2.1.6.
2.2. Taħt liema kondizzjonijiet qorti hija intitolata tinforza d-deċiżjonijiet? Għal liema djun u liema debituri? 2.2.
3. L-għan u n-natura tal-miżuri ta’ l-infurzar 3.
3.1. Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu soġġetti għall-infurzar? 3.1.
3.2. X’inhuma l-effetti tal-miżuri ta’ l-infurzar? 3.2.
3.2.1. X’inhuma l-effetti ta’ l-infurzar fuq debituri li ma jikkonformawx? Jistghu jkomplu jiddisponu mill-proprjetà tagħhom? Jistgħu jiġu imposti l-penali fuqhom? 3.2.1.
3.2.2. X’inhuma l-effetti fuq terzi? X’obbligi għandu l-bank fir-rigward tal-proviżjon ta’ informazzjoni mitluba u l-obbligi imposti fuq l-ammonti depożitati? X’inhuma l-penali għal nuqqas ta’ ħarsien tal-kondizzjonijiet imposti? 3.2.2.
3.3. X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tad-debitur tas-sentenza? It-terminu tagħhom huwa limitat bil-liġi jew mill-qorti? 3.3.
4. Hemm possibbiltà ta’ appell minn deċiżjoni li tagħti din il-miżura? 4.
4.1. Min jista’ jimpunja d-deċiżjoni? 4.1.
4.2. Liema qrati jittrattaw każijiet bħal dawn? 4.2.
4.3. Meta jiskadi t-terminu għall-appell? 4.3.
4.4. X’inhu l-effett ta’ l-appell? 4.4.

 

1. Xi jfisser l-infurzar fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

L-infurzar jippermetti lil kreditur (individwu privat jew kumpanija privata) jikseb dak li huwa dovut lilu minn persuna oħra b'riżultat ta' deċiżjoni ta' qorti (jew ta' atti speċifiċi li l-liġi tqishom komparabbli ma' deċiżjonijiet tal-qorti).

Għalhekk l-infurzar huwa proċedura, irregolata mil-liġi f'bosta modi, skond in-natura tal-pretensjoni, jiġifieri ta' dak li huwa dovut lill-persuna li tinvoka l-proċedura biex teżegwixxi l-pretensjoni tagħha fuq id-debitur (il-metodi differenti huma stabbiliti fit-taqsima 1.1). Min-natura tagħhom il-proċeduri ta' l-infurzar jinvolvu organizzazzjonijiet pubbliċi taħt is-superviżjoni tal-qorti li tintalab mill-partijiet konċernati tiżgura l-konformità mar-regoli tal-proċedura stabbiliti mil-liġi.

1.1. Agħmel lista tat-tipi ta’ infurzar li jeħtieġu li debitur josserva, jastjeni jew iħallas somma ta’ flus.

Skond il-kontenut tal-miżuri (digrieti tal-qorti jew miżuri oħrajn li għandhom l-istess valur bħal digrieti għall-infurzar), hemm metodi differenti ta' l-infurzar li għandhom jiġu implimentati biex tiġi infurzata l-pretensjoni tal-kreditur. Il-proċeduri ta' l-infurzar jieħdu dawn il-forom li ġejjin:

  1. It-tip l-aktar komuni hija l-proċedura li hija maħsuba li tikseb għall-kreditur li qed jinforza somma ta' flus jew assi materjali. Din il-proċedura hija segwita fejn, skond digriet ta' qorti jew miżura ekwivalenti, il-kreditur huwa intitolat għal somma ta' flus. Hija tikkonsisti f'żewġ stadji: l-ewwel, il-qbid ta' l-assi li jappartjenu għad-debitur fil-kawża (flus jew assi oħrajn, b'xi restrizzjonijiet - ara t-taqsima 3.1), u l-assenjazzjoni sussegwenti lill-kreditur tal-flus (fejn ġew maqbuda l-flus), l-assi jew il-flus ġejjin mill-bejgħ ta' l-assi b'subbasta taħt il-proċedura ta' l-infurzar (biex l-assi jiġu kkonvertiti fi flus), skond iċ-ċirkostanzi. Din il-proċedura, magħrufa bħala “esproprjazzjoni forzuża”, hija rregolata minn regoli differenti skond jekk il-proprjetà hijiex immobbli (“esproprjazzjoni forzuża ta' l-assi fissi”) jew mobbli (“esproprjazzjoni forzuża ta' l-assi mobbli”).
  2. Il-proċedura ta' l-infurzar f'(a) tinkludi proċedura li biha l-kreditur jista' jikseb l-assi materjali li jappartjenu għad-debitur fil-ħin ta' l-infurzar u li f'dak il-ħin huma fil-pussess ta' ħaddieħor (terz li m'għandux x'jaqsam mat-tilwima) jew pretensjoni ta' debitur jew ta' terz. Din il-proċedura tippermetti lill-kreditur jikseb dak li huwa dovut lilu, fl-ewwel każ permezz ta' l-esproprjazzjoni ta' l-assi (li huwa l-proprjetà tad-debitur iżda li huwa fil-pussess ta' terz), fit-tieni każ permezz ta' proċeduri li jinvolvu lit-terz u li jirriżultaw fil-kreditur jieħu post id-debitur fir-relazzjonijiet ta' dan ta' l-aħħar mat-terza parti, li għandha tħares l-obbligi kuntrattwali tagħha fir-relazzjoni mal-kreditur li jinforza minflok mad-debitur. Din il-forma ta' infurzar tista' tiġi spjegata bil-fatt li l-krediti wkoll jagħtu għana u vantaġġi, jiġifieri huma inklużi fid-definizzjoni (legali) ta' l-assi ta' persuna: il-pretensjonijiet fuq terzi huma mnaqqsa mill-assi tad-debitur u trasferiti lejn l-assi tal-kreditur li qed jinforza. Il-proċedura hija magħrufa bħala “esproprjazzjoni permezz ta' terzi”.
  3. It-tieni forma hija intiża li trodd lill-kreditur oġġetti li d-debitur huwa obbligat li jrodd (per eżempju, proprjetà mikrija wara li jkun skada l-kuntratt tal-kera) jew tittrasferixxi assi (fejn, per eżempju, id-debitur ikun diġà biegħ assi lill-kreditur iżda ma jkunx attwalment tahulu). Din il-proċedura, li tista' tiġi applikata għall-assi mobbli jew immobbli, hija differenti mill-proċedura deskritta fis-subtaqsima (a) għaliex il-proprjetà mhijiex trasferita mid-debitur lill-kreditur (esproprjazzjoni); il-proċedura sempliċement tirritorna lill-kreditur assi li diġà huma proprjetà tiegħu skond il-liġi. Din il-proċedura hija magħrufa bħala “l-obbligu tat-trasferiment”.
  4. It-tielet tip ta' infurzar jintuża fejn il-kreditur li jinforza huwa intitolat għal forma ta' mġieba min-naħa tad-debitur, minflok ass. Hawn id-debitur huwa meħtieġ, jew skond it-termini ta' kuntratt jew bil-liġi, jieħu ċerta azzjoni (eż., jagħmel xogħol fuq proprjetà tiegħu) jew li ma jiħux ċerta azzjoni (eż ma jwettaqx xogħol fuq proprjetà li jista' jikser id-drittijiet tal-proprjetarju ta' proprjetà adjaċenti). F'dawn il-każijiet il-proċedura ta' l-infurzar tippermetti lill-kreditur li jinforza jkollu l-azzjonijiet imwettqa minn oħrajn bi spiża tad-debitur li jkun naqas milli jilħaq l-obbligi tiegħu (li jaġixxi) jew li jkollu x-xogħol imwettaq illegalment mid-debitur imwaqqa' (fejn l-obbligu huwa li ma jaġixxix). Din il-proċedura hija magħrufa bħalal-infurzar ta' l-obbligu ta' l-azzjoni jew ta' nuqqas ta' azzjoni”.

2. Liema huma l-kondizzjonijiet li taħthom jista’ jinħareġ titolu infurzabbli jew tista’ tinħareġ deċiżjoni infurzabbli?

2.1. Il-proċedura
2.1.1. Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji u dawk mhux ġudizzjarji huma t-tnejn infurzabbli?

Fuq il-bażi ta' prinċipju li għalih ma hemm ebda eċċezzjoni, żewġ kondizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti qabel ma d-deċiżjonijiet isiru infurzabbli, kondizzjoni formali u waħda sostantiva. Il-kondizzjoni formali hija li għandha tkun ittieħdet deċiżjoni infurzabbli, jiġifieri att ġudizzjarju jew deċiżjoni ġudizzjarja li għandhom jiġu infurzati skond il-liġi. Il-kondizzjoni sostantiva tirrelata għall-kontenut tad-deċiżjoni li, skond il-liġi, għandha tirrelata għal pretensjoni li hija "ċerta, likwida u dovuta". Il-ħtieġa għaċ-ċertezza hija ovvja, għaliex ma jista' jseħħ ebda infurzar meta mhuwiex ċert jekk jeżistix dejn jew f'hiex jikkonsisti. Il-ħtieġa li jkun likwidu u dovut huwa prerekwiżit inizzjali għall-infurzar, għaliex ordni li tinsab f'deċiżjoni tal-qorti ma tistax tiġi segwita jekk ma hemm ebda mod prattiku biex tiġi implimentata (l-ammont tal-flus dovuti li d-debitur għandu jagħti lill-kreditur, in-natura ta' l-oġġett li għandu jingħata, l-imġieba meħtieġa, eċċ., ara 1.1 hawn fuq), jew jekk id-dejn stabbilit huwiex dovut minħabba li għandha tintlaħaq kondizzjoni legali oħra. Jekk dawn il-kondizzjonijiet ma jintlaħqux jew diġà jkunu nbdew il-proċeduri ta' l-infurzar, il-proċess jista' jiġi sorveljat minn qorti (ara t-taqsima 4).

FuqFuq

Id-deċiżjoni (jiġifieri l-istrument ġudizzjarju maħruġ skond il-liġi) li tippermetti l-infurzar tista' tkun ta' natura ġudizzjarja jew mhux ġudizzjarja. jinkludu d-deċiżjonijiet u l-miżuri kollha meħuda minn qorti b'relazzjoni fir-rigward tal-proċeduri ta' smigħ li għandhom jiġu infurzati mil-liġi:

Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji

  1. sentenzi finali (biex isir ħlas, jiġu trasferiti assi jew li wieħed iġib ruħu b'ċertu mod) li ma tistax tiġi sindikata minn qorti ogħla jew sentenzi temporanjament infurzabbli [ġeneralment, is-sentenzi kollha mogħtija fl-ewwel istanza huma infurzabbli kemm-il darba l-qorti ta' l-appell ma tkunx issospendiet l-infurzar];
  2. ordnijiet biex jitħallsu somom ta' flus maħruġa wara l-għeluq ta' kontijiet;
  3. ordnijiet maħruġa fil-kors ta' proċeduri biex jitħallsu somom li mhumiex kontestati mill-partijiet fil-kawża;
  4. ordnijiet interim ta' infurzar, li bihom l-imħallef li qed jeżamina jordna l-ħlas ta' somom ta' flus jew it-trasferiment ta' l-assi fuq il-bażi ta' evidenza dokumentarja speċifika;
  5. rapporti ta' konċiljazzjoni li jirriżolvu tilwimiet dwar l-impjiegi;
  6. inġunzjonijiet biex jitħallsu somom ta' flus jew biex jiġu ttrasferiti assi mobbli maħruġa mill-qorti fuq il-bażi ta' dokumenti speċifiċi (li juru ċ-ċertezza tad-dejn fil-liġi li jsiru infurzabbli jew huma ddikjarati li huma temporanjament infurzabbli;
  7. avviżi ta' ħruġ fl-iskadenza ta' ftehim ta' kera jew fejn ħlas ta' kera huwa tard, jekk l-avviżi huma kkonfermati mill-qorti;
  8. deċiżjonijiet ta' l-arbitraġġ li jsiru infurzabbli (jiġifieri deċiżjonijiet minn arbitri, korpijiet li mhumiex parti mill-ġudikatura u jikkonsistu f'persuni msejħa biex jirriżolvu tilwima billi jiksbu ftehim bejn il-partijiet);
  9. ordnijiet maħruġa lil min jimpjega biex iħallsu somom ta' flus lil impjegati li ġew imkeċċija illegalment.

Id-deċiżjonijiet mhux ġudizzjarji jikkonsistu f'dokumenti mfassla barra mill-qorti li jagħtu intitolament lill-persuni li jasserixxu l-pretensjonijiet tagħhom u, skond il-liġi, għandhom "forza" speċjali minħabba n-natura tagħhom u r-regoli dwar l-użu tagħhom fir-relazzjonijiet legali, b'mod partikolari fir-rigward tal-veloċità ta' l-iskambji. Dwar dan l-aspett tal-proċeduri ta' l-infurzar, dan jagħmilhom l-ekwivalenti ta' sentenzi u miżuri oħrajn ta' infurzar mill-qorti. Huma l-aktar il-kambjali u forom ta' kreditu li huma espressament infurzabbli skond il-liġi (noti promissorji, drafts bankarji u strumenti wżati minn xi banek), talbiet għat-taxxa magħmula infurzabbli mill-awtoritajiet tat-taxxa, dokumenti kuntrattwali rċevuti min-nutara pubbliċi li jesprimu r-rieda jew l-obbligu li titħallas somma ta' flus (iżda mhux l-obbligu ta' l-azzjoni jew ta' trażżin minn azzjoni), u, wara r-riforma ta' l-2006, partijiet minn dokumenti privati awtentikati relatati ma' l-obbligi tal-ħlas.

FuqFuq

2.1.2. Huwa meħtieġ li tintalab l-awtorizzazzjoni tal-qorti biex il-pretensjonijiet jiġu infurzati?

Mhuwiex neċessarju li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-qorti biex jinbdew il-proċeduri ta' l-infurzar, għaliex in-natura tal-pretensjoni tkun ġiet stabbilita fid-deċiżjoni jew fl-istrument (ara 2.1.1). Huwa biżżejjed li l-Uffiċċju tad-Deputat fil-qorti responsabbli għall-infurzar jivverifika li l-pretensjoni hija formalment tajba u jwaħħal l-"ordni għall-infurzar", jiġifieri formola stabbilita mil-liġi li tirrikjedi lill-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu skond il-qasam tal-kompetenza tagħhom (korpijiet ġudizzjarji u dawk ta' l-infurzar, li huma msejħa jipprovdu għajnuna fejn meħtieġ). Għal dan l-għan il-formola għandha tkun fil-forma meħtieġa mil-liġi u għandu jkollha s-siġill ta' l-Uffiċċju tad-Deputat. Jgħoddu regoli għal dokumenti oħrajn li jirċievi nutar pubbliku (ara fuq, 2.1.1).

2.1.3. Liema qorti hija responsabbli li tordna l-infurzar?

Il-qorti ta' l-ewwel istanza b'ġuriżdizzjoni ġenerali hija responsabbli materjalment. Justices of the peace, li huma meħtieġa jittrattaw każijiet soċjali komuni li ma jinvolvux kwistjonijiet kbar, mhumiex permessi mil-liġi li jinfurzaw id-deċiżjonijiet. Ladarba t-tip ta' responsabbiltà materjali tkun ġiet stabbilita, ir-responsabbiltà territorjali għandha tiġi assenjata. Fejn l-infurzar jinvolvi assi mobbli jew immobbli (ara 1.1, subtaqsimiet a) u ċ)) ir-responsabbiltà hija tal-qorti fejn jinsabu l-assi; għall-infurzar dwar il-pretensjonijiet li jinvolvu lil terzi (ara 1.1, subtaqsima b)) ir-responsabbiltà hija tal-qorti fejn jirrisjedi t-terza parti; fejn l-infurzar jinvolvi obbligi ta' azzjoni jew ta' nuqqas ta' azzjoni (ara 1.1, subtaqsima d)) ir-responsabbiltà hija tal-qorti fejn għandu jintlaħaq l-obbligu. Il-ġuriżdizzjoni materjali kif stabbilita mil-liġi ma tistax tiġi emendata bi ftehim tal-partijiet, għaliex għandha x'taqsam mat-tqassim tax-xogħol ġewwa l-organizzazzjoni ġudizzjarja u għalhekk id-deċiżjonijiet ittieħdu fl-interess ġenerali. Iżda, ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali m'għandhomx l-istess saħħa, għaliex huma mfassla fl-interess tal-partijiet involuti fil-proċeduri, li jistgħu, b'xi eċċezzjonijiet, jilħqu ftehim differenti.

FuqFuq

2.1.4. Ir-regoli dwar l-istat, ir-rwoli, ir-responsabbiltajiet u l-poteri ta’ l-aġenti ta’ l-infurzar.

L-infurzar huwa ddelegat lill-marixxalli, uffiċjali pubbliċi li huma membri ta' l-amministrazzjoni ġudizzjarja. Il-marixxalli jieħdu l-azzjoni meħtieġa sabiex jinfurzaw id-deċiżjoni, bl-azzjoni, fejn meħtieġ, minn persuni oħrajn, bħal esperti li jiddeterminaw il-valur ta' l-assi jew tal-kustodi jew amministraturi ta' l-assi li għandhom jinżammu f'kustodja jew jiġu amministrati. Ir-riformi riċenti fil-proċedura ta' l-infurzar dwar l-assi immobbli jippermettu lill-qorti tafda l-operat dwar il-bejgħ ta' l-assi lin-nutara pubbliċi. Iżda, kwalunkwe azzjoni assenjata lil aġenti pubbliċi ta' l-infurzar tista' tiġi sorveljata u diretta mill-qorti. Għalhekk, kull fejn iqumu l-problemi jew il-kunflitti, il-marixxalli, in-nutar pubbliku jew il-partijiet jgħarrfu lill-qorti li qed tmexxi l-infurzar, li mbagħad issejjaħ lill-partijiet u toħroġ l-istruzzjonijiet xierqa.

2.1.5. L-użu ta’ avukati u professjonisti legali oħrajn

Il-proċeduri ta' l-infurzar huma strutturati bl-istess mod bħall-proċeduri tas-smigħ ghaliex huma ordnati mill-qorti. Huma jitmexxew fuq il-bażi ta' strumenti maħruġa jew awtorizzati mill-qorti li tkun semgħet lill-partijiet fil-proċeduri avversarjali u jistgħu jagħtu lok għal proċeduri ta' smigħ attwali (ara t-taqsima 4). Minħabba n-natura tagħhom, għalhekk, l-avukat tad-difiża dejjem huwa meħtieġ fil-proċeduri ta' l-infurzar.

FuqFuq

2.1.6. L-iskala ta’ l-ispejjeż għall-infurzar

Ma hemmx rati fissi għall-forom differenti ta' infurzar. L-ispejjeż tal-proċeduri jistgħu jvarjaw skond il-kumplessità ta' l-azzjoni meħuda (jista' jkun meħtieġ li l-assi jiġu vvalutati, li jiġu maħtura amministraturi jew kustodi, li huma intitolati għall-ħlas, li jiġu reklamati l-irkanti fil-gazzetti jew fuq siti web, u hekk). Bħala regola ġenerali, il-kreditur li jinforza jħallas l-ispejjeż minn qabel u mbagħad ikunu bi spiża tal-persuna li fuqha qed tiġi infurzata d-deċiżjoni. Dwar l-ispejjeż legali, ir-rati professjonali (li għandhom jitħallsu bil-liġi) huma bbażati fuq regoli estremament preċiżi u jistabbilixxu l-ammonti minimi u massimi li għandhom jitħallsu lill-avukat tad-difiża, skond it-tip u l-valur tal-każ.

2.2. Taħt liema kondizzjonijiet qorti hija intitolata tinforza d-deċiżjonijiet? Għal liema djun u liema debituri?

Il-kondizzjonijiet formali u sostanzjali li jirregolaw l-infurzar u l-klassifikazzjoni ta' l-ordnijiet ta' l-infurzar huma stabbiliti hawn fuq (ara l-mistoqsija 2.1.1). Skond il-liġi Taljana, għandha tintlaħaq kondizzjoni oħra li strettament mhijiex relatata mal-proċedura ta' l-infurzar iżda tiġi qabilha. Qabel ma jibda l-proċedura, il-kreditur għandu jibgħat lid-debitur dokument, magħruf bħala precetto (ċitazzjoni), fejn huwa jsejjaħ lid-debitur iwettaq l-obbligu tiegħu fid-deċiżjoni (sentenza, eċċ.) volontarjament, jistabbilixxi data u javża lid-debitur li n-nuqqas li jwettaq jirriżulta fl-infurzar tad-deċiżjoni. L-għan huwa li jagħti lid-debitur terminu li fih iħares is-sentenza volontarjament u b'hekk jevita l-infurzar tad-deċiżjoni, filwaqt li jsitabbilixxi data għall-kreditur (disgħin jum) sa meta għandu jinbeda l-infurzar.

FuqFuq

3. L-għan u n-natura tal-miżuri ta’ l-infurzar

3.1. Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu soġġetti għall-infurzar?

Bħala prinċipju, l-assi kollha mobbli u immobbli u l-pretensjonijiet pendenti kollha tal-kreditur jistgħu jkunu soġġetti għall-infurzar, għaliex jiffurmaw is-sigurtà tal-kreditur. Iżda l-liġi espressament tipprovdi għal għadd kbir ta' eċċezzjonijiet li jqisu n-natura jew il-funzjoni ta' l-assi. Skond il-ġurisprudenza tradizzjonali, xi tipi personali ħafna ta' assi ma jistgħux ikunu soġġetti għall-infurzar. Jinkludu oġġetti meħtieġa għall-adorazzjoni, oġġetti li huma essenzjali għall-ħajja ta' kuljum tad-debitur (ħwejjeġ, tagħmir elettriku, għamara tad-dar, eċċ.), kemm-il darba mhumiex oġġetti ta' valur konsiderevoli, u dokumenti personali (ittri, manuskritti, eċċ.), kemm-il darba mhumiex parti minn kollezzjoni. Huma wkoll imposti restrizzjonijiet għal raġunijiet soċjali. Il-pretensjonijiet ta' l-impjegati għall-ħlas fuq min jimpjega, fis-settur pubbliku jew privat, jistgħu jkunu soġġetti għall-infurzar biss sa ċertu limitu, skond il-każ in kwistjoni, (ġeneralment wieħed minn ħamsa, iżda hemm regoli speċjali li jirregolaw kategoriji differenti ta' impjegati), biex l-impjegat/debitur jista' jkopri l-ispejjeż bażiċi ta' l-għajxien. B'mod simili, l-għodda, l-oġgetti u l-kotba li huma essenzjali biex id-debitur jeżerċita l-professjoni tiegħu jistgħu jkunu soġġetti għall-infurzar biss f'limiti stretti ħafna. Xi pretensjonijiet ma jistgħux ikunu soġġetti għall-infurzar, bħall-benefiċċju soċjali għall-persuni fil-bżonn jew morda, ħlasijiet ta' manteniment, jiġifieri somom pagabbli minn membru tal-familja lil ieħor (minn ġenituri lit-tfal, minn konjuġi lill-ieħor, eċċ.), fejn il-persuna hija fil-bżonn u m'għandhiex mezzi finanzjarji. Hemm aktar limitazzjonijiet, stabbiliti taħt regoli speċifiċi biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-bżonnijiet li jitqiesu li jipprevalu fuq l-interess tal-kreditur. Dawk l-aktar importanti jinkludu sitwazzjonijiet li jinvolvu l-infurzar fejn id-debitur huwa amministrazzjoni pubblika: f'dawn il-każijiet ir-regoli speċjali jirrikjedu li 1) f'xi ċirkostanzi l-infurzar ma jistax jinbeda qabel ma jgħaddi ċertu żmien sabiex l-amministrazzjoni tkun tista' tlesti l-proċeduri tar-rendikonti meħtieġa mil-liġi tal-korpijiet pubbliċi, 2) li xi fondi pubbliċi maħsuba li jilħqu bżonnijiet soċjali ta' priorità (eż., fondi għall-miżuri kontra d-droga) ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jkunu soġġetti għall-infurzar. Fl-aħħar hemm regoli li jipprevjenu l-infurzar li jinvolvi xi sigurtajiet speċjali, bħall-azzjonijiet jew holdings f'kooperattivi biex jiġi żgurat li l-partijiet barranin ma jistgħux jiksbu dħul fil-kooperattiva permezz ta' l-infurzar (regoli ta' l-“approvazzjoni”).

FuqFuq

3.2. X’inhuma l-effetti tal-miżuri ta’ l-infurzar?
3.2.1. X’inhuma l-effetti ta’ l-infurzar fuq debituri li ma jikkonformawx? Jistghu jkomplu jiddisponu mill-proprjetà tagħhom? Jistgħu jiġu imposti l-penali fuqhom?

Il-proċeduri ta' l-infurzar huma bbażati fuq kondizzjonijiet imposti fuq l-assi tad-debitur. Il-marixxalli, li jkollhom ordni ta' l-infurzar, ifittxu l-assi jew somma ta' flus fid-dar tad-debitur, fuq il-persuna tiegħu jew fuq il-post ta' terzi. Jista' jkollhom aċċess għad-dar u, fejn isibu ostakolu, jistgħu jegħlbu r-reżistenza tad-debitur, fejn meħtieġ bl-għajnuna tal-forzi tal-liġi u l-ordni. Ladarba l-assi jkunu ġew identifikati, jiġi maqbuda. Dan huwa l-ewwel stadju tal-proċess ta' l-infurzar. Il-qbid huwa ordni maħruġ lid-debitur biex jiddeżisti milli jieħu azzjoni, minn dak il-mument, fir-rigward ta' l-assi li jista' jirriżulta fit-tneħħija ta' l-assi mill-proċedura. Fil-każ ta' assi immobbli, il-qbid jiġi nnutat fir-reġistru tal-proprjetajiet, li jagħmel il-fatt magħruf lil terzi. Imbagħad il-marixxalli jikkonsenjaw il-flus, il-krediti dokumentarji u l-oġġetti prezzjużi li jkunu sabu lid-Deputat tal-Qorti. Kull oġġett ieħor, b'mod notevoli l-assi immobbli, huma fdati lil kustodju (jew, taħt xi kondizzjonijiet, lid-debitur, per eżempju, jekk id-debitur jgħix fil-proprjetà). Fi kwalunkwe każ, il-qorti responsabbli għall-infurzar tagħti lill-kustodju jew lill-amministratur ta' l-assi istruzzjonijiet xierqa sakemm isir il-bejgħ jew sakemm jiġu assenjati l-assi lill-kreditur. Dawn l-istruzzjonijiet għandhom jiġu segwiti, u l-kustodju jew l-amministratur huma responsabbli taħt il-liġi ċivili (għal kwalunkwe dannu) u taħt il-liġi kriminali, fuq il-bażi tal-bosta dispożizzjonijiet fil-Kodiċi Kriminali, jekk l-oġġetti huma mneħħija, meqruda jew permessi li jiddeterjoraw b'riżultat ta' l-atti kommessi volontarjament jew atti ta' negliġenza.

FuqFuq

Il-qbid ma' jistax jitreġġa' lura. Fuq talba tad-debitur, il-qorti tista' tissostitwixxi l-qbid ta' somma ta' flus magħmula disponibbli mid-debitur għall-qbid ta' l-assi (jew pretensjonijiet fuq terzi). Is-somma tista' tiġi trasferita bin-nifs. Barra minn dan, jekk il-valur ta' l-assi jeċċedi l-ammont tal-pretensjoni li se tiġi infurzata u l-ispejjeż tal-proċedura, il-qorti tordna t-tnaqqis tal-qbid, ħlief għal xi oġġetti jew partijiet minnhom.

3.2.2. X’inhuma l-effetti fuq terzi? X’obbligi għandu l-bank fir-rigward tal-proviżjon ta’ informazzjoni mitluba u l-obbligi imposti fuq l-ammonti depożitati? X’inhuma l-penali għal nuqqas ta’ ħarsien tal-kondizzjonijiet imposti?

L-assi huma maqbuda sakemm titlesta l-proċedura ta' l-infurzar, bil-konsegwenza li kwalunkwe att sussegwenti relatat ma' l-assi, ukoll jekk huwa stess formalment validu, ma jkollu ebda effett fuq l-infurzar, li tipproċedi u hija konkluża irrispettivament minnhom. L-istess responsabbiltà tal-kustodi u ta' l-amministraturi (ara fuq, 3.2.1) tgħodd għall-impjegati tal-bank, li mhumiex permessi jipprovdu informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet imposti fuq id-depożiti, il-kontijiet kurrenti jew is-sigurtajiet mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-qorti li qed tinforza.

3.3. X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tad-debitur tas-sentenza? It-terminu tagħhom huwa limitat bil-liġi jew mill-qorti?

Kif jingħad b'risposta għall-mistoqsija 3.2.1, l-infurzar irażżan lid-debitur milli jiddisponi mill-assi (jew jirrestrinġi d-dispożabbiltà għal-limiti imposti mill-qorti). Dan l-obbligu huwa intiż li jiżgura li l-pretensjoni tal-kreditur tiġi onorata u għalhekk jgħodd sakemm l-assi huma mibjugħin jew trasferiti lill-kreditur. Ladarba l-assi jkunu ġew maqbuda, il-kreditur li qed jinforza għandu jitlob li l-formalitajiet meħtieġa għas-sodisfazzjon tal-pretensjoni ikomplu f'ċerti termini ta' żmien. Jekk it-termini jiskadu mingħajr ebda talba għall-bejgħ jew assenjazzjoni ta' l-assi, il-qbid isir mingħajr effett u l-proċedura tiskadi (tista' tinbeda proċedura ta' l-infurzar mill-ġdid).

FuqFuq

4. Hemm possibbiltà ta’ appell minn deċiżjoni li tagħti din il-miżura?

4.1. Min jista’ jimpunja d-deċiżjoni?

Il-proċeduri ta' l-infurzar huma kkontrollati mill-qrati. Persuna li kontriha jintalab l-infurzar tista' tappella lill-qorti biex teżerċita l-kontroll billi topponi l-infurzar. Id-debitur jew kwalunkwe parti li ssoffri ħsara b'riżultat ta' l-azzjonijiet tal-kreditur (per eżempju fejn xi partijiet jallegaw li l-assi soġġetti għall-infurzar huma fil-fatt proprjetà tagħhom) jista' jagħmel rappreżentazzjonijiet. Tista' ssir oppożizzjoni għall-infurzar qabel jew matul il-proċeduri ta' l-infurzar. Ir-reazzjonijiet tad-debitur u ta' terzi jissejħu rappreżentazzjonijiet kontra l-infurzar fejn jinnegaw id-dritt ta' l-infurzar tal-pretensjoni, jew għall-proċediment, ghal raġunijiet soġġettivi jew oġġettivi. Huma wkoll permessi appelli fejn l-atti individwali relatati mal-proċedura ta' l-infurzar fihom irregolaritajiet formali. F'dan il-każ, l-istrument huwa magħruf bħala appell kontra l-att ta' l-infurzar.

4.2. Liema qrati jittrattaw każijiet bħal dawn?

Fl-ewwel każ (rappreżentazzjonijiet kontra l-infurzar) il-qorti responsabbli għall-każijiet fiż-żona li tinvolvi s-somom in kwistjoni tisma' rappreżentazzjoni fi proċeduri ordinarji indipendenti u mbagħad tiddeċiedi. Ir-rappreżentazzjonijiet kontra l-atti ta' l-infurzar isiru lill-qorti responsabbli għall-infurzar, li teżamina l-applikazzjonijiet u tagħti s-sentenza. Fiż-żewġ każijiet, l-uniku appell permess kontra s-sentenza huwa lill-Qorti tal-Kassazzjoni (wara r-riforma ta' l-2006).

4.3. Meta jiskadi t-terminu għall-appell?

Ir-rappreżentazzjonijiet kontra l-infurzar jistgħu jsiru qabel jew waqt il-proċedura. Għalhekk ma hemm ebda terminu speċifiku. Iżda hemm terminu naturali, jiġifieri l-konklużjoni tal-proċedura ta' l-infurzar. Ir-rappreżentazzjonijiet kontra l-atti ta' l-infurzar, min-naħa l-oħra, għandhom isiru fi żmien ħamest ijiem mit-twettiq ta' l-att kontestat.

4.4. X’inhu l-effett ta’ l-appell?

Fejn hemm raġunjiet gravi biex isir dan, il-qorti tissospendi l-infurzar u tordna l-miżuri meħtieġa biex titrażżan ħsara żejda. Jekk il-proċedura ta' l-infurzar tkun laħqet l-istadju fejn qed jitħallsu l-flejjes, is-sospensjoni hija obbligatorja.

« Infurzar tas-sentenzi - Informazzjoni Ġenerali | Italja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 09-10-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit