Kummissjoni Ewropea > NGE > Divorzju > Rumanija

L-aħħar aġġornament: 12-05-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Divorzju - Rumanija

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Liema huma l-kundizzjonijiet biex jinkiseb divorzju? 1.
2. Liema huma r-raġunijiet għal divorzju? 2.
3. Liema huma l-konsegwenzi legali ta’ divorzju fir-rigward ta’: 3.
a) ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (eż. l-ismijiet tal-familja)? a)
b) id-diviżjoni tal-proprjetà tal-konjuġi? b)
c) it-tfal minuri tal-konjuġi (eż. ir-responsabbiltà tal-ġenituri u d-drittijiet ta’ manteniment)? (Ara t-tema Ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri – [ir-Rumanija]”) c)
d) l-obbligu li jitħallas manteniment lill-parti l-oħra fiż-żwieġ? (Ara drittijiet ta’ manteniment stabbiliti – [ir-Rumanija]”) d)
4. Xi tfisser fil-prattika l-frażi legali “separazzjoni legali”? 4.
5. Liema huma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni legali? 5.
6. Liema huma l-konsegwenzi legali ta’ separazzjoni legali? 6.
7. Xi tfisser fil-prattika l-frażi “annullament taż-żwieġ”? 7.
8. Liema huma l-kundizzjonijiet għal annullament ta’ żwieġ? 8.
9. Liema huma l-konsegwenzi legali ta’ annullament ta’ żwieġ? 9.
10. Jeżistu mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji għal soluzzjoni ta’ kwistjonijiet relatati ma’ divorzju mingħajr ma jkollok tmur il-qorti? 10.
11. Fejn għandi nippreżenta l-applikazzjoni tiegħi (petizzjoni) għal divorzju/separazzjoni legali /annullament ta’ żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mal-applikazzjoni tiegħi? 11.
12. Nista’ nikseb għajnuna legali biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-proċedura? 12.
13. Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni legali/annullament ta’ żwieġ? 13.
14. X’għandi nagħmel biex nikseb deċiżjoni ta’ divorzju/separazzjoni legali/annullament ta’ żwieġ maħruġa minn qorti f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea u rikonoxxuta minn Stat Membru ieħor? 14.
15. Għand liema qorti għandi mmur biex nikkontesta deċiżjoni ta’ divorzju/separazzjoni legali/annullament ta’ żwieġ mogħtija minn qorti f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea u li tkun rikonoxxuta minn Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? 15.
16. Liema liġijiet dwar id-divorzju tapplika l-qorti fi proċediment għal divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux fir-Rumanija jew li jkunu ta’ nazzjonalità differenti? 16.

 

1. Liema huma l-kundizzjonijiet biex jinkiseb divorzju?

(eż. il-possibbiltà ta' divorzju b'kunsens reċiproku, applikazzjoni għal separazzjoni, eċċ.)

Divorzju jista' jinkiseb b'kunsens reċiproku tal-konjuġi jekk ikunu ilhom miżżewġin għal mill-anqas sena fid-data tal-applikazzjoni u jekk ma jkunx hemm tfal miż-żwieġ.

Fin-nuqqas ta' kunsens reċiproku, divorzju jista' jinkiseb fuq talba tar-raġel jew tal-mara fil-każijiet li ġejjin:

  • il-qorti tqis li jkun hemm raġunijiet serji għal divorzju;
  • ikun hemm raġunijiet serji għat-taħsir tar-relazzjoni bejn il-konjuġi;
  • il-kontinwazzjoni taż-żwieġ ma tkunx aktar possibbli għar-raġel jew għall-mara li japplika jew tapplika għal divorzju.

2. Liema huma r-raġunijiet għal divorzju?

(eż. tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ, ħtija, separazzjoni)

Fil-każistika, dawn li ġejjin tqiesu li kienu raġunijiet għal divorzju:

  • rifjut inġustifikat minn parti fiż-żwieġ li tgħix mal-parti l-oħra jew deżerzjoni inġustifikata mid-dar konjugali (separazzjoni de facto imputabbli lir-raġel konvenut jew lill-mara konvenuta);
  • infedeltà tar-raġel jew tal-mara;
  • imġiba ħażina (morali jew fiżika);
  • eżistenza ta' marda serja inkurabbli li parti fiż-żwieġ tkun tbati minnha u li l-parti l-oħra ma kinitx taf dwarha qabel iż-żwieġ, jekk ikun stabbilit li s-sintomi tal-marda kienu wara marru għall-agħar u huma ta' xorta li tiġġustifika r-rifjut tar-raġel rikorrent jew tal-mara rikorrenti li jissoktaw jgħixu mal-parti l-oħra konvenuta minħabba li jkun impossibbli li ż-żwieġ ikompli.

3. Liema huma l-konsegwenzi legali ta’ divorzju fir-rigward ta’:

a) ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (eż. l-ismijiet tal-familja)?
  • il-kwalità ta' konjuġi ma tibqax teżisti u l-konjuġi divorzjati jistgħu t-tnejn jerġgħu jiżżewġu;
  • iż-żewġ konjuġi jerġgħu lura għall-ismijiet li kellhom qabel iż-żwieġ. Eċċezzjoni: il-konjuġi jistgħu jiftiehmu li min mill-partijiet fiż-żwieġ ikun ħa l-kunjom tal-parti l-oħra, dan ikun jista' jżomm dak il-kunjom wara d-divorzju, bil-kundizzjoni li dan il-ftehim ikun sar matul il-proċedimenti quddiem il-qorti u mhux wara d-deċiżjoni;
  • il-konjuġi ma jibqalhomx l-obbligu ta' appoġġ morali.
b) id-diviżjoni tal-proprjetà tal-konjuġi?

Proprjetà konġunta tista’ tinqasam jew bi ftehim reċiproku tal-konjuġi jew b’deċiżjoni ta’ qorti.

FuqFuq

Il-ftehim bejn il-konjuġi jista’ jsir:

  • meta jinħareġ id-digriet ta’ divorzju;
  • matul il-proċedimenti tad-divorzju, quddiem il-qorti jew bi strument awtentiku;
  • fiż-żmien immedjatament wara d-digriet finali ta’ divorzju;
  • wara li d-digriet ta’ divorzju jkun irreġistrat fil-marġni tal-att taż-żwieġ.

Jekk il-konjuġi ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim dwar id-diviżjoni tal-proprjetà konġunta, tista’ tkun ippreżentata applikazzjoni għad-diviżjoni tal-proprjetà wara li żwieġ ikun inħall permezz tal-proċediment tad-divorzju, permezz ta’ azzjoni prinċipali jew f’kull żmien wara (applikazzjoni inċidentali jew aċċessorja).

Is-sehem tal-proprjetà li jkun jikkorrispondi għal kull parti fiż-żwieġ ikun determinat abbażi tal-kontribuzzjoni tar-raġel jew tal-mara biex tinkiseb u tinżamm il-proprjetà konġunta. Ix-xogħol tal-mara fid-dar u l-kura tat-tfal jitqies biex tkun determinata l-kontribuzzjoni ta’ kull parti fiż-żwieġ għall-kisba tal-proprjetà konġunta. Din il-kontribuzzjoni tista’ tkun stabbilita permezz ta’ kull tip ta’ prova, minħabba li hija sitwazzjoni de facto.

c) it-tfal minuri tal-konjuġi (eż. ir-responsabbiltà tal-ġenituri u d-drittijiet ta’ manteniment)? (Ara t-tema Ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri – [ir-Rumanija]”)

Il-qorti hija obbligata, ukoll jekk il-konjuġi ma jkunux ippreżentaw applikazzjoni espressament dwar il-kustodja, li tieħu deċiżjoni dwar il-kustodja tat-tfal minuri meta tagħti d-digriet tad-divorzju. Il-qorti tibbaża d-deċiżjoni tagħha dwar il-kustodja ta’ tfal minuri fuq l-interess tat-tfal. Qabel ma tagħti d-deċiżjoni tagħha hija għandha tisma’ lill-ġenituri, lill-awtorità tutelarja u lil tfal ta’ 10 snin jew aktar. Ftehim bejn il-ġenituri dwar kustodja ta’ tfal minuri mhux obbligatorju għall-qorti.

FuqFuq

Jekk it-tfal ikunu fil-kustodja tal-missier jew tal-omm, il-missier jew l-omm ikollhom drittijiet u obbligi ta’ ġenitur fir-rigward tat-tfal. Il-ġenitur l-ieħor ikollu d-dritt li jżomm kuntatt personali mat-tfal u li jissorvelja/tissorvelja t-trobbija u l-edukazzjoni tagħhom, inkluż taħriġ fuq ix-xogħol.

d) l-obbligu li jitħallas manteniment lill-parti l-oħra fiż-żwieġ? (Ara drittijiet ta’ manteniment stabbiliti – [ir-Rumanija]”)

Il-parti li qabel kienet miżżewġa tkun intitolata għall-manteniment jekk hija tkun teħtieġu għal raġunijiet finanzjarji minħabba inkapaċità għal xogħol qabel jew wara ż-żwieġ, jew minħabba inkapaċità li sseħħ fi żmien sena mid-divorzju bil-kundizzjoni li din l-inkapaċità tkun dovuta għall-ġrajjiet relatati mad-divorzju.

Il-parti li qabel kienet miżżewġa titlef id-dritt għal manteniment mingħand il-parti l-oħra jekk huwa jew hija terġa’ tiżżewweġ.

Jekk id-divorzju jkun sab waħda biss mill-partijiet fiż-żwieġ ħatja, din il-parti tkun intitolata għal manteniment mingħand il-parti l-oħra għal sena waħda biss wara d-divorzju, waqt li l-parti l-oħra tkun intitolata għal manteniment għal perjodu indefinit.

4. Xi tfisser fil-prattika l-frażi legali “separazzjoni legali”?

Fid-dritt Rumen m’hemmx il-kunċett ta’ "separazzjoni legali" iżda minfloku hemm dak ta’ "separazzjoni de facto".

FuqFuq

5. Liema huma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni legali?

6. Liema huma l-konsegwenzi legali ta’ separazzjoni legali?

(eż. tista’ tinbidel f’divorzju; hija rekwiżit minn qabel għall-kisba ta’ divorzju?)

7. Xi tfisser fil-prattika l-frażi “annullament taż-żwieġ”?

Żwieġ ikun annullat minħabba ksur ta’ wieħed mir-rekwiżi legali tal-kuntratt taż-żwieġ. Żwieġ jista’ jkun annullat biss b’deċiżjoni ta’ qorti. Annullament ikollu effett fir-rigward tal-imgħoddi, kif ukoll tal-ġejjieni; iż-żwieġ jitqies bħallikieku qatt ma seħħ.

8. Liema huma l-kundizzjonijiet għal annullament ta’ żwieġ?

Żwieġ jista’ jkun iddikjarat invalidu abbażi tal-ksur tad-diżpożizzjonijiet legali li ġejjin relatati mal-kuntratt taż-żwieġ:

  • iż-żwieġ ikun sar bi ksur tad-diżpożizzjonijiet dwar l-età legali għaż- żwieġ;
  • iż-żwieġ ikun sar minn persuna li kienet diġà miżżewġa;
  • iż-żwieġ ikun sar bejn persuni qraba ta’ xulxin li l-grad ta’ relazzjoni tagħhom jipprojbihom milli jiżżewġu (iż-żwieġ huwa ipprojbit bejn persuni relatati fil-linja diretta, irrispettivament mill-grad ta’ relazzjoni, jew fil-linja kollaterali sar-raba’ grad inkluż);
  • iż-żwieġ ikun sar bejn ġenitur adottiv jew qarib tiegħu/tagħha u t-tifel adottat jew it-tifla adottata tiegħu/tagħha jew qarib tat-tifel jew tat-tifla;
  • iż-żwieġ ikun sar minn persuna li kienet miġnuna;
  • iż-żwieġ ikun sar mingħajr il-kunsens tal-konjuġi futuri jew li dan l-kunsens ma jkunx ingħata skont il-proċedura mitluba legalment (żwieġ għandu jsir quddiem reġistratur ċivili fl-uffiċċju tar-reġistru fil-preżenza tal-konjuġi futuri, li l-kunsens tagħhom għandu jingħata personalment u pubblikament);
  • inkompetenza tal-uffiċjal tar-reġistru ċivili (iċ-ċerimonja taż-żwieġ tkun saret minn uffiċjal mhux awtorizzat li jmexxiha);
  • iż-żwieġ ikun sar bejn persuni tal-istess sess;
  • it-tnidijiet taż-żwieġ ma jkunux ġew ippubblikati u ma kienx hemm xhieda taż-żwieġ.

Żwieġ jista’ jkun annullat ukoll jekk il-kunsens ikun invalidu minħabba żball (li jkun biss dwar l-identità fiżika tal-parti l-oħra fiż-żwieġ), ingann jew ġegħil.

FuqFuq

9. Liema huma l-konsegwenzi legali ta’ annullament ta’ żwieġ?

Mill-aspett legali, il-konjuġi jitqiesu li qatt ma kienu miżżewġin. Għaldaqstant:

  • il-konjuġi jerġgħu jieħdu l-ismijiet li kellhom qabel iż-żwieġ;
  • ir-reġim tal-proprjetà konġunta jitqies li qatt ma jkun eżista, minħabba li l-annullament taż-żwieġ għandu effett retroattiv. Jekk tkun inkisbet xi proprjetà bejn meta jkun sar iż-żwieġ u d-data tal-annullament taż-żwieġ, din il-proprjetà titqies li tkun proprjetà tar-raġel u tal-mara flimkien;
  • ma jistax ikun hemm l-obbligu ta' manteniment bejn il-konjuġi;
  • min jibqa' ħaj mill-miżżewġin ma jkollux drittijiet ta' suċċessjoni, minħabba li l-kwalità tal-parti miżżewġa titqies li qatt ma tkun eżiżtiet;
  • ix-xoljiment taż-żwieġ ma jbiddilx l-istatus tat-tfal iżda dawn iżommu l-istatus tagħhom bħala t-tfal taż-żwieġ. Għalhekk, għalkemm iż-żwieġ ikun ġie xolt, il-filjazzjoni ta' kull tifel u tifla, imnisslin u mweldin sal-waqt tal-annullament taż-żwieġ tkun regolata bl-istess mod bħal dik ta' tfal ta' żwieġ validu.

10. Jeżistu mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji għal soluzzjoni ta’ kwistjonijiet relatati ma’ divorzju mingħajr ma jkollok tmur il-qorti?

(eż. medjazzjoni tal-familja)

Medjazzjoni – Att Nru 192/2006 dwar il-medjazzjoni u l-organizzazzjoni tal-professjoni ta’ medjatur. Iżda digriet ta’ divorzju għandu jinħareġ minn qorti.

11. Fejn għandi nippreżenta l-applikazzjoni tiegħi (petizzjoni) għal divorzju/separazzjoni legali /annullament ta’ żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mal-applikazzjoni tiegħi?

Skont is-sezzjoni 607 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Rumen, l-applikazzjoni għal divorzju għandha tkun ippreżentata fil-qorti b'ġuriżdizzjoni għall-post fejn tkun tinsab l-aħħar dar konġunta tal-konjuġi

FuqFuq

Jekk il-konjuġi ma kellhomx dar konġunta jew ir-raġel jew l-mara ma jkunux għadhom jgħixu fil-post fejn kienet tinsab l-aħħar dar konġunta tagħhom, l-applikazzjoni għandha tkun ippreżentata fil-qorti b'ġuriżdizzjoni għall-post fejn tkun tinsab id-dar tal-parti konvenuta. Iżda jekk il-parti konvenuta ma jkollhiex dar fir-Rumanija, l-applikazzjoni għandha tkun ippreżentata fil-qorti b'ġuriżdizzjoni għall-post fejn tkun tinsab id-dar tal-parti attriċi.

Applikazzjoni għal nullità relattiva jew nullità assoluta għandha tkun ippreżentata fil-qorti b'ġuriżdizzjoni għad-domiċilju tal-parti konvenuta. Jekk il-parti konvenuta tkun domiċiljata barra mill-pajjiż jew ma jkollhiex domiċilju magħruf, l-applikazzjoni għandha tkun ippreżentata fil-qorti b'ġuriżdizzjoni għall-post tar-residenza tal-parti konvenuta, jew, jekk il-parti konvenuta ma jkollhiex residenza magħrufa, fil-qorti b'ġuriżdizzjoni għall-post tad-domiċilju jew tar-residenza tal-parti attriċi.

Japplikaw id-dispożizzjonijiet ordinarji tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

12. Nista’ nikseb għajnuna legali biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-proċedura?

Għajnuna legali tista’ tinkiseb soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sezzjonijiet 74-81 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Għajnuna biex tkopri parti mill-ispejjeż jew l-ispejjeż kollha tal-proċedura tal-qorti tista’ tingħata f’kull stadju tal-proċedura.

13. Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni legali/annullament ta’ żwieġ?

Iva. It-terminu għal appell kontra digriet ta’ divorzju huwa ta’ 30 jum mill-avviż tad-digriet.

FuqFuq

It-terminu għal appell kontra digriet ta’ annullament huwa ta’ 15-il jum mill-avviż tad-digriet.

14. X’għandi nagħmel biex nikseb deċiżjoni ta’ divorzju/separazzjoni legali/annullament ta’ żwieġ maħruġa minn qorti f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea u rikonoxxuta minn Stat Membru ieħor?

Il-liġi applikabbli għal rikonoxximent ta' digriet ta' divorzju huwa r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (Regolament ta' Brussell II).

L-applikazzjoni għandha tkun ippreżentata fil-qorti b'ġuriżdizzjoni għall-post tad-domiċilju jew tar-residenza fir-Rumanija tal-parti konvenuta. Jekk il-parti konvenuta ma jkollhiex residenza magħrufa, l-applikazzjoni għandha tkun ippreżentata fil-qorti b'ġuriżdizzjoni għall-post tad-domiċilju jew tar-residenza tal-parti attriċi.

15. Għand liema qorti għandi mmur biex nikkontesta deċiżjoni ta’ divorzju/separazzjoni legali/annullament ta’ żwieġ mogħtija minn qorti f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea u li tkun rikonoxxuta minn Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet?

Inti għandek tippreżenta l-applikazzjoni fil-qorti immedjatament superjuri għal dik li tkun tat id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent. Japplikaw id-dispożizzjonijiet ordinarji tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

16. Liema liġijiet dwar id-divorzju tapplika l-qorti fi proċediment għal divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux fir-Rumanija jew li jkunu ta’ nazzjonalità differenti?

(fisser ir-regoli li jiddeterminaw il-liġi applikabbli f’kull Stat Membru).

Biex ikunu determinati d-dispożizzjonijiet applikabbi għal relazzjoni tad-dritt internazzjonali privat, għandha ssir referenza għall-Att Nru 105/1992 dwar relazzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat.

Barra minn hekk, ir-relazzjonijiet personali u ta’ proprjetà bejn il-konjuġi huma soġġetti għal-liġi nazzjonali ordinarja. Jekk il-konjuġi jkunu ta’ nazzjonalitajiet differenti, huma jkunu soġġetti għal-liġi tal-post tad-domiċilju komuni tagħhom.

Il-liġi nazzjonali ordinarja jew il-liġi applikabbli għall-post tad-domiċilju komuni tagħhom tissokta tapplika wkoll jekk ir-raġel jew il-mara jibdlu n-nazzjonalità jew il-post tad-domiċilju.

Jekk il-konjuġi jkunu ta’ nazzjonalitajiet differenti jew ikollhom postijiet differenti ta’ domiċilju, ir-relazzjonijiet personali u ta’ proprjetà jkunu suġġetti għal-liġi tal-Istat li fih ikollhom jew kellhom ir-residenza komuni tagħhom jew li fih iżommu r-rabtiet komuni l-aktar mill-qrib tagħhom.

Jekk l-liġi barranija inkwistjoni, determinata kif imsemmi hawn fuq, ma tippermettix id-divorzju jew tippermettih soġġett għal kundizzjonijiet differenti, japplika d-dritt Rumen jekk ir-raġel jew il-mara jkunu ċittadini Rumeni fid-data tal-applikazzjoni għal divorzju.

Aktar tagħrif

Links utli:

www.just.ro română

kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali

« Divorzju - Informazzjoni Ġenerali | Rumanija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 12-05-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit