Kummissjoni Ewropea > NGE > Divorzju > Lussemburgu

L-aħħar aġġornament: 20-07-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Divorzju - Lussemburgu

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma l-kundizzjonijiet biex jinkiseb divorzju ? 1.
2. X’inhuma r-raġunijiet għal divorzju? 2.
3. X’inhuma l-effetti ġudizzjarji tad-divorzju fuq : 3.
a) ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi ? a)
b) id-diviżjoni tal-beni bejn il-konjuġi ? b)
c) l-ulied minuri tal-konjuġi ? c)
d) l-obbligu li jitħallas il-manteniment lir-raġel/mara ? d)
4. Xi jfisser il-kunċett ta’ “separazzjoni personali” fil-prattika ? 4.
5. X’inhuma r-raġunijiet għal separazzjoni personali ? 5.
6. X’inhuma l-effetti ġuridiċi tas-separazzjoni personali ? 6.
7. Xi jfisser il-kunċett ta’ “annullament taż-żwieġ” fil-prattika? 7.
8. X’inhuma r-raġunijiet għal annullament taż-żwieġ ? 8.
9. X’inhuma l-effetti ġuridiċi ta’ l-annullament taż-żwieġ ? 9.
10. Jeżistu mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jipu solvuti kwistjonijiet relattivi għad-divorzju mingħajr ma wieħed jirrikorri quddiem il-Qrati ? 10.
11. Fejn għandi nippreżenta t-talba tiegħi ta’ divorzju/separazzjoni personali/annullament taż-żwieġ ? X’inhuma l-formalitajiet li jridu jiġu rrispettati u liema dokumenti għandhom jiġu mehmuża mat-talba ? 11.
12. Nista’ nikseb għajnuna legali għall-ispejjeż tal-proċedura ? 12.
13. Jista’ jsir appell minn deċiżjoni li ngħatat fuq id-divorzju/is-separazzjoni personali/l-annullament taż-żwieġ ? 13.
14. X’għandi nagħmel biex tiġi rikonoxxuta deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni personali/annullament taż-żwieġ mogħtija minn Qorti ta’ pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea fi Stat Membru ieħor? 14.
15. Quddiem liema Qorti għandu jiġi ppreżentat il-każ biex issir oppożizzjoni għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni personali/annullament taż-żwieġ mogħtija minn Qorti ta’ pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea fi Stat Membru ieħor ? X’inhi l-proċedura applikabbli f’dan il-każ ? 15.
16. Liema liġi tad-divorzju tapplika l-Qorti fi proċedura ta’ divorzju bejn żewġ konjuġi li m’humiex residenti fil-Lussemburgu jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti ? 16.

 

1. X’inhuma l-kundizzjonijiet biex jinkiseb divorzju ?

Il-liġi tal-Lussemburgu tirrikonoxxi żewġ kategoriji kbar ta’ divorzju, jiġifieri id-divorzju b’kunsens reċiproku u d-divorzju minħabba raġuni determinata. Fil-każ ta’ divorzji minħabba raġuni determinata, wieħed irid jiddistingwi bejn id-divorzju minħabba eċċess, abbuż fiżiku jew abbuż gravi, imsejħin b’mod komuni bħala divorzju minħabba ħtija, u d-divorzju minħabba separazzjoni ta’ fatt li tkun ilha sseħħ għal ċerta żmien.

2. X’inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

a. Divorzju b’kunsens reċiproku

Id-divorzju b’kunsens reċiproku mhux permess ħlief wara sentejn żwieġ. Iż-żewġ konjuġi irid ikollhom ta’ l-inqas tlieta u għoxrin sena.

Jekk il-konjuġi għandhom xi beni x’jaqsmu, nutar għandu jagħmel inventarju u jagħti stima tagħhom. Wara, il-konjuġi jirregolaw fil-libertà kollha d-drittijiet rispettivi tagħhom fuq il-beni msemmija. Min-naħa l-oħra, jekk m’hemmx beni x’jitniżżlu f’inventarju, allura mhix neċessarja l-intervenzjoni ta’ nutar.

Il-konjuġi jridu jiftiehmu wkoll fuq ir-residenza tagħhom matul il-proċess, fuq x’ser jiġri minn uliedhom matul u wara l-proċess, fuq il-kontribuzzjoni ta’ kull wieħed mill-konjuġi għall-edukazzjoni u t-trobbija ta’ l-ulied qabel u wara d-divorzju u finalment fuq it-total tal-manteniment perjodiku li eventwalment irid jingħata minn wieħed mill-konjuġi lill-ieħor matul il-proċess u wara l-pronunzja tad-divorzju. Dan il-ftehim irid ikun dokumentat bil-miktub u ffirmat miż-żewġ konjuġi.

FuqFuq

b. Divorzju minħabba eċċess, abbuż fiżiku jew abbuż gravi (imsejjaħ divorzju minħabba tort)

Id-divorzju minħabba ħtija jiddependi minn prova ta’ eċċess, abbużi fiżiċi jew abbużi gravi minn wieħed mill-konjuġi fil-konfront ta’ l-ieħor. Dawn il-fatti jridu mhux biss jikkostitwixxu vjolazzjoni gravi jew ripetuta tad-dmirijiet u l-obbligi li jirriżultaw miż-żwieġ, imma wkoll jagħmlu t-tkomplija tal-ħajja konjugali intollerabbli.

c. Divorzju minħabba separazzjoni ta’ fatt

Il-konjuġi jistgħu jitolbu divorzju minħabba separazzjoni fl-ipoteżijiet li ġejjin:

  • F’każ ta’ separazzjoni ta’ fatt kontinwa u effettiva li ilha ta’ l-anqas tlett snin, jekk jirriżulta li d-diviżjoni tal-konjuġi hija irrimedjabbli;
  • Fil-każ ta’ separazzjoni ta’ fatt li ilha aktar minn ħames snin dovuta għall-istat ta’ aljenazzjoni mentali li jidher li ma tistax titfejjaq li fih jinstab il-konjuġi l-ieħor u jekk minn din is-sitwazzjoni jirriżulta li d-diviżjoni tal-konjuġi hija irrimedjabbli.

Il-Qorti tista’ tirrifjuta t-talba għal divorzju, jekk tqis li d-divorzju jista’ jkollu konsegwenzi materjali jew morali severi ħafna għad-difensur jew għall-ulied.

3. X’inhuma l-effetti ġudizzjarji tad-divorzju fuq :

a) ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi ?

Iż-żwieġ jiġi maħlul bid-deċiżjoni tad-divorzju. Id-dmirijiet rispettivi, jiġifieri l-obbligi tal-fedeltà, ta’ l-għajnuna u l-assistenza, jintemmu. Fil-prinċipju, il-mara ddivorzjata kif ukoll ir-raġel iddivorzjat jitilfu l-użu tal-kunjom tal-konjuġi tagħhom b’effett tad-divorzju. Madankollu, il-Qrati jistgħu jawtorizzaw li wieħed mill-konjuġi juża l-kunjom ta’ l-ieħor f’każ ta’ ftehim jew meta dan ikun eżerċita attività professjonali jew kummerċjali b’dan il-kunjom.

FuqFuq

Jekk id-divorzju huwa ppronunzjat fuq bażi ta’ eċċess, abbużi fiżiċi jew abbużi gravi, il-konjuġi li tilef il-kawża jitlef il-vantaġġi kollha taż-żwieġ li l-konjuġi l-ieħor kien ikkonċedielu, kemm permezz tal-kitba taż-żwieġ, u kemm wara d-data taż-żwieġ. B’vantaġġi taż-żwieġ wieħed jifhem l-għotjiet kollha li l-konjuġi taw lil xulxin (per eżempju għotjiet permezz tal-kitba taż-żwieġ u permezz ta’ att separat matul iż-żwieġ. Madankollu, ir-rigali skond id-drawwa u l-għotjiet mogħtija permezz tat-testment qabel iż-żwieġ ma jaqgħux taħt il-kategorija ta’ vantaġġi taż-żwieġ. F’każ ta’ divorzju pronunzjat fuq tort reċiproku taż-żewġ konjuġi, dan it-telfien japplika għaż-żewġ konjuġi. Il-konjuġi innoċenti, min-naħa l-oħra, iżomm il-vantaġġi li kienu ġew konċessi lilu mill-konjuġi l-ieħor.

b) id-diviżjoni tal-beni bejn il-konjuġi ?

Id-deċiżjoni ta’ divorzju tordna l-likwidazzjoni u l-qsim tar-reġim tal-beni matrimonjali tal-konjuġi. Fin-nuqqas ta’ kitba taż-żwieġ, il-konjuġi jaqgħu taħt ir-reġim tal-komunjoni legali, jiġifieri il-komunjoni tal-beni limitatament għall-propjetà mixtrija mill-konjuġi b’mod komuni. Id-divorzju jtemm il-komunjoni. Minbarra l-qsim tal-beni, wieħed irid jiddistingwi bejn żewġ stadji importanti:

  • Fl-ewwel stadju, kull wieħed mill-konjuġi jerġa’ jieħu l-beni li ma kienux mixtrija f’komunjoni, jekk dawn jeżistu, jekk le l-beni li kienu ġew issurrogati flokhom.
  • Fit-tieni stadju, il-massa komuni, attiva u passiva, tiġi likwidata. F’isem kull konjuġi, jiġi stabbilit rendikont tal-kumpens li l-konjuġi għandu jieħu mill-komunjoni u tal-kumpens li hu għandu jagħti lill-komunjoni tal-beni.
c) l-ulied minuri tal-konjuġi ?

ara « Ir-responsabbilità tal-ġenituri – il-Lussemburgu »

FuqFuq

d) l-obbligu li jitħallas il-manteniment lir-raġel/mara ?

ara « L-ammonti dovuti għall-manteniment – il-Lussemburgu »

4. Xi jfisser il-kunċett ta’ “separazzjoni personali” fil-prattika ?

Fil-każ fejn tkun tista’ ssir talba għad-divorzju minħabba raġuni determinata, il-konjuġi jkunu liberi li jitolbu separazzjoni personali.

Is-separazzjoni personali, li tħoll iż-żwieġ, imma ma ttemmux, ittemm id-dmir tal-koabitazzjoni, imma tħalli eżistenti bejn il-konjuġi id-dmir tal-fedeltà u d-dmir ta’ l-għajnuna. Għalhekk isegwi li l-adulterju ta’ xi ħadd mill-konjuġi mhuwiex aċċettabbli u jista’ jikkostitwixxi, jekk ikun il-każ, kawża għad-divorzju.

5. X’inhuma r-raġunijiet għal separazzjoni personali ?

Ir-raġunijiet għal separazzjoni personali huma identiċi għal dawk tad-divorzju minħabba raġuni determinata. 

6. X’inhuma l-effetti ġuridiċi tas-separazzjoni personali ?

Is-separazzjoni personali dejjem twassal għas-separazzjoni tal-beni. Wara tlett snin ta’ separazzjoni personali, kull konjuġi jista’ jitlob għad-divorzju fil-Qorti. Il-Qorti tippronunzja id-divorzju, jekk il-konjuġi l-ieħor ma jaqbilx immedjatament li tintemm is-separazzjoni.

7. Xi jfisser il-kunċett ta’ “annullament taż-żwieġ” fil-prattika?

L-annullament taż-żwieġ ifisser it-tmiem taż-żwieġ permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti. Fi kliem ieħor, iż-żwieġ qatt ma eżista.

FuqFuq

8. X’inhuma r-raġunijiet għal annullament taż-żwieġ ?

Hemm diversi raġunijiet għal annullament taż-żwieġ:

  • iż-żwieġ ikun sar mingħajr il-kunsens liberu tal-konjuġi: dan huwa l-każ jekk tkun saret vjolenza jew żball fuq il-kwalitajiet essenzjali tal-persuna;
  • iż-żwieġ ikun sar mingħajr il-kunsens tal-missier u ta’ l-omm, ta’ l-axxendenti jew tat-tutur legali, fil-każ fejn ikun neċessarju il-kunsens: dan huwa l-każ jekk il-konjuġi għad m’għandhomx tmintax-il sena fil-ħin taż-żwieġ;
  • il-bigamija: dan huwa l-każ jekk wieħed mill-konjuġi jkun miżżewweġ ma’ diversi persuni fl-istess ħin;
  • il-kundizzjonijiet formali taż-żwieġ mhumiex sodisfatti: żwieġ li jkun sar mhux b’mod pubbliku, żwieġ li jsir quddiem uffiċjal pubbliku inkompetenti jew nuqqas ta’ osservazzjoni għall-formalitajiet tal-pubblikazzjoni taż-żwieġ.

9. X’inhuma l-effetti ġuridiċi ta’ l-annullament taż-żwieġ ?

Iż-żwieġ li jkun iddikjarat null jipproduċi effetti (teorija taż-żwieġ putattiv):

  • fir-rigward taż-żewġ konjuġi, jekk huma daħlu għaż-żwieġ bi ħsieb tajjeb;
  • fir-rigward tal-konjuġi li huwa ta’ ħsieb tajjeb;
  • fir-rigward tal-wild ta’ dan iż-żwieġ, anke jekk iż-żewġ konjuġi kienu ta’ ħsieb ħażin.

Għalhekk, iż-żwieġ li jkun iddikjarat null qatt ma jipproduċi effetti fir-rigward tal-konjuġi li huwa ta’ ħsieb ħażin.

10. Jeżistu mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jipu solvuti kwistjonijiet relattivi għad-divorzju mingħajr ma wieħed jirrikorri quddiem il-Qrati ?

Fil-Gran Dukat, hemm entitajiet privati li joffru servizzi fil-qasam tal-medjazzjoni tal-familja. F’dan il-kuntest, ċerti entitajiet (per eżempju « Espace parole ») jieħdu ħsieb ukoll kwistjonijiet marbuta mad-divorzju. Mhux obbligatorju li wieħed jirrikorri għall-medjazzjoni tal-familja.

FuqFuq

11. Fejn għandi nippreżenta t-talba tiegħi ta’ divorzju/separazzjoni personali/annullament taż-żwieġ ? X’inhuma l-formalitajiet li jridu jiġu rrispettati u liema dokumenti għandhom jiġu mehmuża mat-talba ?

  • It-talba għad-divorzju (minħabba ħtija jew minħabba separazzjoni ta’ fatt), għas-separazzjoni personali u għall-annullament trid tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti tad-diviżjoni fejn il-konjuġi għandhom id-domiċilju komuni tagħhom jew inkella, f’dik fejn il-parti li qed tiddefendi għandha d-domiċilju tagħha, sakemm jiġu rrispettati r-regoli maħsuba fir-Regolament KE « Brussell II ». Hija obbligatorja r-rappreżentanza minn avukat quddiem il-Qorti, ħlief għad-divorzju b’kunsens reċiproku li jista’ jiġi ppreżentat kemm min-nutar, u kemm mill-istess partijiet.

    Il-kawża hija introdotta, ppreparata u deċiża fil-forma ordinarja, jiġifieri quddiem il-prosekutur pubbliku. It-taħrika tinkludi, taħt piena ta’ nullità, deskrizzjoni dettaljata tal-fatti minbarra l-formalitajiet ordinarji u, jekk ikun il-każ, tissemma l-identità ta’ l-ulied minuri, mhux miżżewwġa u l-anqas emanċipati. It-taħrika għandha titwassal minn marixxall lill-parti li qed tiddefendi. Min qed jagħmel it-talba jrid jehmeż ċertifikat taż-żwieġ u ċ-ċertifikati tat-twelid ta’ l-ulied mad-dokumenti meħtieġa.

    It-taħrika tista’ tinkludi wkoll it-talbiet relattivi għall-miżuri proviżorji li jikkonċernaw lill-persuna, il-manteniment u l-beni kemm tal-partijiet u kemm ta’ uliedhom. F’dan il-każ il-kawża hija xorta waħda ppreżentata quddiem l-udjenza tal-president, jew ta’ l-imħallef li qed jissostitwih, li qed jagħti deċiżjoni sommarja.

    FuqFuq

  • F’dak li għandu x’jaqsam mad-divorzju b’kunsens reċiproku, jaqbel li wieħed jiddistingwi bejn diversi stadji tal-proċedura: Jekk hemm beni x’jinqasmu, il-konjuġi jridu jagħmlu inventarju u stima tal-beni kollha tagħhom mobbli u immobbli permezz ta’ nutar. Dawn jirregolaw bil-libertà kollha d-drittijiet rispettivi tagħhom fuq il-beni msemmija. Barra dan, huma jridu jirregolaw fi ftehim ċertu numru ta’ punti, jiġifieri l-post fejn jgħixu l-konjuġi waqt li tkun għaddejja l-kawża, l-amministrazzjoni tal-persuna u tal-beni ta’ l-ulied, id-dritt għaż-żjarat, il-kontribuzzjoni tal-konjuġi għat-trobbija u għall-edukazjzoni ta’ l-ulied kif ukoll fuq il-manteniment perjodiku eventwali li jrid jitħallas minn wieħed mill-konjuġi lill-ieħor.

    Iż-żewġ konjuġi jridu jippreżentaw it-talba tagħhom għad-divorzju flimkien u personalment, mingħajr l-għajnuna ta’ avukat jew nutar, lill-president tal-Qorti ċivili fid-diviżjoni tagħhom. Fl-istess ħin, huma għandhom jippreżentaw it-taħrika msemmija aktar ’il fuq u l-att tan-nutar fejn hemm dokumentat il-qsim tal-beni. Il-konjuġi jridu jidhru quddiem il-president tal-Qorti għat-tieni darba sitt xhur wara li jkunu dehru l-ewwel darba sabiex iġeddu d-dikjarazzjoni tagħhom bl-intenzjoni li jiksbu t-tmiem taż-żwieġ. Wara li l-prokuratur ta’ l-Istat ikun ippreżenta l-konlużjonijiet tiegħu, il-Qorti tippronunzja d-divorzju jekk il-kundizzjonijiet imsemmija minn qabel huma sodisfatti, u rispettivament tirrifjuta li tippronunzjah fil-każ kuntrarju.

12. Nista’ nikseb għajnuna legali għall-ispejjeż tal-proċedura ?

Il-persuni li jitqiesu li għandhom dħul insuffiċjenti skond il-liġi tal-Lussemburgu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna legali. Għal dan il-għan, huma jridu jimlew kwestjonarju disponibbli mingħand is-servizz ċentrali ta’ l-assistenza soċjali u jibgħatuh lill-President tal-Kamra ta’ l-avukati skond it-territorju kompetenti fejn tittieħed id-deċiżjoni.

FuqFuq

L-għajnuna legali testendi għall-ispejjeż kollha relattivi għas-smigħ, il-proċeduri jew l-atti li għalihom din ġiet mogħtija. Din testendi per eżempju għad-drittijiet tal-boll u tar-reġistrazzjoni, l-ispejjeż tar-reġistratur, id-drittijiet ta’ l-avukati, id-drittijiet u l-ispejjeż tal-marixxalli, l-ispejjeż u l-ħlas tan-nutara, l-ispejjeż u l-ħlas ta’ l-esperti tekniċi, it-taxxi tax-xhieda, l-ħlas tat-tradutturi u l-interpreti, l-ispejjeż għaċ-ċertifikati li normalment jinħarġu, l-ispejjeż tat-trasport, id-drittijiet u l-ispejjeż tal-formalitajiet ta’ reġistrazzjoni, l-ipoteki u tal-garanziji kif ukoll l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni fil-ġazzetti jekk ikun hemm bżonn.

13. Jista’ jsir appell minn deċiżjoni li ngħatat fuq id-divorzju/is-separazzjoni personali/l-annullament taż-żwieġ ?

Fil-Gran Dukat, huwa possibbli li jsir appell kontra tali deċiżjoni. Iż-żmien ta’ l-appell huwa fil-prinċipju 40 ġurnata, imma dan iż-żmien jista’ jiżdied jekk dak li qed jappella joqgħod barra l-pajjiż. Il-ġurisdizzjoni ta’ l-appell hija l-Qorti Superjuri tal-ġustizzja.

14. X’għandi nagħmel biex tiġi rikonoxxuta deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni personali/annullament taż-żwieġ mogħtija minn Qorti ta’ pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea fi Stat Membru ieħor?

Id-deċiżjoni dwar id-divorzju/ separazzjoni personali/ annullament taż-żwieġ mogħtija mill-Qorti ta’ pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea tibbenefika, bis-saħħa ta’-Regolament KE « Brussell II », fil-Gran Dukat mill-prinċipju tar-rikonoxximent tad-dritt sħiħ. Dan ifisser li r-rikonoxximent tad-deċiżjoni m’hu sottomess għall-ebda proċedura.

FuqFuq

L-aġġornament ta’ l-atti ta’ l-istat ċivili fil-Gran Dukat wara deċiżjoni li toħroġ minn deċiżjoni pronunzjata minn Qorti ta’ pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea hija wkoll maħsuba mingħajr ma tkun neċessarja kwalunkwe proċedura preliminari. Id-deċiżjoni tal-Qorti li tippronunzja d-divorzju trid tissemma flimkien maċ-ċertifikat taż-żwieġ u ċ-ċertifikati tat-twelid tal-konjuġi. Jekk iż-żwieġ ġie ċċelebrat barra mill-pajjiż, id-deċiżjoni tal-Qorti trid tiġi traskritta fuq ir-reġistri ta’ l-istat ċivili tal-Kunsill fejn ġie traskritt iċ-ċertifikat taż-żwieġ, jekk le, fuq dawk tal-belt tal-Lussemburgu, u msemmija wkoll fil-ġenb taċ-ċertifikati tat-twelid ta’ kull wieħed mill-konjuġi.

15. Quddiem liema Qorti għandu jiġi ppreżentat il-każ biex issir oppożizzjoni għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni personali/annullament taż-żwieġ mogħtija minn Qorti ta’ pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea fi Stat Membru ieħor ? X’inhi l-proċedura applikabbli f’dan il-każ ?

Kull parti interessata tista’ titlob, permezz ta’ rikors, lill-President tal-Qorti tad-diviżjoni biex jagħti deċiżjoni ta’ oppożizzjoni għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ divorzju/ separazzjoni personali/ annullament taż-żwieġ mogħtija minn Qorti ta’ pajjiż ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-President tal-Qorti tad-diviżjoni jiddeċiedi fi żmien qasir, mingħajr ma l-persuna li kontriha jkun intalab in-nuqqas ta’ rikonoxximent tkun tista’, f’dan l-istadju tal-proċedura, tippreżenta xi osservazzjonijiet. It-talba ma tistax tintlaqa’ ħlief għar-raġunijiet li ġejjin:

  • il-ksur manifest ta’ l-ordni pubbliku;
  • in-nuqqas ta’ rispett għad-drittijiet tad-difiża;
  • in-nuqqas ta’ qbil ma’ deċiżjoni mogħtija fi smigħ relatat.

Kull waħda mill-partijiet tista’ tappella d-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tad-diviżjoni quddiem il-Qorti ta’ l-Appell. L-appell jiġi eżaminat skond ir-regoli tal-proċedura kontradittorja. Id-deċiżjoni tal-Qorti ta’ l-Appell tista’ tkun is-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni.

16. Liema liġi tad-divorzju tapplika l-Qorti fi proċedura ta’ divorzju bejn żewġ konjuġi li m’humiex residenti fil-Lussemburgu jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti ?

Id-divorzju u s-separazzjoni personali huma sostnuti:

  • mil-liġi nazzjonali tal-konjuġi, meta huma għandhom l-istess nazzjonalità;
  • mil-liġi tad-domiċilju effettiv komuni, meta huma ta’ nazzjonalità differenti;
  • mil-liġi tal-Lussemburgu, meta l-konjuġi ta’ nazzjonalità differenti m’għandhomx domiċilju effettiv komuni.

Aktar tagħrif

  • Il-portal ġudizzjarju tal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu français

« Divorzju - Informazzjoni Ġenerali | Lussemburgu - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 20-07-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit