Kummissjoni Ewropea > NGE > Divorzju > Polonja

L-aħħar aġġornament: 18-03-2008
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Divorzju - Polonja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex jinkiseb id-divorzju? 1.
2. X’inhuma r-raġunijiet tad-divorzju? 2.
3. X’inhuma l-konsegwenzi ta’ divorzju fir-rigward ta’: 3.
a) Ir-relazzjoni personali bejn il-konjuġi? (eż., il-kunjom)? a)
b) It-tqassim tal-beni bejn il-miżżewwġin? b)
c) It-tfal minuri tal-miżżewġin (eż., ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-pretensjonijiet għal manteniment)? c)
d) l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor? d)
4. Xi jfisser it-terminu legali “separazzjoni legali” fil-prattika? 4.
5. X’inhuma l-kondizzjonijiet għall-annullament taż-żwieġ? 5.
6. X’inhuma l-konsegwenzi legali tas-separazzjoni legali? 6.
7. Xi jfisser it-terminu ‘annullament taż-żwieġ’ fil-prattika? 7.
8. X’inhuma l-kondizzjonijiet għall-annullament taż-żwieġ? 8.
9. X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ l-annullament taż-żwieġ? 9.
10. Jeżistu metodi alternattivi mhux ġudizzjarji għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet relattivi għad-divorzju mingħajr ma wieħed imur il-qorti? 10.
11. Fejn għandi nippreżenta t-talba/l-applikazzjoni tiegħi għad-divorzju/separazzjoni legali/annullament? Liema formalitajiet għandhom jiġu osservati u liema dokumenti għandhom jinthemżu mat-talba? 11.
12. Nista’ nikseb għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura? 12.
13. Jista’ jsir appell mis-sentenza tad-divorzju/separazzjoni legali/annullament taż-żwieġ? 13.
14. X’passi jridu jittieħdu biex tiġi rikonoxxuta fil-Polonja sentenza ta’ divorzju/separazzjoni legali/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea? 14.
15. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni legali/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea? X’inhi l-proċedura applikabbli f’dan il-każ? 15.
16. Liema hi l-liġi tad-divorzju applikata mill-qorti fi proċeduri ta’ divorzju bejn miżżewwġin li mhumiex residenti fil-Polonja jew li għandhom nazzjonalità differenti? 16.

 

1. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex jinkiseb id-divorzju?

Il-qorti tagħti digriet ta’ divorzju, fejn tiddeċiedi jekk xi ħadd mill-konjuġi huwiex responsabbli għall-falliment taż-żwieġ, u jekk iva liema konjuġi. Jekk il-konjuġi t-tnejn jitolbu dan, il-qorti ma tagħtix deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà.

Id-divorzju mhuwiex kondizzjonali fuq separazzjoni preċedenti.

2. X’inhuma r-raġunijiet tad-divorzju?

Ir-raġunijiet għad-divorzju huwa li żwieġ tfarrak irrimedjabilment u b’mod irrevokabbli. Iż-żewġ kondizzjonijiet għandhom jeżistu.

3. X’inhuma l-konsegwenzi ta’ divorzju fir-rigward ta’:

a) Ir-relazzjoni personali bejn il-konjuġi? (eż., il-kunjom)?

Għal tliet xhur wara li tieħu effett finali d-deċiżjoni dwar id-divorzju, konjuġi divorzjat li bidel kunjomu meta żżewweġ jista’, billi jippreżenta applikazzjoni lill-maniġer ta’ l-uffiċċju tar-reġistru, imur lura għall-kunjom li kellu qabel iż-żwieġ.

Konjuġi divorzjat jista’ jiżżewweġ mill-ġdid.

b) It-tqassim tal-beni bejn il-miżżewwġin?

Mill-mument li jiżżewġu l-konjuġi, il-proprjetà konġunta tar-raġel u l-mara hija stabbilita mil-liġi. Tkopri l-proprjetà li jiksbu (proprjetà konġunta statutarja). Din il-proprjetà konġunta statutarja tieqaf meta jintemm iż-żwieġ, jiġifieri meta jieħu effett id-digriet finali tad-divorzju.

FuqFuq

Fuq talba ta’ wieħed mill-konjuġi l-qorti tista’ taqsam il-proprjetà konġunta fid-digriet tad-divorzju. Il-proprjetà miksuba tal-konjuġi hija komposta mill-oġġetti miksuba minn wieħed minnhom jew mit-tnejn meta kienet tgħodd il-proprjetà konġunta.

Iż-żewġ konjuġi għandhom ishma ndaqs fil-proprjetà konġunta.

Fuq il-bażi ta’ raġunijiet serji, wieħed mill-konjuġi jista’ jitlob lill-qorti taqsam il-proprjetà konġunta skond il-grad li fih kull konjuġi kkontribwixxa għall-ksib ta’ dik il-proprjetà.

Barra minn dan, fejn il-konjuġi jabitaw f’akkomodazzjoni konġunta, il-qorti tiddeċiedi fid-deċiżjoni tad-divorzju fuq il-mod li għandha tintuża l-akkomodazzjoni filwaqt li l-konjuġi divorzjati jibqgħu jaqsmuha. Jekk issir applikazzjoni f’dan is-sens, il-qorti tista’ wkoll tiddeċiedi dwar id-diviżjoni ta’ l-akkomodazzjoni konġunta jew tagħti l-akkomodazzjoni lil xi ħadd mill-konjuġi jekk il-konjuġi l-ieħor jaqbel li jitlaq minnha mingħajr ma tiġi provduta akkomodazzjoni oħra minflokha.

c) It-tfal minuri tal-miżżewġin (eż., ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-pretensjonijiet għal manteniment)?

Fid-digriet tad-divorzju, il-qorti tiddeċiedi d-drittijiet tal-ġenturi fuq it-tfal minuri tal-konjuġi u l-ammont li kull konjuġi għandu jħallas biex ikopri l-manteniment u l-edukazzjoni tat-tfal.

Il-qorti tista’ tafda l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-ġenituri lil ġenitur wieħed, u tillimita d-drittijiet tal-ġenitur l-ieħor għal obbligi u drittijiet speċfiċi fir-rigward tal-wild/ta’ l-ulied.

FuqFuq

d) l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Konjuġi ddivorzjat li ma nstabx li kien esklussivament responsabbli għall-falliment taż-żwieġ u li jinsab f’diffikoltà materjali jista’ jitlob manteniment mingħand il-konjuġi l-ieħor skond il-ħtiġiet raġonevoli tiegħu u l-kapaċità ta’ qligħ u l-possibbiltajiet finanzjarji tal-konjuġi l-ieħor.

Jekk id-divorzju jimplika deterjorazzjoni sostanzjali fis-sitwazzjoni materjali ta’ konjuġi li mhuwiex responsabbli għall-falliment taż-żwieġ, il-konjuġi li jiġi misjub esklussivament responsabbli għall-falliment taż-żwieġ huwa obbligat li jipprovdi fondi biex jilħaq il-bżonnijiet tal-konjuġi li mhuwiex responsabbli, ukoll jekk dan ta’ l-aħħar mhuwiex f’diffikoltà materjali.

L-obbligu tal-manteniment jieqaf meta l-konjuġi li jirċievi l-manteniment jikkuntratta żwieġ ġdid. Fejn il-konjuġi li għandu jħallas il-manteniment ma nstabx li huwa esklussivament responsabbli għall-falliment taż-żwieġ, l-obbligu tiegħu li jħallas il-manteniment jieqaf ħames snin wara d-divorzju.

4. Xi jfisser it-terminu legali “separazzjoni legali” fil-prattika?

Hija separazzjoni formali, jiġifieri s-suġġett ta' deċiżjoni tal-qorti taħt it-taqsimiet Artikoli 61(1) sa 61(6) tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutelaġġ.

5. X’inhuma l-kondizzjonijiet għall-annullament taż-żwieġ?

Il-kondizzjoni għas-separazzjoni hija s-sejba li ż-żwieġ tkisser għal kollox.

FuqFuq

Jekk il-konjuġi m’għandhomx tfal komuni, il-qorti tista’ tiddekreta separazzjoni fuq talba tal-konjuġi.

6. X’inhuma l-konsegwenzi legali tas-separazzjoni legali?

Il-konsegwenzi legali tas-separazzjoni huma l-istess bħal dawk ta’ divorzju iżda konjuġi sseparat ma jistax jikkuntratta żwieġ ġdid.

7. Xi jfisser it-terminu ‘annullament taż-żwieġ’ fil-prattika?

"Annullament taż-żwieġ" tfisser il-kanċellament, b’effett retrospettiv, tar-riżultati kollha taż-żwieġ, ħlief l-istat tat-tfal taż-żwieġ annullat, li jżommu l-istat ta’ tfal leġittimi.

8. X’inhuma l-kondizzjonijiet għall-annullament taż-żwieġ?

Ir-raġunijiet sabiex jiġi annullat żwieġ huma elenkati fil-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela:

  • Wieħed mill-konjuġi huwa taħt l-età meħtieġa skond il-liġi għaż-żwieġ;
  • Konjuġi huwa għal kollox legalment inkapaċitat;
  • Konjuġi huwa mentalment marid jew mentalment irritardjat;
  • Konjuġi huwa diġà miżżewweġ lil persuna oħra;
  • Hemm relazzjoni ta' konsangwinità lineali jew konsangwinità kollaterali (aħwa, inklużi aħwa fardsieq u aħwa extra-maritali) jew affinità lineali bejn il-konjuġi;
  • Hemm relazzjoni ta' adozzjoni bejn il-konjuġi;
  • Sottomissjoni ta' dikjarazzjoni li konjuġi kkuntratta ż-żwieġ meta kien fi stat li ma jippermettix espressjoni konxja tal-volontà għal kwalunkwe tip ta' raġuni, taħt l-influwenza ta' żball dwar l-identità tal-parti l-oħra jew taħt l-influwenza ta' theddida illegali.

Kwalunkwe waħda minn dawn il-kawżi msemmija hawn fuq għandha tkun qamet fil-ħin meta ġie kkuntrattat iż-żwieġ.

FuqFuq

9. X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ l-annullament taż-żwieġ?

Deċiżjoni li tannulla żwieġ hija kostituttiva u għandha l-konsegwenzi għal terzi (erga omnes). Hemm żewġ tipi ta' konsegwenzi:

  • ex tunc, jiġifieri jmorru lura għad-data meta ġie kkuntrattat iż-żwieġ, p.e., il-konjuġi jirrevertu għall-istat maritali li kellhom qabel iż-żwieġ u jirrevertu għall-kunjomijiet ta' qabel; ir-relazzjoni ta' affinità bejn il-konjuġi u l-familja tal-konjuġi l-ieħor hija kkanċellata, l-eredità statutarja hija impossibbli;
  • ex nunc, jiġifieri jqumu fil-mument li s-sentenza ta' l-annullament taż-żwieġ issir finali u valida, eż., fir-rigward ta' relazzjonijiet ta' proprjetà.

Il-konsegwenzi ta' l-annullament għar-relazzjoni tal-konjuġi mat-tfal miż-żwieġ tagħhom u għar-relazzjonijiet ta' proprjetà bejn il-konjuġi huma rregolati mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar id-divorzju li taħthom konjuġi li kkuntratta ż-żwieġ in mala fede jitqies li jkun il-konjuġi responsabbli għall-falliment taż-żwieġ.

10. Jeżistu metodi alternattivi mhux ġudizzjarji għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet relattivi għad-divorzju mingħajr ma wieħed imur il-qorti?

Il-medjazzjoni tal-familja teżisti fil-Polonja. L-għan fundamentali huwa li jirrisolvu l-kunflitti bejn il-konjuġi sabiex jiġi evitat id-divorzju jew is-separazzjoni. Il-medjazzjoni normalment issir minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, fondazzjonijiet jew il-Knisja.

Il-konjuġi li jsofru minn kunflitt maritali jistgħu wkoll isejħu l-għajnuna f'bosta forom minn terapisti tal-familja, psikologi, gruppi ta' appoġġ, eċċ.

FuqFuq

11. Fejn għandi nippreżenta t-talba/l-applikazzjoni tiegħi għad-divorzju/separazzjoni legali/annullament? Liema formalitajiet għandhom jiġu osservati u liema dokumenti għandhom jinthemżu mat-talba?

L-applikazzjonijiet għad-divorzju, għas-separazzjoni jew għall-annullament ta’ żwieġ għandhom ikunu mressqa quddiem il-qorti reġjonali (sąd okręgowy) li għandha ġuriżdizzjoni fuq il-post l-aktar reċenti ta’ residenza konġunta tal-konjuġi, li fin-nuqqas tagħha d-dikjarazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati quddiem il-qorti reġjonali li għandha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post ta’ residenza ta’ l-applikant.

Tintalab tariffa għall-preżentata fil-qorti. Iżda, parti li s-sitwazzjoni materjali tagħha ma tippermettilhiex tħallas it-tariffa tista’ tapplika lill-qorti għal eżenzjoni sħiħa jew parzjali mill-ispejjeż tal-qorti, u tista’ wkoll titlob lill-qorti taħtar avukat ex officio biex jaġixxi għaliha.

Dawn li ġejjin għandhom jinhemżu ma’ l-applikazzjoni kif xieraq: kopji tad-dokumenti ta’ l-istat ċivili (ċertifikat taż-żwieġ, ċertifikati tat-twelid tat-tfal), evidenza ta’ qligħ (dħul), dokument li jawtorizza lil avukat jaġixxi għall-parti (jekk tkun għażlet li tagħżel lill-avukat tagħha stess) u kwalunkwe ċertifikazzjoni ta’ tip ieħor (mediku, deċiżjonijiet amministrattivi, eċċ.) li jistgħu jkunu rilevanti għall-każ.

12. Nista’ nikseb għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva, ara l-punt 11 hawn fuq.

FuqFuq

Persuna li tapplika għal eżenzjoni sħiħa jew parzjali mill-ħlas ta' l-ispejjeż tal-qorti jew għal ħatra ex officio ta' avukat għandha tehmeż ma' l-applikazzjoni dikjarazzjoni tas-sitwazzjoni materjali tagħha fuq il-formola xierqa, disponibbli mill-qorti.

13. Jista’ jsir appell mis-sentenza tad-divorzju/separazzjoni legali/annullament taż-żwieġ?

Iva, f’dawn il-każijiet kollha huwa possibbli li jsir appell lil qorti tat-tieni istanza. Il-partijiet jistgħu jappellaw lill-qorti ta’ l-appell minn deċiżjonijiet tal-qorti reġjonali.

14. X’passi jridu jittieħdu biex tiġi rikonoxxuta fil-Polonja sentenza ta’ divorzju/separazzjoni legali/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea?

Sabiex id-deċiżjoni ta’ qorti barranija dwar każ ċivili bħad-divorzju, is-separazzjoni jew l-annullament taż-żwieġ ikollha effett legali fil-Polonja, għandha tkun rikonoxxuta minn qorti Pollakka.

Deċiżjoni ta’ qorti barranija fuq każ mhux finanzjarju li jinvolvi persuni ta’ nazzjonalità barranija, maħruġa mill-qorti kompetenti skond il-liġi nazzjonali, ma teħtieġx rikonoxximent legali kemm-il darba mhux se tkun il-bażi li fuqu ġie kkuntrattat żwieġ jew il-bażi ta’ dħul f’reġistru ta’ stat ċivili, reġistru ta’ l-artijiet jew xi reġistru ieħor Pollakk.

Kull min għandu interess legali jista’ japplika għar-rikonoxximent ta’ tali deċiżjoni.

Il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni hija l-qorti reġjonali li jkollha ġuriżdizzjoni lokali biex tisma’ l-każ. Jekk il-ġuriżdizzjoni ma tistax tiġi stabbilita fuq din il-bażi, il-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni hija l-qorti reġjonali tal-belt kapitali (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja).

FuqFuq

15. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni legali/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea? X’inhi l-proċedura applikabbli f’dan il-każ?

Fejn qorti reġjonali tkun tat deċiżjoni li tirrikonoxxi l-effett legali fil-Polonja tad-deċiżjoni ta’ qorti barranija, persuna li tixtieq timpunja dak ir-rikonoxximent tista’ tressaq appell skond ir-regoli ġenerali.

Fi żmien sebat ijiem mill-ħruġ tad-deċiżjoni, din il-persuna tista’ tapplika biex ir-raġunijiet għad-deċiżjoni jiġu stabbiliti bil-miktub. Fi żmien 14-il jum minn meta tirċievi r-raġunijiet bil-miktub, tista’ tressaq appell, jew tista’ tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-ħruġ tad-deċiżjoni.

Kemm l-applikazzjoni għar-raġunijiet u l-appell għandhom ikunu indirizzati lill-qorti li ħarġet id-deċiżoni in kwistjoni. Ladarba l-appellant ikun ikkompleta l-formalitajiet (eż., ħallas għall-appell), dik il-qorti tibgħat l-appell, flimkien mad-dokumentazzjoni tal-qorti, lill-qorti ta’ l-appell.

16. Liema hi l-liġi tad-divorzju applikata mill-qorti fi proċeduri ta’ divorzju bejn miżżewwġin li mhumiex residenti fil-Polonja jew li għandhom nazzjonalità differenti?

Taħt l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, il-liġi applikabbli għall-każijiet li jirrelataw għaż-żwieġ hija l-liġi nazzjonali tal-pajjiż minn fejn jiġi kull konjuġi. Il-liġi Pollakka ma tirrikonoxxix in-nazzjonalità doppja. Persuna ta' nazzjonalità Pollakka, ukoll jekk għandha nazzjonalità oħra, tiġi ttrattata mill-qorti bħala li għandha nazzjonalità Pollakka biss. Dan ifisser li f'każ dwar divorzju, separazzjoni jew annullament ta' żwieġ, il-qorti tqis id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Pollakka (il-Kodiċi tal-Familja u t-Tutela). Jekk qorti Pollakka tkun qed tisma' dan il-każ fir-rigward ta' persuna li m'għandhiex/persuni li m'għandhomx nazzjonalità Pollakka iżda għandha/għandhom nazzjonalità ta' stat ieħor, hija obbligata li tqis il-kondizzjonijiet għad-divorzju, separazzjoni jew annullament ta' żwieġ fil-liġi nazzjonali ta' kull waħda mill-partijiet separatament.

Minbarra l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, il-kwistjoni tal-liġi applikabbli dwar id-divorzju, separazzjoni jew annullament ta' żwieġ hija wkoll irregolata minn ftehimiet bilaterali bejn il-Polonja u bosta stati oħrajn. Il-fattur ewlieni fid-deċiżjoni dwar il-liġi ta' liema pajjiż hija applikabbli hija n-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata mill-każ.

« Divorzju - Informazzjoni Ġenerali | Polonja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 18-03-2008

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit