Kummissjoni Ewropea > NGE > Divorzju > Belġju

L-aħħar aġġornament: 19-06-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Divorzju - Belġju

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma l-kundizzjonijiet biex jinkiseb divorzju ? 1.
2. X’inhuma r-raġunijiet għal divorzju ? 2.
3. X’inhuma l-effetti ġudizzjarju tad-divorzju fuq ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi, id-diviżjoni tal-beni bejn il-konjuġi, l-ulied minuri tal-konjuġi u l-obbligu li jitħallas il-manteniment perjodiku lir-raġel/mara ?
a) Ir-relazzjonijiet personali.
b) Id-diviżjoni tal-beni.
c) L-ulied minuri tal-konjuġi. (Risponsabilità tal-ġenituri - Belġju)
d) L-obbligu li jitħallas il-manteniment perjodiku lir-raġel/mara (Talbiet ta’manteniment - Belġju)
 3.
4. Xi jfisser il-kunċett ta’ separazzjoni personali fil-prattika ? 4.
5. X’inhuma r-raġunijiet għal separazzjoni personali ? 5.
6. X’inhuma l-effetti ġuridiċi tas-separazzjoni personali ? 6.
7. Xi jfisser il-kunċett ta’ annullament taż-żwieġ fil-prattika ? 7.
8. X’inhuma r-raġunijiet għall-annullament taż-żwieġ ? 8.
9. X’inhuma l-effetti ġuridiċi ta’ l-annulament taż-żwieġ ? 9.
10. Jeżistu mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jiġu solvuti kwistjonijiet relattivi għad-divorzju ? 10.
11. Fejn għandi nippreżenta t-talba tiegħi ta’ divorzju, separazzjoni personali jew annullament taż-żwieġ ? X’inhuma l-formalitajiet li jridu jiġu rrispettati u liema dokumenti għandhom jiġu mehmuża mat-talba ? 11.
12. Nista’ nikseb għajnuna legali għall-ispejjeż tal-proċedura ? 12.
13. Jista’ jsir appell minn deċiżjoni li ngħatat fuq id-divorzju, is-separazzjoni personali jew l-annullament taż-żwieġ ? 13.
14. X’għandi nagħmel biex fil-Belġju tiġi rikonoxxuta deċiżjoni dwar id-divorzju, is-separazzjoni personali jew l-annullament taż-żwieġ mogħtija minn Qorti ta’ pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea ? 14.
15. Quddiem liema Qorti fil-Belġju għandu jiġi ppreżentat il-każ biex issir oppożizzjoni għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar divorzju, separazzjoni personali jew annullament taż-żwieġ mogħtija minn Qorti ta’ pajjiż ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea ? X’inhi l-proċedura applikabbli f’dan il-każ ? 15.
16. Liema hi l-liġi applikabbli fi proċedura tad-divorzju bejn żewġ konjuġi li m’humiex residenti fil-Belġju jew li huma ta’ nazzjonalità dofferenti ? 16.

 

1. X’inhuma l-kundizzjonijiet biex jinkiseb divorzju ?

Jeżistu żewġ forom ta’ divorzju fil-liġi tal-Belġju: id-divorzju minħabba raġuni determinata u d-divorzju b’kunsens reċiproku.

Id-divorzju minħabba raġuni determinata huwa bbażat fuq il-vjolazzjoni ta’ wieħed mill-konjuġi, ippruvat b’mod xieraq mill-konjuġi l-ieħor, ta’ wieħed mill-obbligi li jirriżultaw miż-żwieġ. Dawn il-vjolazzjonijiet huma ppreċiżati b’mod ristrett fil-liġi. Id-divorzju minħabba raġuni determinata jista’ jiġi bbażat fuq separazzjoni ta’ fatt li tkun ilha ta’ l-anqas għal sentejn, fejn separazzjoni twila tiġi meqjusa bħala indikazzjoni tal-falliment irrimedjabbli taż-żwieġ.

Id-divorzju b’kunsens reċiproku jseħħ permezz tat-turija kontinwa u formali tal-volontà taż-żewġ konjuġi li jtemmu l-unjoni tagħhom. Kull wieħed mill-konjuġi jrid ikollu 20 sena (l-Artikolu 275 tal-Kodiċi Ċivili). Il-kunsens reċiproku ma jiġix ammess sakemm iż-żwieġ ma jkunx seħħ ta’ l-anqas sentejn qabel ma titressaq it-talba (l-Artikolu 276 tal-Kodiċi Ċivili).

Minħabba li d-divorzju jġib modifika għall-istat tal-persuni, il-kwistjoni taqa’ taħt l-Ordni Pubblika. Għalhekk, id-divorzju ma jistax iseħħ ħlief permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.

2. X’inhuma r-raġunijiet għal divorzju ?

Fil-leġiżlazzjoni Belga l-kawżi ta’ divorzju huma l-adulterju (l-Artikolu 229 tal-Kodiċi Ċivili), l-eċċessi, l-abbużi fiżiċi u l-abbużi gravi (l-Artikolu 231) u s-separazzjoni ta’ fatt (l-Artikolu 232). Għalkemm il-ġurisprudenza pprovdiet interpretazzjoni estensiva għall-idea ta’ abbuż gravi, dan irid dejjem isir fl-ambitu tad-dmirijiet reċiproċi tal-konjuġi.

FuqFuq

Ikun xi jkun il-fatt materjali pprovdut, dan għandu jissodisfa erba’ kundizzjonijiet biex jikkostitwixxi kawża għal divorzju, jiġifieri: irid ikun nuqqas gravi mill-obbligazzjonijiet li jiġu miż-żwieġ, in-nuqqas irid ikun volontarju u jista’ jiġi attribwit lill-konjuġi li wettqu, in-nuqqas irid ikun offensiv għall-konjuġi li tiegħu huwa l-vittma u l-fatt irid iseħħ matul iż-żwieġ jew ta’ l-anqas ikun konkomitanti miegħu.

Id-divorzju bbażat fuq is-separazzjoni ta’ fatt ġiet inkluża mil-leġiżlatur fost il-każi tad-divorzju minħabba raġuni determinata. Fl-ebda mument m’għandu bżonn il-ftehim taż-żewġ konjuġi. Jista’ jiġi impost minn wieħed mill-konjuġi fuq l-ieħor, mingħajr ma jkollha tintwera l-ebda ħtija ta’ dan ta’ l-aħħar. Il-kontroll legali jibbaża fuq it-tul tas-separazzjoni u fuq l-istat tal-firda irrimedjabbli tal-konjuġi, li tagħha s-separazzjoni hija biss il-forma viżibbli. Il-karattru irrimedjabbli tal-firda jirriżulta minn sitwazzjoni fejn it-tkomplija tal-ħajja komuni ma tistax tiġi antiċipata. Biex ikun awtorizzat fuq il-bażi ta’ separazzjoni ta’ fatt, id-divorzju ma jistax jiggrava b’mod notevoli s-sitwazzjoni materjali ta’ l-ulied minuri li twieldu miż-żwieġ jew li ġew adottati mill-konjuġi.

Id-divorzju fuq il-bażi tas-separazzjoni ta’ fatt huwa possibbli, anke meta din hija dovuta għall-istat mentali ta’ wieħed mill-konjuġi.

3. X’inhuma l-effetti ġudizzjarju tad-divorzju fuq ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi, id-diviżjoni tal-beni bejn il-konjuġi, l-ulied minuri tal-konjuġi u l-obbligu li jitħallas il-manteniment perjodiku lir-raġel/mara ?
a) Ir-relazzjonijiet personali.
b) Id-diviżjoni tal-beni.
c) L-ulied minuri tal-konjuġi. (Risponsabilità tal-ġenituri - Belġju)
d) L-obbligu li jitħallas il-manteniment perjodiku lir-raġel/mara (Talbiet ta’manteniment - Belġju)

a) Ir-relazzjonijiet personali.

Id-divorzju jikser ir-rabta konjugali għall-futur. Kull rapport ġuridiku bbażat fuq il-kwalità tal-konjuġi jispiċċa. Għalhekk, wieħed mill-ex-konjuġi ma jistax jibqa’ juża l-kunjom ta’ l-ex-konjuġi. Tista’ ssir eċċezzjoni għal din ir-regola, f’kundizzjonijiet partikolari, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kunjom kummerċjali. L-ex-konjuġi ma jibqgħux il-werrieta ta’ xulxin. Huma jistgħu jerġgħu jiżżewġu.

FuqFuq

b) Id-diviżjoni tal-beni.

Minħabba li jispiċċa l-patrimonju komuni, wieħed jista’ jipproċedi għal-likwidazzjoni. Wieħed irid jibda mill-ġurnata li fiha saret it-talba għad-divorzju biex ikun jista’ jerġa’ jibni l-konsistenza tal-patrimonju. Fil-qafas ta’ divorzju bbażat fuq il-ħtija, huwa biss il-konjuġi li jikseb id-divorzju li jżomm għalih innifsu d-dispożizzjonijiet kuntrattwali magħmula favur tiegħu fil-kitba taż-żwieġ jew matul iż-żwieġ. Meta jiġi ppronnunzjat id-divorzju fuq bażi ta’ separazzjoni ta’ fatt, il-konjuġi li kiseb id-divorzju huwa meqjus bħala dak li għandu t-tort; għalhekk, huwa jitlef il-benefiċċju tal-vantaġġi mogħtija mill-konjuġi l-ieħor. F’każ ta’ separazzjoni minħabba l-istat mentali ta’ wieħed mill-konjuġi, kull wieħed mill-konjuġi jżomm il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali.

F’każ ta’ divorzju b’kunsens reċiproku, il-partijiet jirregolaw minn qabel id-drittijiet rispettivi tagħhom. Huma jistgħu jilħqu kompromess u jistgħu ifasslu inventarju (l-Artikolu 1287 tal-Kodiċi ġudizzjarju). Il-ftehim preliminari irid jiġi approvat minn att notarili jekk jitratta proprjetà reali.

c) L-ulied minuri tal-konjuġi.

Wara t-tmiem taż-żwieġ permezz tad-divorzju, l-awtorità fuq il-persuna ta’ l-ulied u l-amministrazzjoni tal-beni tagħhom hija eżerċitata mill-missier u l-omm flimkien, jew minn min ikollu, kemm permezz tal-ftehim tal-partijiet li jkun legalizzat kif jixraq, u kemm permezz tad-deċiżjoni mogħtija mill-President tal-Qorti taħt il-proċedura sommarja (l-Artikolu 302 tal-Kodiċi Ċivili). Kull wieħed mill-konjuġi jrid jikkontribwixxi, skond il-mezzi tiegħu, għall-ispejjeż ta’ l-akkomodazzjoni, tat-trobbija, tal-ħarsien ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ ta’ l-ulied (l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Ċivili). Din il-kontribuzzjoni ġeneralment tingħata fil-forma ta’ manteniment perjodiku, iffissat mill-Qrati. Din il-kontribuzzjoni ddum sakemm l-ulied isiru maġġorenni jew, sa tmiem it-taħriġ tagħhom jekk dan ikun għadu ma ntemmx f’dak iż-żmien.. Id-deċiżjonijiet mogħtija b’mod proviżorju matul is-smigħ tad-divorzju jibqgħu japplikaw sa wara t-traskrizzjoni tas-sentenza, sakemm mhux varjati mill-Imħallef kompetenti. Il-partijiet huma marbuta li jirregolaw, fil-ftehim preliminari ta’ divorzju b’kunsens reċiproku, il-kwistjoni ta’ l-awtorità fuq il-persuna ta’ l-ulied minuri u l-amministrazzjoni tal-beni tagħhom kemm matul iż-żmien tas-smigħ tad-divorzju u kemm wara d-divorzju (l-Artikolu 1288, 2°, tal-Kodiċi ta’ Proċedura). Huma jirregolaw ukoll il-kontribuzzjoni ta’ kull wieħed mill-konjuġi għat-trobbija, l-edukazzjoni u t-taħriġ adegwat ta’ l-ulied (l-Artikolu 1288, 3°, tal-Kodiċi ta’ Proċedura).

FuqFuq

d) L-obbligu li jitħallas il-manteniment perjodiku lir-raġel/mara.

Il-Qorti tista’ tagħti lill-konjuġi li kiseb id-divorzju manteniment fuq il-beni u d-dħul tal-konjuġi l-ieħor, li l-ammont tiegħu jrid jippermettilu li jkompli jgħix f’kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li kien igawdi matul il-ħajja komuni (l-Artikolu 301 tal-Kodiċi Ċivili). Il-manteniment ma jistax jeċċedi terz tad-dħul tal-konjuġi debitur. Dan jikkonsisti f’somma fi flus, li l-ammont tagħha jkun bi dritt adattat skond il-varjazzjonijiet ta’ l-indiċi tal-prezzijiet tal-konsum. Il-Qorti tista’ tawtorizza l-ġbir tal-manteniment permezz ta’ għotja ta’ somma. Il-manteniment jista’ jiġi mibdul f’kapital fi kwalunkwe ħin. F’każ ta’ divorzju minħabba separazzjoni ta’ fatt, fejn il-konjuġi li jikseb id-divorzju jiġi kkunsidrat bħala l-konjuġi bil-ħtija, dan ta’ l-aħħar ma jistax jirċievi manteniment perjodiku (l-Artikolu 306 tal-Kodiċi Ċivili). Madankollu, jekk hu jirnexxielu jġib provi li s-separazzjoni hija attribwibbli għall-fatti u n-nuqqasijiet tal-konjuġi l-ieħor, min qed jagħmel it-talba jista’ jikseb manteniment perjodiku. F’dan il-każ, l-Artikolu 307bis tal-Kodiċi Ċivili jiddisponi li l-manteniment perjodiku jista’ jeċċedi t-terz tad-dħul tal-konjuġi debitur (contra: id-deċiżjonijiet 48/2000 u 163/2001 mogħtija mill-Qorti ta’ l-Arbitraġġ).

F’każ ta’ divorzju b’kunsens reċiproku, il-partijiet jistgħu jaqblu fuq l-ammont ta’ l-eventwali manteniment li wieħed mill-konjuġi ser jagħti lill-ieħor matul il-kawża u wara d-divorzju, u dwar l-indiċjar u r-reviżjoni tiegħu (l-Artikolu 1288, 4°, tal-Kodiċi ta’ Proċedura). Dan m’huwiex obblgiatorju.

FuqFuq

Fl-aħħarnett, id-divorzju b’kunsens reċiproku jipproduċi fil-prinċipju l-istess effetti li jipproduċi divorzju minħabba raġuni determinata, imma mingħajr id-dekadenzi jew il-pieni ċivili minħabba li dan m’huwiex pronunzjat bi ħtija ta’ wieħed jew l-ieħor mill-konjuġi.

4. Xi jfisser il-kunċett ta’ separazzjoni personali fil-prattika ?

Fil-każi kollha fejn il-konjuġi jistgħu jitolbu d-divorzju minħabba raġuni determinata, huma jistgħu ukoll jitolbu s-separazzjoni personali (l-Artikolu 1305 tal-Kodiċi ta’ Proċedura). Fil-każ li l-konjuġi jistgħu jiddivorzjaw b’kunsens reċiproku, huma jistgħu xorta jirrikorru għas-separazzjoni personali. Ir-raġunijiet u l-kundizzjonijiet huma assolutament l-istess. Is-separazzjoni personali tikkonsisti fil-fatt li tinħall ir-rabta taż-żwieġ, li l-prinċipju tiegħu jibqa’. Is-separazzjoni personali tneħħi biss id-dmir tal-koabitazzjoni u d-dmir ta’ l-assistenza. Id-dmirijiet tal-fedeltà u ta’ l-għajnuna jibqgħu. Minħabba din is-sitwazzjoni ambivalenti, il-leġiżlatur jippermetti lill-konjuġi li kontrih ġiet ippronunzjata s-separazzjoni personali jew, fil-każ ta’ separazzjoni personali b’kunsens reċiproku, lil kull wieġed mill-konjuġi, li jitolbu lill-Qorti biex tinbidel is-separazzjoni personali f’divorzju, wara sentejn (l-Artikoli 1309 u 1310 tal-Kodiċi ta’ Proċedura).

5. X’inhuma r-raġunijiet għal separazzjoni personali ?

Ir-raġunijiet għal separazzjoni personali huma l-istess bħal dawk applikabbli għal divorzju.

FuqFuq

6. X’inhuma l-effetti ġuridiċi tas-separazzjoni personali ?

Is-separazzjoni personali ma tħollx ir-rabta taż-żwieġ. Hija tħalli d-dmirijiet ta’ fedeltà u ta’ l-għajnuna. Hija twassal għad-diviżjoni tal-beni (l-Artikolu 311 tal-Kodiċi Ċivili). Japplikaw l-istess sanzjonijiet ċivili bħal ma japplikaw f’każ ta’ divorzju, jiġifieri essenzjalment it-telfien tal-vantaġġi taż-żwieġ. Il-konjuġi li jikseb is-separazzjoni personali jista’ mhux talli ma jirċevix manteniment, imma talli jibqa’ japplika għaliħ id-dmir ta’ l-għajnuna (l-Artikolu 213 tal-Kodiċi Ċivili). Fil-każ li s-separazzjoni personali tinbidel f’divorzju, il-konjuġi li kien kiseb is-separazzjoni personali jista’ jitlob il-benefiċċju ta’ manteniment perjodiku maħsub fid-divorzju (l-Artikolu 301 tal-Kodiċi Ċivili).

Min-naħa l-oħra, l-effetti tas-separazzjoni personali b’kunsens reċiproku huma dawk tad-divorzju b’kunsens reċiproku, minbarra l-fatt li r-rabta taż-żwieġ ma tinħallx. Id-dmir ta’ fedeltà u ta’ l-għajnuna (eventwalment regolati fil-ftehim preliminari) jibqgħu jeżistu.

7. Xi jfisser il-kunċett ta’ annullament taż-żwieġ fil-prattika ?

Iż-żwieġ jikkostitwixxi istituzzjoni tad-dritt ċivili tant importanti għall-familja u għas-soċjetà, li l-leġiżlatur impona l-osservanza ta’ kundizzjonijiet tassew stretti biex tkun żgurata l-validità tar-rabta konjugali u ħa l-prekawzjonijiet kollha utli biex dawn il-kundizzjonijiet ikunu rrispettati. Is-sanzjonijiet ċivili ta’ prevenzjoni għandhom l-intenzjoni li jtellfu milli żwieġ jiġi mitmum, meta jkun evidenti li l-kundizzjonijiet imposti fuq il-validità taż-żwieġ m’humiex sodisfatti. L-annullament taż-żwieġ jikkostitwixxi sanzjoni ċivili repressiva, meta ż-żwieġ ġie ċċelebrat bi vjolazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali, minkejja l-kontroll preventiv tar-reġistratur. Peress li l-effetti taż-żwieġ huma ta’ importanza primarja, kemm għall-mod li l-Istat iqis lill-individwi kif ukoll mill-aspett tal-filjazzjoni, il-leġiżlatur kien tassew kawt fl-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ nullità taż-żwieġ.

FuqFuq

8. X’inhuma r-raġunijiet għall-annullament taż-żwieġ ?

Il-kawżi assoluti ta’ nullità taż-żwieġ huma n-nuqqas ta’ l-età meħtieġa għaż-żwieġ, l-inċest, il-bigamija, il-klandestinità u l-inkompetenza tar-reġistratur.

L-età minima biex wieħed jiżżewweġ hija ta’ 18-il sena, kemm għar-raġel u kemm għall-mara. Din l-eżiġenza tiġi mill-idea li l-konjuġi jridu jkunu laħqu ċetra grad ta’ maturità. Hemm projbizzjoni fuq żwieġ bejn axxendenti u dixxendenti f’linja diretta (l-Artikolu 161 tal-Kodiċi Ċivili). Din ir-regola tapplika kemm għall-qraba naturali u kemm għall-familja adottiva (l-Artikoli 363 u 370 tal-Kodiċi Ċivili). Il-projbizzjoni tapplika wkoll fil-każ ta’ qraba kollaterali. Iż-żwieġ huwa pprojbit bejn l-aħwa (l-Artikolu 162 tal-Kodiċi Ċivili). Din il-projbizzjoni testendi għall-ulied adottati ta’ l-istess qraba (l-Artikolu 363 tal-Kodiċi Ċivili). Iż-żwieġ huwa pprojbit bejn ziju u neputija u bejn zija u neputi (l-Artikolu 163 tal-Kodiċi Ċivili) imma din il-projbizzjoni tista’ titneħħa għal raġunijiet serji (l-Artikolu 164 tal-Kodiċi Ċivili). Hemm lôk għall-annullament fil-każ fejn dawn il-projbizzjonijiet kollha ma jiġux rispettati (l-Artikolu 184 tal-Kodiċi Ċivili). Minħabba li ż-żwieġ huwa pprojbit għal kull min huwa diġà marbut bir-rabtiet ta’ żwieġ, huwa t-tieni żwieġ li jrid jiġi ppronunzjat null (l-Artikolu 188 tal-Kodiċi Ċivili). Minħabba li l-pubblikazzjoni taż-żwieġ hija kundizzjoni essenzjali għall-validità ta’ l-att, iż-żwieġ klandestin, li jseħħ mingħajr il-preżenza tal-konjuġi jew tax-xhieda, huwa null. Minħabba li l-preżenza tar-reġistratur hija indispensabbli, biex l-iskambju tal-kunsens tal-partijiet ikun irreġistrat kif suppost, l-assenza ta’ dan l-uffiċjal mill-kunsill tikkostitwixxi nullità taż-żwieġ.

FuqFuq

Il-kawżi relattivi ta’ nullità taż-żwieġ huma il-vizzju tal-kunsens tal-konjuġi jew ta’ wieħed minnhom jew l-iżball fuq il-persuna. F’dan il-każ, iż-żwieġ ma jistax ħlief jiġi kkuntestat minn dak il-konjuġi li l-kunsens tiegħu kien vvizzjat jew minn dak il-konjuġi li kien imġiegħel, u dan wara li jgħaddi ċertu żmien.

9. X’inhuma l-effetti ġuridiċi ta’ l-annulament taż-żwieġ ?

L-annullament għandu l-effett li jħassar iż-żwieġ, kemm għall-futur kif ukoll għall-passat. In-nullità tmur lura sal-ġurnata taż-żwieġ. L-effetti kollha taż-żwieġ jisparixxu. Id-drittijiet maħluqa miż-żwieġ jixxejnu b’mod retroattiv. Iż-żwieġ huwa meqjus bħal li kieku qatt ma sar. Il-ftehimiet taż-żwieġ ma jista’ jkollhom l-ebda effett. Kull wieħed mill-konjuġi jitlef id-drittijiet li kien ikollu fuq is-suċċessjoni tal-konjuġi tiegħu. Ir-rigali mogħtija għaż-żwieġ jitilfu l-validità tagħhom. L-obbligazzjoni tal-manteniment tisparixxi għall-futur, imma ma tippermettix l-għotja lura tal-manteniment mogħti fil-passat. Meta l-konjuġi jkunu ta’ ħsieb tajjeb, jiġifieri meta huma setgħu jinjoraw l-eżistenza ta’ kawża għall-annullament, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li ż-żwieġ jiġi ddikjarat null biss għall-futur, fil-waqt li jżomm l-effetti tiegħu fuq il-passat. Meta wieħed biss mill-konjuġi huwa ta’ ħsieb tajjeb, iż-żwieġ ma jipproduċix effetti ħlief fil-konfront tiegħu. Il-wild li jitwieled matul iż-żwieġ jew matul it-300 jum wara l-annullament jżomm bħala missier lir-raġel t’ommu (l-Artikolu 315 tal-Kodiċi Ċivili). F’konformità ma’ l-Artikolu 202 tal-Kodiċi Ċivili, iż-żwieġ jipproduċi xorta waħda l-effetti tiegħu favur l-ulied, anke jekk l-ebda wieħed mill-konjuġi ma kien ta’ ħsieb tajjeb.

FuqFuq

10. Jeżistu mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jiġu solvuti kwistjonijiet relattivi għad-divorzju ?

Il-liġi tad-19 ta’ Frar 2001 rigward il-medjazzjoni fil-qasam tal-familja fl-istruttura ta’ proċedura ġudizzjarja tippermetti lill-partijiet fil-kawża li jitolbu lill-Imħallef biex jaħtar medjatur (l-Artikoli 734bis sa 734sexies tal-Kodiċi ta’ Proċedura). L-Imħallef jista’ wkoll jieħu l-inizjattiva f’dan ir-rigward, imma din ma tistax isseħħ mingħajr il-kunsens tal-partijiet. Dan għaliex, fit-tmiem tal-medjazzjoni, jintlaħaq ftehim komplut, u l-partijiet jinfurmaw b’dan lill-Imħallef, li jeżegwixxi l-ftehim. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil jew ta’ qbil parzjali, il-partijiet jistgħu jitolbu lill-Imħallef li l-proċedura ta’ medjazzjoni tal-familja sseħħ bil-ħsieb li jintlaħaq qbil. Jistgħu jiġu aċċettati mill-Qorti bħala medjatur l-avukati, in-nutara u l-persuni li segwew taħriġ speċifiku għal dan l-iskop. L-intervent tal-medjatur isir mingħajr ma l-partijiet jidhru quddiem Imħallef. Dan ikun sempliċiment infurmat bil-miktub bir-riżultat tal-medjazzjoni. Din tippermetti li jissolvew, mingħajr intervent ġudizzjarju, il-problemi relattivi għall-obbligazzjonijiet li jiġu miż-żwieġ (l-Artikoli 203 sa 211 tal-Kodiċi Ċivili), għad-drittijiet u d-dmirijiet rispettivi tal-konjuġi (l-Artikoli 212 sa 224 tal-Kodiċi Ċivili), għall-effetti tad-divorzju (l-Artikoli 295 sa 307bis tal-Kodiċi Ċivili) u għall-awtorità tal-ġenituri (l-Artikoli 371 sa 387bis tal-Kodiċi Ċivili ). Madankollu, il-medjazzjoni tal-familja mhix qed tiġi applikata fil-prattika minħabba li l-kriterji tal-ftehim tal-medjaturi fil-qasam tal-familja għadhom ma ġewx iffissati permezz ta’ digriet irjali.

FuqFuq

Id-divorzju nnifsu jaqa’ fil-kompetenza tal-Qrati.

11. Fejn għandi nippreżenta t-talba tiegħi ta’ divorzju, separazzjoni personali jew annullament taż-żwieġ ? X’inhuma l-formalitajiet li jridu jiġu rrispettati u liema dokumenti għandhom jiġu mehmuża mat-talba ?

L-uniku mħallef kompetenti li jagħraf talba għal divorzju jew ta’ separazzjoni personali minħabba raġuni determinata jew talba ta’ bidla ta’ separazzjoni personali minħabba raġuni determinata f’divorzju huwa dak ta’ l-aħħar residenza tal-konjuġi jew tad-domiċilju tal-konvenut (l-Artikolu 628 tal-Kodiċi ta’ Proċedura). Fil-każ ta’ kunsens reċiproku, il-liġi ma tipprovdix għal imħallef li huwa kompetenti skond it-territorju, u għalhekk il-konjuġi jistgħu jirrikorru fil-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-għażla tagħhom (l-Artikolu 1288 bis, subinċiż 2, tal-Kodiċi ta’ Proċedura). It-talba ta’ annullament taż-żwieġ tiġi ppreżentata, skond ir-regoli tad-dritt ordinarju, quddiem l-imħallef tad-domiċilju tal-konvenut (l-Artikolu 624 tal-Kodiċi ta’ Proċedura). Għad-divorzju minħabba raġuni determinata, it-taħrika biex wieħed jidher quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-fatti invokati, kif ukoll l-identità ta’ l-ulied (l-Artikolu 1254 tal-Kodiċi ta’ Proċedura). Min qed jagħmel it-talba jippreżenta ċertifikat taż-żwieġ, ċertifikati tat-twelid ta’ l-ulied u prova tan-nazzjonalità ta’ kull wieħed mill-konjuġi (ibidem). Jekk wieħed mill-konjuġi m’hux mill-Belġju, min qed jagħmel it-talba xorta jrid jippreżenta l-liġi nazzjonali ta’ dan il-konjuġi.

FuqFuq

Għad-divorzju b’kunsens reċiproku, it-talba tiġi ppreżentata permezz ta’ petizzjoni. Minbarra d-dokumenti mitluba fil-każ ta’ divorzju minħabba raġuni determinata, jiġi mehmuż il-ftehim preliminari konklużi mill-partijiet u jekk ikun il-każ, l-inventarju tal-beni tagħhom.

12. Nista’ nikseb għajnuna legali għall-ispejjeż tal-proċedura ?

Japplikaw ir-regoli tal-liġi komuni. Ara l-formola "għajnuna legali".

13. Jista’ jsir appell minn deċiżjoni li ngħatat fuq id-divorzju, is-separazzjoni personali jew l-annullament taż-żwieġ ?

Kull deċiżjoni f’dan il-qasam tista’ tkun suġġetta, bħal fil-liġi tad-dritt komuni, għal appell fil-Qorti ta’ l-Appell.

14. X’għandi nagħmel biex fil-Belġju tiġi rikonoxxuta deċiżjoni dwar id-divorzju, is-separazzjoni personali jew l-annullament taż-żwieġ mogħtija minn Qorti ta’ pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea ?

Sentenza mogħtija minn Qorti barranija dwar l-istat tal-persuni tipproduċi l-effetti tagħha fil-Belġju, mingħajr bżonn ta’ deċiżjoni li tordna l-eżekuzzjoni, ħlief jekk wieħed ikollu bżonn deċiżjoni bħal dik biex jitlob atti ta’ eżekuzzjoni fuq il-beni jew ta’ infurzar fuq il-persuni. Ġudizzju bħal dak jibbenefika fil-Belġju mis-saħħa ta’ sentenza finali, sakemm ma jikkontjeni xejn li jmur kontra l-ordni pubblika jew ir-regoli tad-dritt pubbliku tal-Belġju, id-drittijiet tad-difiża kienu ġew irrispettati, l-Imħallef barrani ma jkunx iddikjara ruħu kompetenti sempliċiment minħabba n-nazzjonalità ta’ min qed jagħmel it-talba, id-deċiżjoni tingħata bħala sentenza skond il-liġi tal-pajjiż fejn ingħatat id-deċiżjoni u l-kopja awtentikata tas-sentenza tkun konformi mal-kundizzjonijiet neċessarji għall-awtentiċità tagħha skond l-istess liġi (l-Artikolu 570 tal-Kodiċi ta’ Proċedura). Għalhekk, il-konjuġi li jixtieq li deċiżjoni ġudizzjarja fuq divorzju, separazzjoni personali jew annullament taż-żwieġ tkun valida fil-Belġju għandu jippreżenta d-dokumenti konklussivi ċċertifikati regolarment lir-reġistratur tal-Kunsill konċernat, jiġifieri dik fejn sar iż-żwieġ jew dik fejn joqgħod wieħed mill-konjuġi. F’każ ta’ kontestazzjoni, il-kwistjoni trid tittella’ quddiem il-Qorti.

FuqFuq

Tajjeb ukoll li wieħed jindika, f’dan il-qasam, ir-Regolament (KE) Nru. 1347/2000 tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000 (imsejjaħ « ir-Regolament Brussell II) rigward il-kompetenza, l-għarfien u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam taż-żwieġ u fil-qasam tar-responsabbilità tal-ġenituri ta’ l-ulied komuni, b’mod partikolari l-Artikoli 14 sa 20 dwar l-għarfien.

15. Quddiem liema Qorti fil-Belġju għandu jiġi ppreżentat il-każ biex issir oppożizzjoni għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar divorzju, separazzjoni personali jew annullament taż-żwieġ mogħtija minn Qorti ta’ pajjiż ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea ? X’inhi l-proċedura applikabbli f’dan il-każ ?

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kompetenti biex tagħraf azzjoni immirata biex topponi r-rikonoxximent fil-Belġju għal deċiżjoni barranija mogħtija f’pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea dwar divorzju jew separazzjoni personali hija dik ta’ l-aħħar residenza konjugali jew tad-domiċilju tal-konvenut (l-Artikolu 628 tal-Kodiċi ta’ Proċedura). F’dak li għandu x’jaqsam ma’ annullament taż-żwieġ, il-Qorti kompetenti hija dik tad-domiċilju tal-konvenut (l-Artikolu 624 tal-Kodiċi ta’ Proċedura).

16. Liema hi l-liġi applikabbli fi proċedura tad-divorzju bejn żewġ konjuġi li m’humiex residenti fil-Belġju jew li huma ta’ nazzjonalità dofferenti ?

Il-proċedura tad-divorzju fil-Belġju trid titmexxa quddiem il-Qrati Belġjani, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Belġju; dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw prinċiparjament il-kompetenza territorjali tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

FuqFuq

F’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet bażiċi, fil-prinċipju, l-istat ta’ persuna huwa rregolat mil-liġi nazzjonali tagħha (l-Artikolu 3, subinċiż 3, tal-Kodiċi Ċivili).Il-problemi jinqalgħu meta  liġijiet konkorrenti ma jaqblux fuq is-soluzzjonijiet. Il-liġi tas-27 ta’ Ġunju 1960 fuq l-aċċettabilità tad-divorzju meta ta’ l-anqas wieħed mill-konjuġi huwa barrani, irregolat ċerti kwistjonijiet. Il-problemi mhux irregolati jibqgħu sottomessi għall-Artikolu 3, subinċiż 3, diġà msemmi.

Għalhekk, fil-każ ta’ divorzju bejn konjuġi li wieħed minnhom huwa mill-Belġju fil-waqt li l-ieħor huwa barrani, l-aċċettabilità tad-divorzju minħabba raġuni determinata, il-kawżi u l-kundizzjonijiet ta’ dan huma regolati mil-liġi tal-Belġju (l-Artikoli 2 u 3 tal-liġi tas-27 ta’ Ġunju 1960). F’din l-istess sitwazzjoni, id-divorzju b’kunsens reċiproku huwa aċċettat, f’konformità mal-liġi tal-Belġju (l-Artikolu 2 tal-liġi tas-27 ta’ Ġunju 1960) u l-kundizzjonijiet bażiċi huma dawk tal-liġi tal-Belġju.

Fil-każ ta’ żwieġ bejn barranin, l-aċċettabilità tad-divorzju minħabba raġuni determinata huwa rregolat mil-liġi tal-Belġju, sakemm il-liġi personali tal-konjuġi li qed jagħmel it-talba ma tipprovdix b’mod differenti (l-Artikolu 1 tal-liġi tas-27 ta’ Ġunju 1960). Ir-raġunijiet tad-divorzju huma regolati mil-liġi tal-Belġju (l-Artikolu 3 tal-liġi diġà msemmija). F’din l-istess sitwazzjoni, il-liġi nazzjonali tal-konjuġi tiddetermina jekk huma jistgħux jiddivorzjaw b’kunsens reċiproku u taħt liema kundizzjonijiet (l-Artikolu 3, subinċiż 3, tal-Kodiċi Ċivili).

« Divorzju - Informazzjoni Ġenerali | Belġju - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 19-06-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit