Kummissjoni Ewropea > NGE > Divorzju > Spanja

L-aħħar aġġornament: 09-01-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Divorzju - Spanja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex jinkiseb id-divorzju? 1.
2. X’inhuma r-raġunijiet għad-divorzju? 2.
3. X’inhuma l-effetti ġuridiċi tad-divorzju fuq: 3.
a) Ir-relazzjoni personali bejn il-konjuġi? a)
b) Id-diviżjoni tal-beni bejn il-miżżewġin? b)
c) It-tfal minuri taż-żwieġ? (Ara “Responsabilidad parental – España” [Ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri – Spanja]) c)
d) l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor? (Ara “Obligación de alimentos – España” [L-obbligu tal-manteniment - Spanja]) d)
4. Xi jfisser il-kunċett ta’ “separazzjoni legali” fil-prattika? 4.
5. X’inhuma l-kundizzjonijiet għas-separazzjoni legali? 5.
6. X’inhuma l-effetti ġuridiċi tas-separazzjoni legali? 6.
7. Xi jfisser l-"annullament taż-żwieġ" fil-prattika? 7.
8. X’inhuma ir-raġunijiet li jagħtu lok għan-nullità taż-żwieġ? 8.
9. X’inhuma l-effetti ġuridiċi tan-nullità taż-żwieġ? 9.
10. Jeżistu metodi alternattivi mhux ġudizzjarji għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet marbuta mad-divorzju? 10.
11. Fejn għandi nippreżenta t-talba tiegħi tad-divorzju/separazzjoni/annullament? Liema formalitajiet għandhom jiġu osservati u liema dokumenti għandhom jinthemżu mat-talba? 11.
a) Fejn għandi nippreżenta t-talba tiegħi a)
b) Formalitajiet u dokumenti b)
12. Nista’ nikseb għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura? 12.
13. Jista’ jsir appell mis-sentenza tad-divorzju, separazzjoni legali jew annullament? 13.
14. X’passi jridu jittieħdu sabiex sentenza ta’ divorzju, separazzjoni legali jew annullament ta' żwieġ mogħtija minn qorti f'pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea tiġi rikonoxxuta minn Stat Membru ieħor? 14.
15. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ deċiżjoni dwar divorzju, separazzjoni legali jew annullament ta' żwieġ mogħtija minn qorti f'pajjiż ieħor ta' l-Unjoni Ewropea? X’inhi l-proċedura applikabbli f’dan il-każ? 15.
16. Liema hi l-liġi applikabbli fi proċeduri ta’ divorzju bejn miżżewġin li mhumiex residenti fi Spanja jew li għandhom nazzjonalità differenti? 16.

 

1. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex jinkiseb id-divorzju?

Wara r-riforma li saret bil-Liġi 15/2005, id-divorzju fi Spanja ma jeħtieġx li jsegwi separazzjoni ġudizzjarja u lanqas ma jeħtieġ il-konverġenza ta' kawżali ddeterminati legalment. Dan ifisser li huwa possibbli li wieħed jibda azzjoni direttament biex jikseb divorzju mingħajr invokazzjoni ta' kawża (id-divorzju dejjem jeħtieġ deċiżjoni ġudizzjarja).

Il-proċedura tad-divorzju tista' tinbeda fuq talba ta' wieħed mill-konjuġi, fuq talba ta' wieħed minnhom bil-kunsens ta' l-ieħor jew fuq talba taż-żewġ konjuġi. Sabiex jingħata, huma meħtieġa dawn ir-rekwiżiti:

  1. Tliet xhur għandhom ikunu għaddew miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ jekk id-divorzju jintalab fuq talba taż-żewġ konjuġi jew fuq talba ta' wieħed bil-kunsens ta' l-ieħor.
  2. Tliet xhur għandhom ikunu għaddew miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ jekk id-divorzju jinbeda fuq talba ta' konjuġi wieħed biss.
  3. Ma hemm ebda ħtieġa ta' mogħdija ta' żmien miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ biex jinkiseb divorzju meta hemm evidenza ta' riskju għall-ħajja, l-integrità fiżika, il-libertà, l-integrità morali jew l-indennità sesswali għall-konjuġi li huwa l-attur fid-divorzju jew għat-tfal taż-żewġ konjuġi jew ta' wieħed minnhom.

Minħabba s-sistema deskritta, jista' jingħad li biex jingħata d-divorzju, huwa biżżejjed bir-rekwiżiti msemmija hawn fuq sabiex bħala prinċipju (u ħlief fl-aħħar sitwazzjoni), il-konvenut ma jistax jopponi d-divorzju fuq il-bażi ta' raġunijiet materjali.

Iżda minbarra l-azzjoni diretta għad-divorzju, il-leġiżlazzjoni Spanjola wkoll tipprevedi l-possibbiltà li tintalab separazzjoni legali fejn il-ħajja komuni hija sospiża iżda ż-żwieġ ma jinħallx.

FuqFuq

Kif intqal qabel, id-divorzju (kif ukoll is-separazzjoni legali) jista' jintalab:

  • Fuq talba ta' konjuġi wieħed biss
  • Fuq talba taż-żewġ konjuġi jew wieħed minnhom bil-kunsens ta' l-ieħor.

Fl-ewwel każ it-talba għandha tinkludi proposta tal-miżuri li għandhom jirregolaw l-effetti derivati mid-divorzju jew is-separazzjoni. Dawn il-miżuri jkunu s-suġett ta' dibattiti matul il-proċess, u l-Imħallef jiddeċiedi dwarhom jekk ma hemm ebda ftehim milħuq bejn il-konjuġi.

Fit-tieni sitwazzjoni l-pretensjoni għandha tinkludi ftehim milħuq bejn il-konjuġi dwar il-miżuri li għandhom jiġu adottati. Dawn huma dawk li jaffettwaw: l-indirizz komuni, il-kura u s-sostenn ta' l-ulied, id-diviżjoni tal-proprjetajiet komuni, u l-pensjonijiet possibbli bejn il-konjuġi.

Ir-regolazzjoni tas-separazzjoni u d-divorzju topera għal kollox fir-rigward tat-tipi taż-żwiġijiet kollha li jseħħu kemm bejn persuni ta' l-istess sess jew sess differenti peress li sa mil-Liġi 13/2005 il-leġiżlazzjoni Spanjola tirrikonoxxi li l-irġiel u n-nisa għandhom id-dritt jikkuntrattaw iż-żwieġ, u ż-żwieġ huwa soġġett għall-istess rekwiżiti u effetti irrispettivament minn jekk il-konjuġi humiex ta' l-istess sess jew ta' sess differenti.

2. X’inhuma r-raġunijiet għad-divorzju?

Wara r-riforma li saret bil-Liġi 15/2005, id-divorzju fi Spanja ma jeħtieġx il-konkorrenza ta' kawżali għaliex iż-żamma taż-żwieġ jitqies li huwa manifestazzjoni tal-ħelsien tal-konjuġi.

L-unika ħaġa meħtieġa hija r-rispett ta' terminu minimu li jingħadd miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ qabel ma ssir l-azzjoni għad-divorzju (sikur f'xi każijiet). Dan it-terminu huwa dan li ġej

FuqFuq

  1. Tliet xhur għandhom ikunu għaddew miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ jekk id-divorzju jintalab fuq talba taż-żewġ konjuġu jew fuq talba ta' wieħed bil-kunsens ta' l-ieħor.
  2. Tliet xhur għandhom ikunu għaddew miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ jekk id-divorzju jinbeda fuq talba ta' konjuġi wieħed biss.
  3. Ma hemm ebda ħtieġa ta' mogħdija ta' żmien miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ biex jinkiseb divorzju meta hemm evidenza ta' riskju għall-ħajja, l-integrità fiżika, il-libertà, l-integrità morali jew l-indennità sesswali għall-konjuġi li huwa l-attur fid-divorzju jew għat-tfal taż-żewġ konjuġi jew ta' wieħed minnhom.

3. X’inhuma l-effetti ġuridiċi tad-divorzju fuq:

a) Ir-relazzjoni personali bejn il-konjuġi?

L-ewwel effett tad-divorzju huwa x-xoljiment tar-rabta matrimonjali. Konsegwentement, jipproduċi l-estinzjoni ta’ l-obbligu tal-konvivenza u ta’ l-għajnuna reċiproka li jitnisslu miż-żwieġ, u l-miżżewġin jiġu ħielsa li jiżżewġu mill-ġdid.

Fi Spanja ż-żwieġ ma jwassalx għat-telfien tal-kunjom minn l-ebda wieħed mill-miżżewġin u għalhekk id-divorzju ma jwassal għal ebda bidla f’dan. L-unika bidla li sseħħ fil-kondizzjoni personali tal-miżżewġin minħabba d-divorzju hija l-bidla fl-istat ċivili minn dak ta’ persuna miżżewġa għal dak ta’ waħda divorzjata.

b) Id-diviżjoni tal-beni bejn il-miżżewġin?

Id-divorzju jwassal għax-xoljiment tar-reġim ekonomiku matrimonjali u għal-likwidazzjoni tal-beni komuni li ġew akkwistati li tispiċċa bid-diviżjoni tal-beni komuni bejn il-konjuġi, proċess li jiġi regolat mir-reġim ekonomiku li kien japplika waqt iż-żwieġ.

FuqFuq

c) It-tfal minuri taż-żwieġ? (Ara “Responsabilidad parental – España” [Ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri – Spanja])

Id-deċiżjoni dwar id-divorzju ma tbiddilx ir-relazzjonijiet tal-ġenituri ma’ l-ulied komuni, ħlief fejn tidħol il-kustodja li dwarha tipprovdi l-qorti li tiddikjara d-divorzju, billi tassenjaha lil wieħed mill-konjuġi bi dritt ta’ aċċess għall-konjuġi l-ieħor, jew billi tipprovdi għal sistema ta’ kustodja konġunta.

Biex tingħata kustodja konġunta, bħala prinċipju, għandu jkun hemm ftehim bejn il-ġenituri (milħuq jew permezz tal-proposta inizjali ta' ftehim regolatorju, jew matul il-proċedura), għalkemm eċċezzjonalment l-Imħallef (fuq talba ta’ xi ħadd mill-ġenituri u dejjem b’opinjoni favorevoli tal-Prosekutur) jista’ jiddeċiedi li jagħti kustodja konġunta u jibbaża d-deċiżjoni fuq il-fatt li huwa biss permezz ta’ dan ir-reġim ta’ kustodja li l-interess superjuri tal-minuri se jkun imħares tajjeb.

Il-prinċipju sottostanti hu li d-divorzju ma jilliberax lill-ġenituri mill-obbligi lejn uliedhom, u dan ifisser li ż-żewġ ġenituri jridu jikkontribwixxu għall-manteniment tagħhom.

Normalment dan ifisser li l-konjuġi mingħajr il-kustodja jkun obbligat iħallas il-manteniment lill-parti li jkollha l-kustodja tagħhom, sakemm dawn jiksbu l-indipendenza finanzjarja tagħhom jew ikunu jidhru li ma jkunx irnexxielhom jilħqu dak il-livell minħabba raġunijiet imputabbli lilhom stess.

d) l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor? (Ara “Obligación de alimentos – España” [L-obbligu tal-manteniment - Spanja])

Id-divorzju jtemm l-obbligu tal-konvivenza u ta’ l-għajnuna reċiproka; għaldaqstant l-ebda wieħed mill-konjuġi ma jkollu l-obbligu li jmantni lill-ieħor. Madankollu, jekk id-divorzju jwassal għal nuqqas ta’ ekwilibriju ekonomiku bejn il-konjuġi li jwassal biex wieħed minnhom ikun ifqar milli kien waqt iż-żwieġ, il-parti hekk preġudikata jkollha d-dritt li tirċievi mingħand il-parti l-oħra ammont ta’ manteniment li jagħmel tajjeb għal dak in-nuqqas ta’ ekwilibriju.

FuqFuq

4. Xi jfisser il-kunċett ta’ “separazzjoni legali” fil-prattika?

Is-separazzjoni legali tfisser li l-miżżewġin ma jgħixux aktar flimkien, jew fi kliem ieħor il-waqfien ta’ l-obbligu tal-konvivenza, mingħajr ħsara għal kwalunkwe arranġamenti ta' manteniment li jistgħu jaslu għalihom li jkunu meqjusa xierqa sabiex jiġi korrett kwalunkwe żbilanċ. Fl-istess ħin, ebda parti ma għandha aktar il-possibbiltà li tuża l-beni tal-parti l-oħra sabiex tħallas spejjeż taż-żwieġ.

5. X’inhuma l-kundizzjonijiet għas-separazzjoni legali?

Bħad-divorzju, wara r-riforma permezz tal-Liġi 15/2005, is-separazzjoni legali fi Spanja ma teħtieġx il-konverġenza ta' kawżali għaliex iż-żamma taż-żwieġ titqies bħala l-manifestazzjoni tal-libertà tal-konjuġi.

L-unika ħaġa meħtieġa hija r-rispett ta' terminu minimu li jingħadd miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ qabel ma ssir l-azzjoni għas-separazzjoni legali (sikur f'xi każijiet). Dan it-terminu huwa dan li ġej

  1. Tliet xhur għandhom ikunu għaddew miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ jekk is-separazzjoni legali tintalab fuq talba taż-żewġ konjuġi jew fuq talba ta' wieħed bil-kunsens ta' l-ieħor.
  2. Tliet xhur għandhom ikunu għaddew miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ jekk is-separazzjoni legali tinbeda fuq talba ta' konjuġi wieħed biss
  3. Ma hemm ebda ħtieġa ta' mogħdija ta' żmien miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ biex tinkiseb separazzjoni legali meta hemm evidenza ta' riskju għall-ħajja, l-integrità fiżika, il-libertà, l-integrità morali jew l-indennità sesswali għall-konjuġi li huwa l-attur fid-divorzju jew għat-tfal taż-żewġ konjuġi jew ta' wieħed minnhom.

6. X’inhuma l-effetti ġuridiċi tas-separazzjoni legali?

L-effetti ġuridiċi tas-separazzjoni legali huma l-istess bħal dawk tad-divorzju, bl-unika differenza li s-separazzjoni ma twassalx għax-xoljiment tar-rabta taż-żwieġ. Għaldaqstant hija possibbli r-rikonċiljazzjoni li permezz tagħha titkompla mill-ġdid il-ħajja miżżewġa mingħajr il-bżonn li l-konjuġi jerġgħu jiċċelebraw iż-żwieġ.

FuqFuq

7. Xi jfisser l-"annullament taż-żwieġ" fil-prattika?

L-annullament taż-żwieġ ifisser dikjarazzjoni ġudizzjarja li ż-żwieġ kellu difetti tali li jirrenduh null u bla effett sa minn meta ġie konkluż, id-dikjarazzjoni ġudizzjarja tfisser effettivament li ż-żwieġ qatt ma eżista u li għalhekk ma pproduċa l-ebda effett. Għaldaqstant, iż-żewġ konjuġi jmorru lura għall-istat ta’ persuni mhux miżżewġa.

L-annullament jwassal għax-xoljiment u l-likwidazzjoni tar-reġim ekonomiku matrimonjali u għall-waqfien ta’ l-obbligu ta’ ħajja flimkien u ta’ l-għajnuna reċiproka.

B’differenza minn dak li jiġri f’każijiet ta’ separazzjoni u divorzju, l-ineżistenza taż-żwieġ ma tippermettix li jiġi ffissat manteniment kompensatorju għaliex dan jirrikjedi l-eżistenza ta’ żwieġ validu; din hija sitwazzjoni mtaffa permezz tal-possibbiltà li jiġi ordnat indennizz favur il-konjuġi li daħal fiż-żwieġ b'bona fidi meta l-konjuġi l-ieħor ikkuntratta ż-żwieġ b’mala fidi.

Fejn għandhom x’jaqsmu l-ulied, dawn jibqa' jkollhom l-istess status legali li kellhom qabel id-digriet ta' annullament, u ghalħekk jibqgħu l-istess bħal fil-każ tas-separazzjoni jew id-divorzju.

8. X’inhuma ir-raġunijiet li jagħtu lok għan-nullità taż-żwieġ?

Ir-raġunijiet li jagħtu lok għan-nullità taż-żwieġ huma kif ġej:

  1. In-nuqqas ta' kunsens ta' wieħed mill-konjuġi biex jintrabat biż-żwieġ.
  2. Li ż-żwieġ ikun ġie kuntrattat minkejja li kien jeżisti impediment taż-żwieġ magħruf:
    1. Wieħed mill-partijiet kontraenti kien minuri mhux emanċipat, ħlief fil-każ ta' persuni li għandhom aktar minn 14-il sena li kisbu dispensa ġudizzjarja. (l-impediment ta' l-età).
    2. Wieħed mill-konjuġi kien marbut bi żwieġ ieħor fil-mument taż-żwieġ. (il-bigamija).
    3. Wieħed mill-partijiet kontraenti jkun axxendenti jew dixxendenti jew il-wild adottiv ta' l-ieħor (il-konsangwinità).
    4. Wieħed mill-partijiet ikun qarib ta' l-ieħor sat-tielet grad - minn ziju sa neputi - ħlief jekk ikunu kisbu dispensa ġudizzjarja (il-konsangwinità).
  3. Jekk xi wieħed mill-konjuġi kien ġie kkundannat bħala awtur jew kompliċi tal-qtil tal-konjuġi l-ieħor, sakemm ma tkunx inkisbet maħfra mill-Ministeru tal-Ġustizzja.
  4. Jekk iż-żwieġ ikun ġie ċelebrat mingħajr l-preżenza ta' l-Imħallef, Sindku jew impjegat ċivili li quddiemu għandu jiġi ċelebrat, jew mingħajr l-preżenza tax-xhieda. Madankollu, il-validità taż-żwieġ ma tistax tiġi effettwata mill-inkompetenza jew nuqqas ta' nominazzjoni leġittima ta' min jawtorizza ż-żwieġ, dejjem jekk għall-inqas wieħed mill-konjuġi jkun aġixxa b'bona fidi u l-uffiċjal ikun eżerċita l-funzjonijiet tiegħu pubblikament.
  5. Jekk xi wieħed mill-konjuġi kien intrabat biż-żwieġ taħt l-effett ta' żball dwar l-identità tal-parti l-oħra jew dwar il-kwalitajiet personali tagħha li kienu determinanti biex jingħata l-kunsens għaż-żwieġ.
  6. Jekk xi wieħed mill-konjuġi intrabat biż-żwieġ għaliex kien mġiegħel jew taħt biża' gravi.

9. X’inhuma l-effetti ġuridiċi tan-nullità taż-żwieġ?

In-nullità taż-żwieġ tiddetermina n-nuqqas ta’ validità tiegħu mill-mument li ġie ċelebrat. Huwa jwassal biex il-miżżewġin jerġgħu jiksbu l-istat ta’ persuni mhux miżżewġa.

FuqFuq

Minkejja dan, fir-rigward tat-tfal u tal-konjuġi li jkun aġixxa b'bona fidi, l-effetti li jkunu diġà saru ta’ żwieġ li jiġi annullat jibqgħu jgħoddu mill-mument taċ-ċelebrazzjoni tiegħu sakemm jiġi ddikjarat null.

Il-konjuġi li jkun aġixxa b'mala fidi ma jipparteċipax fil-profitti tal-konjuġi li jkun aġixxa b'bona fidi meta jiġi likwidat ir-reġim matrimonjali apparenti.

Min-naħa l-oħra, fil-każ li kien hemm koabitazzjoni, il-konjuġi li jkun aġixxa b'bona fidi jista’ wkoll jikseb indennizz sabiex itaffi l-iżbilanċ ekonomiku li tista’ tipproduċi d-dikjarazzjoni ta’ nullità.

10. Jeżistu metodi alternattivi mhux ġudizzjarji għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet marbuta mad-divorzju?

Fi Spanja, ebda Liġi ta’ l-Istat ma tirregola l-medjazzjoni tal-familja. Iżda hemm xi Liġijiet minn Komunitajiet Awtonomiċi li jagħmlu dan. Dawn huma l-Liġi 5/1997 tal-25 ta’ Ġunju, li tirregola s-sistema tas-servizzi soċjali fil-Komunità Valenzjana, il-Liġi 4/2001 tal-31 ta’ Mejju li tirregola l-medjazzjoni tal-familja f’Galizja, il-Liġi 1/2001 tal-15 ta’ Marzu dwar il-medjazzjoni tal-familja f'Katalonja, il-Liġi tad-19 ta’ Diċembru ta’ l-2001 tal-Komunità Valenzjana, il-Liġi 15/2003 tat-8 ta’ April dwar il-medjazzjoni tal-familja fil-Gżejjer Kanarji jew il-Liġi tat-2 ta’ Ġunju ta’ l-2005 ta’ Castile-La Mancha.

Dan in-nuqqas ta’ Liġi ta’ l-Istat ma jipprekludix il-possibbiltà li jintlaħqu ftehimiet bejn il-partijiet fil-proċess. L-Artikolu 55 tar-Regolament ta’ l-UE 2201/2003 jistabbilixxi li l-awtoritajiet ċentrali għandhom, fuq talba minn awtorità ċentrali ta’ Stat Membru ieħor jew minn persuna li għandha responsabbiltà tal-ġenituri, jikkooperaw dwar każijiet speċifiċi biex jiksbu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. Għal dan l-iskop għandhom, filwaqt li jaġixxu direttament jew permezz ta’ awtoritajiet pubbliċi jew korpijiet oħrajn, jieħdu l-passi kollha xierqa skond il-liġi ta’ dak l-Istat Membru fi kwistjonijiet tal-ħarsien tad-data personali sabiex, fost l-oħrajn, jiffaċilitaw il-ftehim bejn dawk li għandhom responsabbiltà tal-ġenituri permezz ta’ medjazzjoni jew mezzi oħrajn, u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transkonfinali għal dan l-iskop. Fuq il-livell ta’ l-Unjoni Ewropea hemm ukoll Proposta dwar Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2004 dwar xi aspetti tal-medjazzjoni fil-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, li l-preċedent tagħha huwa l-pubblikazzjoni ta’ Green Paper fid-19 ta’ April 2002 dwar is-soluzzjoni alternattiva tat-tilwimiet fil-liġi ċivili u kummerċjali. Fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Ġunju 2005, l-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-ADR-Medjazzjoni hija prevista għall-2006.

FuqFuq

Fir-rigward tal-medjazzjoni tal-familja, il-Liġi 15/2005 tat-8 ta’ Lulju tiddikjara fl-introduzzjoni tagħha t-twaqqif tal-medjazzjoni bħala riżors alternattiv volontarju għas-soluzzjoni tat-talbiet tal-familja sabiex wieħed jipprova jilħaq ftehim reċiproku bl-intervent ta’ medjatur imparzjali u newtrali. Din il-liġi tintroduċi bħala regola ġdida 7ª I art. 770 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili. Hija tagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jitolbu s-sospensjoni tal-proċedura tas-separazzjoni legali jew id-divorzju fil-każ li jridu jippruvaw jilħqu ftehim. Din is-sospensjoni għandha tingħata skond l-art. 19,4 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili u tinkludi l-possibbiltà li jiġi kkuntattjat medjatur. Barra minn dan hemm kompromess min-naħa tal-Gvern (inkluża fid-Dispożizzjoni Finali Tlieta tal-Liġi) li jibgħat Abbozz tal-Liġi dwar il-medjazzjoni bbażata fuq il-prinċipji stabbiliti mill-Unjoni Ewropea, u, fi kwalunkwe każ, f’dawk ta’ volontarjetà, imparzjalità, newtralità u kunfidenzjalità, u fir-rigward tas-servizzi tal-medjazzjoni maħluqa mill-Komunitajiet Awtonomi. Dan l-isforz mogħti għall-medjazzjoni tal-familja mil-Liġi 15/2005, tat-8 ta’ Lulju huwa importanti ħafna għaliex jiżdied mal-kontenut ta’ l-Art 55 tar-Regolament KE 2201/2003.

Barra dan fi Spanja hemm Liġi dwar il-Vjolenza bejn is-Sessi (il-Liġi Organika 1/2004 tat-28 ta’ Diċembru) li tistabbilixxi miżuri ta' protezzjoni integrali kontra l-vjolenza bejn is-sessi. F’dik il-Liġi l-Art 44 iżid l-artikolu 87 ter fil-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura (il-Liġi 6/1985 ta’ l-1 ta’ Lulju) li jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-Qrati tal-Vjolenza kontra n-Nisa fi kwistjonijiet ċivili u penali, indikat fil-punt 5, li f’dawn is-sitwazzjoni tal-vjolenza bejn is-sessi, il-medjazzjoni hija pprojbita.

FuqFuq

11. Fejn għandi nippreżenta t-talba tiegħi tad-divorzju/separazzjoni/annullament? Liema formalitajiet għandhom jiġu osservati u liema dokumenti għandhom jinthemżu mat-talba?

a) Fejn għandi nippreżenta t-talba tiegħi

B'mod ġenerali il-qrati Spanjoli huma kompetenti biex jieħdu konjizzjoni ta' talba ta' separazzjoni, divorzju u annullament meta:

  • Iż-żewġ konjuġi għandhom nazzjonalità Spanjola.
  • Iż-żewġ konjuġi jirrisjedu abitwalment fi Spanja.
  • Il-parti mħarrka tirrisjedi abitwalment fi Spanja.
  • Meta l-miżżewġin kellhom l-aħħar residenza abitwali tagħhom fi Spanja, fil-każ li xi ħadd minnhom għadu jgħix hemm.
  • Jekk xi wieħed mill-konjuġi jkollu r-residenza abitwali fi Spanja meta t-talba tiġi ppreżentata b'mod konġunt.
  • Meta l-attur ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Spanja jekk huwa (jew hija) ikun għex hemm għal ta' l-inqas sena immedjatament qabel il-preżentata tat-talba, jew jekk ikun għex hemm għal sitt xhur qabel il-preżentazzjoni tat-talba u, aktar minn hekk, ikollu nazzjonalità Spanjola.
  • Jistgħu wkoll ikunu kompetenti l-qrati Spanjoli jekk il-partijiet jissottemettu għall-ġurisdizzjoni tagħhom b'mod espress jew taċitu jew meta min jagħmel it-talba huwa Spanjol u jirrisjedi fi Spanja, mingħajr aktar fatturi determinanti, iżda f'dawn il-każijiet is-sentenza li tingħata mill-qrati Spanjoli tista' ma tiġix rikonoxxuta fl-Istati l-oħra ta' l-Unjoni Ewropea.

Fit-territorju Spanjol, it-talba tad-divorzju, separazzjoni u annullament iridu jiġu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. B'mod konkret, il-Qorti tal-Prim'Istanza ta':

FuqFuq

  • Il-post tad-domiċilju matrimonjali.
  • Jekk il-miżżewġin jirrisjedu f'distretti ġudizzjarji differenti, skond l-għażla ta' min jagħmel it-talba, fil-post ta'
    • L-aħħar domiċilju matrimonjali jew f'dak tar-residenza tal-parti mħarrka.
    • Jekk il-parti mħarrka m'għandiex domiċilju jew residenza fissi, tista' titħarrek fil-post li tinstab jew f'dak ta' l-aħħar residenza tagħha, skond l-għażla ta' min jagħmel it-talba.
  • Jekk ma japplika l-ebda wieħed minn dawn il-kriterji, it-talba trid tiġi ppreżentata quddiem il-Maġistrat li jisma' l-provi fil-post tar-residenza ta' min jippreżentaha.
  • Meta t-talba tad-divorzju jew tas-separazzjoni tiġi ppreżentata bi ftehim reċiproku, dan jista' jsir quddiem il-Maġistrat tal-post fejn dawn għexu l-aħħar flimkien jew fil-post ta' residenza ta' xi waħda mill-partijiet.
  • Talbiet għal miżuri proviżorji preliminari jistgħu jinstemgħu quddiem il-Maġistrat li jisma' l-provi fil-post ta' residenza ta' min jitlobhom.

Biex issir taf aktar dwar is-sistema ġudizzjarja Spanjola tista' tikkonsulta Partidos judiciales español (Oqsma amministrattivi).

b) Formalitajiet u dokumenti

It-talba għal annullament taż-żwieġ, separazzjoni legali jew divorzju trid tiġi ppreżentata bil-miktub u tkun iffirmata mill-avukat li jassisti lill-attur u mill-prosekutur pubbliku li jirrapreżentah. is-servizzi ta' dawn il-professjonisti jistgħu jkunu komuni għall-miżżewġin meta dawn jitolbu s-separazzjoni legali jew id-divorzju konġuntament.

FuqFuq

Għandhom jiġu annessi b'mod obbligatorju mat-talba ta' separazzjoni, annullament u divorzju:

  • Iċ-ċertifikat taż-żwieġ u, fejn applikabbli, iċ-ċertifikati tat-twelid tat-tfal mir-Reġistru Pubbliku. M'huwiex biżżejjed li jiġi ppreżentat biss il-Libro de Familia (il-ktieb tal-familja).
  • Id-dokumenti li fuqhom il-parti jew il-partijiet rikorrenti qed jibbażaw il-każ tagħhom.
  • Dokumenti li jippermettu l-apprezzament tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-miżżewġin u, fejn applikabbli, tat-tfal, bħalma huma prospetti tat-taxxa, dokumenti li juru pagamenti, ċertifikati bankarji, dokumenti tat-titlu ta' proprjetà jew mir-Reġistru tal-Proprjetà, fil-każ li l-partijiet ikunu qegħdin jitolbu mezzi ta' natura ta' proprjetà.
  • Jekk it-talba ta' separazzjoni jew divorzju ssir konġuntament, l-abbozz tal-ftehim regolatur.

12. Nista’ nikseb għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Spanja tirrikonoxxi d-dritt għall-għajnuna legali favur dawk li m'ghandhomx biżżejjed riżorsi biex jipparteċipaw f'kawża, mingħajr distinzjoni bbażata fuq nazzjonalità.

Dawk il-persuni naturali jitqiesu bħala li m'għandhomx mezzi suffiċjenti biex jaġixxu legalment jekk id-dħul u r-riżorsi finanzjarji tagħhom, ikkalkulati annwalment għal kull għan u effett u fuq il-bażi ta' unità ta' familja, ma jkunux aktar mid-doppju tal-paga minima nazzjonali fis-seħħ fiż-żmien tat-talba għall-għajnuna legali. [Salario Mínimo Interprofesional español].

FuqFuq

It-talba għall-għajnuna tiġi ppreżentata lill-Colegio de Abogados (il-Kamra ta' l-Avukati) tal-post fejn tkun il-qorti jew it-tribunal li żżomm s-smigħ ewlieni tal-kawża, jew fil-qorti tal-post ta' residenza tar-rikorrent, f'dan il-każ ta' l-aħħar il-qorti tgħaddi n-notifika tat-talba lill-Kamra ta' l-Avukati territorjalment kompetenti.

Il-Kmamar ta' l-Avukati (Colegios de Abogados) ġew nominati bħala l-awtorità li tirċievi t-talbiet fir-rigward ta' litigazzjonijiet transkonfinali. Fihom l-awtorità li tagħmel it-talba hija l-Colegio de Abogados li jikkorrispondi għar-residenza abitwali jew l-indirizz ta' l-applikant.

Iċ-ċittadin Ewropew li l-Istat tiegħu huwa parti mill-Ftehim dwar il-Kunsill ta' l-Ewropa dwar it-Trażmissjoni tat-Talbiet għall-Għajnuna Legali jkun jista' jidderieġi t-talba lill-Awtorità Ċentrali nnominata minn pajjiżu għall-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

It-talba għandha tiġi ppreżentata qabel ma jinbeda l-proċess jew, jekk il-parti li tagħmel it-talba hija l-konvenut, għandha ssir qabel ir-risposta għat-talba. Iżda kemm l-attur kif ukoll il-konvenut jista' jitlob għajnuna legali f'ħin ieħor jekk jiġġustifika li ċ-ċirkostanzi ekonomiċi tiegħu jkunu nbidlu.

Meta ma jeżistux beni komuni suffiċjenti u wieħed mill-konjuġi ma jistax jikseb il-benefiċċju ta' l-għajnuna legali minħabba l-pożizzjoni finanzjarja tal-konjuġi l-ieħor, dan ta' l-aħħar jista' jiġi obbligat iħallas l-ispejjeż ġudizzjarji kollha jew parti minnhom taħt proċedura magħrufa bħala “litis expensas” (l-ispejjeż tal-kawża).

13. Jista’ jsir appell mis-sentenza tad-divorzju, separazzjoni legali jew annullament?

Is-sentenzi mogħtija fi Spanja f'kawżi ta' separazzjoni legali, divorzju u annullament ta' żwieġ, jistgħu jiġu appellati. Ir-rikors ta' l-appell irid jiġi ppreżentat fi żmien ħamest ijiem mis-sentenza appellata quddiem il-Maġistrat li jkun iddeċieda l-kawża, u quddiemu jiġi abbozzat formalment l-appell, u tkun kompetenti biex tieħu konjizzjoni tiegħu l-Qorti Provinċjali korrispondenti.

FuqFuq

Fi Spanja, is-sentenzi mogħtija f'kawżi ta' annullament, separazzjoni u divorzju, ma jistgħux jiġu eżegwiti proviżorjament meta jiġu appellati; min-naħa l-oħra, l-appell ma jissospendix l-effikaċja ta' miżuri adottati fis-sentenza li huma direttament eżegwibbli minkejja l-appell.

Fil-proċeduri ta' separazzjoni legali jew divorzju ppreżentati konġuntament mill-miżżewġin, is-sentenza jew ir-riżolviment tal-qorti li tagħti effett għas-separazzjoni legali jew id-divorzju u li tapprova fl-intier tagħha l-proposta ta' ftehim regolatur li ġie ppreżentat lill-Imħallef għall-apporvazzjoni, ma jistax jiġi appellat, ħlief mill-uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali, jekk involut, illi jista' jappella fl-interess tat-tfal minuri jew inkapaċi. F'dawn il-proċeduri b'Rikors Konġunt, deċiżjoni li permezz tagħha tiġi miċħuda t-talba għad-divorzju jew is-separazzjoni legali, jew xi waħda jew aktar mill-miżuri proposti mill-miżżewġin, hija appellabbli. F'dawn il-każijiet, l-appell kontra d-deċiżjoni dwar il-miżuri ma jissospendix l-effikaċja tagħhom u ma jeffettwax ir-rabta tas-sentenza fir-rigward tas-separazzjoni jew divorzju.

Fejn għandu x'jaqsam ma' miżuri proviżorji jew preliminari meħuda mill-Imħallef qabel jew waqt il-proċedura ta' separazzjoni, annullament jew divorzju, irid jiġi rilevat li d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom jiġu adottati dawk il-miżuri ma jistgħux jiġu appellati, anki jekk dawk id-deċiżjonijiet m'għandhomx natura finali u konklużiva (res judicata). Ir-reviżjoni tad-deċiżjonijiet dwar miżuri proviżorji ma ssirx permezz ta' appell iżda permezz tas-sentenza li permezz tagħha tintemm il-proċedura ta' separazzjoni, annullament jew divorzju.

FuqFuq

14. X’passi jridu jittieħdu sabiex sentenza ta’ divorzju, separazzjoni legali jew annullament ta' żwieġ mogħtija minn qorti f'pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea tiġi rikonoxxuta minn Stat Membru ieħor?

F'din il-materja, għandha tingħata preferenza lill-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Regolament tal-Kunsill 2201/2003 PDF File (PDF File 564 KB) tad-29 ta' Mejju 2000 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi dwar kwistjonijiet matrimonjali u dwar kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-seħħ fl-Istati Membri kollha ħlief id-Danimarka.

Jekk l-uniku għan huwa l-aġġornament ta' l-informazzjoni fir-Reġistru Ċivili ta' Stat Membru fuq il-bażi ta' deċiżjonijiet dwar proċedimenti ta' divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru ieħor, u jekk dawn id-deċiżjonijiet ta' l-aħħar ma jkunux aktar miftuħa għal appell ġudizzjarju, tkun biżżejjed s-sempliċi preżentazzjoni lir-Reġistratur tat-Twelid, iż-Żwiġijiet u l-Imwiet ta' kull pajjiż ta' talba għal dan il-għan, akkumpanjata minn:

  • Kopja tad-deċiżjoni li jkun fiha r-rekwiżiti meħtieġa biex tiġi determinata l-awtentiċità tagħha skond il-liġi tal-pajjiż li fiħ ingħatat,
  • Ċertifikat konformi mal-mudell uffiċjali standardizzat maħruġ mill-qorti jew tribunal nazzjonali jew awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fih ingħatat id-deċiżjoni,
  • Dokument li jiċċertifika li l-imħarrek ġie regolarment notifikat jew li jikkonferma li hu aċċetta d-deċiżjoni jekk huwa l-każ ta' deċiżjoni mogħtija in absentia.

Jekk irid jinkiseb ir-rikonoxximent fi Spanja ta' sentenza ta' divorzju, annullament jew separazzjoni, mogħtija fi Stat Membru, ħlief fid-Danimarka, jew trid tinkiseb dikjarazzjoni fi Spanja li dik id-deċiżjoni m'għandiex tiġi rikonoxxuta, trid tiġi preżentata talba għar-rikonoxximent, li tippreċiża li d-deċiżjoni li għandha tiġi rikonoxxuta ngħatat fl-Istat li fiha ttieħdet, quddiem il-Maġistrat li jisma' l-kawża tal-post ta' residenza tal-persuna li kontriha qed jintalab ir-rikonoxximent jew id-dikjarazzjoni biex ma jkunx hemm rikonoxximent. Jekk il-persuna mħarrka ma tirrisjedix fi Spanja hija tista' tiġi mħarrka fil-post fejn tinstab fi Spanja jew fil-post ta' l-aħħar residenza tagħha fi Spanja u fin-nuqqas ta' dan kollu, fil-post ta' residenza ta' min qed jagħmel il-kawża (l-attur).

FuqFuq

It-talba trid tiġi preżentata bil-miktub minn avukat u prosekutur pubbliku u tkun akkumpanjata mill-istess dokumenti meħtieġa bħal fil-każ imsemmi qabel.

Ir-rikonoxximent fi Spanja tad-deċiżjonijiet mogħtija fid-Danimarka huwa rregolat mil-liġi Spanjola. Il-proċedura tinbeda bil-formulazzjoni tar-rikors, li imbagħad jiġi ppreżentat direttament quddiem il-Qorti Suprema Spanjola.

15. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ deċiżjoni dwar divorzju, separazzjoni legali jew annullament ta' żwieġ mogħtija minn qorti f'pajjiż ieħor ta' l-Unjoni Ewropea? X’inhi l-proċedura applikabbli f’dan il-każ?

Kif spjegat fir-risposta għall-mistoqsija preċedenti, il-proċedura biex jintalab li deċiżjoni m'għandiex tiġi rikonoxxuta hija l-istess bħal dik li biha jintalab ir-rikonoxximent. Jekk id-deċiżjoni ġiet rikonoxxuta fuq bażi tar-Regolament tal-Kunsill 2201/2003 Regolament tal-Kunsill 2201/2003 PDF File (PDF File 564 KB) kwalunkwe oppożizzjoni tista' ssir biss wara n-notifika tad-deċiżjoni ta' rikonoxximent u fit-terminu ffissat fil-liġi, permezz ta' rikors quddiem il-Qorti Provinċjali korrispondenti. Jekk hija deċiżjoni mogħtija fid-Danimarka, l-oppożizzjoni trid issir meta tkun għadha quddiem il-Qorti Suprema Spanjola u meta din ta' l-aħħar tkun qed tikkunsidra t-talba tal-parti l-oħra għar-rikonoxximent. Fil-każijiet kollha huwa meħtieġ avukat u prosekutur pubbliku sabiex l-oppożizzjoni tiġi formalment ippreżentata.

FuqFuq

16. Liema hi l-liġi applikabbli fi proċeduri ta’ divorzju bejn miżżewġin li mhumiex residenti fi Spanja jew li għandhom nazzjonalità differenti?

Fi Spanja, is-separazzjoni legali u d-divorzju huma regolati mil-liġi nazzjonali komuni għall-miżżewġin fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba u fin-nuqqas ta' nazzjonalità komuni, mil-liġi tar-residenza abitwali tal-miżżewġin jew fin-nuqqas ta' dan mil-liġi ta' l-aħħar post komuni ta' residenza taż-żwieġ jekk xi ħadd mill-miżżewġin ikun għadu jirrisjedi abitwalment f'dak l-Istat.

Fi kwalunkwe każ� il-Liġi Spanjola tiġi applikata meta wieħed mill-konjuġu huwa Spanjol jew jirrisjedi abitwalment fi Spanja:

  1. Jekk ebda mil-liġijiet imsemmijin hawn fuq ma tapplika.
  2. Jekk it-talba titressaq quddiem Qorti Spanjola u s-separazzjoni legali jew id-divorzju tintalab miż-żewġ konjuġi jew minn wieħed bil-kunsens ta' l-ieħor.
  3. Jekk il-liġijiet indikati fl-ewwel paragrafu ma rrikonoxxewx is-separazzjoni jew id-divorzju jew jagħmlu dan b'mod diskriminatorju jew kontra l-ordni pubbliku.

Min-naħa l-oħra, il-liġi li tirregola s-separazzjoni legali, id-divorzju u l-annullament taż-żwieġ, hija wkoll dik li tiġi applikata kemm biex jiġu analizzati r-raġunijiet tal-firda matrimonjali kif ukoll il-konsegwenzi u l-effetti tagħhom.

Il-likwidazzjoni tar-reġim matrimonjali tiġi rregolata mill-kuntratti u l-ftehimiet bejn il-miżżewġin, sakemm ikunu konformi mal-liġi li tirregola kwistjonijiet matrimonjali, kif ukoll mal-liġi tal-pajjiż jew il-post ta' residenza abitwali ta' xi waħda mill-partijiet fiż-żmien meta ngħata d-digriet.

Ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-ulied huma regolati minn liġijiet dwar il-protezzjoni tat-tfal jew, fin-nuqqas ta' dan, mil-liġi tar-residenza abitwali tal-wild.

Għar-rigward tal-miżuri proviżorji u kawtelatorji, loġikament, għandha tapplika l-istess liġi li tirregola s-separazzjoni legali, in-nullità taż-żwieġ jew id-divorzju f'kull każ.

Fejn għandha x'taqsam l-prova u l-istħarriġ ta' liġi barranija fi Spanja, jekk dan ikun il-każ speċifiku, ikun meħtieġ li jiġu mistħarrġa l-kontenut u l-validità tagħha, u l-Qorti Spanjola tkun libera li tinqeda minn kwalunkwe mezzi ta' stħarriġ li hija tqis meħtieġa għall-applikazzjoni tagħha.

Finalment irid jiġi enfasizzat li fi Spanja kwistjonijiet ta' proċedura huma dejjem regolati mil-liġi tal-proċedura Spanjola, indipendentement mil-liġi li tapplika għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieġ, ħlief għall-eċċezzjonijiet previsti fil-Konvenzjonijiet jew Trattati konklużi minn Spanja, kif jiġri fil-każ tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, li f'xi okkażjonijiet fihom dispożizzjonijiet proċedurali li jipprevalu fuq dawk previsti fil-liġi tal-proċedura Spanjola.

Aktar tagħrif

  • Recommendation nº R(98) 1 of the committee of ministers to member states on family mediation English - Recommandation N° R (98) 1 du Comité des Ministres aux États Membres sur la Médiation familiale français Rakkomandazzjoni nru R(98)1 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri dwar il-medjazzjoni familjari - Kunsill ta' l-Ewropa]
  • Consejo General del Poder Judicial español (Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura)
  • Ministerio de Justicia en España English - español (Il-Ministeru tal-Ġustizzja fi Spanja)

« Divorzju - Informazzjoni Ġenerali | Spanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 09-01-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit