Kummissjoni Ewropea > NGE > Divorzju > Greċja

L-aħħar aġġornament: 01-06-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Divorzju - Greċja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Liema kondizzjonijiet iridu jiġu sodisfatti biex koppja tingħata digriet ta’ divorzju? 1.
2. Fuq liema bażi jingħata divorzju? 2.
3. X’inhuma l-konsegwenzi ta’ divorzju fir-rigward ta’: 3.
a) ir-relazzjonijiet personali ta' bejn il-miżżewġin? a)
b) il-qsim tal-proprjetà tal-koppja? b)
c) it-tfal tal-koppja li jkunu għadhom taħt l-età? c)
d) l-obbligu ta’ manteniment bejn il-partijiet? d)
4. Xi tfisser fil-prattika is-“separazzjoni legali "? 4.
5. X'inhuma l-kondizzjonijiet biex tingħata separazzjoni legali? 5.
6. X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ separazzjoni legali? 6.
7. Xi jfisser fil-prattika “annullament ta’ żwieġ“? 7.
8. X'inhuma l-kondizzjonijiet biex żwieġ jiġi ddikjarat null? 8.
9. X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ annullament ta’ żwieġ? 9.
10. Il-kwistjonijiet relatati ma’ divorzju jistgħu jiġu riżolti b’modi extra-ġudizzjarji jew alternattivi? 10.
11. F’liema qrati jsiru l-applikazzjonijiet għal divorzju/annullament ta’ żwieġ? Liema kondizzjonijiet iridu jiġu osservati u liema dokumenti jridu jiġu mehmuża? 11.
12. Tista’ tingħata għajnuna legali biex tkopri l-ispejjeż tal-kawża? 12.
13. Jista’ jsir appell kontra digriet ta’ divorzju/annullament ta’ żwieġ fil-Greċja? 13.
14. Xi jrid isir biex digriet ta’ divorzju/annullament ta’ żwieġ li jkun ingħata fi Stat Membru ieħor jiġi rikonoxxut fil-Greċja? 14.
15. Quddiem liema qorti nista' nikkontesta deċiżjoni li tirrikonoxxi digriet ta’ divorzju/annullament ta’ żwieġ li jkun ingħata fi Stat Membru ieħor ta' l-UE? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet? 15.
16. Liema liġi tad-divorzju tapplika l-qorti fi proċedimenti ta’ divorzju bejn miżżewġin li ma jgħixux fil-Greċja jew li huma ta' nazzjonalità differenti? 16.

 

1. Liema kondizzjonijiet iridu jiġu sodisfatti biex koppja tingħata digriet ta’ divorzju?

Biex żwieġ jinħall b'divorzju hija meħtieġa deċiżjoni finali tal-qorti. B'mod partikolari, iż-żwieġ jista' jinħall:

  1. B'divorzju bonarju meta l-miżżewġin jaqblu li jħollu ż-żwieġ tagħhom billi jagħmlu rikors konġunt quddiem il-Qorti kompetenti ta' l-Ewwel Grad b'Imħallef Wieħed permezz tal-proċedura volontarja mingħajr ma ji[u kkontstati l-proċedimenti, kemm-il darba ż-żwieġ tagħhom ikun ilu ta' mill-inqas sena.
  2. B'divorzju kontenzjuż meta fuq il-bażi tar-raġunijiet speċifikati fil-liġi, xi ħadd mill-miżżewġin jew it-tnejn li huma, wara li jkunu ppreżentaw rikorsi separati quddiem il-Qorti lokali ta' l-Ewwel Grad bi Tlett Imħallfin, jitolbu li ż-żwieġ tagħhom jinħall.

2. Fuq liema bażi jingħata divorzju?

Ir-raġunijiet għal divorzju (fil-każ ta' divorzju kontenzjuż) huma:

  1. Jekk l-affezzjoni ta' bejn il-miżżewġin tkun spiċċat għal raġunijiet attribwibbli lill-parti konvenuta jew liż-żewġ miżżewġin, b'mod illi l-parti rikorrenti ma tkunx tiflaħ tkompli aktar fiż-żwieġ, u din it-talba tiġi preżunta fil-każ ta' bigamija, adulterju, abbandun tal-parti rikorrenti jew komplotti kontra l-ħajja tal-parti rikorrenti mill-parti konvenuta, ħlief jekk il-parti konvenuta ġġib prova kuntrarja . F'każ meta l-miżżewġin ikun ilhom separati għal perjodu kontinwu ta' mill-inqas erba' snin, ikun hemm preżunzjoni li ma tistax tiġi ribattuta (juris et de jure) li din l-affezzjoni spiċċat u d-divorzju jkun jista' jintalab anki jekk ir-raġunijiet li għalihom tkun spiċċat l-affezzjoni jkunu attribwibbli għall-parti rikorrenti, u
  2. L-assenza ta' xi ħadd mill-miżżewġin, f'liema każ il-parti l-oħra tista' titlob divorzju.

3. X’inhuma l-konsegwenzi ta’ divorzju fir-rigward ta’:

a) ir-relazzjonijiet personali ta' bejn il-miżżewġin?

Meta żwieġ jinħall b'divorzju, l-obbligu tal-miżżewġin li jgħixu flimkien u li jieħdu deċiżjonijiet flimkien jintemm; il-parti fiż-żwieġ li tkun ħadet il-kunjom tal-parti l-oħra bħala regola terġa' tibda tuża kunjomha ħlief jekk dik il-persuna tkun tixtieq iżżommu billi tkun akkwistat reputazzjoni professjonali jew artistika bil-kunjom taż-żwieġ; ir-responsabbiltà limitata tal-miżżewġin meta jwettqu l-obbligi reċiproċi tagħhom tintemm ; l-impediment tal-bigamija ma jibqax japplika u s-sospensjoni legali ta' pretensjonijiet bejn il-miżżewġin tispiċċa. Ir-relazzjonijiet familjari li jinħolqu bejn il-qraba mid-demm ta' parti fiż-żwieġ waħda u l-qraba mid-demm tal-parti l-oħra jibqgħu jeżistu anki wara li jinħall iż-żwieġ.

FuqFuq

b) il-qsim tal-proprjetà tal-koppja?

Fil-każ ta' divorzju, kull parti fiż-żwieġ hija intitolata li tirċievi l-proprjetà mobbli li tkun tagħha jew li hija preżunta li hija tagħha anki jekk tkun tintuża miż-żewġ miżżewġin jew mill-parti l-oħra biss, għajr jekk il-parti l-oħra tkun tista' tirribatti din il-preżunzjoni, mingħajr ir-restrizzjoni li l-oġġett ikun neċessarju għall-ħtiġijiet tal-parti in kwistjoni. Jekk il-parti fiż-żwieġ li jkollha l-pussess ta' l-oġġett tirrifjuta li tagħtih lill-parti l-oħra li tkun is-sid, il-parti li jkollha l-pussess tkun soġġetta għal azzjonijiet in rem, azzjonijiet dwar id-dritt ta' proprjetà u azzjonijiet in personam. Għar-rigward tad-dar taż-żwieġ, malli jinħall iż-żwieġ sid id-dar ikollu dritt jagħmel l-azzjonijiet kollha in rem u in personam applikabbli kontra l-parti l-oħra li tkun qed tuża d-dar. Meta l-proprjetà tkun tat-tnejn, id-divorzju jtemm din il-komunjoni tal-beni u kull parti fiż-żwieġ tirċievi sehemha skond id-dispożizzjonijiet tat-tmiem tal-komunjoni tal-beni u t-tqassim ta' l-affarijiet li jaqgħu taħt il-komunjoni. Fl-aħħar, kull parti fiż-żwieġ għandha dritt għal sehem mill-proprjetà akkwistata matul iż-żwieġ mill-parti l-oħra.

c) it-tfal tal-koppja li jkunu għadhom taħt l-età?

Wara li ż-żwieġ jinħall b'divorzju, il-qorti tirregola kif għandha tiġi eżerċita l-kustodja tat-tfal b'wieħed minn dawn il-modi:

  1. tagħti l-kustodja lill-wieħed mill-ġenituri biss,
  2. tagħti l-kustodja konġunta liż-żewġ ġenituri,
  3. tqassam il-kustodja bejn il-ġenituri, jew
  4. tagħti l-kustodja lil terza persuna.

FIr-rigward ta' l-obbligi tal-ġenituri li jagħtu manteniment lit-tfal tagħhom li ma jkollhom ebda dħul minn xogħol jew beni jew meta dawn ma jkunux biżżejjed għall-manteniment tagħhom, dan l-obbligu jibqa' fis-seħħ anki wara li ż-żwieġ ikun inħall maħlul b'divorzju.

FuqFuq

d) l-obbligu ta’ manteniment bejn il-partijiet?

Wara li ż-żwieġ jinħall b'divorzju, jekk parti minnhom ma tkunx tista' tmantni ruħha mid-dħul jew l-beni tagħha, hija jkollha dritt titlob manteniment mingħand il-parti l-oħra:

  1. meta fil-ħin tad-divorzju u wara, din il-parti fiż-żwieġ tkun ta' età jew stat ta' saħħa li ma jippermettix li tibda jew tkompli tagħmel xogħol adattat biex tmantni lilha nnifisha,
  2. meta il-parti fiż-żwieġ ikollha tieħu ħsieb tifel jew tifla minorenni u minħabba f'hekk ma tkunx tista' tagħmel xogħol adattat għaliha,
  3. meta il-parti fiż-żwieġ ma tkunx tista' ssib xogħol stabbli u adattat jew tħun teħtieġ taħriġ vokazjzonali, fiż-żewġ każijiet għal perjodu li ma jaqbiżx it-tlett snin mid-data meta jkun ingħata d-digriet tad-divorzju, u
  4. meta fil-każijiet l-oħrajn kollha l-għoti ta' manteniment wara d-divorzju jkun meħtieġ għal raġunijiet ta' klemenzja.

Il-manteniment jista' jiġi eskluż jew limitat għal raġunijiet serji b'mod partikolari meta ż-żwieġ ikun wieħed qasir jew jekk il-parti fiż-żwieġ li titlob il-manteniment tkun ikkawżat id-divorzju jew tkun poġġiet lilha nnifisha fi stat ta' faqar minn rajha. Id-dritt għall-manteniment jintemm meta l-parti li tkun tirċievih terġa' tiżżewweġ jew tibda tgħix ma' persuna oħra u tittratta lil dik il-persuna daqs li kieku kienu miżżewġin, jew jekk tiġi nieqsa.

4. Xi tfisser fil-prattika is-“separazzjoni legali "?

Fil-prattika din tfisser li għalkemm iż-żwieġ bejn żewġ persuni ma jkunx inħall b'divorzju, huma ma jibqgħux jgħixu flimkien bħala koppja miżżewġa. Taħt il-liġi Griega din tista' tkun il-bażi għal divorzju billi tkun intemmet l-affezzjoni bejniethom.

FuqFuq

5. X'inhuma l-kondizzjonijiet biex tingħata separazzjoni legali?

Il-partijiet fiż-żwieġ li jisseparaw jistgħu jew jgħixu għal rashom jew inkella jgħixu taħt l-istess saqaf, iżda mingħajr ma jkun hemm bejniethom relazzjoni ta' bejn il-miżżewġin.

6. X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ separazzjoni legali?

Meta l-miżżewġin ma jibqgħux jgħixu flimkien bħala koppja miżżewġa kull waħda mill-partijiet fiż-żwieġ tista' tippreżenta rikors permezz tal-proċedura ta' inġunzjoni quddiem il-Qorti lokali ta' l-Ewwel Grad b'Imħallef Wieħed, meta jkun hemm riskju urġenti jew imminenti, u titlob: li jiġi stabbilit l-użu tad-dar taż-żwieġ ; li tiġi stabbilita liema proprjetà immobbli tista' tieħu magħha biex tarma dar ġdida; li jiġi stabbilit temporanjament min ħa jkollu l-kustodja tat-tfal minorenni u d-drittijiet ta' aċċess tal-parti l-oħra ; u li jiġi stabbilit temporanjament il-manteniment għat-tfal minorenni u, taħt ċerti kondizzjonijiet, it-tfal adulti, kif ukoll għall-parti fiż-żwieġ li ma tkunx tista' tmantni lilha nnifisha bid-dħul jew beni tagħha. Kull waħda mill-partijiet fiż-żwieġ tista' titlob li l-qorti fid-deċiżjoni tagħha tirregola l-istess kwistjonijiet billi tiftaħ azzjoni quddiem il-Qorti ta' l-Ewwel Grad b'Imħallef Wieħed skond il-proċedura speċifikata fl-Artikolu 681B tal-Kodiċi Elleniku tal-Proċedura Ċivili.

7. Xi jfisser fil-prattika “annullament ta’ żwieġ“?

Annullament ta' żwieġ ifisser li żwieġ li kellu effetti legali, jitqies li qatt ma eżista meta jiġi annullat b'deċiżjoni tal-qorti minħabba xi difett, ħlief fir-rigward tat-tfal imweldin fiż-żwieġ li jibqgħu jitqiesu li twieldu fiż-żwieġ.

FuqFuq

8. X'inhuma l-kondizzjonijiet biex żwieġ jiġi ddikjarat null?

L-annullament ta' żwieġ jeħtieġ li ż-żwieġ ikun null minħabba li l-kundizzjonijiet meħtieġa għaż-żwieġ ikunu neqsin, jew minħabba li jkun hemm xi impediment, jew li jkun annullabbli minħabba żball, jew annullabbli minħabba kunsens ivvizjat bi żball jew vjolenza.

Il-kondizzjonijiet meħtieġa għal żwieġ ikunu neqsin meta l-wegħda ta' l-għarajjes fiż-żwieġ ma ssirx minnhom iżda minn ħaddieħor flokhom, jew jekk tkun soġġetta għal kundizzjoni jew data ta' għeluq; jekk l-għarajjes ikunu minorenni u ma jkunx hemm l-awtorizzazzjoni tal-Qorti; jekk l-għarus jew l-għarusa jkunu soġġetti għal interdizzjoni ġudizzjarja ; jekk xi ħadd minnhom ikun taħt il-proteżzjoni tal-qorti u l-gwardjan legali ma jagħtix il-kunsens tiegħu jew ma jkunx hemm awtorizzazzjoni mill-Qorti: u jekk xi ħadd minnhom matul iċ-ċeremonja tat-tieġ ma kienx jaf x'inhu jagħmel jew ma setgħax jaħseb sew minħabba marda tal-moħħ. Dawn li ġejjin huma kollha Impedimenti li jwasslu għall-annullament ta' żwieġ : żwieġ bejn qraba mid-demm fil-linja diretta mingħajr limitazzjoni u l-qraba kollaterali sar-raba grad, bejn axxendenti u dixxendenti fil-linja diretta mingħajr limitu u fil-linja kollaterali sat-tielet grad ; bigamija ; u żwieġ ta' persuna adottata mal-persuna li tkun adottatha.

Iż-żwieġ ma jibqax annullabbli jekk wara ż-żwieġ, iż-żewġ partijiet jagħtu l-kunsens liberu u sħiħ tagħhom; jekk tingħata awtorizzazzjoni mill-Qorti lil persuna minorenni wara ż-żwieġ jew jekk persuna minorenni miżżewġa taċċetta ż-żwieġ meta tagħlaq l-età ta' 18-il sena; meta persuna li teknikament ma jkollhiex il-kapaċità li tiżżewweġ, wara takkwista din il-kapaċità u taċċetta ż-żwieġ ; meta l-gwardjan tal-qorti jew il-qorti jew il-persuna taħt il-protezzjoni tal-qorti wara li takkwista l-kapaċità taċċetta ż-żwieġ, u ż-żwieġ ma jibqax annullabbli lanqas meta persuna li l-kunsens tagħha jkun ingħata bi żball jew ittieħed bi vjolenza, taċċetta ż-żwieġ wara l-iżball jew vjolenza. Barra minn hekk, żwieġ ikun null ab initio f'każ meta ma jiġix iddikkjarat quddiem sindku u xhieda fil-każ ta' żwieġ ċivili, jew fil-każ ta' żwieġ bil-knisja meta ma jkunx ċelebrat minn qassis tal-Knisja Ortodossa tal-Lvant jew rappreżentant ta' twemmin jew reliġjon oħra mħaddna fil-Greċja. F'dan il-każ iż-żwieġ ma joħloqx effetti legali, u din in-nullità ab inizio tista' tiġi ddikkjarata mill-Qorti wara li tkun infetħet kawża dikjaratorja minn xi persuna li jkollha locus standi.

FuqFuq

9. X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ annullament ta’ żwieġ?

L-ewwel nett, l-effetti taż-żwieġ jiġu revokati b'effett retrospettiv. Dan l-effett retrospettiv jolqot ir-relazzjonijet kollha ta' bejn il-miżżewġin, kemm jekk dawn ikunu ta' natura personali jew familjari jew u kemm jekk ikollhom x'jaqsmu ma' proprjetà. Għaldaqstant l-annullament ta' żwieġ iwassal għal revoka ex tunc tad-dritt ta' suċċessjoni li l-parti fiż-żwieġ superstiti jkollha fuq l-assi tal-parti l-oħra fil-każ ta' suċċessjoni ab intestato. It-transazzjonijiet legali kollha tal-miżżewġin ma' partijiet terzi jiġu revokati meta dawn ikunu saru fil-kapaċità tagħhom bħala miżżewġin, jew fuq il-bażi tal-ħtiġijiet tagħhom bħala miżżewġin jew bħala transazzjonijiet legali biex jiġu amministrati l-beni tal-parti l-oħra fiż-żwieġ, mingħajr preġudizzju għall-bona fidi tat-terzi persuni li jkunu daħlu f'dawn it-transazzjonijiet mal-miżżewġin. Madanakollu, dak li japplika fil-każ ta' divorzju għal proprjetà mobbli u proprjetà akkwistata matul iż-żwieġ mill-miżżewġin japplika wkoll fil-każ ta' annullament ta' żwieġ. Barra minn hekk, jekk fil-ħin taż-żwieġ il-miżżewġin jew ta' mill-inqas xi ħadd minnhom ma jkunx jaf bin-nullità, l-annullament ma jkollux effett b'lura, waqt li l-parti fiż-żwieġ li ma kienitx taf bin-nullità fil-ħin taż-żwieġ għandha dritt għall-manteniment skond id-dispożizzjonijiet applikabbli għad-divorzju, li għandhom japplikaw b'analoġija, kontra l-parti l-oħra li kienet taf dwar in-nullità u kontra l-werrieta ta' dik il-parti jekk tkun mietet wara l-annullament taż-żwieġ. Parti fiż-żwieġ li tkun ġiet imġiegħla tiżżewweġ bi vjolenza, b'mod illegali jew kuntrarju għall-użanzi stabbiliti jkollha l-istess dritt meta ż-żwieġ jiġi annullat jew mitmum minħabba l-mewt tal-parti l-oħra.

FuqFuq

10. Il-kwistjonijiet relatati ma’ divorzju jistgħu jiġu riżolti b’modi extra-ġudizzjarji jew alternattivi?

Le.

11. F’liema qrati jsiru l-applikazzjonijiet għal divorzju/annullament ta’ żwieġ? Liema kondizzjonijiet iridu jiġu osservati u liema dokumenti jridu jiġu mehmuża?

Il-Qorti ta' l-Ewwel Grad bi Tlett Imħallfin għandha l-kompetenza li tħoll żwieġ minħabba li tkun spiċċat l-affezzjoni min-naħa ta' parti fiż-żwieġ jew it-tnejn li huma jew minħabba l-assenza ta' xi ħadd minnhom, u li tiddikkjara iż-żwieġ null jew annullabbli, jew li tddikjara li ż-żwieġ qatt ma eżista, skond il-proċedura tal-kwistjonijiet matrimonjali.

Fil-każ ta' divorzju bonarju, il-qorti kompetenti skond il-proċedura ta' ġurisdizzjoni volontarja hija l-Qorti ta' l-Ewwel Grad b'Imħallef Wieħed. Il-qorti lokali kompetenti hija l-qorti fit-territorju fejn il-partijiet għandhom id-domiċilju normali tagħhom jew l-aħħar domiċilju, meta xi ħadd minnhom ikun għadu residenti hemmhekk, jew id-domiċilju normali tal-parti konvenuta, jew fil-każ ta' rikors konġuntiv id-domiċilju normali ta' kull wieħed mill-miżżewġin jew id-domiċilju normali tal-parti rikorrenti ta' mill-inqas sena qabel l-azzjoni, jew sitt xhur qabel fil-każ ta' ċittadin Grieg jew jekk il-miżżewġin it-tnejn ikunu ta' nazzjonalità Griega. Bl-istess mod, tista' ssir kontrotalba quddiem l-istess qrati. Barra minn hekk, l-azzjonijiet għall-manteniment jistgħu jingħaqdu u jinstemgħu flimkien ma' azzjonjiet ta' divorzju, annullament ta' żwieġ jew dikjarazzjoni ta' nullità ta' żwieġ mill-Qorti ta' l-Ewwel Grad lokali bi Tlett Imħallfin skond il-proċedura ta' kwistjonijiet matrimonjali, mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet li japplikaw għal dik il-proċedura. Barra minn hekk, l-azzjonijiet biex tiġi assenjata l-kustodja tat-tfal u biex jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għat-tfal jistgħu jingħaqdu fl-istess azzjoni ma' azzjoni ta' divorzju mressqa quddiem il-Qorti ta' l-Ewwel Grad b'Imħallef Wieħed li tinstema' skond il-proċedura ta' ġurisdizzjoni volontarja.

FuqFuq

L-atti tal-kawża b'kopji tagħhom għandhom jiġu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti u d-data tas-seduta tiġi ffissata mid-deputat reġistratur. L-avukat tal-parti rikorrenti għandu jitlob li jiġu notifikati d-data u l-post tas-seduta li jkun imiss flimkien ma' kopja ta' l-atti tal-kawża lill-parti konvenuta. L-atti tal-kawża għandhom jiġu notifikati lil parti konvenuta li tkun residenti jew domiċiljata fil-Greċja 60 jum qabel id-data tas-seduta, u jekk dik il-persuna tkun residenti jew domiċiljata f'pajjiż ieħor jew jekk il-post fejn tgħix ma jkunx magħruf, 90 jum qabel is-seduta. Meta jkun meħtieġ li d-dokumenti jiġu notifikati lil persuna b'indirizz mhux magħruf, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar in-notifika ta' dokumenti ta' qabel il-kawża bejn l-Istati Membri ta' l-UE li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 1348/2000 jew fil-Konvenzjoni ta' l-Aja tal-15.11.1965, fejn applikabbli, jew ta' konvenzjonijiet bilaterali jew multilaterali dwar il-proċedura ta' notifikazzjoni.

Il-liġi sostantiva applikabbli għar-relazzjonijiet personali u l- proprjetà tal-miżżewġin, id-divorzju u s-separazzjoni legali hija:

  1. il-liġi ta' l-aħħar ċittadinanza komuni tal-miżżewġin matul iż-żwieġ, meta ta' mill-inqas parti waħda fiż-żwieġ tkun għadha bl-istess ċittadinanza,
  2. il-liġi ta' l-aħħar domiċilju komuni normali matul iż-żwieġ, u
  3. il-liġi ta' l-Istat li miegħu l-miżżewġin għandhom l-eqreb rabta.

Ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal għandhom jiġu regolati f'din l-ordni:

  1. skond il-liġi ta' l-aħħar nazzjonalità komuni tagħhom,
  2. skond il-liġi ta' l-aħħar domiċilju normali komuni tagħhom u
  3. il-liġi tal-pajjiż ta' nazzjonalità tat-tifel jew tifla. Jekk il-persuna jkollha nazzjonalità kemm Griega kif ukoll barranija, il-liġi tan-nazzjonalità applikabbli għandha tkun il-liġi Griega u jekk ikollha diversi nazzjonalitajiet barranin, għandha tapplika l-liġi ta' l-Istat li miegħu jkollha l-aktar rabtiet mill-qrib.

Skond il-prinċipju tal-lex fori ,il-liġi proċedurali applikabbli hija dik Griega, iżda din tiġi wara d-dispożizzjoniiet tal-Liġi tal-Komunità Ewropea u d-dispożizzjonijiet ta' konvenzjonijiet internazzjonali oħrajn skond l-Artikolu 28 tal-Kostituzzjoni Griega. L-avukati li jirrappreżentaw lill-partijiet jew li jidhru quddiem il-qorti mal-parti li jirrappreżentaw jeħtieġ li jkollhom prokura speċjali, u għandhom jiġi preżentati wkoll ċertifikat taż-żwieġ u ċertifikat tal-familja mal-provi l-oħrajn kollha. Is-smiegħ tax-xhieda u t-trattazzjoni jsiru quddiem il-qorti bil-miftuħ. Fil-każ ta' divorzju bonarju, il-partijiet huma obbligati li jiddikjaraw f'żewġ seduti, li bejniethom jgħaddu ta' mill-inqas 6 xhur, li huma jixtiequ jħollu ż-żwieġ tagħhom u għandhom jippreżentaw ftehim bil-miktub dwar il-kustodja tat-tfal tagħhom u l-aċċess għal dawn it-tfal. Id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-partijiet taħt ġurament jiġu kkunsidrati mill-Qorti, iżda t-tfal ma jistgħux jittellgħu bħala xhieda. Ix-xhieda u l-esperti kollha jridu jixhdu taħt ġurament. Meta tisma' rikors għal divorzju, il-qorti tipprova tirrikonċilja lill-partijiet. Jekk il-parti konvenuta tkun assenti, il-każ jipproċedi xorta waħda izda jekk xi ħadd mill-partijiet imut qabel ma d-deċiżjoni ssir finali l-kawża taqa'. Barra hekk, fil-każ ta' rikors għal annullament ta' żwieġ, li jista' jitressaq mill-Prosekutur Pubbliku, dik il-parti tissejjaħ biex tidher quddiem il-Qorti, waqt li f'każ ta' mewt l-azzjoni relevanti tiġi sospiża sabiex tkun tista' titkompla mill-werrieta tal-mejjet. Fil-każ ta' azzjoni għal annullament ta' żwieġ jew dikjarazzjoni ta' nullità ab inizio li titressaq mill-Prosekutur Pubbliku, din issir kontra ż-żewġ partijiet, u jekk xi ħadd minnhom ikun mejjet issir kontra l-eredi.

FuqFuq

12. Tista’ tingħata għajnuna legali biex tkopri l-ispejjeż tal-kawża?

Iva, iżda taħt ċerti kondizzjonijiet. Tingħata għajnuna legali lil kull persuna li tista' ġġib prova li m'hijiex f'pożizzjoni li tħallas l-ispejjeż tal-qorti mingħajr ma tieħu mill-mezzi finanzarji li huma strettament meħtieġa għall-manteniment ta' dik il-persuna u tal-familja tagħha, u kemm-il darba l-kawża ma tkunx waħda frivola jew vessatorja. L-għajnuna legali tista' tintalab permezz ta' rikors lill-Imħallef li quddiemu tkun pendenti jew tkun ser titressaq il-kawża, u fil-każ tal-Qorti ta' l-Ewwel Grad bi Tlett Imħallfin quddiem l-Imħallef li jippresjedi, u fil-każ ta' atti li m'humiex relatati mal-kawża, lill-Qorti tal-Paċi fil-post ta' domiċilju tal-parti rikorrenti.

Ir-rikors għandu jirreferi fil-qosor għall-iskop tal-kawża jew l-att, il-provi li jistgħu jinġiebu għall-kawza ewlenija kif ukoll id-dettalji li jikkonfermaw li l-kondizzjonijiet neċessarji ġew sodisfatti. Mar-rikors għandhom jinhemżu dawn id-dokumenti:

  1. Ċertifikat maħruġ b'xejn mis-sindku jew il-president tal-komunità lokali fejn il-parti rikorrenti jkollha l-post ta' residenza jew domiċilju tagħha b'konferma ta' l-istat ta' xogħol, finanzjarju u familjari tagħha,
  2. Ċertifikat maħruġ b'xejn mill-ispettur tat-taxxa fil-post ta' residenza jew domiċilju permanenti tar-rikorrent li jikkonferma jekk ir-rikorrent bagħatx prospett tat-taxxa fuq id-dħul matul l-aħħar tlett snin jew prospett għal xi taxxa diretta oħra kif ukoll konferma wara li tkun saret il-verifika u
  3. fil-każ ta' barrani, ċertifikat maħruġ b'xejn mill-Ministeru tal-Ġustizzja li jikkonferma li l-kondizzjoni ta' reċiproċità ġiet sodisfatta.

Il-Qorti għandha tisma' l-kawża meta l-parti konvenuta tkun ġiet imħarrka biex tidher b'xejn. M'huwiex neċessarju li jidher avukat awtorizzat. Meta jkun hemm ċertezza raġonevoli li l-kondizzjonijiet li jissemmew hawn fuq ġew sodisfatti tingħata l-għanuna legali għal kull każ individwali u l-għajnuna mogħtija tapplika għal kull grad ta' ġurisdizzjoni ta' kull qorti u tinkludi l-infurzar obbligatorju tad-deċiżjoni. Kull persuna li tirċievi l-għajnuna legali tiġi eżentata temporanjament mill-obbligu li tħallas l-ispejjeż tal-qorti u l-ispejjeż proċedurali b'mod ġenerali, fi kliem ieħor l-ispejjeż notarili u l-ispejjeż tan-notifiki, l-ispejjeż tax-xhieda u ta' l-esperti, l-ispejjeż ta' l-avukati u tal-prokuri, kif ukoll l-obbligu li tingħata garanzija għal dawn l-ispejjeż. Huwa possibbli li l-parti li tibbenefika mill-għajnuna legali tiġi eżentata temporanjament biss minn parti ta' dawn l-ispejjeż.

FuqFuq

L-għoti ta' għajnuna legali ma taffettwax l-obbligu li jitħallsu l-ispejjeż mogħtija lil dik il-parti. Malli jsir ir-rikors, il-qorti għandha tagħti deċiżjoni li taħtar avukat, nutar pubbliku u servizz ta' notifika, li jkunu mqabbdin biex jiddefendu l-interessi tal-parti li tingħata l-għajnuna legali, u dawn huma obbligati li jaċċettaw din l-ordni, li għandha s-saħħa ta' prokura tal-qorti ġenerali.

L-għajnuna legali tintemm mal-mewt tal-benefiċċjarju, iżda dawk l-atti li ma jisgħux jistennew jistgħu jiġu implimentati wara l-mewt fuq il-bażi ta' l-għajnuna mogħtija. Barra minn hekk, l-għajnuna legali tista' tiġi revokata jew limitata b'deċiżjoni ex ufficio tal-qorti jew fuq rakkomandazzjoni tal-Prosekutur Pubbliku meta jiġi ppruvat illi l-kondizzjonijiet għall-għoti ta' din l-għajnuna qatt ma eżistew ab initio, m'għadhomx jeżistu jew kien hemm bidla fiċ-ċirkostanzi. L-ispejjeż għandhom jitħallsu skond l-Artikoli 190-193 tal-Kodiċi Elleniku tal-Proċedura Ċivili.

Jekk id-deċiżjoni tinqata' bl-ispejjeż kontra dik il-parti l-ma tkunx ingħatat għajnuna legali, l-ispejjeż dovuti lill-parti li tkun ingħatat l-għajnuna għandhom jitħallsu lill-uffiċjali tal-qorti, inklużi l-avukati u uffiċjali oħra li jkollhom prokura tal-qorti ġenerali f'dan il-każ, u jinġabru skond id-dispożizzjonijiet ta' l-infurzar obbligatorju. Jekk il-kawża tinqata' bl-ispejjeż kontra l-persuna li tirċievi l-għajnuna legali, dawn l-ispejjeż għandhom jinġabru bl-istess mod, la darba l-kondizzjonijiet kollha jew parti minnhom għall-għoti ta' l-għajnuna legali ma jibqgħux japplikaw u dan jiġi kkonfermat. Jekk il-partijiet ikun irnexxielhom jiksbu l-għajnuna legali permezz ta' dikjarazzjonijiet foloz u informazzjoni mhux korretta, l-Imħallef li jiddeċiedi li titwaqqfilhom l-għajnuna legali għandu jordnalhom iħallsu multa lill-Fond tal-Ġuristi u jista' jġiegħelhom iħallsu l-ammonti li kellhom jingħataw jew jordna li jittieħdu passi kriminali kontrihom.

FuqFuq

13. Jista’ jsir appell kontra digriet ta’ divorzju/annullament ta’ żwieġ fil-Greċja?

Iva. Il-parti telliefa tista' tappella quddiem il-Qorti ta' l-Appell lokali kontra deċiżjoni finali għal divorzju, annullament ta' żwieġ null jew annullabbli jew l-affermazzjoni li żwieġ qatt ma eżista fi żmien 30 jum (jew tkun residenti jew domiċiljata fil-Greċja) jew fi żmien 60 jum (jekk tkun residenti jew domiċiljata f'pajjiż ieħor, jew jekk il-post fejn tgħix ma jkunx magħruf) min-notifika tad-deċiżjoni, jew jekk id-deċiżjoni ma tiġix notifikata, fi żmien tlett snin mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni finali. F'każ illi tiġi nieqsa l-parti li jkollha dritt ta' appell, iż-żmien għall-appell jibda jiddekorri mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni finali lill-avente causa tiegħu.

14. Xi jrid isir biex digriet ta’ divorzju/annullament ta’ żwieġ li jkun ingħata fi Stat Membru ieħor jiġi rikonoxxut fil-Greċja?

Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000 id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru ta' l-UE għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ebda formalitajiet partikolari. Jekk persuna tkun tixtieq li deċiżjoni ta' divorzju / separazzjoni legali / annullament ta' żwieġ tiġi rikonoxxuta fil-Greċja, hija għandha tippreżenta rikors quddiem il-Qorti ta' l-Ewwel Grad b'Imħallef Wieħed fil-post ta' residenza normali tal-persuna li kontra tagħha d-deċiżjoni tkun ser tiġi infurzata, jew inkella fil-post fejn tkun ser tiġi infurzata. Mar-rikors għandhom jinhemżu dawn id-dokumenti:

FuqFuq

  1. Kopja tad-deċiżjoni li tissodisfa l-kondizzjonijiet ta' awtentiċità meħtieġa.
  2. Konferma b'mod konformi ma' l-Artikolu 33 li tispeċifika d-dettalji tal-qorti li tat id-deċiżjoni, informazzjoni dwar iż-żwieġ, is-suġġett tad-deċiżjoni, jekk saritx b'kontumaċja jew wara proċedimenti kontenzjużi, jekk hemmx rimedji legali kontra d-deċiżjoni, jekk ingħatatx għajnuna legali, eċċ..
  3. Fil-każ ta' sentenza ta' kontumaċja, kopja oriġinali jew attestata tad-dokument li turi li l-atti prelimari ta' qabel il-kawża u dokumenti simili oħrajn ġew notifikati lill-partijiet kontumaċi jew xi dokument li juri li l-parti konvenuta aċċettat id-deċiżjoni b'mod li ma jistax jiġi kkuntestat.

La darba tkun ġiet iffissata data għas-smigħ, għandha tiġi notifikata kopja tar-rikors lill-parti l-oħra flimkien mad-deċiżjoni li tiffissa d-data tas-smigħ, u taħrika li ssejjaħ lil dik il-parti biex tidher il-qorti. Il-qorti, li ma tistax tirrevedi l-ġurisdizizzjoni tal-qorti ta' Stat Membru ieħor ta' l-UE li tkun tat id-deċiżjoni, għandha tirrikonoxxi din d-deċiżjoni wara li tkun ivverifikat li : ir-rikonixximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku tal-Greċja, li l-atti ta' qabel il-kawża ġew notifikati lill-parti kontumaċi b'mod li kellha żmien biżżejjed biex tħejji d-difiża tagħha, jew li l-parti kontumaċi aċċettat id-deċiżjoni b'mod li ma jistax jiġi kkontestat, u li d-deċiżjoni m'hijiex inkumpatibbli mad-deċiżjoni maħruġa fir-rigward taż-żewġ partijiet fl-Istat Membru ta' rikonoxximent jew Stat Membru ieħor jew Stat mhux Membru li jissodisfa l-kondizzjonijiet ta' rikonoxximent fl-Istat Membru ta' rikonoxximent.

FuqFuq

15. Quddiem liema qorti nista' nikkontesta deċiżjoni li tirrikonoxxi digriet ta’ divorzju/annullament ta’ żwieġ li jkun ingħata fi Stat Membru ieħor ta' l-UE? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Il-qorti kompetenti għal appell kontra deċiżjoni li tirrikonoxxi deċiżjoni ta' qorti ta' Stat Membru ieħor hija l-Qorti ta' l-Appell li għandha tisma' l-kawża permezz ta' proċedimenti kontenzjużi. It-terminu għall-appell huwa xahar mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni, iżda jekk il-parti li titlob ir-rikonoxximent tkun normalment residenti fi Stat Membru differenti minn dak fejn id-deċiżjoni ġiet iddikkjarata li hija infurzabbli, it-terminu jkun ta' xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni. Dan it-terminu perentorju ma jistax jiġi estiż minħabba d-distanza. Jekk il-parti li titlob ir-rikonoxximent ma tkunx preżenti, il-qorti tkun obbligata li tiddiferixxi l-proċedimenti sakemm jiġi kkonfermat li din l-istess parti ġiet notifikata skond il-proċedura legali u fiż-żmien dovut jew li sar kull sforz raġonevoli f'dan ir-rigward. Kull azzjoni għal kassazzjoni kontra deċiżjoni tal-Qorti ta' l-Appell.għandha tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti Suprema

16. Liema liġi tad-divorzju tapplika l-qorti fi proċedimenti ta’ divorzju bejn miżżewġin li ma jgħixux fil-Greċja jew li huma ta' nazzjonalità differenti?

Il-liġi sostantiva applikabbli għad-divorzju hija f'din l-ordni:

  1. il-liġi ta' l-aħħar ċittadinanza komuni tal-miżżewġin matul iż-żwieġ, meta ta' mill-inqas parti waħda fiż-żwieġ tkun għadha bl-istess ċittadinanza,
  2. il-liġi ta' l-aħħar domiċilju komuni normali matul iż-żwieġ, u
  3. il-liġi ta' l-istat li miegħu l-miżżewġin għandhom l-eqreb rabta.

Skond il-prinċipju tal-lex fori , il-liġi proċedurali applikabbli hija dik Griega, iżda l-Liġi tal-Komunità hija suprema fuq dik nazzjonali skond l-Artikolu 28 tal-Kostituzzjoni Griega.

« Divorzju - Informazzjoni Ġenerali | Greċja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 01-06-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit