Kummissjoni Ewropea > NGE > Divorzju > Awstrija

L-aħħar aġġornament: 19-07-2006
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Divorzju - Awstrija

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. X’inhuma l-kundizzjonijiet meħtieġa għad-divorzju? 1.
2. X’inhuma r-raġunijiet għad-divorzju? 2.
3. X’inhuma l-konsegwenzi tad-divorzju? 3.
a) ir-relazzjoni personali bejn il-miżżewġin a)
b) it-tqassim tal-beni tal-miżżewġin b)
c) l-ulied taħt l-età tal-miżżewġin c)
d) id-dmir tal-mantenimet lejn il-konjuġi l-ieħor d)
4. Xi tfisser “separazzjoni mingħajr ma tinħall ir-rabta taż-żwieġ”fil-prattika? 4.
5. X’inhuma l-kundizzjonijiet għas- “separazzjoni mingħajr ma tinħall ir-rabta taż-żwieġ” ? 5.
6. X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ “separazzjoni mingħajr ma tinħall irrabta taż-żwieġ” ? 6.
7. Xi jfissru “annullament” u “xoljiment taż-żwieġ” fil-prattika? 7.
8. X’inhuma l-kundizzjonjiet għall-annullament/għax-xoljiment taż-żwieġ? 8.
9. X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ annullament/xoljiment taż-żwieġ? 9.
10. Jeżistu possibbiltajiet alternattivi sabiex jissolvu l-problemi marbuta mad-divorzju mingħajr ma tidħol il-qorti? 10.
11. Fejn għandha tiġi ppreżentata t-talba għad-divorzu/għax-xoljiment taż-żwieġ/għall-annullament taż-żwieġ? 11.
12. Nista’ nitlob għall-għajnuna fl-ispejjeż legali? 12.
13. Jista’ jsir appell kontra sentenza dwar id-divorzju/ix-xoljiment/l-annullament taż-żwieġ? 13.
14. X’għandi nagħmel biex sentenza dwar divorzju/xoljiment/ annullament taż-żwieġ li ngħatat fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta l-Awstrija? 14.
15. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri biex nippreżenta talba sabiex sentenza dwar divorzju/xoljiment/annullamnet taż-żwieġ, li ngħatat f’qorti fi Stat Membru ieħor, ma tiġix rikonoxxuta? X’tip ta’ proċedura tintuża f’dan il-każ? 15.
16. Liema liġi tapplika f’kawża għad-divorzju bejn miżżewġin li ma jgħixux l-Awstrija jew li jkollhom nazzjonalitajiet differenti? 16.

 

1. X’inhuma l-kundizzjonijiet meħtieġa għad-divorzju?

Il-liġi Awstrijaka tagħraf tliet tipi ta’ divorzju: id-divorzju minħabba nuqqas, id-divorzju minħabba firda ta’ mill-inqas tliet snin u d-divorzju bi ftehim bejn il-miżżewġin.

Kunjuġi jista’ jagħmel talba għad-divorzju meta żwieġ ikun tant tfarrak minħabba nuqqas kbir fiż-żwieġ jew minħabba mġieba xejn dekoruża jew immorali mill-konjuġi l-ieħor, li ma jkunx mistenni aktar li sseħħ għaqda mill-ġdid f’komunità li tikkorrispondi ma’ dik taż-żwieġ.

Jekk il-miżżewġin ma jkunux ghexu flimkien għal tliet snin, kull wieħed mill-konjuġi jista’ jagħmel talba għad-divorzju minħabba li ż-żwieġ ikun tfarrak irrimedjabbilment.

Jekk il-miżżewġin ma jkunux għexu flimkien għal sitt xhur, it-tnejn jammettu li r-relazzjoni tagħhom tkun tfarrket irrimedjabbilment u jiftiehmu bejniethom dwar id-divorzju, huma jistgħu jagħmlu talba flimkien għad-divorzju.

2. X’inhuma r-raġunijiet għad-divorzju?

Ir-raġuni prinċipali għad-divorzju hija meta ż-żwieġ jitfarrak irrimedjabbilment. Dan il-falliment taż-żwieġ jista’ jseħħ minħabba nuqqas serju fiż-żwieġ min-naħa ta’ konjuġi minnhom, speċjalment minħabba infedeltà minn konjuġi jew meta konjuġi minnhom ikun uża vjolenza fiżika jew għamel ħsara mentali qawwija fuq il-konjuġi l-ieħor. Il-konjuġi l-ieħor jista’ jagħmel talba għad-divorzju ukoll meta l-imġieba ma tistax titqies bħala nuqqas fiż-żwieġ, għax tkun ġejja minn mard mentali, iżda ż-żwieġ ikun tant tfarrak li ma jkunx mistenni aktar li sseħħ għaqda mill-ġdid f’komunità li tikkorrispondi ma dik taż-żwieġ, kif ukoll meta konjuġi ikun marid mentalment jew ikun isofri minn marda serja li tittieħed jew li tqażżeż. F’dawn il-każijiet kollha, il-konjuġi li jagħmel it-talba għad-divorzju għandu jġib il-provi għar-raġunijiet imsemmija. Jekk il-miżżewġin madankollu jkunu għexu separati għal tliet snin, mhemmx bżonn ta’ dikjarazzjoni u lanqas ta’ provi għan-nuqqas fiż-żwieġ.

FuqFuq

3. X’inhuma l-konsegwenzi tad-divorzju?

a) ir-relazzjoni personali bejn il-miżżewġin

Bħala prinċipju kull wieħed mill-konjuġi jżomm il-kunjom tal-familja li ġie adottat maż-żwieġ. Madankollu, jekk konjuġi ħa l-kunjom tal-konjuġi l-ieħor maż-żwieġ, huwa jista’ jerġa’ jieħu l-kunjom li kellu qabel.

b) it-tqassim tal-beni tal-miżżewġin

Bħala prinċipju, il-miżżewġin huma kompletament liberi li jiddeċiedu dwar x’jiġri mill-beni akkumulati tagħhom permezz ta’ ftehim. Dan jista’ jsir jew b’rinunzja reċiproka (fejn it-tqassim bil-qorti tal-beni matul iż-żwieġ jinżamm anki wara li jiġi xolt iż-żwieġ), permezz ta’ diviżjoni ta’ xi proprjetà komuni akkwistata b’kuntratt jew bit-trasferiment ta’ xi proprjetà minn konjuġi għall-ieħor.

Sakemm il-miżżewġin ma jkollhomx ftehim f’dan is-sens, kull konjuġi jista’ jagħmel talba biex issir diviżjoni mill-qorti ta’ ċerti partijiet mill-beni tal-miżżewġin. It-tqassim jinkludi l-hekk imsejħa "proprjetà matrimonjali" u t-"tifdil matrimonjali". Apparti d-dar taż-żwieġ u l-mobbli, il-proprjetà matrimonjali tinkludi l-oġġetti l-oħra kollha, li waqt iż-żmien meta ż-żwieġ kien għadu sħih, servew għall-bżonnijiet tal-ħajja tal-miżżewġin. It-tifdil matrimonjali huwa l-investimenti akkumulati mill-miżżewġin matul il-ħajja miżżewġa.

It-tqassim ma jinkludix, per eżempju, l-oġġetti kollha miġjuba fiż-żwieġ mill-miżżewġin, bħala riżultat ta’ wirt jew rigal mingħand terzi persuni. Barra dan, ma jinkludix dawk l-oġġetti li servew għall-użu personali ta’ wieħed mill-konjuġi jew għall-prattika tal-professjoni tiegħu, kif ukoll kumpaniji jew ishma f’kumpaniji, sakemm dawn mhumiex sempliċi investimenti.

FuqFuq

Il-qorti għandha tqassam il-beni b’mod ġust, filwaqt li tikkunsidra ċ-ċirkostanzi relevanti kollha, u partikolarment l-importanza u l-kobor tal-kontribuzzjoni minn kull wieħed mill-konjuġi għall-akkwist tal-proprjetà martrimonjali u għat-tifdil matrimonjali, kif ukoll għandha tikkunsidra partikolarment il-ġid ta’ l-ulied. Il-ħlas tal-manteniment, il-kontribut fil-qligħ, it-tmexxija tad-dar matrimonjali, il-kura u l-edukazzjoni ta’ l-ulied komuni u kull għajnuna oħra fiż-żwieġ għandhom jiġu meqjusa bħala kontribuzzjoni.

c) l-ulied taħt l-età tal-miżżewġin

Mindu daħal fis-seħħ l-Att tal-2001 li emenda l-liġi dwar l-ulied fl-1 ta’ Lulju 2001, il-ġenituri għandhom possibbiltajiet akbar wara s-separazzjoni biex jiftiehmu dwar il-kustodja ta’ l-ulied. F’każ ta’ divorzju, il-kustodja taż-żewġ ġenituri ta’ wild komuni taħt l-età, bħala prinċipju, baqgħet l-istess. Madankollu, il-ġenituri, jekk jixtiequ jżommu l-kustodja sħiħa tal-wild kif sar waqt il-ħajja miżżewġa, iridu jissottomettu lill-qorti, fi żmien raġonevoli, il-ftehim tagħhom dwar fejn se joqgħod il-wild prinċipalment. Il-qorti għandha tapprova ftehim bħal dan, sakemm ikun għall-ġid ta’ l-ulied. Jekk fi żmien raġonevoli wara d-divorzju ma jiġix sottomess ftehim bħal dan jew jekk ma jkunx għall-ġid tal-wild, allura l-qorti (fin-nuqqas ta’ ftehim bonarju, anki jekk permezz ta’ medjazzjoni) trid tiddeċiedi liema ġenitur waħdu fil-futur għandu jiġi fdat bil-kustodja.

Madankollu, il-ġenituri jistgħu jiftiehmu wkoll minn qabel, li wara x-xoljiment taż-żwieġ, il-kustodja se tiġi f’idejn wieħed mill-ġenituri biss.

FuqFuq

Jekk iż-żewġ ġenituri jkollhom il-kustodja, kull wieħed mill-konjuġi jista’, meta jrid, jagħmel talba għas-sospensjoni tal-kustodja komuni. Il-qorti, f’dan il-każ, għandha tafda ġenitur waħdu bil-kustodja, filwaqt li tikkunsidra il-ġid tal-wild.

d) id-dmir tal-mantenimet lejn il-konjuġi l-ieħor

Il-konjuġi li jkollu t-tort waħdu jew parti kbira minnu għandu jmanti lill-ieħor f’miżura raġunevoli skond iċ-ċirkostanzi tal-ħajja tiegħu, sakemm id-dħul ta’ l-ieħor minn beni u minn attività, li wieħed jista’ jistenna minnu skond iċ-ċirkustanzi, ma jkunux biżżejjed. Jekk iż-żewġ konjuġi għandhom it-tort fid-divorzju, u l-ebda minnhom m’għandu l-akbar tort, il-konjuġi li ma jistax imantni lilu nnifsu, jista’ jirċievi kontribuzzjoni għall-manteniment tiegħu, meta u sakemm dan ikun ġust fid-dawl tal-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi tal-beni u d-dħul tal-konjuġi l-ieħor. L-obbligu tal-kontribuzzjoni jista’ jkun limitat fiż-żmien. Fil-każ ta’ divorzju bi ftehim il-miżżewġin jistgħu jaqblu liberament, jekk wieħed minnhom għandux iħallas manteniment lill-ieħor, jew jekk it-tnejn jirrinunzjawx reċiprokament għat-talba għall-manteniment.

4. Xi tfisser “separazzjoni mingħajr ma tinħall ir-rabta taż-żwieġ”fil-prattika?

Is-sistema legali Awstrijaka ma tagħrafx din l-istituzzjoni legali.

5. X’inhuma l-kundizzjonijiet għas- “separazzjoni mingħajr ma tinħall ir-rabta taż-żwieġ” ?

Ara Risposta nru 4.

FuqFuq

6. X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ “separazzjoni mingħajr ma tinħall irrabta taż-żwieġ” ?

Ara Risposta nru 4.

7. Xi jfissru “annullament” u “xoljiment taż-żwieġ” fil-prattika?

Il-liġi taż-żwieġ Awstrijaka taħseb għall-"annullament taż-żwieġ". Żwieġ huwa null meta ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ ma tkunx saret bil-forma preskritta, meta wieħed mill-miżżewġin, fil-mument taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, ma kienx f’qagħda li jaġixxi responsabbilment jew ma kienx f’sensih jew kien mentalment inkapaċitat temporanjament, jew jekk iż-żwieġ ġie ċelebrat bl-uniku ħsieb jew prinċiplament bil-ħsieb li konjuġi minnhom jieħu l-kunjom tal-konjuġi l-ieħor, jew biex jippermettilu jieħu n-nazzjonalità tal-konjuġi l-ieħor, mingħajr il-ħsieb li jgħixu flimkien fiż-żwieġ. Żwieġ huwa ukoll null meta wieħed mill-konjuġi, fil-mument taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, kien jgħix miżżewweġ fi żwieġ validu fil-liġi jew jekk iż-żwieġ sar illegalment bejn qraba bid-demm.

Żwieġ jista’ jiġi xolt permezz ta’ sentenza tal-qorti, jekk fil-mument taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, konjuġi minnhom ma kienx f’qagħda li jaġixxi responsabbilment u r-rappreżentant legali tiegħu ma tax il-kunsens tiegħu għaż-żwieġ, jekk fil-mument taż-żwieġ konjuġi minnhom ma kienx jaf li kien qed jiġi ċċelebrat żwieġ jew jekk kien konxju minn dan, m’għamilx dikjarazzjoni li ried jidħol fiż-żwieġ, jekk wieħed mill-konjuġi kien żbaljat dwar l-identità tal-konjuġi l-ieħor, jekk fil-mument taż-żwieġ kien żbaljat dwar ċerti ċirkostanzi tal-konjuġi l-ieħor, li kienu jżommuh milli jidħol fiż-żwieġ kieku kien konxju mis-sitwazzjoni u għalhekk kien iqis sewwa l-implikazzjonijiet taż-żwieġ, jekk ġie mġiegħel jidħol fiż-żwieġ bis-saħħa ta’ qerq malizzjuż dwar ċirkostanzi essenzjali jew jekk ġie mġiegħel jidħol fiż-żwieġ illegalment permezz ta’ theddid.

FuqFuq

8. X’inhuma l-kundizzjonjiet għall-annullament/għax-xoljiment taż-żwieġ?

Ara Risposta nru 7.

9. X’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ annullament/xoljiment taż-żwieġ?

Fil-każ ta’ annullament taż-żwieġ, iż-żwieġ jiġi kkunsidrat qisu qatt ma ġie ċċelebrat. Jekk anki wieħed biss mill-konjuġi ma kienx jaf bin-nullità taż-żwieġ fil-mument taż-żwieġ, japplikaw l-istess r-regolamenti bħal fil-każ tad-divorzju, li għandhom x’jaqsmu maċ-ċirkostanzi tal-miżżewġin fir-rigward tal-proprjetà tagħhom. L-ulied, il-frott taż-żwieġ, jiġu kkunsidrati bħala leġittimi anki meta żwieġ jiġi annullat.

Anki fl-annullament ta’ żwieġ il-konsegwenzi jiġu determinati skond ir-regolamenti li jgħoddu għall-konsegwenzi tad-divorzju.

10. Jeżistu possibbiltajiet alternattivi sabiex jissolvu l-problemi marbuta mad-divorzju mingħajr ma tidħol il-qorti?

Divorzu, xoljiment jew annullment taż-żwieġ jista’ jingħata biss mill-qorti. Problemi li jinqalgħu minħabba d-divorzju jistgħu jiġu miftiehma biss barra l-qorti (per eżempju, bil-medjazzjoni).

11. Fejn għandha tiġi ppreżentata t-talba għad-divorzu/għax-xoljiment taż-żwieġ/għall-annullament taż-żwieġ?

Kwistjonijiet dwar divorzju, xoljiment jew annullament taż-żwieġ jew l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ żwieġ imorru quddiem il-qrati distrettwali. Fil-kwistjonijiet dwar divorzju, ix-xoljiment, l-annullament jew id-determinazzjoni ta’ l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ żwieġ, il-qorti distrettwali esklussivament kompetenti hija dik tal-komunità fejn il-miżżewġin għandhom ir-residenza komuni jew dik fejn l-aħħar kellhom ir-residenza. Jekk fil-mument li ssir it-talba l-ebda wieħed mill-miżżewġin ma jkollu r-residenza abitwali f’din il-komunità jew jekk ma il-miżżewwġin ma kellhomx residenza abitwali komuni fil-pajjiż, il-qorti esklussivament kompetenti hija dik il-qorti tal-komunità fejn jgħix abitwalment il-konvenut, jew, fin-nuqqas ta’ residenza abitwali bħal din fil-pajjiż, fejn jgħix abitwalment min jagħmel it-talba, inkella il-qorti distrettwali taċ-ċentru tal-belt ta’ Vjenna. Il-qrati Awstrijaċi għandhom il-ġurisdizzjoni domestika għal dawn il-kwistjonijiet, jekk wieħed mill-miżżewġin għandu nazzjonalità Awstrijaka, jekk il-konvenut, jew fil-każ ta’ talba ta’ annullamnet miż-żewġ konjuġi, għall-inqas wieħed minnhom, għandu r-residenza abitwali tiegħu fil-pajjiż jew min jagħmel it-talba għandu r-residenza abitwali tiegħu fil-pajjiż u, jew iż-żewġ konjuġi kellhom l-aħħar residenza komuni tagħhom fil-pajjiż, inkella min jagħmel it-talba huwa mingħajr nazzjonalità jew fil-mument taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ kien ta’ nazzjonalita Awstrijaka. Għalkemm din il-qorti għandha l-kompetenza esklussiva, jista’ jsir ftehim dwar ġurisdizzjoni minn qorti oħra.

FuqFuq

F’talba għad-divorzju, formalitajiet ġenerali ta’ talba fil-qorti għandhom jiġu kkunsidrati; fil-każ ta’ talba għal-divorzju bi ftehim, fejn id-deċiżjoni tittieħed mingħajr kawża legali, it-talba trid tiġi ffirmata miż-żewġ konjuġi. Fil-każijiet kollha madankollu għandu jinthemeż iċ-ċertifikat taż-żwieġ; huwa rrakkomandat li jinthemżu wkoll id-dokumenti l-oħra kollha li jissostanzjaw it-talba.

12. Nista’ nitlob għall-għajnuna fl-ispejjeż legali?

Anki fi kwistjonijiet dwar id-divorzju huwa possibbli li tingħata għajnuna fl-ispejjeż legali, skond ir-regolamenti ġenerali dwar l-għajnuna fl-ispejjeż legali (ara “Prozesskostenhilfe – Österreich”). Fil-proċedura għad-divorzju ir-rappreżentanza minn avukat hija relattivament obbligatorja. Dan ifisser li parti minnhom, li ma tixtieqx titla’ l-qorti, tista’ tkun rappreżentata biss minn avukat.

13. Jista’ jsir appell kontra sentenza dwar id-divorzju/ix-xoljiment/l-annullament taż-żwieġ?

Deċiżjonijiet tal-qorti fl-ewwel istanza dwar divorzju, xoljiment jew annullament taż-żwieġ jew l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ żwieġ jistgħu jiġu appellati fil-qorti reġjonali bħala qorti tat-tieni istanza, li hija l-qorti superjuri fuq il-qorti distrettwali, li għandha il-kompetenza.

Kontra s-sentenza tal-qorti ta’ l-appell, ir-reviżjoni tal-każ hija permessa biss meta d-deċiżjoni tiddependi minn riżoluzzjoni ta’ kwistjoni tal-liġi sostanzjali jew tal-proċedura legali, li tistħoqq importanza kbira biex tinżamm il-konsistenza fil-liġi, iċ-ċertezza fil-liġi, jew l-iżvilupp tal-liġi, meta, per eżempju, il-qorti ta’ l-appell ma taqbilx mal-prattika fil-qorti suprema, jew meta din il-prattika legali tkun nieqsa jew inkonsistenti.

FuqFuq

14. X’għandi nagħmel biex sentenza dwar divorzju/xoljiment/ annullament taż-żwieġ li ngħatat fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta l-Awstrija?

Bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, ir-rikonoxximnet ta’ sentenzi li jxolju ż-żwieġ jimxu skond il-Deċiżjoni (EC) Nr. 1347/2000 tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000, li ġie fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2001, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u f’kawżi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied komuni tal-miżżewġin, ĠU L 2000/160, 19 (aktar ’il quddiem imsejjħa: Brussell II). Skond dan id-digriet sentenzi mogħtija minn Stati Membri li jxolju ż-żwieġ m’għandhomx bżonn aktar ta’ sentenza espliċita ta’ rikonoxximent. Anzi kull qorti u kull awtorità amministrattiva għandha tiddeċiedi fuq ir-rikonoxximent bħala kwistjoni preliminari fil-proċedura legali. Dan japplika speċjalment ukoll meta r-reġistratur tal-qrati jeżamina l-każ dwar jekk divorzju mogħti barra l-pajjiż jippermettix żwieġ mill-ġdid.

Kull parti li għandha interess legali tista’ titlob dikjarazzjoni dwar jekk sentenza li xxolji ż-żwieġ mogħtija barra l-pajjiż għandhiex jew m’għandhiex tiġi rikonoxxuta. Kawżi ta’ rikonoxximent jew oppożizzjoni għar-rikonoxximnet ta’ deċiżjonijiet meħuda barra l-pajjiż dwar l-eżistenza taż-żwieġ għandhom isiru, bħala prinċipju, fil-qrati distrettwali. Talba għar-rikonoxximent jew oppożizzjoni għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni li xxolji ż-żwieġ meħuda barra l-pajjiż għalhekk għandha ssir quddiem il-qorti distrettwali tal-psot li fiħ min jagħmel it-talba għandu r-residenza abitwali tiegħu. Fin-nuqqas ta’ residenza abitwali ta’ l-attur ġewwa l-pajjiż, il-qorti kompetenti tkun dik fil-komunità fejn il-kontroparti tgħix abitwalment, inkella l-qorti distrettwali taċ-ċentru tal-belt ta’ Vjenna.

FuqFuq

15. Quddiem liema qorti għandi nirrikorri biex nippreżenta talba sabiex sentenza dwar divorzju/xoljiment/annullamnet taż-żwieġ, li ngħatat f’qorti fi Stat Membru ieħor, ma tiġix rikonoxxuta? X’tip ta’ proċedura tintuża f’dan il-każ?

Ara Risposta nru 14. Id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati huma elenkati f’Artikolu 32 tal- Brussel II.

16. Liema liġi tapplika f’kawża għad-divorzju bejn miżżewġin li ma jgħixux l-Awstrija jew li jkollhom nazzjonalitajiet differenti?

ll-kundizzjonijiet neċessarji u l-effetti tad-divorzju għandhom jiġu ġġudikati skond il-liġi personali komuni (il-liġi tad-domiċilju) tal-miżżewġin, jew fin-nuqqas tagħha skond l-aħħar liġi personali komuni, sakemm wieħed mill-konjuġi jkun żamm id-domiċilju tiegħu jew tagħha. Jekk ma jkollhomx liġi personali komuni jew l-ebda minnhom ma jkun żammha, tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż fejn il-miżżewġin jgħixu abitwalment. Jekk ikollhom residenza abitwali f’pajjiżi differenti, il-liġi tal-pajjiż fejn it-tnejn ikunu l-aħħar għexu abitwalment għandha tiġi applikata, sakemm wieħed minnhom ikun żammha. Jekk qatt ma kellhom residenza abitwali fl-istess pajjiż jew l-ebda minnhom m’għad għandu aktar ir-residenza  tiegħu f’dak l-istat, id-divorzju għandu jiġi deċiż skond il-liġi personali tal-konjuġi li jkun qed jagħmel it-talba fil-mument tad-deċiżjoni dwar id-divorzju. Dan jgħodd ukoll jekk divorzju ma jistax jingħata fuq il-bażi tal-fatti li ġew sostnuti.

« Divorzju - Informazzjoni Ġenerali | Awstrija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 19-07-2006

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit