Kummissjoni Ewropea > NGE > Infurzar tas-sentenzi > Irlanda

L-aħħar aġġornament: 20-02-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Infurzar tas-sentenzi - Irlanda

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Xi tfisser “infurzar” fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali? 1.
2. X’inhuma l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jinħarġu titolu jew deċiżjoni eżegwibbli? 2.
2.1. Il-proċedura 2.1.
2.2. Il-kondizzjonijiet sostantivi 2.2.
3. X’inhuma l-għan u n-natura ta’ l-infurzar? 3.
3.1. X’tipi ta’ beni jistgħu jiġu suġġetti għall-infurzar? 3.1.
3.2. X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri? 3.2.
3.3. X’validità għandhom dawn il-miżuri? 3.3.
4. Jista’ jsir appell mid-deċiżjoni li tipprovdi din il-miżura? 4.

 

1. Xi tfisser “infurzar” fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

Fl-Irlanda, ma teżisti l-ebda definizzjoni ta’ “infurzar”. F’termini prattiċi, “infurzar” tfisser l-att tat-twettiq ta’ sentenza jew ordni ta’ qorti. Din l-azzjoni għall-infurzar normalment tiġi awtorizzata mill-qorti qabel ma titwettaq.

Dawn li ġejjin huma l-iktar modi komuni ta’ infurzar ta’ natura ċivili u kummerċjali fl-Irlanda:

Eżekuzzjoni

Din it-tip ta’ azzjoni tinvolvi l-qbid ta’ oġġetti tad-debitur skond it-titolu li joħroġ mis-sentenza. Il-Qorti toħroġ ordni fuq talba tal-kreditur fejn tordna lir-Reġistratur tal-Kontea (jew lix-Xeriff fil-każ ta’ Dublin jew Cork) biex taqbad oġġetti tal-valur tad-dejn skond it-titolu li joħroġ mis-sentenza (inklużi kwalunkwe spejjeż legali involuti). Dawn l-oġġetti mbagħad jistgħu jinbiegħu sabiex jitħallas id-debitu.

Reġistrazzjoni

L-eżistenza ta’ sentenza tista’ ssir materja pubblika billi tiġi rreġistrata fir-Reġistru tas-Sentenzi fil-Qorti Għolja. Fir-Reġistru titniżżel kull sentenza li l-kreditur rispettiv ikun talab li titniżżel, irrispettivament minn jekk ingħatatx fil-Qorti tad-Distrett, f’dik taċ-Ċirkwit jew fil-Qorti Għolja. L-isem u l-indirizz tad-debitur flimkien mad-dettalji tas-sentenza jiġu ppubblikati f’xi gazzetti u f’pubblikazzjonijiet kummerċjali bħalma hija l-iStubbs Gazette. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jirreġistraw dan it-tagħrif u sentenza li ma tiġix onorata tista’ taffettwa l-aċċess tad-debitur għall-finanzi.

Affidavit ta’ Ipoteka b'Titolu li Joħroġ minn Sentenza

Affidavit jista’ jinħalef mill-kreditur u, bl-approvazzjoni tal-qorti, jista’ jiġi rreġistrat fuq il-proprjetà tad-debitur. Id-dħul mill-bejgħ tal-proprjetà jrid, wara li titqies il-prijorità ta’ ipoteki oħra, jiġi applikat biex jitħallas id-dejn u mbagħad il-bqija jingħata lid-debitur. Pass ulterjuri li l-kreditur jista’ jieħu huwa li jitlob lill-qorti li tagħti ordni biex jiġi rreġistrat ‘piż’ fuq il-proprjetà jew ordni għall-bejgħ tal-proprjetà.

FuqFuq

Ordni biex Debitu li Joħroġ minn Sentenza Jitħallas bin-Nifs / Ordni ta’ Arrest

Tista’ ssir talba lill-Qorti tad-Distrett għal ordni biex il-ħlas ta’ debitu li joħroġ minn sentenza jsir bin-nifs skond l-Atti ta’ l-1926 u l-1940 dwar l-Infurzar ta’ Ordnijiet tal-Qorti. Il-ġudikant jiddeċiedi, wara li jqis il-mezzi tad-debitur, ir-rata li d-debitur għandu jiġi ordnat iħallas biha. Ordni ta’ arrest tista’ tinħareġ biss kontra persuni naturali u mhux kontra entitajiet ġuridiċi – jiġifieri kumpaniji. Jekk ma jsirx xi ħlas skond ordni għal ħlas bin-nifs, dan jista’ jwassal għal talba biex tinħareġ ordni ta’ arrest.

Qbid ta’ Pagi/Salarji

Tista’ tinkiseb ordni minn kreditur skond titolu li joħroġ minn sentenza, fejn jiġi ordnat li jsir tnaqqis direttament mill-pagi / salarji tad-debitur. L-effett ta’ dan huwa li jsir ħlas direttament mill-impjegatur tad-debitur lill-kreditur.

Sekwestru

Meta kreditur skond titolu li joħroġ minn sentenza jkun konxju minn dejn dovut minn persuna terza lid-debitur, tista’ ssir talba lill-qorti biex tinħareġ ordni fejn il-persuna terza tiġi ordnata tħallas ċertu ammont direttament lill-kreditur.

Riċevitur b’Eżekuzzjoni Ekwa

Din il-miżura tinvolvi l-ħatra ta’ riċevitur mill-qorti, fuq, ngħidu aħna, id-dħul minn beni tad-debitur sabiex jitħallas id-dejn.

Ta’ min jinnota li l-mezzi biex wieħed jipprova jinforza sentenza huma fid-diskrezzjoni tal-kreditur skond is-sentenza u tal-konsulenti legali. Is-Servizz tal-Qorti ma jisuġġerixxi l-ebda mod ta’ azzjoni partikulari. Dan l-elenku mhuwiex maħsub biex ikun assolut imma jiddeskrivi biss fil-qosor il-proċeduri komuni li jintużaw.

FuqFuq

2. X’inhuma l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jinħarġu titolu jew deċiżjoni eżegwibbli?

2.1. Il-proċedura

Huma eżegwibbli d-deċiżjonijiet ġudizzjarji u ċerti deċiżjonijiet mhux ġudizzjarj. Flimkien ma’ l-ordnijiet tal-qorti, dawn jinkludu sentenzi f’kawżi sommarji li jingħataw minn Reġistratur tal-Qorti Għolja jew ir-Reġistratur tal-Kontea fil-Qorti taċ-Ċirkwit.

Normalment, trid tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-qorti li tat is-sentenza sabiex is-sentenza tiġi infurzata. Madanakollu, f’xi każijiet, bħalma huma l-eżekuzzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-affidavits ta’ ipoteka b’titolu li joħroġ minn sentenza, m’hemmx għalfejn issir talba lill-qorti. L-awtorizzazzjoni tista’ tingħata mill-uffiċċju tal-qorti kkonċernat.

Biex jiġu infurzati sentenzi minn ġuriżdizzjonijiet oħra skond ir-Regolamenti ta’ l-UE, il-qorti kompetenti hija l-Qorti Għolja. Il-funzjonijiet fir-rigward tar-Regolament (KE) 44/2001 ġew iddelegati lill-Master of the High Court u talba għal dikjarazzjoni li sentenza tista’ tiġi infurzata fl-Irlanda u Ordni sussegwenti għall-infurzar tas-sentenza jistgħu jsiru waqt is-seduta.

Sentenza ċċertifikata bħala Ordni ta’ Infurzar Ewropea maħruġa skond ir-Regolament (KE) 805/2004 tingħata għarfien bħallikieku kienet sentenza tal-Qorti Għolja, u jkollha l-istess effett u tiġi infurzata f’dan ir-rigward. Ir-regolamenti domestiċi li jirregolaw dan il-proċess jinsabu fl-S.I. 648 ta’ l-2005.

Fil-każ ta’ sentenza mogħtija biex talba mhux ikkontestata tiġi infurzata f’ġuriżdizzjoni oħra ta’ l-UE, il-qorti li tat is-sentenza għandha ġuriżdizzjoni fir-rigward ta’ talbiet marbuta ma’ l-infurzar tagħha skond ir-Regolament 805/2004 dwar Ordnijiet ta’ Infurzar Ewropej.

FuqFuq

It-talba għall-infurzar ta’ sentenza normalment issir lill-qorti (jew fl-uffiċċju tal-qorti) minn prattikant tal-liġi, għalkemm mhux bilfors kreditur ikollu rappreżentant legali. It-talbiet iridu jsiru kollha personalment, madanakollu, u ma jistgħux isiru talbiet bil-posta. Għal parir dwar il-prattika u l-proċedura involuti, tista’ tikkuntattja t-Taqsima tas-Sentenzi tal-Qorti Għolja fuq HighCourtCentralOffice@Courts.ie.

L-ispejjeż (drittijiet) imposti mis-Servizz tal-Qorti huma minimi u d-drittijiet preżenti jidhru fl-Ordnijiet dwar id-Drittijiet fuq www.courts.ie English. L-ispejjeż li jista’ jkun hemm fir-rigward ta’ avukati konsulenti huma ħaġa ta’ bejn il-kredituri u r-rappreżentanti legali tagħhom. Xi wħud mill-ispejjeż, jew l-ispejjeż kolha, involuti fil-proċedura ta’ l-infurzar jistgħu jiġu stabbiliti mill-Qorti.

2.2. Il-kondizzjonijiet sostantivi

L-Artikolu 15 ta’ l-Att ta’ l-1926 dwar l-Infurzar ta’ l-Ordnijiet tal-Qorti (kif mibdul bl-Artikolu 5 (1) ta’ l-Att (Nru 2) ta’ l-1986 dwar il-Qrati) jistipula li fejn debitu jkun dovut fuq il-bażi ta’ sentenza, ordni jew digriet, il-kreditur jista’ jagħmel talba lill-Qorti tad-Distrett għall-ħruġ ta’ taħrika fejn id-debitur jiġi ordnat jattendi għal eżami tal-mezzi tiegħu minn Ġudikant tal-Qorti Distrettwali. Talba għal Ordni għall-Infurzar trid issir fi żmien sitt snin mid-data tas-sentenza, l-ordni jew id-digriet. Il-kreditur irid iġib provi tad-debitu oriġinali u d-debitur irid jagħmel stqarrija dwar il-mezzi tiegħu. L-Artikolu 16 ta’ l-Att ta’ l-1926 kif emendat bl-Artikolu 9 ta’ l-Att ta’ l-1986 jippermetti li tinġieb xhieda u jsiru kontroeżami tad-debitur jew il-kreditur. Ordni għall-infurzar tista’ tibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ tnax-il sena mid-data tas-sentenza, l-ordni jew id-digriet rilevanti.

FuqFuq

3. X’inhuma l-għan u n-natura ta’ l-infurzar?

3.1. X’tipi ta’ beni jistgħu jiġu suġġetti għall-infurzar?

Kull tip ta’ beni, ħlief oġġetti li jispiċċaw jew oġġetti miżmuma mid-debitur fuq bażi ta’ bejgħ jew riżarċiment, jista’ jkun suġġett għall-infurzar.

3.2. X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

In-nuqqas ta’ osservanza ta’ Ordni tal-Qorti tista’ twassal għal sanzjonijet, kontra l-parti li tonqos, fuq disprezz. Il-pieni li jistgħu jiġu imposti mill-Qorti jinkludu multi jew priġunerija sakemm jieqaf id-disprezz. Għaldaqstant, m’hemm l-ebda limitu fuq it-tul ta’ żmien li persuna tista’ tinżamm il-ħabs. Dan japplika wkoll għal kwalunkwe persuna terza li tikser it-termini ta’ Ordni tal-Qorti.

Ta’ min jinnota li, skond l-Artikolu 20 ta’ l-Att ta’ l-1926 dwar l-Infurzar ta’ Ordnijiet tal-Qorti, il-priġunerija ta’ debitur fuq nuqqas ta’ osservanza ta’ ordni ta’ ħlas bin-nifs ta’ debitu li joħroġ minn sentenza ma sservix biex tissodisfa jew taqta’ d-dejn jew xi parti minnu, u ma twaqqafx lill-kreditur milli jfittex rimedji oħra biex jirkupra d-djun.

Il-banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra huma marbuta bl-istess obbligi bħalma japplikaw għal partijiet oħra fir-rigward ta’ l-osservanza ta’ l-Ordnijiet tal-Qorti. F’ċirkustanzi li ma jkunux koperti speċifikament b’Ordni tal-Qorti, għandhom jitqiesu l-leġiżlazzjoni u r-regolamenti li japplikaw fir-rigward ta’ tagħrif personali miżmum minn istituzzjoni bħal din (ngħidu aħna l-Att ta’ l-1988 dwar il-Protezzjoni tad-Data).

FuqFuq

3.3. X’validità għandhom dawn il-miżuri?

Ċerti ordnijiet dejjem jistipulaw it-tul ta’ żmien li fih il-parti kkonċernata trid tosserva t-termini ta’ l-ordni, għalkemm dan mhux bilfors japplika għall-ordnijiet kollha. Sentenza hija valida għal perjodu ta’ tnax-il sena għalkemm xi wħud mill-miżuri ta’ infurzar li jistgħu jiġu approvati għandhom limiti ta’ żmien stipulati fir-Regoli tal-Qorti jew fil-leġiżlazzjoni. Ngħidu aħna, Ordni ta’ infurzar maħruġa mill-Qorti Għolja hija valida għal sena minn meta tinħareġ. Wara din il-perjodu, tkun meħtieġa ordni ta’ infurzar oħra.

4. Jista’ jsir appell mid-deċiżjoni li tipprovdi din il-miżura?

Normalment ma’ jistax isir appell mill-miżura nnifisha kif awtorizzata mill-uffiċċju tal-qorti imma mis-sentenza dwar is-sustanza jew l-ordni li s-sentenza tkun imsejsa fuqha. Il-parti affettwata tista’ titlob lill-qorti ta’ l-appell biex tirrevoka s-sentenza jew l-ordni. Il-limiti ta’ żmien li fihom iridu jsiru l-appelli jvarjaw u huma kif ġej -

mill-Qorti tad-Distrett għall-Qorti taċ-Ċirkwit: fi żmien erbatax-il jum mis-sentenza jew ordni;

mill-Qorti taċ-Ċirkwit għall-Qorti Għolja: fi żmien għaxart ijiem mid-data ta’ l-ordni;

mill-Master’s Court għall-Qorti Għolja: fi żmien sitt ijiem mid-data tal-“perfezzjoni” ta’ l-ordni (xahar min-notifika ta’ l-ordni fil-każ ta’ infurzar ta’ sentenza barranja);

mill-Qorti Għolja għall-Qorti Suprema: 21 jum mid-data tal-“perfezzjoni” ta’ l-ordni;

Il-fatt li jitressaq appell ma m’għandux l-effett ta’ sospensjoni tas-sentenza jew ordni.

« Infurzar tas-sentenzi - Informazzjoni Ġenerali | Irlanda - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 20-02-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit