Kummissjoni Ewropea > NGE > Divorzju > Portugall

L-aħħar aġġornament: 27-09-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Divorzju - Portugall

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Liema kondizzjonijiet iridu jiġu sodisfatti biex jinkiseb divorzju? 1.
2. Għal liema raġunijiet jista’ jinkiseb divorzju? 2.
3. X’inhuma l-konsegwenzi tad-divorzju fir-rigward ta’: 3.
a) Ir-relazzjoni personali bejn il-miżżewġin: a)
b) Id-diviżjoni tal-beni tal-miżżewġin: b)
c) It-tfal tal-koppja li jkunu għadhom taħt l-età: c)
d) L-obbligu li jingħata manteniment lill-parti l-oħra fiż-żwieġ: d)
4. Xi tfisser fil-prattika is-separazzjoni personali? 4.
5. Liema kondizjonijiet iridu jiġu sodisfatti biex tinkiseb separazzjoni personali? 5.
6. X’inhuma l-effetti legali ta’ separazzjoni personali? Tista' tinqeleb f'divorzju? Din is-separazzjoni hija kondizzjoni neċessarja biex jinkiseb divorzju? 6.
7. Xi tfisser fil-prattika l-"annullament ta’ żwieġ"? 7.
8. Liema kondizzjonijiet iridu jiġu sodisfatti biex jiġi annullat żwieġ? 8.
9. X’inhuma l-effetti legali ta’ annullament ta’ żwieġ? 9.
10. Il-kwistjonijiet relatati ma’ divorzju jistgħu jiġu riżolti b’xi mod ieħor apparti minn bi proċeduri quddiem il-qorti? 10.
11. F’liema qrati jsiru l-applikazzjonijiet għal divorzju/separazzjoni personali/annullament ta’ żwieġ? Liema formalitajiet iridu jiġu osservati u liema dokumenti jridu jiġu mehmuża mal-proċess? 11.
12. Huwa possibbli li tingħata għajnuna legali sabiex jiġu kopruti l-ispejjeż tal-kawża? 12.
13. Jista’ jsir appell kontra digriet ta’ divorzju/separazzjoni personali/annullament ta’ żwieġ? 13.
14. Xi jrid isir biex jiġi rikonoxxut digriet ta’ divorzju/separazzjoni personali/annullament ta’ żwieġ mogħti fi Stat Membru ieħor? 14.
15. Quddiem liema qorti għandu jsir rikors għal reviżjoni ta’ deċiżjoni biex jiġi rikonoxxut digriet ta’ divorzju/separazzjoni personali/annullament ta’ żwieġ li jkun ingħata fi Stat membru ieħor? 15.
16. Liema liġi tapplika fi proċedimenti ta’ divorzju bejn miżżewġin li ma jkunux jgħixu fil-Portugall jew li jkunu ta’ nazzjonalità differenti? 16.

 

1. Liema kondizzjonijiet iridu jiġu sodisfatti biex jinkiseb divorzju?

Fil-Portugal, divorzju jista’ jinkiseb jew b’mod konsenswali jew inkella b’mod litiġjuż.

L-ewwel mod jeħtieġ ftehim bejn il-miżżewġin fir-rigward tax-xoljiment taż-żwieġ kif ukoll fir-rigward tal-manteniment, il-kustodja tat-tfal minuri, x’ser isir bid-dar matrimonjali u d-dispożizzjonijiet li għandhom japplikaw pendente lite fir-rigward tal-manteniment, il-kura u l-kustodja tat-tfal u l-użu tad-dar matrimonjali kif diġà ssemma’.

F’każ ta’ divorzju litiġjuż, dan jikkonsisti f’kawża quddiem qorti bejn iż-żewġ partijiet kontra xulxin, fejn tiġi invokata l-vjolazzjoni kolpuża tad-dmirijet taż-żwieġ li tkun tali li minħabba l-gravità tagħha tagħmel il-ħajja flimkien diffiċli. Fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-fatti invokati, il-Qorti trid tikkunsidra, normalment, il-ħtija li trid tiġi attribwita lir-rikorrent u l-livell ta' edukazzjoni u s-sensittività morali tal-miżżewġin.

2. Għal liema raġunijiet jista’ jinkiseb divorzju?

F'kawża ta' divorzju konsenswali, il-miżżewġin ma jridux jiżvelaw il-kawża tat-talba tagħom.

Divorzju litiġjuż jista' jintalab minn parti fiż-żwieġ jekk il-parti l-oħra tikser, skond it-termini msemmija aktar 'il quddiem, id-dmirijiet matrimonjali tar-rispett (permezz ta' kliem jew aġir li joffendi l-unur tal-parti l-oħra, ir-reputazzjoni tagħha, ir-rispett li għandha lejha nnifisha, is-sensittività tagħha jew id-djufijiet personali tagħha), il-lealtà (adulterju u atti oħrajn li jmorru kontra l-obbligu ta' devozzjoni esklussiva u reċiproka lejn xulxin), il-koabitazzjoni (abbandun tad-dar matrimonjali), il-kooperazzjoni (nuqqas li tingħata l-għajnuna meħtieġa u li jitwettqu r-responsabbiltajiet għall-għajxien tal-familja) u l-assistenza (nuqqas li jitwettaq l-obbligu ta' kontribuzzjoni lejn l-ispejjeż tal-familja).

FuqFuq

Madanakollu, parti fiż-żwieġ ma tistax tingħata divorzju jekk:

  1. tkun instigat lill-parti l-oħra biex twettaq il-fatt li jkun il-bażi tat-talba, jew jekk tkun ħolqot intenzjonalment il-kondizzjonijiet propizji sabiex dan iseħħ;
  2. tkun tat il-maħfra tagħha għal dak l-aġir, kemm jekk espressament jew taċitament, meta l-fatti in kwestjoni ma jkunux tali li jimpedixxu l-ħajja flimkien.

Dawn jistgħu jkunu wkoll il-bażi għal divorzju litiġjuż:

  1. Separazzjoni de facto għal tlett snin konsekuttivi;
  2. Separazzjoni de facto għal sena sħiħa, jekk id-divorzju jkun mitlub minn parti waħda mingħajr l-oppożizzjoni tal-parti l-oħra;
  3. Bidla fil-fakultajiet mentali tal-parti l-oħra, meta din iddum għal aktar minn tlett snin, u li tkun tant gravi li tikkomprometti l-possibiltà tal-ħajja flimkien;
  4. l-assenza, mingħajr ebda aħbar tal-persuna assenti, għal żmien ta' mhux inqas minn sentejn.

Separazzjoni de facto għall-finijiet hawn fuq imsemmija tfisser illi ma tkunx teżisti ħajja komuni bejn il-miżżewġin, u ma jkun hemm ebda ħsieb li din terġa tibda min-naħa taż-żewġ miżżewġin jew ta' parti minnhom, .

3. X’inhuma l-konsegwenzi tad-divorzju fir-rigward ta’:

a) Ir-relazzjoni personali bejn il-miżżewġin:

Id-divorzju jħoll iż-żwieġ u għandu l-istess effetti bħal meta ż-żwieġ jintemm bil-mewt ta' xi parti fiż-żwieġ, ħlief għal dawk l-eċċezzjonijiet kontemplati mil-liġi.

Jintemmu wkoll id-dmirijiet matrimonjali msemmija aktar 'il fuq.

FuqFuq

Minkejja d-divorzju, parti fiż-żwieġ tista' żżomm il-kunjom tal-parti l-oħra li tkun adottat matul iż-żwieġ, jekk il-parti l-oħra tagħti l-kunsens jew ikun hemm l-awtorizzazzjoni tal-Qorti, u wara li tkun tat ir-raġunijiet għal dan. Il-kunsens tal-parti l-oħra jista' jingħata permezz ta' att notarili, dispożizzjoni fis-sentenza (verbal fil-proċess li juri l-kunsens) jew dikjarazzjoni fir-reġistru ċivili. It-talba għal awtorizzazzjoni mill-Qorti biex ikompli jintuża l-kunjom tal-parti l-oħra tista' ssir fil-proċess tal-kawża ta' divorzju, jew inkella wara li jkun ingħata d-divorzju.

b) Id-diviżjoni tal-beni tal-miżżewġin:

Il-parti fiż-żwieġ li tiġi ddikjarata li kienet unikament jew prinċipalment kolpevoli, kif ukoll il-parti fiż-żwieġ li titlob divorzju fuq il-bażi tal-bidla fil-fakultà mentali tal-parti l-oħra, trid tikkumpensa t-tbatija u s-sofferenza kkawżata lill-parti l-oħra minħabba x-xoljiment taż-żwieġ, u din it-talba għal kumpens trid tkun inkluża mal-kawża tad-divorzju.

L-effetti tad-divorzju fir-rigward tar-relazzjonijiet partimonjali jmorru lura għad-data tal-preżentazzjoni tal-kawża.

L-effetti partimonjali tad-divorzju jistgħu jiġu kkontestati minn terzi sa mid-data tar-reġistrazzjoni tas-sentenza.

Il-parti fiż-żwieġ li tiġi ddikjarata li kienet unikament jew prinċipalment kolpevoli ma tistax, mid-diviżjoni tal-beni, tirċievi aktar milli kieku kienet tirċievi li kieku ż-żwieġ sar taħt il-komunjoni ta' l-akkwisti (sistema li permezz tagħha l-beni li jkunu ġew akkwistati qabel iż-żwieġ, u dak kollu li l-partijiet jakkwistaw matul iż-żwieġ permezz ta' wirt jew donazzjoni jibqa' tagħhom individwalment, waqt li dak kollu li jaqalgħu minn xogħol u l-affarijiet li huma jakkwistaw matul iż-żwieġ isiru parti mill-komunjoni).

FuqFuq

Il-parti fiż-żwieġ li tiġi ddikjarata li kienet unikament jew prinċipalment kolpevoli titlef kull benefiċċju li tkun irċeviet jew li jkollha tirċievi mingħand il-parti l-oħra jew minn terzi minħabba ż-żwieġ jew l-istat ta' żwieġ, kemm jekk dawn ikunu seħħu qabel jew wara ż-żwieġ. Il-parti fiż-żwieġ li tkun innoċenti jew li ma tkunx prinċipalment kolpevoli żżomm il-benefiċċji kollha li tkun irċeviet miż-żwieġ mill-parti l-oħra jew minn terzi, anki jekk dawn ikunu ngħataw b'kondizzjoni ta' reċiproċità; hija tista' tirrinunzja għal dawn il-benefiċċji b'dikjarazzjoni unilaterali, iżda jekk ikun hemm it-tfal fiż-żwieġ, din ir-rinunzja tmur favur dawn it-tfal.

Il-qorti tista' tagħti b'kiri li xi waħda mill-partijiet fiż-żwieġ, fuq talba tagħha, id-dar matrimonjali, kemm jekk din tkun proprjetà komuni taż-żewġ miżżewġin kif ukoll jekk tkun tal-parti l-oħra biss, waqt li tikkunsidra l-ħtiġijiet tal-miżżewġin u l-interessi tat-tfal tal-koppja.

Il-kirja hawn fuq imsemmija tkun soġġetta għar-regoli tal-kiri għal abitazzjoni, iżda l-qorti tista' tiddefinixxi l-kondizzjonijiet tal-kuntratt, wara li tkun semgħet lill-miżżewġin, u tista' ttemm il-kirja, fuq talba tas-sid, meta dan ikun ġustifikat minħabba ċ-ċirkostanzi.

c) It-tfal tal-koppja li jkunu għadhom taħt l-età:

F'każijiet ta' divorzju, separazzjoni personali, dikjarazzjoni ta' nullità jew annullament ta' żwieġ, il-kustodja tat-tfal u l-manteniment għandhom jiġu miftiehma bejn il-ġenituri, soġġett għall-awtorizzazzjoni tal-qorti (jew tar-Reġistratur tar-Reġistru Ċivili, fil-kuntest ta' proċess ta' separazzjoni u divorzu b'kunsens reċiproku).

FuqFuq

Jekk ma jintlaħaqx ftehim, il-Qorti għandha tiddeċiedi b'mod konsistenti ma' l-aħjar interessi tat-tfal minuri, inkluż li tinżamm relazzjoni mill-qrib mal-ġenitur li ma jingħatax il-kustodja, u li tingħata l-kustodja lil xi wieħed mill-ġenituri, lil terza persuna, jew lil istitut ta' edukazzjoni u appoġġ.

Biex tikseb tagħrif aktar dettalat dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok ara dan is-dokument ta’ tagħrif: « Responsabbiltajiet tal-Ġenituri – Portugall ».

d) L-obbligu li jingħata manteniment lill-parti l-oħra fiż-żwieġ:

Wara s-separazzjoni personali, xorta waħda jibqa' d-dritt għall-manteniment. Lanqas divorzju ma jtemm dan id-dritt awtomatikament.

F'każijiet ta' divorzju, ikun hemm dritt għall-manteniment:

  1. Fir-rigward tal-parti fiż-żwieġ li ma titqiesx li hija kolpevoli jew, meta t-tnejn ikollhom tort, il-parti li ma titqiesx li hija prinċipalment kolpevoli fid-digriet tad-divorzju, meta l-ħtija tal-parti l-oħra tkun ikkawżat vjolazzjoni kolpuża tad-dmirijiet matrimonjali (f'każijiet fejn dan il-ksur, jew minħabba l-gravità tiegħu jew minħabba li jkun ripetut, jagħmel il-ħajja komuni bejn il-partijiet impossibbli), f'każijiet ta' separazzjoni de facto għal tlett snin konsekuttivi jew separazzjoni de facto meta divorzju jintalab minn parti waħda mingħajr l-oppożizzjoni tal-parti l-oħra.
  2. Il-parti fiż-żwieġ konvenuta, jekk id-divorzju jkun sar fuq il-bażi ta' bidla serja fil-fakultajiet mentali tal-parti l-oħra li tikkomprometti l-possibiltà tal-ħajja flimkien għal aktar minn tlett snin;
  3. Kull parti fiż-żwieġ, jekk id-divorzju jkun wieħed konsenswali jew, jekk ikun litiġjuż, jitqiesu li għandhom it-tnejn tort indaqs.

F'każijiet eċċezzjonali, il-Qorti tista', għal raġunijiet ta' ekwità, tagħti manteniment lill-parti fiż-żwieġ li ma jkollhiex dritt għalih, waqt li tikkunsidra, b'mod partikolari, it-tul taż-żwieġ u l-kontribut li tkun tat din il-parti fiż-żwieġ għall-finanzi taż-żwieġ.

FuqFuq

Meta tiffissa l-ammont ta' manteniment il-Qorti trid tikkunsidra l-età u l-istat ta' saħħa tal-partijiet, il-kwalifiki professjonali tagħhom u l-possibiltajiet ta' xogħol tagħhom, il-ħin li jkollhom jiddedikaw għall-kura tat-tfal taż-żewġ partijiet, id-dħul u l-assi tagħhom, u b'mod ġenerali ċ-ċirkostanzi kollha li għandhom effett fuq il-ħtiġijiet tal-parti fiż-żwieġ li tirċievi l-manteniment u l-possibiltajiet tal-parti li tkun qed tħallas.

Din is-sistema hija applikabbli fil-każ ta' separazzjoni personali.

Jekk iż-żwieġ jiġi ddikjarat null jew jiġi annullat, il-parti fiż-żwieġ li tkun in bona fede żżomm id-dritt li tirċievi l-manteniment mill-mument meta s-sentenza ssir definittiva (jiġifieri meta ma tkunx tista' tiġi appellata aktar) jew minn meta din id-deċiżjoni tiġi reġistrata (preżentazzjoni fir-reġistru taż-żwiġijiet tad-dokument li jsemmi dan il-fatt).

Dan id-dritt għall-manteniment jintemm jekk il-persuna li tirċievi l-manteniment terġa' tiżżewweġ jew jekk iġġib ruħha b'mod li ma jkunx jisħoqqilha li tkompli tirċievi l-manteniment.

4. Xi tfisser fil-prattika is-separazzjoni personali?

Is-separazzjoni personali ma tħollx iż-żwieġ, iżda ttemm id-dmirijiet ta’ koabitazzjoni u assistenza, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ manteniment.

Għar-rigward tal-beni, is-separazzjoni tipproduċi l-istess effetti bħax-xoljiment taż-żwieġ.

Is-separazzjoni personali tal-persuni u tal-beni tispiċċa bir-rikonċiljazzjoni jew bix-xoljiment taż-żwieġ.

Il-miżżewġin jistgħu, f'kull ħin, jerġgħu jibdew jgħixu flimkien u jeżerċitaw b'mod sħiħ id-drittijiet u d-dmirijiet matrimonjali tagħhom. Ir-rikonċiljazzjoni trid tiġi mniżżla fil-proċess tas-separazzjoni (permezz ta' nota fl-atti ġudizzjarji li turi l-kunsens tal-partijiet) jew f'att pubbliku, u hija soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-qorti, li trid tiġi reġistrata fuq ordni ta' l-istess qorti. Meta t-termini tagħha jkunu ġew segwiti fir-reġistru pubbliku, ir-rikonċiljazzjoni għandha titniżżel fil-proċess ta' separazzjoni u trid tiġi reġistrata mir-reġsitratur. L-effetti tar-rikonċiljazzjoni jidħlu fis-seħħ mid-data ta' din l-awtorizzazzjoni.

FuqFuq

Meta jiskorru sentejn mid-data meta tkun ingħatat is-sentenza tas-separazzjoni, kemm jekk din tkun litiġjuża jew konsenswali, u l-miżżewġin ma jkunu waslu għal ebda rikonċiljazzjoni, kull parti fiż-żwieġ tista' titlob li s-separazzjoni tinqeleb f'divorzju. Jekk il-konverżjoni tkun mitluba miż-żewġ partijiet, m'huwiex meħtieġ li jgħaddi ż-żmien hawn fuq imsemmi. Il-konverżjoni tista' tintalab minn kull parti fiż-żwieġ, irrispettivament minn jekk ikunx għadda ż-żmien hawn fuq imsemmi, jekk xi parti fiż-żwieġ tikkommetti adulterju wara s-separazzjoni. Is-sentenza li tikkonverti separazzjoni f'divorzju ma tistax tbiddel dak li jkun ġie deċiż fir-rigward tat-tort tal-miżżewġin matul il-proċess ta' separazzjoni.

Dak li jkun ġie deċiż fir-rigward tas-separazzjoni huwa applikabbli għad-divorzju, bl-adattazzjoni meħtieġa.

5. Liema kondizjonijiet iridu jiġu sodisfatti biex tinkiseb separazzjoni personali?

Ir-raġunijiet għal separazzjoni personali huma l-istess bħal dawk għal divorzju litiġjuż.

6. X’inhuma l-effetti legali ta’ separazzjoni personali? Tista' tinqeleb f'divorzju? Din is-separazzjoni hija kondizzjoni neċessarja biex jinkiseb divorzju?

Bħal ma ntqal fit-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti, is-separazzjoni personali ttemm d-dmirijiet ta' koabitazzjoni u assistenza, mingħajr preġudizzju għad-dritt għall-manteniment, waqt li toħloq l-istess effetti bħal xoljiment taż-żwieġ fir-rigward tal-beni. Kull parti fiż-żwieġ tista' żżomm l-kunjom tal-parti l-oħra li tkun adottat.

FuqFuq

Is-separazzjoni personali tista' tinqeleb f'divorzju, anki jekk ma tkunx kondizzjoni jew fażi fi proċess ta' divorzju.

Is-separazzjoni personali tintemm bir-rikonċiljazzjoni jew bix-xoljiment taż-żwieġ.

7. Xi tfisser fil-prattika l-"annullament ta’ żwieġ"?

“Annullament ta’ żwieġ” tfisser it-tħassir ta’ l-effetti legali taż-żwieġ minħabba xi nuqqas fundamentali.

8. Liema kondizzjonijiet iridu jiġu sodisfatti biex jiġi annullat żwieġ?

Huma annullabbli ż-żwiġijiet fejn xi parti fiż-żwieġ tkun:

  1. persuna taħt l-età ta' sittax-il sena;
  2. persuna li tkun magħrufa li għandha mard tal-moħħ (ħlief jekk ikun sar waqt perjodu ta' luċidità);
  3. persuna li tkun interdetta jew inabilitata minħabba mard tal-moħħ;
  4. persuna li tkun diġà miżżewġa, anki jekk dak iż-żwieġ ikun għadu ma ġiex reġistrat ċivilment;
  5. tiġi mill-parti l-oħra fil-linja diretta (jiġifieri meta parti fiż-żwieġ tkun axxendenti tal-parti l-oħra);
  6. tiġi mill-parti l-oħra jew bħala aħwa, jew meta ż-żwieġ ikun bejn kunjatu/a u l-mara/raġel tat-tifel/tifla.

Iż-żwieġ huwa annullabbli wkoll meta:

  1. parti fiż-żwieġ tkun il-prinċipal jew kompliċi f'omiċidju volontarju jew attentat ta' omiċidju, kontra r-raġel jew il-mara preċedenti tal-parti l-oħra;
  2. ikun sar mingħajr il-kunsens ta' xi parti fiż-żwieġ jew meta l-kunsens tagħha jkun ingħata bi żball jew ittieħed bi vjolenza;
  3. ikun sar mingħajr il-preżenza ta' xhieda, meta dawn ikunu meħtieġa bil-liġi.

9. X’inhuma l-effetti legali ta’ annullament ta’ żwieġ?

Meta jiġi annullat żwieġ, jintemmu d-dmirijiet tal-koabitazzjoni, fedeltà, rispett, kooperazzjoni u assistenza.

FuqFuq

Il-pożizzjoni legali tmur lura, sa fejn hu possibbli, għal dik li kienet qabel ma jkun sar iż-żwieġ li jiġi annulat jew iddikjarat null.

Madanakollu, l-annullabilità ma tistax tiġi invokata għal ebda skop, kemm fi proċeduri ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji, jekk tkun għadha ma ġietx iddikjarata permezz ta' sentenza speċifika.

10. Il-kwistjonijiet relatati ma’ divorzju jistgħu jiġu riżolti b’xi mod ieħor apparti minn bi proċeduri quddiem il-qorti?

Iva. Id-divorzju konsenswali jiġi reġistrat fir-Reġistru Ċivili, ħlief jekk il-ftehim jintlaħaq matul il-proċess ta' divorzju litiġjuż.

11. F’liema qrati jsiru l-applikazzjonijiet għal divorzju/separazzjoni personali/annullament ta’ żwieġ? Liema formalitajiet iridu jiġu osservati u liema dokumenti jridu jiġu mehmuża mal-proċess?

Is-separazzjoni u d-divorzju konsenswali jridu jiġu reġistrati fir-Reġistru Ċivili taż-żona ta' residenza tal-konjugi jew f'żona oħra magħżula espressament miż-żewġ partijiet.

It-talba trid tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Familja, u jekk din ma tkunx teżisti, quddiem il-Qorti kompetenti tad-distrett ġudizzjarju relevanti. Din il-kompetenza territorjali tiġi stabbilita skond il-post tad-domiċilju jew residenza ta' l-attur (jiġifieri l-persuna li tiftaħ il-kawża).

Divorzju litiġjuż isir permezz ta' talba li fiha jingħataw il-fatti li għandhom iwasslu għax-xoljiment tar-rabta taż-żwieġ. Jistgħu jiġi ppreżentati, fejn ikun meħtieġ, il-provi relatati. Mat-talba jridu jiġu ppreżentati ċ-ċertifikat taż-żwieġ u tat-twelid tat-tfal taż-żewġ miżżewġin.

FuqFuq

Ir-rappreżentanza minn avukat hija obbligatorja.

Wara li tiġi ppreżentata t-talba, l-Imħallef jappunta data sabiex isir attentat ta' rikonċiljazzjoni tal-miżżewġin, u dan jista' jwassal għal:

  1. ir-rikonċiljazzjoni tal-miżżewġin (f'liema każ il-proċedura tintemm);
  2. il-konverżjoni tad-divorzju litiġjuż f'divorzju konsenswali (il-proċedura tibqa' ssegwi dan il-ftehim) u
  3. in-nuqqas ta' rikonċiljazzjoni (b'hekk il-proċess ikompli bħala wieħed litiġjuż, iżda l-Imħallef xorta waħda jipprova jwassal lill-partijiet għal ftehim f'dak li għandu x'jaqsam mal-manteniment, il-kustodja tat-tfal u l-użu tad-dar matrimonjali pendente lite).

Jekk il-proċess ta' divorzju jkompli bħala wieħed litiġjuż, il-parti konvenuta jkollha tletin jum biex tissottometti l-eċċezzjonijiet tagħha bil-miktub.

Dan il-proċess jinkludi smigħ fejn jinġabru l-provi u jintemm b'sentenza ta' l-Imħallef fil-Qorti ta' l-Ewwel Grad.

Il-proċedura ta' divorzju konsenswali ssir permezz tal-preżentazzjoni, fir-Reġistru Ċivili, ta' rikors iffirmat mill-miżżewġin jew mill-avukati tagħhom. Mat-talba jridu jiġu mehmuża kopja awtentika taċ-ċertifikat taż-żwieġ, elenku tal-beni komuni, b'indikazzjoni tal-valuri rispettivi, ċertifikat tas-sentenza ġudizzjarja dwar l-eżerċizzju tal-kustodja tat-tfal minorenni, jekk ikun hemm; ftehim dwar il-ħlas ta' manteniment lill-parti li tkun fil-bżonn, kopja tal-ftehim ta' qabel iż-żwieġ, jekk dan ikun jeżisti, u ftehim dwar x'ser isir mid-dar matrimonjali. F'każ illi ma jiirriżulta xejn mid-dokumenti ppreżentati, huwa mifhum illi l-ftehim huma intenzjonati jew għal matul il-proċess jew għall-perjodu sussegwenti.

FuqFuq

Ma' dawn id-dokumenti jrid jiġi mehmuż ftehim dwar l-eżerċizzju tal-kustodja fuq it-tfal minorenni, jekk ikun hemm, u jekk ma jkunx hemm diġà digriet ġudizzjarju f'dan ir-rigward.

Wara li jiġi ppreżentat ir-rikors, ir-Reġistratur isejjaħ lill-miżżewġin għal laqgħa, fejn huwa jipprova jwassalhom għal rikonċiljazzjoni, u jekk dan ma jirnexxix id-divorzju jiġi akkordat u reġistrat.

Meta jiġi ppreżentat ftehim dwar l-eżerċizzju tal-kustodja tat-tfal minorenni, il-proċess jintbagħat lill-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti ġudizzjarja ta' l-Ewwel Grad li jkollha kompetenza territorjali u ratione materie, qabel ma tiġi ffissata l-ġurnata tal-laqgħa, li għandha ssir fil-perjodu hawn fuq imsemmi ta' 30 jum. F'każ illi l-Prosekutur Pubbliku jidhirlu illi l-ftehim ma jissalvagwardjax biżżejjed l-interessi tal-minorenni, ir-rikorrenti jistgħu jimmodifikawh kif mitlub jew jippreżentaw wieħed ġdid, u f'dan l-aħħar każ, irid jerġa' jintwera lill-Prosekutur Pubbliku. Jekk il-Prosekutur Pubbliku jidhirlu li l-ftehim jissalvagwardja b'mod adegwat l-interessi tal-minuri jew jekk il-miżżewġin ikunu mmodifikaw il-ftehim kif mitlub mill-Prosekutur Pubbliku, id-divorzju jiġi akkordat. F'sitwazzjonijiet fejn ir-rikorrenti nfushom ma jkunux sodisfatti bil-bidliet mitluba mill-Prosekutur Pubbliku u jkunu għadhom bil-ħsieb li jiddivorzjaw, il-proċess jintbagħat quddiem il-qorti tad-distrett ġudizzjarju fejn ikun jinsab ir-reġistru.

Fir-rigward ta' kawża għal annullament ta' żwieġ, huwa obbligatorju wkoll li jitqabbad avukat.

Din l-azzjoni titressaq permezz ta' rikors, fil-forma stabbilita bil-liġi, li permezz tiegħu jiġi ppreżentati l-fatti u t-talbiet relevanti.

FuqFuq

Il-leġittimità ta' din il-kawża tiddependi fuq il-bażi tat-talbiet.

Il-miżżewġin jew il-qraba tagħhom fil-linja diretta jew sar-raba' grad fil-linja indiretta, kif ukoll il-werrieta u l-persuni adottati mill-miżżewġin, u l-Prosekutur Pubbliku għandhom dritt jiftħu kawża ta' annullament ta' żwieġ li jkun jinvolvi persuna taħt l-età ta' sittax-il sena, persuna magħrufa li ssofri minn mard tal-moħħ, jew li tkun interdetta jew inabilitata minħabba mard tal-moħħ, żwieġ preċedenti li ma jkunx ġie xolt, konsangwinità fil-linja diretta, konsangwinità sat-tieni grad fil-linja kollaterali, affinità fil-linja diretta jew kundanna preċedenti ta' xi ħadd mill-għarajjes. Minbarra dawn il-persuni, il-kawża tista’ tinbeda jew titkompla minn tutur jew kuratur, f'każ ta' persuni minorenni, interdetti jew inkapaċitati minħabba mard tal-moħħ, u f'każ ta' bigamija, mill-ewwel raġel jew mara.

L-annullament minħabba simulazzjoni jista' jintalab mill-miżżewġin jew minn persuni preġudikati biż-żwieġ. F'każijiet ta' nuqqas ta' kunsens, il-kawża ta' annullament tista' ssir biss mill-persuna li ma tkunx tat il-kunsens; iżda din il-kawża tista' titkompla mill-qraba fil-linja diretta, mill-werrieta jew minn persuni adottati minn dik il-parti fiż-żwieġ, jekk l-attur jiġi nieqes matul il-kawża.

Kawża ta' annullament minħabba kunsens ivvizzjat tista' ssir biss mill-parti fiż-żwieġ li tkun vittma ta' l-iżball jew vjolenza, iżda din il-kawża tista' titkompla mill-qraba fil-linja diretta, mill-werrieta jew minn persuni adottati minn dik il-parti fiż-żwieġ, jekk l-attur jiġi nieqes matul il-kawża.

Kawża ta' annullament minħabba n-nuqqas ta' xhieda tista' tiġi ppreżentata mill-Prosekutur Pubbliku.

FuqFuq

Kawża ta' annullament fuq il-bażi li ż-żwieġ ikun jinvolvi persuna taħt l-età ta' sittax-il sena, persuna b'mard tal-moħħ, jew li tkun interdetta jew inabilitata minħabba mard tal-moħħ, żwieġ preċedenti li ma jkunx ġie xolt, relazzjoni familjari fil-linja diretta, relazzjoni familjari sat-tieni grad fil-linja kollaterali, affinità fil-linja diretta jew kundanna anteċedenti ta' xi ħadd mill-għarajjes, għandha tiġi ppreżentata.

  1. F'każijiet ta' minorenni, interdizzjoni jew inabilità minħabba mard tal-moħħ jew li tkun magħrufa li tbati minn mard tal-moħħ, meta l-kawża tinfetaħ mill-persuna minorenni din tista' ssir biss sa sitt xhur wara li din il-persuna tilħaq l-età maġġuri, jew minn meta jkunu waqfu l-interdizzjoni jew l-inabilità jew il-mard tal-moħħ; jekk il-kawża tinfetaħ minn persuna oħra, din tista' ssir sa mhux aktar tard minn tlett snin wara ż-żwieġ, iżda mhux wara li l-persuna tkun laħqet l-età maġġuri jew li jkunu waqfu l-interdizzjoni jew l-inabilità jew il-mard tal-moħħ;
  2. F'każ ta' kundanna għal omiċidju kontra r-raġel jew il-mara preċedenti ta' parti fiż-żwieġ, il-kawża ta' annullament għandha ssir fi żmien tlett snin minn meta jkun sar iż-żwieġ;
  3. F'każijiet oħrajn, dawn iridu jsiru sa sitt xhur wara x-xoljiment taż-żwieġ. Il-Prosekutur Pubbliku biss jista' jressaq azzjoni qabel ix-xoljiment taż-żwieġ. Kawża ta' annullament ibbażata fuq żwieġ preċedenti li ma jkunx ġie xolt, ma tistax tinfetaħ jew titkompla jekk ikun hemm kawża pendenti għal dikjarazzjoni ta' nullità jew l-annullament taż-żwieġ preċedenti.

Kawża ta' annullament minħabba nuqqas ta' kunsens ta' xi parti fiż-żwieġ tista' ssir biss fi żmien tlett snin minn meta jkun sar iż-żwieġ, u jekk il-fatti li jkunu wasslu għall-izball ma jkunux magħrufa għall-parti rikorrenti, fi żmien sitt xhur minn meta ssir taf.

FuqFuq

Kawża ta' annullament fuq il-bażi ta' kunsens ivvizzjat tiddekadi jekk ma ssirx fi żmien sitt xhur min meta jieqaf il-vizzju.

Kawża ta' annullament minħabba nuqqas ta' xhieda tista' ssir fi żmien sena minn meta jkun sar iż-żwieġ.

Mar-rikors irid jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat taż-żwieġ, u ċ-ċertifikat tat-twelid (f'każ illi l-bażi tal-kawża tkun li ż-żwieġ kien jinvolvi minorenni).

Meta l-kawża tiġi appuntata l-parti konvenuta tingħata l-opportunità li tissottometti l-eċċezzjonijiet tagħha. Il-kawża tipproċedi billi jiġu pprezentati l-fatti li fuq il-bażi tagħhom tittieħed id-deċiżjoni, b'sottomissjoni tal-provi favur u kontra. Ikun hemm ukoll seduta fejn il-partijiet jingħataw l-opportunità biex jittrattaw il-każ tagħhom, qabel ma tgħaddi għas-sentenza finali.

12. Huwa possibbli li tingħata għajnuna legali sabiex jiġu kopruti l-ispejjeż tal-kawża?

Iva, is-sistema ta' għajnuna legali tapplika għall-qrati kollha, tkun xi tkun il-forma tal-proċess.

Għal aktar tagħrif dwar dan, jekk jogħġbok ikkonsulta d-dokument «Għajnuna Legali - Portugall».

13. Jista’ jsir appell kontra digriet ta’ divorzju/separazzjoni personali/annullament ta’ żwieġ?

Iva. F'dawn il-kawżi dejjem jista' jsir appell lill-Qorti Suprema tal-Ġustizzja.

14. Xi jrid isir biex jiġi rikonoxxut digriet ta’ divorzju/separazzjoni personali/annullament ta’ żwieġ mogħti fi Stat Membru ieħor?

Jekk id-deċiżjoni in kwistjoni tkun ingħatat fi Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, ħlief għad-Danimarka, din tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' xi proċedura speċjali. B'mod partikolari, ebda proċedura m'hi meħtieġa sabiex jiġu aġġornati r-reġistri ta' l-istat ċivili ta' Stat Membru fir-rigward ta' deċiżjoni dwar divorzju, separazzjoni personali jew annullament ta' żwieġ li tkun ingħatat fi Stat Membru ieħor skond il-liġi ta' dak l-Istat. Jekk ir-rikonoxximent ta' deċiżjoni tiġi invokata inċidentalment quddiem Qorti ta' Stat Membru, din tkun kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta' din it-talba.

FuqFuq

Kull parti interessata tista' titlob ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni.

Parti li titlob dikjarazzjoni ta' rikonoxximent ta' deċiżjoni għandha tippreżenta: a) kopja ta' din id-deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa dwar l-awtentiċità; u b ) ċertifikat maħruġ skond il-forma stabbilita mir-Regolament (KE) nru. 1347/2000, tat-30.06 (Anness IV).

Jekk din id-deċiżjoni tintalab fid-Danimarka, tapplika l-proċedura speċjali dwar reviżjoni ta' sentenza barranija.

Matul dan il-proċess, wara li jiġi ppreżentat ir-rikors flimkien ma' dokument għar-reviżjoni tad-deċiżjoni, il-parti konvenuta tingħata 15-il jum biex tippreżenta l-oppożizzjoni tagħha. Ir-rikorrent jista' jwieġeb fi żmien 10 ijiem min-notifika tal-preżentazzjoni ta' l-oppożizzjoni. Wara li jkunu saru l-provi u l-formalitajiet kollha li r-relatur (Imħallef tal-Qorti li jmexxi l-kawża) jidhirlu li huma xierqa, il-partijiet u/jew il-Prosekutur Pubbliku jingħataw 15-il jum kull wieħed biex jippreżentaw l-argumenti tagħhom.

Sabiex is-sentenza tiġi kkonfermata huwa meħtieġ:

  1. Li ma jkunx hemm dubji dwar l-awtentiċità tad-dokument tas-sentenza u dwar ir-raġonevolezza tad-deċiżjoni;
  2. Li din tkun saret skond il-liġi tal-pajjiż fejn tkun ingħatat;
  3. Li tkun ingħatat minn qorti barranija li l-kompetenza tagħha ma tkunx ġiet invokata b'qerq kontra l-liġi u li ma tkunx tidħol f'qasam ta' ġurisdizzjoni esklussiva tal-qrati Portugiżi;
  4. Li ma tkunx tista' tiġi invokata l-eċċezzjoni ta' kawża pendenti quddiem qorti Portugiża, ħlief jekk kienet il-Qorti barranija li waqqfet il-ġurisdizzjoni;
  5. Li l-parti konvenuta tkun ġiet notifikata regolarment għall-kawża, skond il-liġi tal-pajjiż tal-qorti ta' oriġini, u li matul il-proċess ikunu ġew osservati l-prinċipji tal-ġustizzja naturali, b’mod partikolari dak ta’ audi alteram partem;
  6. Li ma tkunx tikkonsisti f'deċiżjoni li tmur manifestament kontra l-prinċipji ta' l-ordni pubblika internazzjonali ta' l-Istat Portugiż.

15. Quddiem liema qorti għandu jsir rikors għal reviżjoni ta’ deċiżjoni biex jiġi rikonoxxut digriet ta’ divorzju/separazzjoni personali/annullament ta’ żwieġ li jkun ingħata fi Stat membru ieħor?

Fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, it-talba għal deċiżjoni li tirrikonoxxi digriet ta' divorzju, separazzjoni personali jew annullament ta' żwieġ għandha tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Familja, u f'distretti fejn din ma tkunx teżisti, quddiem il-Qorti Distrettwali.

Il-qorti li għandha l-kompetenza territorjali tiġi stabbilita skond il-liġi interna ta' l-Istat Membru fejn tiġi ppreżentata t-talba għal rikonixximent.

Jekk id-deċiżjoni tkun ingħatat fid-Danimarka, il-Qorti kompetenti biex tieħu konjizzjoni tar-reviżjoni hija l-Qorti Distrettwali tad-distrett ġudizzjarju fejn tkun domiċiljata l-persuna li kontra tagħha jrid jinkiseb ir-rikonoxximent (Coimbra, Évora, Guimarães, Lisbona u Porto).

16. Liema liġi tapplika fi proċedimenti ta’ divorzju bejn miżżewġin li ma jkunux jgħixu fil-Portugall jew li jkunu ta’ nazzjonalità differenti?

F'każijiet ta' divorzju u ta' separazzjoni personali, il-liġi applikabbli hija dik tan-nazzjonalità komuni tal-miżżewġin. Jekk il-miżżewġin ma jkunux ta' l-istess nazzjonalità, tkun applikabbli l-liġi tar-residenza abitwali komuni tagħhom, u fin-nuqqas ta' dan, il-liġi tal-pajjiż ma' fejn il-ħajja tal-familja tkun marbuta l-aktar mill-qrib.

Jekk, madanakollu, matul iż-żwieġ tinbidel il-liġi applikabbli, is-separazzjoni jew id-divorzju jiġu bbażati fuq kif kienet il-liġi meta jkunu seħħu l-fatti relevanti.

Aktar tagħrif

Tista' tikseb aktar tagħrif minn dawn is-siti ta' l-Internet:

  • Qorti Suprema tal-Ġustizzja; English - français - português
  • Qorti Kostituzzjonali; English - português
  • Ministeru tal-Ġustizzja; português
  • Qorti ta' l-Appell ta' Lisbona; português
  • Qorti ta' l-Appell ta' Coimbra; português
  • Qorti ta' l-Appell ta' Évora; English - français - português
  • Qorti ta' l-Appell ta' Porto; português
  • Prokuratur Ġenerali tar-Repubblika; português
  • Ċentru ta' l-Istudji Ġuridiċi (entità responsabbli għat-taħriġ tal-Maġistrati Portugiżi); português
  • Direzzjoni Ġenerali ta' l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (fejn hemm disponibbli, fost affarijiet oħrajn, informazzjoni dwar il-kuntatti għall-Qrati u l-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom u aċċess għall-Paġna ta' l-Uffiċjali tal-Ġustizzja); English - português
  • Kabinett tal-Politika Leġislattiva u l-Ippjanar tal-Ministeru tal-Ġustizzja; English - português
  • Direttorat Ġenerali tar-Reġistri u tan-Notarjat; português
  • Istitut tal-Konsumaturi; português 
  • Assoċjazzjoni ta' l-Imħallfin Portugiżi; português
  • Sindikat tal-Maġistrati tal-Ministeru Pubbliku; português
  • Kamra ta' l-Avukati; português
  • Bażi ta' leġislazzjoni on-line português (fiha l-atti ppubblikati taħt is-Seje I tad-D.R. mill-01-01-1970; tagħti aċċess b'xejn għal-leġislazzjoni ppubblikata fis-Serje I sa mill-01-01-2000);

« Divorzju - Informazzjoni Ġenerali | Portugall - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 27-09-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit