Kummissjoni Ewropea > NGE > Divorzju > Estonja

L-aħħar aġġornament: 06-11-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Divorzju - Estonja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma l-kondizzjonijiet sabiex wieħed jikseb divorzju? 1.
2. X’inhuma r-raġunijiet għal divorzju? 2.
3. X’inhuma l-konsegwenzi ta’ divorzju fejn għandhom x’jaqsmu: 3.
a) ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi? a)
b) id-diviżjoni tal-proprjetà tal-konjuġi? b)
c) it-tfal minuri tal-konjuġi? (ara “Ir-responsabbiltà tal-ġenituri – l-Estonja”) c)
d) l-obbligu li jitħallas il-manteniment lill-konjuġi l-ieħor/oħra? (ara “Il-pretensjonijiet għal manteniment – l-Estonja”) d)
4. F’termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali “separazzjoni legali”? 4.
5. X’inhuma l-kondizzjonijiet għal separazzjoni legali? 5.
6. X’inhuma l-konsegwenzi ta’ separazzjoni legali? 6.
7. Fil-prattika, xi jfisser it-terminu “annullament ta’ żwieġ”? 7.
8. X’inhuma l-kondizzjonijiet għal anullament taż-żwieġ? 8.
9. X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ annullament ta’ żwieġ? 9.
10. Hemm mezzi mhux ġudizzjarji alternattivi sabiex ikunu solvuti kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-divorzju mingħajr ma wieħed jitla’ l-qorti? 10.
11. Fejn għandi niddepożita l-applikazzjoni tiegħi għal divorzju/separazzjoni legali/annullament ta’ żwieġ? Liema formalitajiet iridu jkunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż ma’ l-applikazzjoni tiegħi? 11.
12. Nista’ nikseb għajnuna legali sabiex ikunu koperti l-ispejjeż tal-proċedura? 12.
13. Huwa possibbli li nappella kontra deċiżjoni li għandha x’taqsam ma’ divorzju/separazzjoni legali/annullament ta’ żwieġ? 13.
14. X’għandi nagħmel biex ikolli deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni legali/annullament ta’ żwieġ li ngħatat minn qorti fi Stat Membru ieħor rikonoxxuta fl-Estonja? 14.
15. Quddiem liema qorti fl-Estonja rrid nitla’ biex nopponi l-għarfien ta’ deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni legali/annullament ta’ żwieġ li ngħatat minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każi? 15.
16. Liema hija l-liġi applikabbli fi proċedura ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux fl-Estonja jew li għandhom nazzjonalitajiet differenti? 16.

 

1. X’inhuma l-kondizzjonijiet sabiex wieħed jikseb divorzju?

Tista’ ssir petizzjoni għal divorzju fl-uffiċċju ta’ l-istatistika ta’ l-istat ċivili jew fil-qorti.

L-uffiċċju ta’ l-istatistika ta’ l-istat ċivili jista’ jagħti divorzju fuq ftehim bejn il-konjuġi bbażat fuq petizzjoni konġunta bil-miktub, jiġifieri bi ftehim komuni tal-konjuġi.

Qorti tista’ tagħti d-divorzju fuq it-talba ta’ kwalunkwe wieħed mill-konjuġi jekk il-konjuġi ma jaqblux dwar id-divorzju jew dwar il-kondizzjonijiet tiegħu.

M’hemm l-ebda kondizzjoni ta’ separazzjoni preċedenti fl-ebda wieħed mill-każi.

2. X’inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Jekk issir petizzjoni għal divorzju f’uffiċċju ta’ l-istatistika ta’ l-istat ċivili, il-ftehim komuni tal-konjuġi dwar id-divorzju u dwar il-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu miegħu hija l-unika raġuni sabiex jingħata d-divorzju.

F’każ li qorti tkun kompetenti biex tiddeċiedi dwar jingħatax divorzju jew le, il-qorti trid tiżgura ruħha li ż-żwieġ mhux possibbli li jkompli (jiġifieri l-falliment irreparabbli taż-żwieġ).

3. X’inhuma l-konsegwenzi ta’ divorzju fejn għandhom x’jaqsmu:

a) ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi?

Id-divorzju bħala tali m’għandu l-ebda konsegwenza immedjata fejn għandhom x’jaqsmu r-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi. Konjuġi li jkun biddel kunjomu jew li tkun biddlet kunjomha maż-żwieġ tista’, skond ix-xewqa tiegħu jew tagħha, iżomm/iżżomm il-kunjom li ttieħed maż-żwieġ jew jerġa’ jieħu/terġa’ tieħu l-kunjom ta’ qabel iż-żwieġ tiegħu/tagħha.

FuqFuq

b) id-diviżjoni tal-proprjetà tal-konjuġi?

F’każ ta’ reġim statutorju ta’ propjetà matrimonjali, il-konjuġi mhumiex obbligati li jagħlqu r-relazzjonijiet tal-proprjetà tagħhom u jaqsmu l-proprjetà konġunta tagħhom mad-divorzju. Il-proprjetà konġunta tal-konjuġi tista’ tinqasam jew matul iż-żwieġ, mad-divorzju jew wara d-divorzju. L-istatus tal-proprjetà konġunta tal-konjuġi jew matul iż-żwieġ, mad-divorzju jew wara d-divorzju. L-istatus tal-proprjetà konġunta tal-konjuġi tiġi ddeterminata jew mid-data tad-diviżjoni jew mid-data tat-tmiem fattwali tar-relazzjonijiet konjugali tal-konjuġi.

F’każ li d-diviżjoni tal-proprjetà konġunta ma ssirx meta jingħata d-divorzju, ir-reġim statutorju tal-propjetà matrimonjali jkompli jirregola r-relazzjonijiet tal-konjuġi fejn għandha x’taqsam il-proprjetà li ġiet akkwistata matul iż-żwieġ.

F’każ li l-konjuġi ffirmaw kitba taż-żwieġ, il-kitba se tintemm mad-divorzju. Mat-tmiem tal-kitba taż-żwieġ minħabba divorzju, id-drittijiet u l-obbligi li ġejjin mill-kitba taż-żwieġ se jintemmu. Il-proprjetà għandha tkun imqassma skond il-kitba taż-żwieġ.

c) it-tfal minuri tal-konjuġi? (ara “Ir-responsabbiltà tal-ġenituri – l-Estonja”)

Id-divorzju bħala tali m’għandu l-ebda konsegwenza immedjata fejn għandhom x’jaqsmu r-responsabbiltajiet bħala ġenituri tal-konjuġi. Fuq talba ta’ wieħed mill-konjuġi, il-qorti għandha ssolvi t-tilwim li għandu x’jaqsam mat-tifel/tifla jew mal-manteniment flimkien mad-divorzju. Iż-żewġ ġenituri normalment iżommu d-drittijiet kollha ta’ kustodja anki wara d-divorzju. Huwa mistenni li jiftiehmu dwar ir-residenza tat-tifel/tifla kif ukoll dwar kif il-ġenitur li mhux qed jgħix mat-tifel/tifla se jwettaq ir-responsabbiltà ta’ ġenitur tiegħu jew tagħha. Fin-nuqqas ta’ ftehim, qorti għandha ssib soluzzjoni għat-tilwim

FuqFuq

It-talba għall-manteniment tista’ titressaq kontra ġenitur irrispettivament mid-divorzju, f’każ li l-ġenitur ma jwettaqx dmiru jew dmirha li jipprovdi/tipprovdi l-manteniment għat-tifel/tifla tiegħu jew tagħha.

d) l-obbligu li jitħallas il-manteniment lill-konjuġi l-ieħor/oħra? (ara “Il-pretensjonijiet għal manteniment – l-Estonja”)

Konjuġi ddivorzjat għandu d-dritt li jitlob manteniment mingħand l-ex-konjuġi tiegħu jew tagħha:

  • jekk il-konjuġi jeħtieġ/teħtieġ l-għajnuna għaliex ma baqax tajjeb għax-xogħol u huwa/hija ġarrab/ġarrbet diżabilità jew waqt iż-żwieġ wasal/waslet f’età li jieħu/tieħu l-pensjoni;
  • matul it-tqala u l-kura tat-tfal sakemm it-tifel/tifla jkollu/jkollha tliet snin jekk it-tifel/tifla kien/et ikkonċepit/a matul iż-żwieġ;
  • jekk il-konjuġi li jeħtieġ/teħtieġ l-għajnuna wasal/waslet f’età li jikseb/tikseb il-pensjoni jew sar/saret diżabbli fi żmien tliet snin mid-divorzju, f’każ li ż-żwieġ dam għal mill-inqas 25 sena.

Kondizzjoni oħra għat-talbiet kollha għall-manteniment minn ex-konjuġi hija li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-konjuġi ddivorzjat li għandu l-obbligu tippermetti li jipprovdi l-manteniment.

4. F’termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali “separazzjoni legali”?

Is-sistema legali Estonjana ma tagħrafx il-kunċett ta’ separazzjoni legali.

FuqFuq

5. X’inhuma l-kondizzjonijiet għal separazzjoni legali?

Ara t-tweġiba ta’ qabel.

6. X’inhuma l-konsegwenzi ta’ separazzjoni legali?

Ara t-tweġiba ta’ qabel.

Madanakollu, hemm ċerti konsegwenzi legali għal separazzjoni fattwali (jiġifieri it-tmiem fattwali tar-relazzjonijiet konjugali tal-konjuġi). Jekk ir-relazzjonijiet konjugali tal-konjuġi fil-fatt waqqfu, il-proprjetà li ġiet akkwistata minn kwalunkwe wieħed mill-konjuġi wara d-data tas-separazzjoni fattwali m’għandiex tkun irregolata mir-reġim statutarju tal-proprjetà matrimonjali.

7. Fil-prattika, xi jfisser it-terminu “annullament ta’ żwieġ”?

L-annullament ta’ żwieġ mhux strument li jintuża b’mod wiesa’ fil-prattika tal-liġi tal-familja Estonjana. Huwa ferm inqas komuni mid-divorzju.

L-annullament ta’ żwieġ jista’ jiġi deċiż biss mill-qorti u biss minħabba raġunijiet li huma elenkati b’mod eżawrjenti fil-liġi.

8. X’inhuma l-kondizzjonijiet għal anullament taż-żwieġ?

Żwieġ jista’ jiġi annullat f’dawn il-każi li ġejjin:

  • iż-żwieġ sar bi vjolazzjoni ta’ l-età legali taż-żwieġ (jiġifieri konjuġi kellu/ha inqas minn 18-il sena u ma kellux/kelliex il-kunsens tar-rappreżentant legali tiegħu/tagħha, jew tal-qorti, rispettivament);
  • iż-żwieġ sar bejn persuni li għall-inqas wieħed minnhom kien diġà miżżewweġ;
  • iż-żwieġ sar bejn axxendenti u dixxendenti, bejn aħwa, bjejn aħwa mill-missier jew mill-omm biss, bejn ġenituri adottiv u tfal adottati, jew bejn tfal li ġew adottati mill-istess persuna;
  • iż-żwieġ sar bejn persuna li fosthom għall-inqas wieħed minnhom tqiegħed taħt ir-responsabbiltà ta’ tutur minħabba l-kapaċità legali ristretta tiegħu jew tagħha (ħlief jekk il-persuna li għandha kapaċità legali ristretta kellha l-kunsens li tiżżewweġ tar-rappreżentant legali tagħha);
  • jekk iż-żwieġ kien simulat;
  • jekk il-kunsens għaż-żwieġ inkiseb kontra r-rieda ta’ konjuġi prospettiv bi frodi jew b’theddid.

9. X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ annullament ta’ żwieġ?

L-annullament ta’ żwieġ ifisser li ż-żwieġ jitqies null mill-bidu. Il-persuni li ż-żwieġ tagħhom ġie annullat m’għandhom l-ebda dritt jew obbligu lejn xulxin naxxenti miż-żwieġ.

FuqFuq

Japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ pussess komuni fejn għandha x’taqsam il-proprjetà li ġiet akkwistata b’mod konġunt mill-konjuġi waqt iż-żwieġ null. Fil-każ ta’ tilwima, qorti għandha tispeċifika l-ishma tal-ko-proprjetarji.

Jekk żwieġ jiġi annullat minħabba li wieħed mill-konjuġi prospettivi ħeba mill-konjuġi prospettiv l-ieħor il-fatt li huwa jew hija diġà kien/et miżżewweġ/miżżewġa, jew influwenza lill-konjuġi l-ieħor biex jiżżewweġ bi frodi jew b’theddid, il-qorti tista’ tordna li l-persuna li kienet fi żwieġ null miegħu/magħha tingħata għajnuna. Fuq it-talba tal-persuna li kienet manipulata, il-qorti tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet statutarji tal-proprjetà matrimonjali (jiġifieri l-proprjetà konġunta tal-konjuġi) meta tkun qed tinqasam il-proprjetà li kienet akkwistata matul iż-żwieġ null.

It-tfal li jitwieldu minn żwieġ annullat għandhom l-istess drittijiet u dmirijiet bħat-tfal li jitwieldu fi żwieġ.

10. Hemm mezzi mhux ġudizzjarji alternattivi sabiex ikunu solvuti kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-divorzju mingħajr ma wieħed jitla’ l-qorti?

Kif kien indikat fir-risposta għall-mistoqsija numru 1, żwieġ jista’ jintemm b’divorzju fl-uffiċċju ta’ l-istatistika vitali minflok f’qorti. Il-konsegwenzi legali ta’ divorzju (eż. id-diviżjoni tal-proprjetà matrimonajli) jistgħu jiġu solvuti permezz ta’ ftehim bejn il-konjuġi li qed jiddivorzjaw.

Madanakollu, f’każ li tinqala’ tilwima relatata mad-divorzju, l-uffiċċju ta’ l-istatisika vitali mhux kompetenti li jsib soluzzjoni għaliha.

FuqFuq

M’hemm l-ebda mezz mhux ġudizzjarju appoġġjat mill-Istat sabiex ikunu solvuti l-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-divorzju.

11. Fejn għandi niddepożita l-applikazzjoni tiegħi għal divorzju/separazzjoni legali/annullament ta’ żwieġ? Liema formalitajiet iridu jkunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż ma’ l-applikazzjoni tiegħi?

L-applikazzjonijiet għal divorzju jistgħu jiġu ppreżentati:

  • fl-uffiċċju ta’ l-istatistika vitali tal-post ta’ residenza ta’ kwalunkwe wieħed mill-konjuġi;
  • fil-qorti tal-prim’istanza (il-qorti tal-belt jew tal-kontea) tal-post ta’ residenza tal-konvenut. Tista’ ukoll tiġi ppreżentata azzjoni ta’ divorzju fil-qorti ta’ fejn għandu r-residenza l-applikant kontra persuna li skond il-proċedura stabbilita kienet iddikjarata assenti jew li m’għandiex kapaċità legali,jew kontra persuna li ntbagħtet il-ħabs. Barra minn hekk, tista’ tiġi ppreżentata azzjoni ta’ divorzju fil-qorti ta’ fejn għandu r-residenza l-attur jekk it-tfal minuri joqogħdu ma’ l-attur.

L-applikazzjonijiet għall-annullament ta’ żwieġ għandhom jiġu ppreżentati fil-qorti ta’ fejn għandu r-residenza l-konvenut.

Meta ssir applikazzjoni għal divorzju fl-uffiċċju ta’ l-istatistika vitali, il-konjuġi li se jiddivorzjaw iridu jippreżentaw petizzjoni konġunta bil-miktub sabiex iż-żwieġ tagħhom jiġi ddivorzjat. Iridu jikkonfermaw li m’hemm l-ebda tilwima bejniethom dwar it-tfal, dwar id-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali u dwar il-pagament tal-manteniment.

FuqFuq

Meta tiġi ppreżentata talba għal divorzju jew għal annullament ta’ żwieġ f’qorti, it-talba trid tikkonforma mar-rekwiżiti formali kollha għal azzjoni ċivili kif inhu stabbilit fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Trid titressaq dikjarazzjoni tat-talba u evidenza dokumentarja quddiem il-qorti bl-Estonjan bil-miktub. Jekk titressaq petizzjoni, appell jew evidenza dokumentarja miktuba quddiem il-qorti minn parteċipant fil-proċedura li mhix bl-Estonjan, il-qorti tista’ titlob traduzzjoni ċeritifkata tal-petizzjoni, ta’ l-appell jew ta’ l-evidenza dokumentarja sa data speċifika. Jekk it-traduzzjoni ma titressaqx sad-data xierqa, il-qorti tista’ ma tagħtix kas tal-petizzjoni jew tad-dokument. Il-petizzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet ta’ talba, l-appelli, l-appelli fil-kassazzjoni, l-appelli kontra deċiżjonijiet u t-tweġibiet miktuba jridu jkunu ppreżentati fil-qrati f’forma leġibbli u ttajpjata, b’format A4.

It-talba trid tinkludi l-isem tal-qorti, l-informazzjoni personali li tikkonċerna l-applikant u l-konvenut (il-konjuġi) kif ukoll it-tfal minuri komuni tagħhom, u t-talba espressa b’mod ċar ta’ l-applikant. It-talba trid tinkludi l-fatti li fuqhom hija bbażata l-azzjoni; min qed jagħmel it-talba jrid jelenka u jipproduċi l-evidenza li għandu/ha disponibbli fid-dikjarazzjoni tat-talba.

Barra minn hekk, dikjarazzjoni tat-talba għad-diviżjoni tal-proprjetà konġunta għandha tistabbilixxi l-kompożizzjoni u l-post tal-proprjetà, il-valutazzjoni ta’ l-attur dwar il-valur ta’ kull oġġett u proposta għad-diviżjoni tal-proprjetà konġunta. Jekk il-konjuġi jkunu għamlu kitba taż-żwieġ, din għandha tkun annessa mad-dikjarazzjoni tat-talba.

FuqFuq

Dikjarazzjoni ta’ talba trid tkun iffirmata mill-applikant u mir-rappreżentant tiegħu/tagħha. Rappreżentant għandu jehmeż id-dokument ta’ awtorizzazzjoni jew dokument ieħor li jipprova l-awtorizzazzjoni tiegħu jew tagħha.

L-evidenza dokumentarja, elenkata bħala anness għad-dikjarazzjoni tat-talba, għandha tkun annessa mad-dikjarazzjoni tat-talba. Dikjarazzjoni ta’ talba u l-annessi għaliha għandhom ikunu ppreżentati mal-qorti flimkien ma’ kopja waħda tad-dikjarazzjoni tat-talba u ma’ l-annessi għal kull konvenut u parti terza.

Ikun dovut ħlas Statali ta’ 300.- EEK malli tiġi ppreżentata applikazzjoni għal divorzju. Malli tiġi ppreżentata dikjarazzjoni tat-talba għad-diviżjoni tal-proprjetà f’każ ta’ divorzju, ikun dovut il-ħlas Statali ta’ 2600.- EEK. L-azzjonijiet għall-manteniment huma eżenti mill-ħlas Statali.

12. Nista’ nikseb għajnuna legali sabiex ikunu koperti l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-qorti tista’, b’mod sħiħ jew b’mod parzjali, teħles lil persuna naturali mill-pagament għal għajnuna legali u tordna li l-avukat jitħallas mill-Istat jekk il-qorti ssib li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna ma tippermettilux/tippermettiliex iġġorr l-ispejjeż tal-proċeduri.

13. Huwa possibbli li nappella kontra deċiżjoni li għandha x’taqsam ma’ divorzju/separazzjoni legali/annullament ta’ żwieġ?

Iva. Huwa possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni li għandha x’taqsam ma’ divorzju jew ma’ anullament taż-żwieġ skond id-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-proċeduri ta’ appell, jekk l-appellant isib li s-sentenza li ngħatat fil-prim’istanza kien fiha l-iżbalji (eż. il-qorti tal-prim’istanza applikat il-liġi b’mod mhux korrett jew id-dispożizzjonijiet tal-liġi proċedurali nkisru).

FuqFuq

14. X’għandi nagħmel biex ikolli deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni legali/annullament ta’ żwieġ li ngħatat minn qorti fi Stat Membru ieħor rikonoxxuta fl-Estonja?

L-ewwelnett, l-ordni tar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni barranija tista’ tkun ibbażata fuq ftehim internazzjonali li għalih hija parti l-Estonja. Skond ftehim internazzjonali, jista’ ma jkunx hemm ħtieġa għal proċeduri separati għar-rikonoxximent. Fl-2002, l-Estonja ssieħbet fil-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1 ta’ Ġunju 1970 dwar ir-Rikonoxximent tad-Divorzji u tas-Separazzjonijiet Legali..

Jekk m’hemm l-ebda ftehim internazzjonali dwar ir-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet fil-kwistjonijiet tal-familja fis-seħħ bejn l-Istat Membru konċernat u l-Estonja, l-applikant irid jirrikorri quddiem il-Qorti tal-Belt ta’ Tallinn (indirizz: Liivalaia 24, Tallinn) sabiex id-deċiżjoni tkun rikonoxxuta. L-applikazzjoni għar-rikonoxximent tinstema’ skond id-dispożizzjonijiet proċedurali li jirregolaw il-kwistjonijiet li mhumiex kontenzjużi.

L-applikazzjoni għar-rikonoxximent trid tkun bil-miktub u d-dokumenti li ġejjin iridu jkunu mehmuża magħha:

  • kopja tad-deċiżjoni, iċċertifikata skond il-liġi ta’ l-Istat tal-post tal-qorti jew tat-tribunal arbitrali li tat/ta s-sentenza, u konferma uffiċċjali fejn għandu x’jaqsam id-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni;
  • dokument li jikkonferma li l-konvenut li ma pparteċipax fil-proċeduri ta’ divorzju jew ta’ separazzjoni kien ġie notifikat biċ-ċitazzjoni fi żmien xieraq skond il-liġi ta’ dak l-Istat mill-inqas f’okkażjoni waħda;
  • traduzzjonijiet ċertifikati fl-Estonjan tad-dokumenti.

Id-deċiżjoni dwar divorzju jew separazzjoni legali, li ttieħdet minn qorti jew minn xi aġenzija oħra barranija, għandha tkun rikonoxxuta, jekk: 

FuqFuq

  • taħt il-liġi tal-pajjiż li ħa d-deċiżjoni mhux possibbli li jsir appell kontra divorzju jew separazzjoni legali;
  • taħt il-liġi Estonjana, il-qorti jew aġenzija oħra tal-pajjiż barrani kienet kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar divorzju jew separazzjoni legali;
  • il-konvenut li ma pparteċipax fil-proċeduri tal-qorti kien ġie notifikat biċ-ċitazzjoni fi żmien xieraq skond il-liġi ta’ dak l-Istat mill-inqas f’okkażjoni waħda;
  • il-proċeduri ta’ divorzju fl-Estonja ma kinux istitwiti qabel ma ġew istitwiti l-proċeduri fil-pajjiż li d-deċiżjoni tiegħu dwar divorzju jew separazzjoni legali qed jintalab ir-rikonoxximent tagħha;
  • id-deċiżjoni dwar is-separazzjoni legali ma tmurx kontra d-deċiżjoni dwar id-divorzju, li saret qabel jew li kienet rikonoxxuta qabel mill-Estonja.

Id-divorzju jew is-separazzjoni legali għandu/ha jkun/tkun rikonoxxut/a, jekk:

  • il-pajjiżi ta’ residenza taż-żewġ konjuġi jirrikonoxxu d-divorzju jew is-separazzjoni legali, jew
  • iż-żewġ konjuġi jaqblu mar-rikonoxximent fl-Estonja u
  • l-konvenut li ma pparteċipax fil-proċeduri ġie notifikat biċ-ċitazzjoni fi żmien xieraq skond il-liġi ta’ dak l-Istat mill-inqas f’okkażjoni waħda u;
  • il-proċeduri ta’ divorzju fl-Estonja ma kinux istitwiti qabel ma kienu istitwiti l-proċeduri fil-pajjiż li d-deċiżjoni tiegħu dwar divorzju jew separazzjoni legali qed jintalab ir-rikonoxximent tagħha.

Il-qorti tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi d-divorzju jew is-separazzjoni legali, jekk ir-rikonoxximent biċ-ċar tmur kontra l-prinċipji essenzjali tal-liġi Estonjana (l-ordni pubbliku).

FuqFuq

15. Quddiem liema qorti fl-Estonja rrid nitla’ biex nopponi l-għarfien ta’ deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni legali/annullament ta’ żwieġ li ngħatat minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f’dawn il-każi?

Id-deċiżjoni tal-qorti tistipula l-proċedura u l-perjodu biex isir l-appell. L-appell għandu jkun ippreżentat fil-qorti li tat is-sentenza f’10 ġranet sa mill-komunikazzjoni pubblika tad-deċiżjoni, jew jekk id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr ma l-partijiet irċevew taħrika biex jitilgħu l-qorti, il-perjodu għall-appell għandha jitqies bħala li beda malli tingħata d-deċiżjoni.

Il-petizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni barranija li mhumiex irregolati minn ftehim internazzjonali jinstemgħu fil-Qorti tal-Belt ta’ Tallinn. Min jopponi r-rikonoxximent irid jiġi kjamat fil-kawża bħala persuna interessata b’ordni tal-qorti li tkun qed tisma’ l-petizzjoni. Kif kien indikat fir-risposta għall-mistoqsija 14, ir-rikonoxximent tas-sentenzi barranija jitwettaq taħt id-dispożizzjonijiet proċedurali li jirregolaw il-kwistjonijiet li mhumiex kontenzjużi.

16. Liema hija l-liġi applikabbli fi proċedura ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux fl-Estonja jew li għandhom nazzjonalitajiet differenti?

Divorzju huwa rregolat mil-liġi ta’ l-Istat fejn tinsab ir-residenza komuni tal-konjuġi fiż-żmien li jinbdew il-proċeduri tad-divorzju. Jekk il-konjuġi joqogħdu fi Stati differenti, imma għandhom l-istess ċittadinanza, id-divorzju ikun irregolat mil-liġi ta’ l-Istat li tiegħu huma ċittadini l-konjuġi. Jekk il-konjuġi joqogħdu fi Stati differenti u għandhom ċittadinanza differenti, id-divorzju ikun irregolat mil-liġi ta’ l-Istat li fih kellhom l-aħħar residenza komuni tagħhom jekk wieħed mill-konjuġi għadu joqgħod f’dak l-Istat. Jekk il-liġi li tapplika għad-divorzju ma tistax tiġi ddeterminata skond dawn ir-regoli, tapplika l-liġi ta’ l-Istat li miegħu l-konjuġi għandhom l-aktar rabtiet mill-qrib.

Jekk divorzju mhux permissibbli skond il-liġi kif ġie speċifikat aktar ’il fuq, jew huwa permissibbli biss taħt kondizzjonijiet estremament stretti, tiġi minflok applikata l-liġi Estonjana jekk wieħed mill-konjuġi joqgħod fl-Estonja jew għandu ċ-ċittadinanza Estonjana jew kellu ċittadinanza Estonjana fiż-żmien meta żżewweġ.

Aktar tagħrif

  • Testi Ingliżi ta’ atti legali Estonjani eesti keel - English
  • Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċilivi Estonjan eesti keel - English
  • L-Att dwar il-Liġi tal-Familja ta’ l-Estonja eesti keel - English
  • L-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat ta’ l-Estonja eesti keel - English

« Divorzju - Informazzjoni Ġenerali | Estonja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 06-11-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit