Kummissjoni Ewropea > NGE > Divorzju > Ġermanja

L-aħħar aġġornament: 30-05-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Divorzju - Ġermanja

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma l-kundizzjonijiet meħtieġa għad-divorzju? 1.
2. X’inhuma r-raġunijiet għad-divorzju? 2.
3. X’inhuma l-konsegwenzi tad-divorzju? 3.
3.a) ir-relazzjoni personali bejn il-miżżewġin (per eżempju, fir-rigward tal-kunjom li jittieħed)) 3.a)
3.b) it-tqassim tal-beni tal-miżżewġin 3.b)
3.c) l-ulied taħt l-età tal-miżżewġin (fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u tat-talbiet għall-manteniment) 3.c)
3.d) id-dmir ta’ manteniment lejn il-konjuġi l-ieħor 3.d)
4. Xi tfisser “separazzjoni mingħajr ma tinħall ir-rabta taż-żwieġ ” fil-prattika? 4.
5. X’inhuma l-kundizzjonjiet għas “separazzjoni mingħajr ma tinħall ir-rabta taż-żwieġ ” ? 5.
6. X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ “separazzjoni mingħajr ma tinħall ir-rabta taż-żwieġ ” ? 6.
7. Xi jfissru “annullament” u “xoljiment taż-żwieġ” fil-prattika? 7.
8. X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-annullament/għax-xoljiment taż-żwieġ? 8.
9. X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ annullament/xoljiment taż-żwieġ? 9.
10. Jeżistu possibbiltajiet alternattivi sabiex jissolvu l-problemi marbuta mad-divorzju mingħajr ma tidħol il-qorti? 10.
11. Fejn għandha tiġi ppreżentata t-talba għad-divorzu/għax-xoljiment/għall-annullament taż-żwieġ? 11.
12. Nista’ nitlob l-għajnuna legali għall-ispejjeż? 12.
13. Jista’ jsir appell minn sentenza dwar id-divorzju/ix-xoljiment/l-annullament taż-żwieġ? 13.
14. X’għandu nagħmel biex sentenza dwar divorzju/xoljiment/annullament taż-żwieġ li ngħatat f’qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta fil-Ġermanja? 14.
15. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri biex nippreżenta talba sabiex sentenza dwar divorzju/xoljiment/annullament taż-żwieġ, li ngħatat f’qorti fi Stat membru ieħor, ma tiġix rikonoxxuta? X’tip ta’ proċedura tintuża f’dan il-każ? 15.
16. Liema liġi tapplika f’kawża għad-divorzju bejn miżżewġin li ma jgħixux il-Ġermanja jew li jkollhom nazzjonalitajiet different? 16.

 

1. X’inhuma l-kundizzjonijiet meħtieġa għad-divorzju?

Divorzju jista’ jingħata b’sentenza tal-qorti fuq talba ta’ wieħed mill-miżżewġin jew tat-tnejn § 1564 par. 1 artikolu 1 tal-kodiċi ċivili (BGB).

Id-divorzju jista’ jingħata meta ż-żwieġ ifalli. Iż-żwieġ ifalli meta l-ħajja flimkien bejn il-miżżewġin ma teżistix aktar u ma jkunx possibbli għall-miżżewġin li jerġgħu jibdew jgħixu flimkien (§ 1565 par. 1 BGB). Il-falliment taż-żwieg huwa meqjus irrevokabbli, meta l-miżżewġin ikunu ilhom jgħixu sena separati u ż-żewġ konjuġi jitolbu ghad-divorzju jew il-konvenut jaċċetta d-divorzju. Wara perjodu ta’ tliet snin jgħixu separati, jitqies li ż-żwieġ ikun falla irrevokabilment, mingħajr il-bżonn li l-partijiet fil-kawża jieħdu pożizzjoni (§ 1566 par.2 BGB). Il-kontinwazzjoni ta’ żwieġ fallut hija possibbli, meta u sakemm, għal raġunijiet speċjali, iż-żamma taż-żwieġ tkun eċċezzjonalment neċessarja fl-interess ta’ l-ulied taħt l-età li twieldu minnu. L-istess jgħodd, meta u sakemm d-divorzju għall-konvenut, li ma jaċċettahx, minħabba ċirkostanzi straordinarji jkun ifisser tbatija tant iebsa, li ż-żamma taż-żwieġ, anki fir-rigward ta’ l-interessi ta’ l-applikant, tkun tidher eċċezzjonalment neċessarja (§ 1568 BGB).

Il-ħajja separata tirrikjedi skond § 1567 par. 1 artikolu 1 BGB, li bejn il-miżżewġin ma teżistix komunità f’dar waħda u konjuġi minnhom apparentement ma jkunx irid jistabilixxi dik il-komunità, għax jirrifjuta l-ħajja flimkien ta’ miżżewġin. Dawn iċ-ċirkustanzi għandhom jiġu ppruvati, jekk ikun hemm bżonn; Prinċipalment jeżistu problemi f’dak li l-liġi espressament tippermetti bħala ħajja separata ġewwa d-dar konjugali (§ 1567 par. 1 artikolu 2 BGB).

FuqFuq

2. X’inhuma r-raġunijiet għad-divorzju?

Il-liġi fil-Ġermanja tagħraf biss il-falliment taż-żwieġ bħala raġuni għad-divorzju.

Divorzju minħabba tort ta’ waħda mill-partijiet fiż-żwieġ ma jeżistix.

3. X’inhuma l-konsegwenzi tad-divorzju?

3.a) ir-relazzjoni personali bejn il-miżżewġin (per eżempju, fir-rigward tal-kunjom li jittieħed))

Il-konjuġi separat iżomm il-kunjom ta’ miżżewweġ, li l-miżżewġin ikunu għażlu fiċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tagħhom. Permezz ta’ dikjarazzjoni quddiem reġistratur dan jista’ jerġa jieħu l-kunjom tat-twelid jew il-kunjom li kellu sakemm assuma l-kunjom taż-żwieġ jew ipoġġi l-kunjom tat-twelid quddiem il-kunjom taż-żwieġ jew iżidu miegħu (§ 1355 par. 5 BGB).

Jekk jeżistu l-kundizzjonijiet meħtieġa għad-divorzju u t-testatur ikun għamel talba għad-divorzju jew qabel miegħu, il-konjuġi jitlef id-drittijiet ta’ suċċessjoni legali (§ 1933 BGB). Dispożizzjoni fit-testment favur il-kunjuġi f’dan il-każ hija mingħajr effett; sakemm, it-testatur ikun għamilha apposta għall-każ tad-divorzju (§ 2077 BGB).

3.b) it-tqassim tal-beni tal-miżżewġin

Jekk bejn il-miżżewġin jeżisti r-reġim statutorju tal-komunità ta’ l-akkwisti, dak li jkun ġie akkwistat matul iż-żwieġ għandu jinqasam ugwalment bejn il-miżżewġin fid-divorzju (§§ 1372 ff. BGB). Teżisti eċċezzjoni meta t-tqassim ta’ l-akkwisti joħloq inġustizzja kbira. Dan jista’ jkun il-każ speċjalment, meta l-konjuġi, li jkun għamel l-inqas akkwisti, għal żmien pjuttost twil ma jkunx qeda d-dmirijiet finanzjarji tiegħu, li joħorġu minn relazzjoni matrimonjali (§ 1381 BGB). It-tort hawnhekk mhux determinanti għall-finijiet tad-divorzju.

FuqFuq

Jekk il-miżżewġin ikunu ftehmu dwar il-komunità ta’ proprjetà, għandhom jaqsmu il-beni kollha tagħhom. Il-konjuġi li jkollu t-tort fid-divorzju ma jiġix penalizzat.

Id-dar taż-żwieġ tista’, f’każ li l-miżżewġin ma jaqblux, tiġi assenjata mill-qorti lil wieħed mill-konjuġi (§ 1 Liġi dwar il-Beni Mobbli). Fil-każ ta’ post mikri, biex issir ġustizzja l-qorti tista’ tidħol fil-merti tal-kuntratt tal-kiri. Hawnhekk il-qorti tiddeċiedi fid-diskrezzjoni tagħha bl-istess mod.

Fir-rigward ta’ l-għamara, il-proprjetà komuni għandha tiġi mqassma mill-qorti b’mod ugwali, ekwu u effikaċi. Beni mobbli, li huma proprjetà ta’ konjuġi wieħed, għandhom jiġu assenjati lill-ieħor, meta dan ikollu bżonn li jibqa’ jużahom u s-sid tagħhom ma jbatix bit-trasferiment tagħhom lill-ieħor.

Anki drittijiet tal-pensjoni akkwistati waqt iż-żwieġ mill-miżżewġin (per eżempju, drittijiet fl-assigurazzjoni legali tal-pensjoni, drittijiet tal-pensjoni kif ukoll drittijiet tal-pensjoni li jkunu tħallsu bħala sigurtà għall-pensjoni jew b’kuntratt ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni privata), fid-divorzju, għandhom jitqassmu b’mod li jipprovdu ugwalment għat-tnejn.

3.c) l-ulied taħt l-età tal-miżżewġin (fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u tat-talbiet għall-manteniment)
aa) ir-responsabbiltà tal-ġenituri

Jekk il-ġenituri jkunu t-tnejn flimkien bid-dritt għall-kura ta’ l-ulied u jiddivorzjaw, il-kura tagħhom flimkien tibqa’ fis-seħħ. Eżaminazzjoni mill-qorti u sentenza dwar dan – apparti f’każijiet ta’ periklu għall-ġid ta’ l-ulied – huma meħtieġa biss f’każijiet fejn wieħed mill-ġenituri jitlob biex jassumi għalih waħdu l-kura ta’ l-ulied. Talba ta’ dan it-tip għandha tiġi milqugħa, meta jkun jidher, li s-sospensjoni ta’ kura komuni u l-għotja ta’ l-kura lil min jagħmel it-talba, tkun fl-aħjar ġid ta’ l-ulied. Il-liġi Ġermaniża tassumi li, meta l-wild jgħix maż-żewġ ġenituri, normalment dan jiswa għall-ġid tal-wild u għalhekk jiggarantixxi d-dritt tal-wild li jgħix maż-żewġ ġenituri kif ukoll id-dritt u l-obbligu tal-ġenituri biex jgħixu miegħu.

FuqFuq

bb) talbiet għall-manteniment

Il-ġenituri huma obbligati li jiggarantixxu l-manteniment ta’ uliedhom (§ 1601 BGB). L-ulied ikollhom id-dritt għall-manteniment meta ma jkunux f’qagħda li jmantnu lilhom infushom (§ 1602 BGB). Id-dmir tal-manteniment tal-ġenituri jiddependi mill-kapaċità tagħhom li jwettquh (§ 1603 BGB). Madankollu il-ġenituri għandhom ikunu kapaċi jwettqu dmirhom lejn uliedhom f’miżura miżjuda, jiġifieri, dan jiddependi b’mod deċisiv mid-dħul possibbli u mhux sempliċement mid-dħul għad-dispożizzjoni (§ 1603 par. 2 BGB). Bażikament, il-ġenituri għandhom imantnu lil uliedhom proporzjonalment skond il-kundizzjoni ta’ l-impieġ u l-beni tagħhom. Iżda ġenitur li jieħu ħsieb il-wild tiegħu jiwettaq id-dmir billi jikkurah u jieħu ħsiebu (§ 1606 per. 3 BGB).

Il-manteniment ta’ l-ulied jiġbor fih il-bżonnijiet kollha għall-ħajja, li jinkludi l-ispejjeż ta’ edukazzjoni xierqa (§ 1610 BGB).

3.d) id-dmir ta’ manteniment lejn il-konjuġi l-ieħor

Bid-divorzju, konjuġi għandu jieħu hsieb li jmanti lilu nnifsu huwa stess. (§§ 1569, 1577 BGB). Għalhekk huwa biżżejjed li jkollu impieġ xieraq. Iżda sakemm ikun neċessarju biex isib impieġ xieraq u sakemm huwa mistenni li jakkwista kwalifiki finali, irid jiġi mħarreġ, ikompli bl-istudju jew jibdel it-tip ta’ studju li jkollu (§ 1574 par. 3 BGB).

Konjuġi divorzjat għandu dritt għall-manteniment,

  • sa meta u sakemm ma jkunx possibbli għalih li jimpjega ruħu minħabba li jkun qed jieħu ħsieb il-wild komuni (§ 1570 BGB) jew fil-mument tad-divorzju minħabba mard jew nuqqas fil-kapaċitajiet fiżiċi jew mentali tiegħu (§ 1572 BGB),
  • sakemm fil-mument tad-divorzju ma jkunx jista’ jimpjega ruħu minħabba l-età tiegħu (§ 1571 BGB),
  • sa meta u sakemm il-konjuġi divorzjat jitħarreġ, ikompli l-istudji jew jibdel l-istudji tiegħu, biex ipatti għall-iżvantaġġ fis-sitwazzjoni taż-żwieġ. Iżda huwa neċessarju li huwa jibda bit-taħriġ, ikompli bl-istudji jew jibdel l-istudju tiegħu mill-aktar fis possibbli, biex jimpjega ruħu b’mod xieraq, sabiex jiggarantixxi manteniment kostanti, u li jtemm it-taħriġ tiegħu b’suċċess,
  • sa meta u sakemm il-konjuġi bid-divorzju ma jkunx jista’ jimpjega ruħu b’mod xieraq (§ 1573 par. 1 BGB),
  • sakemm u sa meta, għal raġunijiet oħra ta’ natura serja, ma jkunx jista’ jimpjega ruħu u r-rifjut tal-manteniment fir-rigward tal-bżonnijiet taż-żewġ miżżewġin kienet tkun estremament inġusta,
  • sakemm id-dħul minn impjieġ xieraq ma jkunx biżżejjed għall-manteniment sħiħ (§ 1573 par. 2 BGB).

L-ammont tal-manteniment jiġi deċiż skond iċ-ċirkustanzi tal-ħajja tal-miżżewġin u jinkludi wkoll l-ispejjeż ta’ assigurazzjoni xierqa fil-każ ta’ mard u minħabba l-kura, kif ukoll l-età u anqas possibbiltajiet ta’ impjieġ (§ 1578 BGB). Jekk il-konjuġi fid-dmir tal-manteniment, minħabba ċ-ċirkostanzi ta’ l-impjieg tiegħu u s-sitwazzjoni patrimonjali tiegħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dmirijiet l-oħra tiegħu, ma jkunx f’qagħda li jiggarantixxi l-manteniment mistenni mingħajr ma jippreġudika l-manteniment tiegħu stess, allura għandu jagħti l-manteniment, sakemm dan ikun ġust fir-rispett tal-bżonnijiet u l-possibbiltajiet ta’ impjieg u s-sitwazzjoni tal-beni tal-konjuġi divorzjat (§ 1581 Satz 1 BGB).

FuqFuq

4. Xi tfisser “separazzjoni mingħajr ma tinħall ir-rabta taż-żwieġ ” fil-prattika?

Kull miżżewweġ jista’, jekk ikun irid hekk, jgħix separat mingħajr formalitajiet partikolari. Konferma bil-qorti mhijiex neċessarja.

5. X’inhuma l-kundizzjonjiet għas “separazzjoni mingħajr ma tinħall ir-rabta taż-żwieġ ” ?

Il-miżżewwġin iridu jkunu qed jgħixu separati. Il-miżżewġin jgħixu separati, meta bejniethom ma jkunx hemm aktar dar taż-żwieġ komuni u konjuġi minnhom ma jaċċettax li jgħixu flimkien bħala miżżewġin.

6. X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ “separazzjoni mingħajr ma tinħall ir-rabta taż-żwieġ ” ?

Jekk il-miżżewġin jgħixu separati jew jekk wieħed minnhom irid jgħix separat, konjuġi minnhom jista’ jitlob li l-konjuġi l-ieħor iħallilu d-dar taż-żwieġ, jew parti minnha biex jużaha għalih waħdu, sakemm dan ikun neċessarju biex tiġi evitata tbatija żejda. Hawn għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi tal-proprjetà tad-dar u d-drittijiet tal-proprjetà. Ikun possibbli li d-dar tingħata lil-mara, meta jekk ma jsirx dan, l-uniku soluzzjoni tkun biss dik li tgħix f’istitut għan-nisa msawta. Jekk konjuġi jkun immaltratta fiżikament jew hedded lill-ieħor, id-dar kollha normalment għandha tingħata lil min ikun imsawwat jew mhedded, għall-użu tiegħu biss. L-assenjazzjoni tad-dar madankollu ma sservix biex twitti t-triq għad-divorzju jew biex tagħmlu aktar faċli.

Anki l-użu tal-beni mobbli jista jiġi regolat għal waqt l-ħajja separata. Hawnhekk kull konjuġi jista’ jitlob mingħand l-ieħor l-oġġetti fid-dar li jappartjenu għalih. Madankollu għandu jħallihom biex jintużaw mill-konjuġi l-ieħor, fil-każ li dan ikollu bżonnhom għat-tmexxija tad-dar il-ġdida tiegħu u  jkun ġust li jħallihomlu.

FuqFuq

7. Xi jfissru “annullament” u “xoljiment taż-żwieġ” fil-prattika?

Żwieġ jista’ jiġi annullat fuq talba permezz ta’ sentenza tal-qorti biss. Mhux possibbli li jiġi ddikjarat annullament mingħajr sentenza.

8. X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-annullament/għax-xoljiment taż-żwieġ?

Ir-raġunijiet għall-annullament taż-żwieġ huma, skond § 1314 BGB:

  • Konjuġi minnhom ma jkunx maġġorenni jew ma jissodisfax din il-kundizzjoni b’mod effettiv biżżejjed.
  • Konjuġi minnhom ma jkunx kapaċi jinnegozja legalment.
  • Konjuġi minnhom ikun diġà miżżewweġ.
  • Il-miżżewġin ikunu jiġu minn xulxin b’mod dirett, jew skond il-każ, ikunu aħwa mill-istess ġenituri jew mill-istess omm jew missier, anki meta l-parentela tkun tħassret permezz ta’ adozzjoni.
  • Il-miżżewġin, waqt iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, ma jkunux għamlu d-dikjarazzjoni taż-żwieġ personalment u bil-preżenza tagħhom fl-istess ħin quddiem reġistratur, jew għamluha taħt xi kundizzjoni jew limitu ta’ żmien.
  • Wieħed mill-miżżewġin. waqt iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, ma kienx jinsab f’sensih jew ikun temporanjament mentalment disturbat.
  • Wieħed mill-konjuġi ma kienx jaf, waqt iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, li kien qed jiġi ċċelebrat żwieġ.
  • Konjuġi minnhom ġie mdaħħal fiż-żwieġ b’qerq malizzjuż.
  • Konjuġi minnhom ġie illegalment mdaħħal fiż-żwieġ permezz ta’ theddid.
  • Il-miżżewġin kienu qablu li biċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ ma ridux jifformaw komunità biex jgħixu flimkien.

Trid issir distinzjoni bejn każijiet, fejn iż-żwieġ ma jkunx seħħ. Dan huwa l-każ meta

FuqFuq

  • ż-żwieġ ma jkunx ġie ċelebrat quddiem reġistratur,
  • d-dikjarazzjonijiet isiru quddiem reġistratur, li jkun għamilha ċara li ma kienx lest li jagħmel parti miċ-ċelebrazzjoni biex iseħħ iż-żwieġ,
  • l-għarajjes, waqt iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, ma jkunux għamlu dikjarazzjonijiet li jindikaw iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ,
  • ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ issir bejn persuni ta’ l-istess sess. Għall-koppji ta’ l-istess sess teżisti biss il-possibbiltà li jgħixu flimkien fi sħubija registrata. Dan iżda ma jitqiesx bħala żwieġ.

9. X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ annullament/xoljiment taż-żwieġ?

It-tqassim ugwali jsir anki meta ż-żwieġ jiġi annullat, sakemm dan ma jagħtix lok għal inġustizzja kbira meta mqabbla maċ-ċirkostanzi waqt iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ jew fil-każ tat-tieni żwieġ fil-konfront tal-bżonnijiet tat-terza persuna (§ 1318 par. 3 BGB).

F’dak li għandu x’jaqsam mal-beni mobbli u d-dar taż-żwieġ jgħoddu l-istess regoli bħal dawk għad-divorzju. Anki hawn, iċ-ċirkostanzi waqt iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ u, fil-każ tat-tieni żwieġ, il-bżonnijiet tat-terza persuna għandhom jiġu partikolarment ikkunsidrati (§ 1318 par. 4 BGB).

Tqassim egwali ta’ l-assigurazzjoni – it-tqassim ta’ drittijiet għall-pensjoni akkwistati tul iż-żwieġ –jseħħ  biss, sakemm dan ma joħloqx inġustizzji kbar § 1318 par. 3 BGB).

Id-dritt ta’ suċċessjoni reċiproka jitħassar l-istess bħal fid-divorzju, dejjem jekk jeżistu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-annullament u l-konjuġi jkunu ġew rispettivament notifikati. Barra minn hekk is-suċċessjoni reċiproka tal-miżżewġin lanqas ma tgħodd meta l-konjuġi li jiret kien diġà konxju waqt iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ mir-raġunijiet tas-sospensjoni, l-inkapaċità li jinnegozja legalment, il-bigamija, il-parentela, xi nuqqas fil-forma jew l-inkapaċità mentali (§ 1318 par. 5 BGB).

FuqFuq

Għat-talbiet għall-manteniment japplikaw l-istess regoli bħad-divorzju, skond § 1318 par. 2 BGB

  • favur il-konjuġi, li ma kienx jaf ir-raġuni għall-annullment taż-żwieġ jew fil-każijiet ta’ qerq malizzjuż u ta’ theddid illegali mill-konjuġi l-ieħor jew ġie mqarraq jew mhedded filwaqt li l-ieħor kien jaf b’dan,
  • favur iż-żewġ konjuġi fil-każ ta’ ksur tal-liġi dwar il-projbizzjoni tat-tieni żwieġ u tal-parentela kif ukoll fil-każ ta’ offiża kontra l-forma taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, meta ż-żewġ konjuġi jkunu konxji mill-possibbiltà ta’ annullament taż-żwieġ; dan ma jgħoddx fil-każ ta’ ksur tal-liġi dwar il-projbizzjoni tat-tieni żwieġ, sakemm it-talba ta’ konjuġi minnhom għall-manteniment tista’ tippreġudika t-talba rispettiva tat-tielet konjuġi.

10. Jeżistu possibbiltajiet alternattivi sabiex jissolvu l-problemi marbuta mad-divorzju mingħajr ma tidħol il-qorti?

Fil-każ ta’ divorzju, il-ġenituri, fir-rigward ta’ l-għajnuna għall-ulied u ż-żgħażagħ, għandhom id-dritt għall-parir. Il-parir għandu jgħin lill-ġenituri li jgħixu separati u lil dawk li huma ddivorzjati, biex joħolqu l-kundizzjonijiet biex jieħdu ħsieb ir-responsabbiltà tagħhom bħala ġenituri, li għandu jwassal għall-ġid ta’ l-ulied jew taż-żgħażagħ. Il-ġenituri jiġu megħjuna bil-parteċipazzjoni xierqa ta’ l-ulied jew żgħażagħ konċernati biex jiżviluppaw kunċett ta’ ħbiberija li jwassal sabiex il-ġenituri jieħdu ħsiebhom. Lista sħiħa ta’ l-aġenziji kollha ta’ konsultazzjoni tinsab fuq www.dajeb.de Deutsch. Barra minn hekk teżista wkoll il-possibbiltà, li, bl-għajnuna ta’ medjazzjoni, tissolva l-kwistjoni u biex jintlaħaq ftehim bonarju. Aktar informazzjoni dwar il-medjazzjoni tal-familji tinsab fuq www.bafm-mediation.de Deutsch.

FuqFuq

11. Fejn għandha tiġi ppreżentata t-talba għad-divorzu/għax-xoljiment/għall-annullament taż-żwieġ?

Fil-prinċipju, it-talba għad-divorzju/għall-annullament taż-żwieġ għandha ssir quddiem il-qorti distrettwali/qorti tal-familja (§ 606 tal-Proċedura Ċivili, § 23 b tal-Liġi tal-Proċedura Ċivili). Il-qorti kompetenti, bħala regola, hija l-qorti tal-familja, fejn il-miżżewġin jgħixu flimkien abitwalment.

12. Nista’ nitlob l-għajnuna legali għall-ispejjeż?

Ċittadin, li skond iċ-ċirkustanzi personali u finanzjarji tiegħu ma jistax iħallas għall-proċeduri fil-qorti, jew jista’ jħallas biss parzjalment jew bin-nifs, jista’, fost l-oħrajn, jitlob l-għajnuna legali għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-qrati ċivili. Hawnhekk huwa neċessarju li l-passi legali jew id-difiża legali intenzjonati jkollhom prospetti tajbin għas-suċċess u li ma jidhrux kapriċċużi. Dan jiggarantixxi li dawk li huma finanzjarjament batuti jkollhom aċċess għall-qrati. L-għajnuna legali tieħu ħsieb – skond id-dħul li jiġi ffissat – il-kontribuzzjoni sħiħa jew parzjali ta’ l-ispejjeż tal-qorti u l-ispejjeż ta’ l-avukat ta’ l-individwu konċernat.

13. Jista’ jsir appell minn sentenza dwar id-divorzju/ix-xoljiment/l-annullament taż-żwieġ?

Iva. Il-provvedimenti ġenerali dwar rimedju jgħoddu kontra sentenza dwar divorzju jew annullament ta’ żwieġ, jiġifieri, jista’ jsir appell skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-§§ 511 tal-Kodiċi Ċivili. Il-Qorti Reġjonali Ogħla tiddeċiedi dwar l-appell.

FuqFuq

14. X’għandu nagħmel biex sentenza dwar divorzju/xoljiment/annullament taż-żwieġ li ngħatat f’qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta fil-Ġermanja?

Sentenza ta’ dan it-tip (minbarra fid-Danimarka) tiġi rikonoxxuta awtomatikament fir-Repubbika Federali tal-Ġermanja skond id-Deċiżjoni (KE) Nru. 1347/2000 tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000 (minn hawn `il quddiem imsejħa Brussell II-VO), allura mingħajr il-bżonn li ssir il-proċedura apposta ghar-rikonoxximent. Madankollu dan jippresupponi, skond Brussell II-VO, li bħala prinċipju, l-proċeduri legali dwar divorzju, xoljiment jew annullament taż-żwieġ ġew introdotti wara l-1 ta’ Marzu 2001. Sentenzi mogħtija d-Danimarka għadhom jinħtieġu proċedura apposta ta’ rikonoxximent.

15. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri biex nippreżenta talba sabiex sentenza dwar divorzju/xoljiment/annullament taż-żwieġ, li ngħatat f’qorti fi Stat membru ieħor, ma tiġix rikonoxxuta? X’tip ta’ proċedura tintuża f’dan il-każ?

Skond fejn japplika, id-Deċiżjoni (KE) Nru. 1347/2000 tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000, hija kompetenti għar-rikonoxximent jew l-oppożizzjoni għar-rikonoxximent, il-qorti tal-familja li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha

  • normalment joqgħod il-konvenut
  • fin-nuqqas ta’ qorti bħal dik, l-interess tad-dikjarazzjoni jieħu preċedenza,
  • f’kull każ ieħor, il-qorti kompetenti hija l-Qorti Suprema.

It-talba tista’ ssir direttament quddiem il-qorti. Fil-proċedura quddiem qorti tal-familja, min jagħmel it-talba biss ikollu l-opportunità li jesprimi ruħu dwar l-applikazzjoni għall-eżekuzzjoni jew dwar jekk is-sentenza għandhiex tiġi rikonoxxuta.

16. Liema liġi tapplika f’kawża għad-divorzju bejn miżżewġin li ma jgħixux il-Ġermanja jew li jkollhom nazzjonalitajiet different?

Il-liġi applikabbli għall-kundizzjonijiet meħtieġa u l-konsegwenzi tad-divorzju f’sitwazzjonijiet li jinvolvu l-liġijiet ta’ pajjiż ieħor, huwa regolat mill-Artikolu 17 tad-Dispożizzjonijiet Preliminari tal-Kodiċi Ċivili (EGBGB). Prinċipalment, id-divorzju huwa regolat bil-liġi li tkun viġenti fil-mument li tiġi ppreżentata t-talba għad-divorzju “għall-effetti ġenerali taż-żwieġ”. Sakemm il-miżżewġin ma jkunux ftehmu dwar il-liġi applikabbli, l-effetti ġenerali taż-żwieġ bażikament jaqgħu taht il-liġi ta’ l-istat, li ż-żewġ konjuġi huma ċittadini tiegħu jew li l-aħħar kienu ċittadini tiegħu waqt iż-żwieġ, jekk wieħed minnhom għadu jżomm iċ-ċittadinanza ta’ dan l-istat. Jekk ma teżista l-ebda ċittadinanza komuni f’dan is-sens, l-effetti ġenerali taż-żwieġ jaqgħu taħt

  • il-liġi ta’ l-istat li fiħ iż-żewġ konjuġi jgħixu abitwalment, jew, jekk wieħed minnhom għadu jgħix hemmhekk abitwalment, ta’ dak li fiħ għexu l-aħħar waqt iż-żwieġ, jew alternattivament
  • il-liġi ta’ l-istat, li miegħu l-miżżewġin b’xi mod ieħor, għandhom l-akbar rabta.

« Divorzju - Informazzjoni Ġenerali | Ġermanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 30-05-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit