Kummissjoni Ewropea > NGE > Divorzju > Latvja

L-aħħar aġġornament: 20-11-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Divorzju - Latvja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju? 1.
2. X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju? 2.
3. X'inhuma l-konsegwenzi ta' divorzju? 3.
a) fir-rigward ta' relazzjonijiet personali bejn l-ex-miżżewġin (pereżempju l-kunjom)? a)
b) il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi? b)
c) it-tfal minorenni tal-konjuġi (pereżempju t-talbiet dwar responsabbiltà tal-ġenituri u l-manteniment) c)
d) l-obbligu biex jitħallas manteniment lill-konjuġi l-ieħor? d)
4. Xi tfisser f'termini prattiċi t-termini legali "separazzjoni legali"? 4.
5. X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni legali? 5.
6. X'inhuma l-konsegwenzi legali tas-separazzjoni legali? 6.
7. Xi jfisser fil-prattika t-terminu "annullament taż-żwieġ"? 7.
8. X'inhuma l-kundizzjonijiet għal annullament ta' żwieġ? 8.
9. X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' l-annullament taż-żwieġ? 9.
10. Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji sabiex jissolvew kwistjonijiet marbuta mad-divorzju mingħajr ma tmur il-qorti? 10.
11. Fejn għandi nippreżenta r-rikors tiegħi għal divorzju/separazzjoni legali/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jiġu osservati u liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi? 11.
12. Hemm għajnuna legali disponibbli sabiex tkopri l-ispejjeż tal-kawża? 12.
13. Jista' jsir appell minn deċiżjoni dwar ix-xoljiment ta' żwieġ/is-separazzjoni tal-konjuġi/l-invalidità taż-żwieġ? 13.
14. X'għandi nagħmel biex nieħu r-rikonoxximent fil-Latvja ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni legali/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor? 14.
15. F'liema qorti fil-Latvja għandi nirrikorri sabiex nopponi r-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni legali/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każi? 15.
16. Liema liġi hija applikabbli għal proċedimenti ta' xoljiment taż-żwieġ f'każi fejn il-konjuġi ma jkunux joqogħdu fil-Latvja jew ikunu ċittadini ta' pajjiżi differenti? 16.

 

1. X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Id-divorzju jista' jinkiseb biss permezz ta' deċiżjoni tal-qorti fuq il-bażi ta' rikors minn konjuġi jew talba konġunta mill-konjuġi. Sabiex jinkiseb id-divorzju, irid jiġi stabbilit li ż-żwieġ ikun spiċċa jew falla. Żwieġ jitqies li falla jekk ma tkunx teżisti koabitazzjoni matrimonjali u l-konjuġi ma jkunux mistennija jerġgħu jikkoabitaw.

Sabiex jiksbu divorzju, il-konjuġi għandhom jilħqu ftehim reċiproku dwar il-kustodja ta' wild miż-żwieġ, il-manteniment tal-wild u l-qsim ta' proprjetà konġunta. Jekk il-konjuġi ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim, dawn il-kwistjonijiet għandhom jinqatgħu mill-qorti simultanjament mat-talba għad-divorzju.

2. X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Ir-raġunijiet għal divorzju huma previsti b'mod eżawrjenti fil-Kodiċi Ċivili tal-Latvja taħt it-Taqsima "Liġi tal-Familja".

L-ewwelnett, id-divorzju jista' jinkiseb jekk il-konjuġi jkunu ilhom jgħixu separatament għal mill-inqas tliet snin. L-Artikolu 73 tal-Kodiċi Ċivili ifisser iċ-ċirkustanzi li fihom il-konjuġi jistgħu jitqiesu bħala li qed jgħixu separatament, jiġifieri, jekk il-konjuġi ma jgħixux fl-istess dar u wieħed mill-konjuġi jirrifjuta kategorikament li jgħix fl-istess dar mal-konjuġi l-ieħor hekk li l-possibbiltà ta' koabitazzjoni matrimonjali tkun miċħudaL-okkupazzjoni separata mill-konjuġi ta' abitazzjoni komuni ma tfissirx neċessarjament għejxien fl-istess dar mal-konjuġi l-ieħor. Għaldaqstant, meta tkun teżisti separazzjoni attwali, iż-żwieġ jitqies fallut.

FuqFuq

It-tieninett, żwieġ jista' wkoll jinħall meta l-konjuġi jkunu ilhom jgħixu separatament għal żmien li jkun inqas minn tliet snin fejn:

  1. it-tkomplija taż-żwieġ tkun impossibbli għall-konjuġi li jagħmel it-talba għad-divorzju għal raġunijiet li jiddependu mill-konjuġi l-ieħor u għal dawn ir-raġunijiet il-koabitazzjoni ma' dan il-konjuġi ta' l-aħħar tikkostitwixxi kefrija intollerabbli fir-rigward tal-konjuġi li jagħmel it-talba għad-divorzju;
  2. iż-żewġ konjuġi jitolbu d-divorzju, jew wieħed mill-konjuġi jkun jaqbel mat-talba tal-konjuġi l-ieħor għad-divorzju;
  3. wieħed mill-konjuġi jkun beda jgħix ma' persuna oħra u titwieled jew tkun mistennija titwieled tarbija minn din ir-relazzjoni.

Għandu jiġi nnutat li, meta l-qorti jkun jidhrilha li ż-żwieġ għad jista' jissalva fiċ-ċirkustanzi msemmija hawn fuq, il-proċedimenti għad-divorzju jistgħu jitwaqqfu għal mhux aktar minn sitt xhur bil-għan li forsi titwettaq rikonċiljazzjoni.

It-tieletnett, jista' wkoll ikun hemm każi fejn wieħed mill-konjuġi jitlob divorzju qabel ma t-terminu ta' tliet snin jgħix separat minn mal-konjuġi l-ieħor ikun intemm kompletament u t-talba għad-divorzju tkun ibbażata fuq raġunijiet oħra minbarra t-tlieta elenkati hawn fuq. F'każ bħal dan, id-divorzju jista' jingħata biss jekk iż-żewġ konjuġi jaqblu li jridu jiddivorzjaw. Meta wieħed mill-konjuġi ma jaqbilx li jiddivorzja, il-qorti m'għandhiex tħoll iż-żwieġ qabel ma l-konjuġi jkunu ilhom jgħixu mifrudin għal 3 snin. Barra minn hekk, f'każ bħal dan, il-qorti għandha l-obbligu li twaqqaf il-proċedimenti tad-divorzju sakemm il-perjodu ta' 3 snin imsemmi hawn fuq ikun għadda.

FuqFuq

Għandu jiġi nnutat li l-qorti tista' tirrifjuta li tagħti d-divorzju f'ċirkustanzi eċċezzjonali meta l-preżervazzjoni ta' żwieġ tkun meħtieġa għal raġunijiet speċifiċi relatati ma' l-interessi ta' minorenni mwieled fiż-żwieġ.

3. X'inhuma l-konsegwenzi ta' divorzju?

Hekk kif sentenza li tħoll iż-żwieġ tidħol fis-seħħ, id-drittijiet u l-obbligi marbutin ma' relazzjoni legali bejn il-konjuġi ma jibqgħux jeżistu. Meta ż-żwieġ jinħall, persuna tista' terġa' tiżżewweġ. Madankollu, id-divorzju jista' jgħabbi lill-ex-konjuġi b'obbligi u drittijiet ġodda.

a) fir-rigward ta' relazzjonijiet personali bejn l-ex-miżżewġin (pereżempju l-kunjom)?

Il-Kodiċi Ċivili jippreskrivi li konjuġi li bidlet kunjomha meta żżewġet hija intitolata li żżomm dan il-kunjom wara d-divorzju; imma fuq talba tal-konjuġi kkonċernata, il-qorti tista' tagħtiha d-dritt li tuża l-kunjom tagħha li kellha qabel ma żżewġet. Madankollu, għandu jiġi nnutat ukoll li l-qorti tista' tipprojbixxi lill-konjuġi li jkun wassal liż-żwieġ għall-falliment milli jżomm il-kunjom matrimonjali, sakemm dan ma jippreġudikax l-interessi ta' l-ulied.

b) il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi?

Skond l-Artikolu 238 ta' l-Att dwar il-Proċeduri Ċivili, id-divorzju ma jistax jingħata sakemm il-konjuġi ma jkunux laħqu ftehim reċiproku dwar il-qsim tal-proprjetà. Jekk il-konjuġi ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim reċiproku, dawn it-talbiet jinqatgħu mill-qorti fuq il-bażi tal-Kodiċi Ċivili jew il-kuntratt taż-żwieġ. Il-Kodiċi Ċivili jipprevedi żewġ modi ta' kif tiġi ttrattata l-proprjetà matrimonjali: il-proprjetà matrimonjali tista' tkun soġġetta għal dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew għat-termini u l-kundizzjonijiet ta' kuntratt taż-żwieġ. It-tnejn li huma jirregolaw il-qsim tal-proprjetà wara li jingħata d-divorzju.

FuqFuq

Jekk il-qsim tal-proprjetà bejn il-konjuġi jkun suġġett għal dispożizzjonijiet leġiżlattivi, huwa applikabbli l-Kodiċi Ċivili u kull konjuġi huwa intitolat li jżomm il-proprjetà li tagħha kien sid qabel iż-żwieġ, kif ukoll il-proprjetà separata miksuba matul iż-żwieġ. Madankollu, kwalunkwe proprjetà miksuba b'mod konġunt jew individwali mill-konjuġi matul iż-żwieġ bl-użu ta' fondi komuni jew bil-kontribuzzjoni tal-konjuġi l-ieħor hija meqjusa bħala proprjetà konjugali konġunta. Il-proprjetà konjugali konġunta hija meqjusa bħala l-proprjetà taż-żewġ konjuġi fi proporzjon indaqs sakemm jew wieħed mill-konjuġi ma jkunx jista' jissostanzja u jġib provi ta' proporzjonijiet differenti fil-qsim tal-proprjetà konġunta.

Meta l-proprjetà matrimonjali tkun soġġetta għal kuntratt ta' żwieġ, il-kwistjoni tal-qsim tal-proprjetà wara li jingħata d-divorzju tinqata' skond it-termini u d-dispożizzjonijiet ta' dan il-kuntratt.

c) it-tfal minorenni tal-konjuġi (pereżempju t-talbiet dwar responsabbiltà tal-ġenituri u l-manteniment)

Id-divorzju bħala tali ma jistax jeffettwa r-responsabbiltà tal-ġenituri fejn jidħlu t-tfal. Madankollu, id-divorzju ma jistax jinkiseb sakemm il-konjuġi ma jkunux laħqu ftehim dwar il-kustodja tat-tfal, id-drittijiet għall-aċċess u l-manteniment tat-tfal. Din il-kwistjoni hija prevista fl-Artikolu 238 ta' l-Att dwar il-Proċeduri Ċivili, jiġifieri, li l-proċedimenti tad-divorzju relatati mal-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq li joriġinaw mir-relazzjonijiet legali tal-familja jistgħu ma jinstemgħux separatament, b'mod partikolari fir-rigward tar-relazzjonijiet legali bejn il-ġenituri u t-tfal.

FuqFuq

Konsegwenzi tad-divorzju fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri

Jekk l-ex-miżżewġin ikunu jgħixu separatament wara l-għoti tad-divorzju, ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta' wliedhom, jiġifieri l-kustodja konġunta fl-ambitu tat-tifsira tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat tal-Latvja, għandha tissokkta. Madankollu, il-ġenitur li miegħu jgħix il-wild, jeżerċita r-responsabbiltajiet tal-ġenituri ta' kuljum (il-kustodja). Il-Kodiċi Ċivili jipprevedi l-fatt li jekk il-ġenituri jkunu jgħixu separatament, id-drittijiet tal-kustodja fuq il-wild ma jiġux effettwati.

Konsegwenzi tad-divorzju fir-rigward ta' manteniment għal wild

Il-kwistjoni tal-manteniment għal wild għandha tiġi ddeterminata matul il-proċedimenti tad-divorzju. Madankollu, id-divorzju ma jeffettwax l-obbligu tal-ġenituri li jmantnu lill-wild. Malli jingħata d-divorzju, il-ġenituri jistgħu jilħqu ftehim reċiproku dwar il-manteniment tal-wild, iżda meta l-ġenituri ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim, it-tilwima tinqata' mill-qorti waqt il-proċedimenti tad-divorzju.

d) l-obbligu biex jitħallas manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Skond id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili, ex-konjuġi jista', matul il-proċedimenti tad-divorzju jew ukoll wara d-divorzju, jagħmel talba għal beni biex iżomm il-livell ta' għajxien preċedenti tiegħu jew il-mezzi ta' sosteniment preċedenti mingħand il-konjuġi l-ieħor fi proporzjon mas-sitwazzjoni finanzjarja ta' dan ta' l-aħħar. L-ex-konjuġi huwa fid-dmir li jipprovdi dawn il-mezzi jekk hu jew hi jkunu kkontribwixxew b'mod attiv għall-falliment taż-żwieġ. Għandu jiġi nnutat li l-beni mitluba mill-ex-konjuġi jridu jkunu meħtieġa għall-konjuġi l-ieħor. Għalhekk, l-ex-konjuġi mhuwiex dejjem obbligat li jipprovdi għal-livell ta' għajxien preċedenti jew il-mezzi ta' sosteniment preċedenti fir-rigward tal-konjuġi l-ieħor u l-obbligu biex jiġi ssodisfatt dan ir-rekwiżit jista' wkoll jitħassar jekk:

FuqFuq

  1. il-konjuġi l-ieħor ikun reġa' żżewweġ;
  2. il-livell tad-dħul tal-konjuġi l-ieħor ikun biżżejjed biex jinżamm il-livell ta' għajxien jew sosteniment preċedenti;
  3. il-konjuġi l-ieħor b'mod intenzjonat jevita li jsostni lilu nnifsu jew issostni lilha nnifisha permezz tad-dħul tiegħu jew tagħha;
  4. ikunu jeżistu ċirkustanzi oħra li juru li ma jkunx hemm aktar ħtieġa ta' sostenn mingħand l-ex-konjuġi.

L-obbligu li jkun ipprovdut il-livell ta' għajxien jew ta' sosteniment preċedenti lill-konjuġi l-ieħor jitħassar ukoll jekk il-perjodu ta' żmien minn meta jkun ingħata d-divorzju jkun twil daqs dak taż-żwieġ xolt. Jekk, madankollu, wild iż-żewġ konjuġi ma jkunx laħaq l-età legali ta' maġġorenni matul il-perjodu msemmi u l-ex-konjuġi intitolat biex jitlob għas-sosteniment ikollu l-kustodja tal-wild, l-obbligu għandu jibqa' fis-seħħ sakemm il-wild jilħaq l-età legali ta' maġġorenni.

4. Xi tfisser f'termini prattiċi t-termini legali "separazzjoni legali"?

It-terminu "separazzjoni legali" ma jeżistix fis-sistema legali tal-Latvja.

5. X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni legali?

6. X'inhuma l-konsegwenzi legali tas-separazzjoni legali?

7. Xi jfisser fil-prattika t-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Żwieġ jista' jiġi annullat jekk iż-żwieġ ikun ġie konkluż bi ksur tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u għaldaqstant iż-żwieġ ma jkunx ġie konkluż b'mod legali. Mill-mument meta s-sentenza tal-qorti dwar l-annullament ta' żwieġ tidħol fis-seħħ, il-persuni rispettivi huma meqjusa bħal donnhom qatt ma kienu miżżewġa, u ż-żwieġ huwa kkunsidrat bħala null u bla effett miż-żmien li fih kien ġie konkluż. Għandu jkun innutat li żwieġ jista' jiġi annullat wara divorzju.

FuqFuq

Mhux l-ostakli leġiżlattivi kollha relatati mal-konklużjoni ta' żwieġ jistgħu jkunu identifikati b'mod oġġettiv meta tkun seħħet il-konklużjoni tiegħu. Għaldaqstant, il-liġi tipprevedi l-possibbiltà li żwieġ ikun annullat wara l-konklużjoni tiegħu jekk wieħed mill-konjuġi jew l-ieħor, persuni interessati oħrajn jew il-prosekutur jistabbilixxu raġunijiet għall-annullament taż-żwieġ u jissottomettu talba rispettiva lill-qorti.

8. X'inhuma l-kundizzjonijiet għal annullament ta' żwieġ?

Skond l-Artikolu 59 tal-Kodiċi Ċivili, iż-żwieġ jista' jiġi annullat biss fis-sitwazzjonijiet legalment definiti li ġejjin:

  • jekk iż-żwieġ ma jkunx ġie reġistrat fl-Uffiċċju tar-Reġistru Ċivili jew minn ministru tal-knisja Luterana, Kattolika Rumana, Ortodossa, ta' l-Old-Believer, Metodista, Battista, tas-Seba' Jum ta' l-Avvent jew ta' Mosè (Ġudaista);
  • jekk iż-żwieġ ikun sar b'mod fittizju, mingħajr l-intenzjoni li tiġi stabbilita familja;
  • jekk iż-żwieġ ikun ġie konkluż qabel ma ż-żewġ konjuġi jkunu laħqu l-età ta' tmintax-il sena jew f'każi individwali qabel ma' wieħed mill-konjuġi jkun laħaq l-età ta' sittax-il sena. F'ċerti każi żwieġ jista' jiġi reġistrat fejn konjuġi wieħed jkollu biss l-età ta' sittax-il sena, bil-kundizzjoni li l-konjuġi l-ieħor ikun laħaq l-età legali ta' maġġorenni. (B'mod ġenerali, l-età legali ta' maġġorenni tfisser l-età ta' tmintax, madankollu minuri jista' jiġi ddikjarat adult f'istanzi eċċezzjonali għal raġunijiet ta' sinifikat partikolari, iżda mhux qabel tali persuna ma tkun laħqet l-età ta' sittax-il sena). Jekk żwieġ jiġi konkluż bejn persuni li wieħed minnhom ikun laħaq l-età legali ta' maġġorenni filwaqt li l-ieħor ikun biss laħaq l-età ta' sittax-il sena, iż-żwieġ ta' dan ta' l-aħħar ma' persuna li tkun laħqet l-età legali ta' maġġorenni huwa soġġett għall-kunsens tal-ġenituri jew persuni oħra li jkollhom ir-responsabbiltà ta' ġenituri fuq il-minuri. Għandu jkun innotat li żwieġ konkluż qabel ma' l-persuni rispettivi jkunu laħqu l-limiti ta' l-età hawn fuq imsemmija ma jkunx jista' jiġi annullat jekk f'dan iż-żwieġ ikun mistenni wild jew jekk iż-żewġ konjuġi jkunu laħqu l-età minima għar-reġistrazzjoni taż-żwieġ sakemm tiġi biex tingħata sentenza tal-qorti dwar iż-żwieġ;
  • jekk fiż-żmien meta jseħħ iż-żwieġ wieħed mill-konjuġi jkun ġie ddikjarat inkapaċi minħabba mard mentali jew defiċjenza mentali, jew il-kundizzjoni tiegħu tkun żammitu milli japprezza t-tifsira ta' l-azzjonijiet tiegħu jew milli jikkontrolla dawn l-azzjonijiet;
  • jekk żwieġ jiġi konkluż bejn persuni ta' l-istess sess;
  • jekk żwieġ jiġi konkluż bejn qraba viċini, jiġifieri, bejn qraba fil-linja diretta ta' l-axxendenza jew tad-dixxendenza, bejn l-aħwa, jew bejn aħwa min-naħa tal-missier jew ta' l-omm biss;
  • jekk wieħed mill-konjuġi jkun diġà miżżewweġ. Dak iż-żwieġ ma jkunx jista' jiġi annullat jekk, sakemm tingħata s-sentenza, iż-żwieġ preċedenti jkun spiċċa minħabba mewt, divorzju jew annullament.

Talba għall-annullament taż-żwieġ ma taqax fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet t'hawn fuq u kemm il-partijiet interessati kif ukoll il-prosekutur jistgħu jressqu din it-talba. Jekk, madankollu, iż-żwieġ kkontestat ikun ġie xolt minħabba mewt jew divorzju, huma biss il-persuni li d-drittijiet tagħhom ikun ġew miksura b'dak iż-żwieġ li jkunu jistgħu jressqu talba għall-annullament.

FuqFuq

Għandu jiġi nnotat li kawża għall-annullament ta' żwieġ ma tkunx tista' tinġieb wara l-mewt taż-żewġ konjuġi.

9. X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' l-annullament taż-żwieġ?

Konjuġi li ż-żwieġ tiegħu jiġi annullat jerġa' jikseb il-kunjom tiegħu/tagħha ta' qabel iż-żwieġ. Persuna li ma kinetx taf bin-nuqqas ta' validità taż-żwieġ fiż-żmien meta ż-żwieġ ġie reġistrat tista' żżomm il-kunjom taż-żwieġ fuq talba lill-qorti.

Jekk wieħed mill-konjuġi kien jaf bil-possibbiltà ta' l-annullament taż-żwieġ fil-ħin li ż-żwieġ ikun ġie konkluż, il-konjuġi l-ieħor ikollu d-dritt jitlob mingħand dak ta' l-ewwel mhux biss il-mezzi għall-għajxien li jikkorrispondu mal-livell preċedenti ta' għajxien jew ta' sostenn iżda wkoll kumpens għad-danni morali.

Bħal fil-każ ta' divorzju, fejn żwieġ jiġi annullat l-ex-konjuġi ma jkunx obbligat jipprovdi lill-ex-konjuġi l-ieħor għall-għajxien jew sostenn fil-livell preċedenti, jew obbligu bħal dan jista' jispiċċa, fil-każijiet li ġejjin:

  1. l-ex-konjuġi jiżżewweġ mill-ġdid;
  2. id-dħul ta' l-ex-konjuġi jkun biżżejjed sabiex jinżamm il-livell preċedenti ta' għajxien jew sussistenza;
  3. il-konjuġi l-ieħor jevita intenzjonalment li jmantni lilu nnifsu mid-dħul tiegħu proprju;
  4. ikun hemm kwalunkwe ċirkostanza oħra li turi li ma jkunx hemm aktar ħtieġa għal sostenn mingħand l-ex-konjuġi.

L-obbligu li jiġi pprovdut il-livell preċedenti ta' għajxien jew sussistenza lill-konjuġi l-ieħor jitwaqqaf ukoll jekk il-perjodu ta' żmien mill-annullament ikun daqs it-tul ta' żmien taż-żwieġ xolt. Jekk, madankollu, il-wild taż-żewġ konjuġi ma jkunx laħaq l-età legali ta' maġġorenni matul il-perjodu hawn fuq imsemmi u l-ex-konjuġi li jkollu dritt jitlob sussistenza jkollu l-kustodja fuq il-wild l-obbligu għandu jibqa' fis-seħħ sakemm il-wild jilħaq l-età legali ta' maġġorenni.

FuqFuq

F'dak li jirrigwarda l-qsim tal-proprjetà wara annullament taż-żwieġ, kull ex-konjuġi jkollu dritt iżomm il-proprjetà tiegħu/tagħha ta' qabel iż-żwieġ kif ukoll il-proprjetà separata tiegħu/tagħha akkwistata matul il-koabitazzjoni. Ġeneralment il-proprjetà konġunta tiġi maqsuma f'ishma ugwali bejn l-ex-konjuġi.

Jekk ebda wieħed mill-konjuġi ma jkun jaf bil-possibbiltà ta' invalidità taż-żwieġ fil-ħin meta ż-żwieġ ikun ġie konkluż, il-proprjetà konġunta tinqasam skond id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili li jirregolaw il-qsim tal-proprjetà wara divorzju (ara Mistoqsija 3(b)). Jekk, madankollu, ikun biss konjuġi wieħed li ma kienx jaf bl-invalidità taż-żwieġ, il-qsim tal-proprjetà wara l-annullament taż-żwieġ ikun applikabbli bl-istess mod bħal fid-divorzju, iżda biss fir-rigward tal-konjuġi li ma jkunx jaf bil-possibbiltà ta' l-invalidità taż-żwieġ.

10. Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji sabiex jissolvew kwistjonijiet marbuta mad-divorzju mingħajr ma tmur il-qorti?

Fil-Latvja m'hemmx mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji għal divorzju apparti minn proċedimenti fil-qorti. Madankollu, il-proċedimenti tad-divorzju, bħal fil-każ ta' proċedimenti ċivili oħra, huma fil-parti l-kbira mmirati sabiex jirrikonċiljaw lill-partijiet u sabiex isolvu t-talbiet reċiproċi tagħhom bil-ftehim reċiproku tagħhom.

11. Fejn għandi nippreżenta r-rikors tiegħi għal divorzju/separazzjoni legali/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jiġu osservati u liema dokumenti għandi nehmeż mat-talba tiegħi?

Rikorsi għal divorzju jew annullament ta' żwieġ jinġiebu quddiem il-qorti kompetenti tad-distrett (belt) skond id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jirregolaw il-ġurisdizzjoni. Jekk il-proċedimenti tad-divorzju jinvolvu l-qsim ta' beni inkluż drittijiet ta' proprjetà fuq immobbli, dawn il-proċedimenti tad-divorzju jistgħu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' qorti reġjonali.

FuqFuq

Il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta' divorzju, separazzjoni legali jew annullament ta' żwieġ fejn wieħed jew iż-żewġ konjuġi jkunu abitwalment jirresjedu fi Stat Membru jew ikunu ċittadini ta' Stat Membru hija regolata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, u skond dan ir-Regolament rikors għal divorzju jew annullament ta' żwieġ fil-Latvja tista' tiġi mressqa quddiem il-qorti rispettiva tad-distrett (belt):

  1. fil-post fejn il-konjuġi jkunu abitwalment residenti;
  2. fil-post fejn il-konjuġi kienu abitwalment jirresjedu l-aħħar sakemm wieħed minnhom ikun għadu joqgħod hemm;
  3. fil-post fejn l-intimat ikun abitwalment residenti;
  4. fil-każ ta' rikors konġunt, fil-post fejn wieħed mill-konjuġi jkun abitwalment residenti;
  5. fil-post fejn ir-rikorrent ikun abitwalment residenti jekk kien joqgħod hemm għal żmien ta' mhux inqas minn sena immedjatament qabel ma' jkun sar ir-rikors;
  6. fil-post fejn ir-rikorrent ikun abitwalment residenti jekk kien joqgħod hemm għal żmien ta' mhux inqas sitt xhur immedjatament qabel ma jkun sar ir-rikors u jkun ċittadin tal-Latvja;
  7. kwalunkwe qorti tad-distrett (belt) jekk iż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini tal-Latvja.

Aktar dettalji dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati, partikolarment f'sitwazzjonijiet fejn il-proċedimenti tad-divorzju jinvolvu kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltà tal-ġenituri, huma speċifikati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003.

Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Att dwar il-Proċeduri Ċivili, talba għal divorzju jew annullament taż-żwieġ tista' tinġieb quddiem qorti ta' distrett (belt):

  1. fil-post fejn l-intimat ikun residenti (fil-każ ta' konvenut li l-post ta' residenza tiegħu ma jkunx magħruf jew li ma jkollux post permanenti ta' residenza fil-Latvja, it-talba għandha titressaq quddiem qorti fil-post fejn ikun hemm proprjetà immobbli tiegħu jew f'post li jkun l-aħħar post magħruf ta' residenza tiegħu);
  2. fil-post fejn kwalunkwe wieħed mill-konjuġi jkun joqgħod fil-każ ta' rikors konġunt;
  3. fil-post fejn ir-rikorrent ikun residenti, jekk:
    • ir-rikorrent jieħu ħsieb ulied minuri;
    • ikun qed jintalab divorzju fir-rigward ta' żwieġ ma' persuna dikjarata inkapaċi minħabba mard mentali jew li tkun taħt tutela;
    • ikun qed jintalab divorzju fir-rigward ta' żwieġ ma' persuna li tkun qed isservi sentenza ta' priġunerija;
    • ikun qed jintalab divorzju fil-konfront ta' persuna li l-post fejn tinstab ma jkunx magħruf jew li tkun tgħix barra mill-pajjiż.

Trattati internazzjonali bilaterali ma' pajjiżi terzi li jorbtu lil-Latvja fir-rigward ta' għajnuna legali u relazzjonijiet legali fl-istess ħin jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet marbuta mad-divorzju u l-annullament taż-żwieġ.

FuqFuq

Indipendentement mill-fatt jekk kawża taqax taħt il-ġurisdizzjoni ta' qorti jew le, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill imsemmi hawn fuq, id-dispożizzjonijiet ta' l-Att dwar il-Proċeduri Ċivili jew id-dispożizzjonijiet ta' trattati internazzjonali bilaterali li jorbtu lil-Latvja, persuna li titlob divorzju għandha tipprovdi l-informazzjoni li ġejja fir-rikors skond l-Artikoli 128 u 235.1 ta' l-Att dwar il-Proċeduri Ċivili:

  • l-isem tal-qorti lil lilha jkun indirizzat ir-rikors;
  • l-isem, il-kunjom, in-numru ta' l-identità tar-rikorrent kif ukoll ta' l-avukat li jaġixxi għan-nom tiegħu; l-isem, il-kunjom u n-numru ta' l-identità tal-konvenut, jekk magħruf;
  • iċ-ċirkustanzi li fuqhom ir-rikorrent jibbaża t-talba tiegħu, u provi li jikkonfermaw l-istess;
  • id-dispożizzjoni legali li tissostanzja t-talba;
  • it-talbiet tar-rikorrent;
  • il-perjodu li matulu l-konjuġi kienu qed jgħixu separatament;
  • lista ta' dokumenti li jakkumpanjaw ir-rikors;
  • jekk il-partijiet ikunux qablu dwar il-kustodja tal-tfal, l-eżerċizzju tad-drittijiet ta' aċċess, il-manteniment, il-qsim tal-proprjetà akkwistata matul iż-żwieġ, jew jekk ikunux qed jiġu mressqa talbiet separati;
  • id-data tar-rikors u informazzjoni oħra rilevanti sabiex tinqata' l-kawża.

Ir-rikors (dikjarazzjoni tat-talba) għandu jiġi ffirmat mir-rikorrent jew mill-avukat tiegħu/tagħha. Jekk avukat iressaq talba għan-nom ta' rikorrent, il-prokura jew dokument ieħor li jindika l-awtorità ta' l-avukat sabiex iressaq it-talba għandha takkumpanja d-dikjarazzjoni tat-talba.

Id-dokumenti li ġejjin għandhom jakkumpanjaw ir-rikors:

FuqFuq

  1. traskrizzjoni tat-talba sabiex tiġi notifikata lill-konvenut;
  2. dokument li jikkonferma l-ħlas tad-drittijiet dovuti lill-Istat u spejjeż oħra tal-qorti bil-mod stipulat mil-liġi;
  3. dokument(i) li jikkonferma(w) ċ-ċirkostanzi li fuqhom it-talba tkun ibbażata (bħal ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta' żwieġ).

12. Hemm għajnuna legali disponibbli sabiex tkopri l-ispejjeż tal-kawża?

B'mod ġenerali, l-Istat jipprovdi għajnuna legali jekk is-sitwazzjoni partikolari, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-livell globali tad-dħul tal-persuna jagħtu lok għal diffikultajiet oġġettivi għal dik il-persuna sabiex tiżgura protezzjoni xierqa tad-drittijiet tagħha. L-għajnuna legali tingħata skond id-dispożizzjonjiet ta' l-Att dwar l-Għajnuna legali mill-Istat.

B'mod ġenerali, l-għajnuna legali tkopri spejjeż marbuta mal-preparazzjoni ta' dokumenti proċedurali, pariri legali matul il-proċedimenti u r-rappreżentanza quddiem il-qorti. F'każi transkonfinali l-persuna hija intitolata wkoll li tirċievi għajnuna legali sabiex tkopri servizzi ta' interpretu u t-traduzzjoni ta' ċerti dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji u kwalunkwe dokumenti sottomessi mill-persuna kkonċernata, fejn dawn id-dokumenti jkunu meħtieġa għall-każ; u f'ċerti sitwazzjonijiet spejjeż ta' l-ivvjaġġar marbuta mal-parteċipazzjoni fil-proċedimenti wkoll.

13. Jista' jsir appell minn deċiżjoni dwar ix-xoljiment ta' żwieġ/is-separazzjoni tal-konjuġi/l-invalidità taż-żwieġ?

Sentenza tal-qorti f'kawża ta' divorzju mogħtija minn qorti ta' distrett (belt) tista' tiġi appellata fuq il-mertu quddiem qorti reġjonali. Sentenza minn qorti reġjonali dwar appell tista' tiġi kkontestata permezz ta' proċeduri ta' kassazzjoni f'appell quddiem is-Senat tal-Qorti Suprema.

FuqFuq

Fejn sentenza ta' qorti f'kawża ta' divorzju tingħata minn qorti reġjonali bħala qorti ta' prim'istanza, din is-sentenza tista' tiġi appellata quddiem il-Bord tal-Kawżi Ċivili tal-Qorti Suprema. Sentenza tal-Bord tal-Kawżi Ċivili tal-Qorti Suprema dwar appell tista' tiġi kkontestata f'appell skond proċeduri ta' kassazzjoni quddiem is-Senat tal-Qorti Suprema.

14. X'għandi nagħmel biex nieħu r-rikonoxximent fil-Latvja ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni legali/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor?

Sentenza dwar divorzju/separazzjoni legali/annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru ieħor hija rikonoxxuta fil-Latvja skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003. Skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament sentenzi mogħtija fi Stat Membru wieħed huma rikonoxxuti fi Stati Membri oħra mingħajr il-ħtieġa ta' proċeduri speċjali.

Madankollu, jekk persuna tkun trid li sentenza li se tingħata fi Stat Membru ieħor dwar divorzju/separazzjoni legali/annullament ta' żwieġ tiġi rikonoxxuta fil-Latvja, dik il-persuna hija meħtieġa tissottometti fil-qorti tad-distrett (belt) rikors għar-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor fil-post fejn għandha tiġi infurzata jew fil-post ta' residenza tal-parti li fil-konfront tagħha qed jintalab ir-rikonoxximent.

Il-qorti tad-distrett (belt) ikkonċernata għandha għaxart ijiem minn meta tirċievi u teżamina t-talba sabiex tiddeċiedi jekk is-sentenza tistax tkun rikonoxxuta fil-Latvja. Il-qorti tista' biss tirrifjuta rikonoxximent fil-Latvja ta' sentenza għar-raġunijiet ta' rifjut ta' rikonoxximent speċifikati fl-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003:

FuqFuq

  1. jekk ir-rikonoxximent tas-sentenza jkun manifestament kuntrarju għall-politika pubblika tal-Latvja;
  2. meta s-sentenza tkun ngħatat fil-kontumaċja ta' l-intimat - jekk l-intimat ma jkunx ġie notifikat bid-dokument li jkun ta bidu għall-proċedimenti fi żmien biżżejjed u b'mod li jippermetti lill-intimat jieħu miżuri għad-difiża tiegħu sakemm ma jiġix stabbilit li l-intimat ikun aċċetta s-sentenza mingħajr ebda ekwivoku;
  3. meta sentenza bħal din mogħtija fi Stat Membru ieħor tkun irrikonċiljabbli ma' sentenza mogħtija fil-Latvja fir-rigward ta' l-istess persuni;
  4. meta sentenza bħal din mogħtija fi Stat Membru ieħor tkun irrikonċiljabbli ma' sentenza mogħtija fil-konfront ta' l-istess partijiet fi Stat Membru ieħor jew fi Stat li m'huwiex Stat Membru, kemm-il darba s-sentenza li tkun ngħatat qabel tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fil-Latvja.

Skond l-Artikolu 638 ta' l-Att dwar il-Proċeduri Ċivili, ir-rikorrent għandu jindika l-informazzjoni li ġejja f'rikors għar-rikonoxximent ta' sentenza:

  • l-isem tal-qorti li lilha jkun indirizzat ir-rikors;
  • l-isem, il-kunjom u informazzjoni ta' identifikazzjoni tar-rikorrent u l-intimat;
  • is-suġġett tar-rikors u ċ-ċirkustanzi li fuqha r-rikors huwa bbażat;
  • it-talba tar-rikorrent għar-rikonoxximent (rifjut ta' rikonoxximent) tas-sentenza fil-Latvja;
  • l-isem u l-indirizz ta' l-avukat fil-każ li jkun appuntat avukat sabiex imexxi l-kawża fil-Latvja;
  • id-data tar-rikors;
  • lista ta' dokumenti li jakkumpanjaw ir-rikors.

Skond l-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, id-dokumenti li għandhom jakkumpanjaw ir-rikors għar-rikonoxximent ta' sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor huma li ġejjin:

FuqFuq

  1. kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha;
  2. meta sentenza tingħata f'kontumaċja, id-dokument oriġinali jew kopja awtentikata tiegħu li jistabbilixxi li l-parti kontumaċi tkun ġiet notifikata bid-dokumenti li jkunu taw bidu għall-proċedimenti jew dokument ekwivalenti ieħor. Ir-rikorrent jista' jissottometti wkoll kwalunkwe dokument li jindika li l-intimat ikun aċċetta s-sentenzi mingħajr ebda ekwivoku;
  3. ċertifikat maħruġ minn qorti jew awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru minn fejn toriġina s-sentenza skond l-Artikolu 39 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003.

15. F'liema qorti fil-Latvja għandi nirrikorri sabiex nopponi r-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni legali/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każi?

Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, il-parti interessata tista' toġġezzjona b'żewġ modi kontra r-rikonoxximent fil-Latvja ta' sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor dwar divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ.

L-ewwelnett, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 kwalunkwe parti interessata tista' tissottometti talba f'qorti ta' belt (distrett) sabiex sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor ma tiġix rikonoxxuta fil-Latvja. Ara Mistoqsija 14 għall-ġurisdizzjoni, il-proċeduri tat-talba u r-raġunijiet li abbażi tagħhom ir-rikonoxximent jiġi rifjutat.

It-tieninett, il-persuna li kontra tagħha r-rikonoxximent ikun imfittex tista' tikkontesta r-rikonoxximent fil-Latvja fir-rigward ta' każ ta' rikonoxximent li jkun diġà ġie sottomess u fejn il-qorti tad-distrett (belt) tkun irrikonoxxiet is-sentenza fuq il-bażi ta' dan ir-rikors. Għalhekk, l-intimat f'dawn il-proċedimenti jista' jressaq oġġezzjonijiet għar-rikonoxximent fil-Latvja ta' sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor billi jikkontesta d-deċiżjoni ta' qorti ta' distrett (belt) fejn is-sentenza tkun ġiet rikonoxxuta. Skond l-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, id-deċiżjoni ta' qorti ta' distrett (belt) f'każ dwar ir-rikonoxximent ta' sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor tista' tiġi appellata quddiem qorti reġjonali permezz ta' aggravju anċillari quddiem il-qorti li tat id-deċiżjoni, ir-rikors għandu jiġi indirizzat lill-qorti reġjonali korrispondenti. L-intimat (jew ir-rikorrent) jista' jappella kontra deċiżjoni ta' rikonoxximent minn qorti reġjonali quddiem is-Senat tal-Qorti Suprema permezz ta' aggravju anċillari sottomess quddiem il-qorti reġjonali li tkun tat id-deċiżjoni u jindirizza r-rikors lid-Diviżjoni Ċivili tas-Senat tal-Qorti Suprema.

L-intimat jista' jressaq oġġezzjonijiet għar-rikonoxximent ta' sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet li abbażi tagħhom ir-rikonoxximent jiġi rifjutat kif speċifikati fl-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 (ara Mistoqsija 14).

16. Liema liġi hija applikabbli għal proċedimenti ta' xoljiment taż-żwieġ f'każi fejn il-konjuġi ma jkunux joqogħdu fil-Latvja jew ikunu ċittadini ta' pajjiżi differenti?

Skond il-Kodiċi Ċivili, fejn kawża tinġieb fil-Latvja, il-liġi (leġiżlazzjoni) Latvjana tirregola l-annullament taż-żwieġ jew id-divorzju indipendentement min-nazzjonalità jew il-post ta' residenza tal-konjuġi.

Aktar tagħrif

http://www.tiesas.lv latviešu valoda

http://www.llrx.com/features/latvia.htm English

http://www.ttc.lv/ English - latviešu valoda

http://www.tm.gov.lv/ English - latviešu valoda

http://www.bm.gov.lv/ English - latviešu valoda

« Divorzju - Informazzjoni Ġenerali | Latvja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 20-11-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit