Kummissjoni Ewropea > NGE > Kumpens għall-vittmi tal-kriminalità > Rumanija

L-aħħar aġġornament: 12-05-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Kumpens għall-vittmi tal-kriminalità - Rumanija

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Il-ksib ta’ indennizz bħala riżarċiment ta’ danni mingħand l-awtur tar-reat 1.
1.1. Taħt liema kundizzjonijiet nista’ nagħmel talba għad-danni fil-kawża kontra l-awtur ta’ reat (il-proċedimenti kriminali)? 1.1.
1.2. F’liema stadju tal-proċedura għandi nagħmel it-talba tiegħi? 1.2.
1.3. Kif u lil min għandi nibgħat it-talba? 1.3.
1.4. Kif għandi nippreżenta t-talba tiegħi (nindika somma totali u/jew nispeċifika telf partikulari?) 1.4.
1.5. Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew matul il-proċedimenti? 1.5.
1.6. Xi provi jeħtieġ li nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi? 1.6.
1.7. Jekk ningħata danni mill-qorti, hemm xi għajnuna speċjali li nista’ nikseb, bħala vittma ta’ reat, għall-eżekuzzjoni tas-sentenza kontra l-awtur tar-reat? 1.7.
2. Il-ksib ta’ kumpens mingħand l-Istat jew korp pubbliku 2.
2.1. Possibbli jinkiseb kumpens mingħand l-Istat jew korp pubbliku? 2.1.
2.2. Din il-possibiltà hija limitata biss għall-vittmi li batew minn ċerti tipi ta’ reati? 2.2.
2.3. Din il-possibiltà hija limitata għal vittmi li jkunu ġarrbu ċerti tipi ta’ ħsara? 2.3.
2.4. Jistgħu l-qraba jew dipendenti tal-vittmi li jkunu mietu bħala riżultat tar-reat jiksbu kumpens? 2.4.
2.5. Il-possibiltà li jinkiseb kumpens huwa limitat għal persuni ta’ ċerta nazzjonalità jew għal persuni li jkunu residenti f’ċertu pajjiż? 2.5.
2.6. Nista’ napplika għal kumpens fir-Rumanija jekk ir-reat twettaq f’pajjiż ieħor? Jekk huwa hekk, taħt liema kundizzjonijiet? 2.6.
2.7. Huwa meħtieġ li r-reat ikun irrapportat lill-Pulizija? 2.7.
2.8. Jeħtieġ li nistenna r-riżultat ta’ investigazzjonijiet tal-pulizija jew ta’ proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ napplika? 2.8.
2.9. Jekk l-awtur tar-reat ikun ġie identifikat, ikolli l-ewwel nipprova nikseb il-ħlas tad-danni mingħandu/ha? 2.9.
2.10. Jekk l-awtur tar-reat ma jkux ġie identifikat jew instab ħati, ikun għadu possibbli li nikkwalifika għal kumpens? Jekk iva, xi provi jeħtieġli nġib biex insostni l-applikazzjoni tiegħi? 2.10.
2.11. Jeżisti terminu ta’ skadenza biex issir l-applikazzjoni għal kumpens? 2.11.
2.12. Għal-liema telf nista’ ningħata kumpens? 2.12.
2.13. Kif ikun ikkalkulat il-kumpens? 2.13.
2.14. Teżisti somma minima u/jew massima li tista’ tingħata? 2.14.
2.15. Il-kumpens li nkun irċevejt, jew li nista’ nirċievi, għall-istess telf, iżda minn sorsi oħra (bħal assigurazzjoni) jitnaqqas mill-kumpens mogħti mill-Istat? 2.15.
2.16. Jeżistu kriterji oħra li jistgħu jinfluwenzaw l-opportunità tiegħi li nirċievi kumpens, jew kif is-somma ta’ kumpens tkun ikkalkulata, bħal l-imġiba tiegħi nnifsi b’rabta mal-ġrajja li tkun ikkawżat il-ħsara? 2.16.
2.17. Nista’ nitħallas bil-quddiem għall-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet? 2.17.
2.18. Minn fejn nista’ nikseb il-formoli meħtieġa u aktar informazzjoni dwar kif napplika? Teżisti helpline speċjali jew websajt li nista’ nuża? 2.18.
2.19. Nista’ nikseb għajnuna legali biex nagħmel din l-applikazzjoni? 2.19.
2.20. Lil min għandi nibgħat l-applikazzjoni? 2.20.

 

1. Il-ksib ta’ indennizz bħala riżarċiment ta’ danni mingħand l-awtur tar-reat

1.1. Taħt liema kundizzjonijiet nista’ nagħmel talba għad-danni fil-kawża kontra l-awtur ta’ reat (il-proċedimenti kriminali)?

F’kawża kriminali, il-vittma ta’ reat jista’ jikseb ħlas ta’ danni mill-awtur tar-reat billi jieħu sehem fil-kawża bħala parti ċivili.

Azzjoni ċivili għandha l-għan li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-awtur tar-reat, kif ukoll tal-parti b’responsabbiltà skont il-liġi ċivili.

Matul kawża kriminali, tista’ titressaq azzjoni ċivili flimkien mal-azzjoni kriminali, fejn il-vittma tidher bħala parti ċivili.

Id-danni jitħallsu in natura jew fi flus f’każijiet fejn ħlas in natura ma jkunx possibbli. Jingħataw ukoll danni għal kull ħsara li l-parti ċivili ġġarrab.

Il-vittma tista’ taġixxi bħala parti ċivili kontra l-konvenut jew l-awtur tar-reat u kontra l-persuna b’responsabbiltà ċivili. Il-parti ċivili tista’ tressaq azzjoni matul il-proċedimenti kriminali, kif ukoll quddiem il-qorti sakemm jinqara l- att biex l-imputat jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.

Il-fatt li l-vittma tressaq azzjoni ċivili ma jibdilx id-dritt tal-persuna li tieħu sehem fl-istess kawża bħala vittma.

L-azzjonijiet ċivili huma eżenti mid-dazju tal-boll.

L-azzjonijiet ċivili jitressqu u jitmexxew (ex officio) meta l-vittma ma jkollhiex il-kapaċità jew ikollha kapaċità limitata biex teżerċita d-drittijiet tagħha.

FuqFuq

1.2. F’liema stadju tal-proċedura għandi nagħmel it-talba tiegħi?

Il-vittma tista' tressaq azzjoni ċivili kontra l-konvenut jew l-awtur tar-reat u kontra l-persuna b'responsabbiltà ċivili.

Azzjoni ċivili tista' titressaq matul il-proċedimenti kriminali jew quddiem il-qorti sakemm jinqara l-att biex l-imputat jitqiegħed taħt att ta' akkuża.

1.3. Kif u lil min għandi nibgħat it-talba?

Matul il-proċedimenti kriminali it-talba għandha tintbagħat lis-servizz tal-prosekuzzjonijiet kriminali u matul il-kawża t-talba għandha tintbagħat lill-qorti.

1.4. Kif għandi nippreżenta t-talba tiegħi (nindika somma totali u/jew nispeċifika telf partikulari?)

Skont ir-regoli ta’ azzjonijiet ċivili, il-persuna li titlob id-danni għandha tindika l-ammont tagħhom.

1.5. Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew matul il-proċedimenti?

Kull persuna li tressaq azzjoni f’kawża tkun intitolata għal assistenza legali bi ħlas.

L-għajnuna legali tingħata, wara applikazzjoni, lill-kategoriji li ġejjin ta’ vittmi:

  • vittmi ta’ attentat ta’ qtil, qtil tal-ewwel grad, qtil aggravat, offiża gravi fuq il-persuna, offiża gravi volontarja fuq il-persuna, stupru, att sesswali ma’ minorenni jew abbuż sesswali;
  • ir-raġel jew il-mara, it-tfal u persuni li jkunu mantnuti minn vittma ta’ qtil, ta’ qtil tal-ewwel grad jew qtil aggravat, jew reati volontarji li jkunu wasslu għall-mewt tal-vittma.

Għajnuna legali tingħata lil vittmi ta’ reati mwettqin fir-Rumanija jew, jekk ir-reat ikun twettaq barra mir-Rumanija, jekk il-vittma tkun ċittadin Rumen jew ċittadin barrani legalment residenti fir-Rumanija u jekk il-kawża kriminali ssir fir-Rumanija.

FuqFuq

Għajnuna legali tingħata taħt ċerti ċirkustanzi, wara applikazzjoni, lill-vittmi ta’ reati oħra jekk id-dħul fix-xahar għal kull membru tal-familja tal-vittma ma jkunx aktar mis-salarju gross minimu tal-pajjiż stabbilit għal sena li fiha l-vittma tkun bagħtet l-applikazzjoni għall-għajnuna legali.

Għajnuna legali tingħata biss jekk il-vittma tavża lis-servizz tal-prosekuzzjonijiet pubbliċi jew lill-qorti fi żmien 60 jum mid-data li fiha jkun twettaq ir-reat jew mid-data li fiha l-vittma tkun saret taf li twettaq ir-reat jew mid-data li fiha l-istat ta’ inkapaċità jintemm.

Il-vittmi li ma jkunux għalqu 18-il sena jew li jkunu ddikjarati inkapaċi li jmexxu l-affarijiet tagħhom ma jeħtiġilhomx javżaw lis-servizz tal-prosekuzzjonijiet pubbliċi jew lill-qorti bir-reat. Ir-rappreżentant legali tagħhom jista’ javża lis-servizz tal-prosekuzzjonijiet pubbliċi.

1.6. Xi provi jeħtieġ li nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Il-fatti tal-każ ikunu stabbiliti bil-provi li ġejja: dikjarazzjonijiet tal-konvenut jew tal-awtur tar-reat, dikjarazzjonijiet tal-vittma, tal-parti ċivili u tal-parti responsabbli skont il-liġi ċivili, dikjarazzjonijiet ta’ xhieda, dokumenti bil-miktub, reġistrazzjonijiet awdjo jew vidjo, ritratti, provi materjali, sejbiet tekniċi-xjentifiċi, forensika u rapporti ta’ esperti.

Provi miksuba illegalment ma jistgħux jintużaw f’kawżi kriminali.

Azzjonijiet ċivili jitmexxew skont il-liġi ċivili ukoll jekk jitressqu matul kawża kriminali. Għalhekk, il-parti ċivili tista’ tissottometti xhieda skont il-liġi ċivili biex issotni t-talbiet tagħha (xhieda bil-miktub, rapporti ta’ verifika, testimonjanza ta’ xhieda, rapporti ta’ esperti, investigazzjonijiet fuq il-post, intervisti).

FuqFuq

1.7. Jekk ningħata danni mill-qorti, hemm xi għajnuna speċjali li nista’ nikseb, bħala vittma ta’ reat, għall-eżekuzzjoni tas-sentenza kontra l-awtur tar-reat?

Ordnijiet li joriġinaw mis-sentenza tal-liġi kriminali dwar danni ċivili u spejjeż li jkollhom jitħallsu lill-partijiet ikunu eżegwiti skont il-liġi ċivili.

Assi jkunu ssekwestrati, b’riżultat ta’ applikazzjoni mir-rikorrent, mill-uffiċjal tal-qorti fil-post tar-residenza jew negozju tad-debitur jew tat-terz li l-assi tiegħu jkun ssekwestrati. Fil-każ ta’ ħlas ta’ manteniment tat-tfal tal-familja u ta’ kumpens għal danni għar-riżarċiment ta’ danni kkawżati minn mewt, ħsara lis-saħħa u fuq il-persuna, meta l-ordni tkun eżegwita fuq is-salarju tad-debitur jew fuq dħul regulari ta’ flus, il-qorti tordna ex officio li jingħata bidu għas-sekwestru mill-ewwel wara li s-sentenza tidħol fis-seħħ.

Fejn l-eżekuzzjoni tinbeda minn diversi rikorrenti jew jekk kredituri oħrajn ikunu wkoll issottomettew it-talbiet tagħhom qabel ma s-somma miksuba bl-eżekuzzjoni tkun ġiet irrilaxxjata jew imqassma, l-uffiċjal tal-qorti jqassam is-somma fl-ordni li ġejja ta’ preferenza, ħlief fejn il-liġi tgħid mod ieħor: spejjeż legali, pagi, talbiet ta’ manteniment, talbiet ta’ baġit, talbiet li joriġinaw minn self mogħti mill-gvern, kumpens mitlub għal ħsarat magħmulin fuq proprjetà pubblika b’atti illegali, talbiet li joriġinaw minn self bankarju, talbiet fl-għamla ta’ multi li jitħallsu lill-istat jew lill-fondi lokali u talbiet oħrajn. Fejn talbiet ikunu fl-istess kategorija ta’ preferenza, jekk il-liġi ma tgħidx xort’oħra, is-somma miksuba tinqasam bejn ir-rikorrenti skont il-proporzjon ta’ kull talba.

FuqFuq

2. Il-ksib ta’ kumpens mingħand l-Istat jew korp pubbliku

2.1. Possibbli jinkiseb kumpens mingħand l-Istat jew korp pubbliku?

Iva, tista' tikseb kumpens finanzjarju mingħand l-Istat skont l-Att Nru 211/2004 dwar miżuri għall-protezzjoni ta' vittmi ta' reati.

2.2. Din il-possibiltà hija limitata biss għall-vittmi li batew minn ċerti tipi ta’ reati?

Kumpens finanzjarju jingħata, b’applikazzjoni, lit-tipi ta’ vittma li ġejjin:

  • vittmi ta’ attentat ta’ qtil, qtil tal-ewwel grad, qtil aggravat, offiża gravi fuq il-persuna, offiża ġravi volontarja fuq il-persuna, stupru, att sesswali ma’ minorenni jew abbuż sesswali;
  • ir-raġel jew il-mara, it-tfal jew persuni li kienu qed jiġu mantnuti minn vittma ta’ qtil, ta’ qtil tal-ewwel grad jew qtil aggravat, jew reati volontarji li wasslu għall-mewt tal-vittma.

Kumpens finanzjarju jingħata lil vittmi jekk ir-reat ikun twettaq fir-Rumanija u l-vittma tkun ċittadin Rumen jew ċittadin barrani residenti legalment fir-Rumanija jew skont konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom ir-Rumanija hija firmatarja jekk ir-reat ikun twettaq fir-Rumanija u l-vittma tkun ċittadin barrani mhux residenti fir-Rumanija.

2.3. Din il-possibiltà hija limitata għal vittmi li jkunu ġarrbu ċerti tipi ta’ ħsara?

Il-kumpens finanzjarju jingħata lill-vittma għat-telf li ġej li tkun batiet minħabba r-reat imwettaq. Fil-każ tal-vittmi ta' attentat ta' qtil, qtil tal-ewwel grad, qtil aggravat, offiża gravi fuq il-persuna, offiża gravi volontarja fuq il-persuna, stupru, att sesswali ma' minorenni jew abbuż sesswali, ikun hemm kumpens għat-telf li ġej:

FuqFuq

  • spejjeż tal-isptar u spejjeż oħra mediċi mħallsa mill-vittma;
  • ħsara materjali li tirriżulta mill-qerda jew id-degradazzjoni tal-assi tal-vittma jew minħabba li l-assi jisfaw mingħajr siwi jew li l-vittma tkun tilfet il-pussess ta' proprjetà tagħha minħabba r-reat;
  • telf ta' qligħ bħala riżultat tar-reat li jkun twettaq.

Fil-każ tal-parti miżżewġa, ulied u persuni li kienu jieħdu manteniment mill-vittma ta' qtil, qtil tal-ewwel grad u qtil aggravat, jew ta' reati mwettqa volontarjament li jkunu wasslu għall-mewt tal-vittma, il-kumpens jingħata għal dan li ġej:

  • spejjeż ta' funeral;
  • l-għajnuna li l-vittma tkun iċċaħħdet minnu bħala riżultat tar-reat.

Kumpens finanzjarju jingħata sa massimu ekwivalenti għal 10 salarji gross minimi nazzjonali stabbiliti għas-sena meta l-vittma tapplika għal kumpens.

Somom imħallsin mill-awtur tar-reat f'danni ċivili u l-kumpens miksub mill-vittma mingħand kumpanija tal-assigurazzjoni għat-telf ikkawżat bir-reat jitnaqqsu mill-ammont tal-kumpens mogħti mill-Istat lill-vittma.

2.4. Jistgħu l-qraba jew dipendenti tal-vittmi li jkunu mietu bħala riżultat tar-reat jiksbu kumpens?

Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija 2.2.

2.5. Il-possibiltà li jinkiseb kumpens huwa limitat għal persuni ta’ ċerta nazzjonalità jew għal persuni li jkunu residenti f’ċertu pajjiż?

Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija 2.2.

2.6. Nista’ napplika għal kumpens fir-Rumanija jekk ir-reat twettaq f’pajjiż ieħor? Jekk huwa hekk, taħt liema kundizzjonijiet?

Skont l-Att Nru 211/2004 kumpens finanzjarju jingħata għal reati kommessi fir-Rumanija.

FuqFuq

2.7. Huwa meħtieġ li r-reat ikun irrapportat lill-Pulizija?

Jingħata kumpens finanzjarju lill-vittma biss jekk hija tkun innotifikat lis-servizzi tal-prosekuzzjonijiet pubbliċi jew lill-qorti fi żmien 60 jum mid-data meta r-reat ikun twettaq jew mid-data meta l-vittma ntebħet li kien sar ir-reat jew mid-data li fiha l-istat ta’ inkapaċità jintemm.

Vittmi li ma jkunux għadhom għalqu 18-il sena jew li jkunu ddikjarati inkapaċi li jmexxu l-affarijiet tagħhom m’humiex meħtieġa li jinnotifikaw lis-servizzi tal-prosekuzzjonijiet pubbliċi jew lill-qorti bir-reat. Ir-rappreżentant legali tagħhom jista’ jinnotifika lis-servizzi tal-prosekuzzjonijiet pubbliċi.

2.8. Jeħtieġ li nistenna r-riżultat ta’ investigazzjonijiet tal-pulizija jew ta’ proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ napplika?

L-Att dwar miżuri ta’ salvagwardja għall-protezzjoni ta’ vittmi ta’ reat ma jeżiġix li jkun hemm deċiżjoni ta’ qorti, tqegħid taħt att ta’ akkuża jew ordni biex il-proċedimenti kriminali jieqfu jew li l-akkużi jkunu rtirati. Iżda s-somma riċevuta bħala kumpens finanzjarju jkollha tintradd lura jekk il-vittma ma tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti biex tirċievi l-flus.

Ma jingħatax kumpens finanzjarju jekk:

  • ikun stabbilit li l-ġrajja ma tkunx seħħet, ma tkunx koperta mil-liġi kriminali jew titwettaq bħala difiża leġittima kontra attakk mill-vittma;
  • il-vittma tinstab ħatja ta’ sħubija ma’ grupp kriminali organizzat;
  • il-vittma finalment tinstab ħatja ta’ attentat ta’ qtil, qtil tal-ewwel grad, qtil aggravat, offiża gravi fuq il-persuna, offiża gravi volontarja fuq il-persuna, stupru, att sesswali ma’ minorenni jew abbuż sesswali:
  • il-qorti ssib ċirkustanzi li jnaqqsu l-piena għall-eċċess tal-limiti ta’ difiża leġittima konta l-attakk tal-vittma jew provokazzjoni mitiganti.

Min jirċievi kumpens finanzjarju jew ħlas bil-quddiem għal kumpens finanzjarju għandu jrodd lura dawk il-flus jekk ikun hemm provi li wieħed mill-każijiet imsemmija hawn fuq ikun seħħ.

FuqFuq

2.9. Jekk l-awtur tar-reat ikun ġie identifikat, ikolli l-ewwel nipprova nikseb il-ħlas tad-danni mingħandu/ha?

Iva, il-kumpens finanzjarju mogħti mill-Istat huwa sekondarju; ikopri każijiet fejn il-ħlas tad-danni ma jkunx jista' jintalab mingħand il-ħati.

Jekk l-awtur tar-reat ikun magħruf, il-kumpens finanzjarju jista' jingħata lill-vittma jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • il-vittma tapplika għal kumpens fi żmien sena mill-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni finali ta' kundanna jew liberazzjoni li biha l-qorti kriminali tkun tat ħlas għal danni ċivili jew illiberat lill-akkużat jew waqqfet il-kawża, jew meta l-prosekutur ikun ordna li l-akkużi jkunu rtirati, li l-każ jingħalaq jew li l-prosekuzzjoni kriminali ma jkollhiex għaliex tinbeda;
  • l-awtur tar-reat ikun insolventi jew għeb;
  • il-vittma ma tkunx kisbet kumpens sħiħ minn kumpanija ta' assigurazzjoni għall-ħsara li tkun ġarrbet.

Jekk il-vittma ma tkunx tista' tapplika għal kumpens, il-perjodu ta' sena għandu jkun ikkalkulat mid-data meta l-inkapaċità tintemm jew meta d-deċiżjoni li tippermetti l-azzjoni ċivili tkun iddikjarata irrevokabbli (jekk il-qorti tkun ordnat li l-azzjoni ċivili tkun separata mill-proċedimenti kriminali).

Il-vittmi li jkollhom inqas minn 18-il sena jew li jkunu ddikjarati inkapaċi li jmexxu l-affarijiet tagħhom ma jkunux meħtieġa li jressqu azzjoni ċivili.

Dokumenti li għandhom ikunu sottomessi:

  • L-applikazzjoni għal kumpens finanzjarju għandu jkollha: il-kunjom tal-vittma, l-isem mogħti, iċ-ċittadinanza, id-data u l-post tat-twelid, id-domiċilju jew ir-residenza; id-data, il-post u ċ-ċirkustanzi tar-reat li kkawża l-ħsara; it-tip ta' ħsara mġarrba bħala riżultat tar-reat; il-korp tal-prosekuzzjoni kriminali jew il-qorti tal-ġustizzja u d-data li fiha l-każ kien rapportat lilhom; in-numru u d-data tad-deċiżjoni tal-qorti jew tal-inkartament tal-prosekuzzjoni kriminali; l-istatus tar-raġel jew ta' martu, ulied jew persuna li kienu mantnuti mill-persuna mejta; il-fedina penali; somom ta' flus imħallsa bħala danni mill-awtur tar-reat jew bħala kumpens miksub mill-vittma mingħand kumpanija tal-assigurazzjoni għall-ħsara kkawżata minħabba r-reat li jkun twettaq; is-somma ta' kumpens li għalih tkun saret applikazzjoni.
  • Kopji tad-dokumenti sostantivi għall-informazzjoni li jkun hemm fl-applikazzjoni u kull dokument ieħor rilevanti li jkollha l-vittma għandhom jiġu annessi mal-applikazzjoni.
2.10. Jekk l-awtur tar-reat ma jkux ġie identifikat jew instab ħati, ikun għadu possibbli li nikkwalifika għal kumpens? Jekk iva, xi provi jeħtieġli nġib biex insostni l-applikazzjoni tiegħi?

Iva, il-vittmi jistgħu jirċievu kumpens f’każijiet fejn l-awtur tar-reat ma jkunx identifikat jew ma jkunx instab ħati. Jekk l-awtur tar-reat ma jkunx magħruf, il-vittma tista’ tapplika għal kumpens fi żmien tliet snin minn meta jkun twettaq ir-reat jekk hija ma tkunx kisbet kumpens sħiħ mingħand kumpanija tal-assigurazzjoni għall-ħsara li tkun ġarrbet.

FuqFuq

2.11. Jeżisti terminu ta’ skadenza biex issir l-applikazzjoni għal kumpens?

Jekk l-awtur tar-reat ma jkunx magħruf, jista' jingħata kumpens lill-vittma jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • il-vittma tapplika għall-kumpens fi żmien sena mid-data tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta' kundanna finali jew liberazzjoni li biha l-qorti kriminali tkun tat ħlas għal danni ċivili jew illiberat lill-akkużat jew waqqfet il-kawża, jew meta l-prosekutur ikun ordna li l-akkużi jkunu irtirati, li l-każ jingħalaq jew li ma jkunx hemm lok li jinbdew proċedimenti kriminali;
  • Il-vittma tressaq azzjoni ċivili fil-proċedimenti kriminali;
  • L-awtur tar-reat ikun insolventi jew għeb;
  • Il-vittma ma tkunx kisbet kumpens sħiħ mingħand kumpanija ta' assigurazzjoni għall-ħsara li tkun ġarrbet.

Jekk il-vittma ma tkunx tista' tapplika għal kumpens, il-perjodu ta' sena għandu jkun ikkalkulat mid-data meta l-inkapaċità tintemm jew meta d-deċiżjoni li tippermetti l-azzjoni ċivili tkun iddikjarata irrevokabbli (jekk il-qorti tkun ordnat li l-azzjoni ċivili tkun separata mill-proċedimenti kriminali).

Il-vittmi li jkollhom inqas minn 18-il sena jew li jkunu ddikjarati inkapaċi li jmexxu l-affarijiet tagħhom ma jkunx jeħtiġilhom iressqu azzjoni ċivili.

Jekk l-awtur tar-reat ma jkunx magħruf, il-vittma tista' tapplika għal kumpens fi żmien tliet snin minn meta jkun twettaq ir-reat jekk hija ma tkunx kisbet kumpens sħiħ mingħand kumpanija tal-assigurazzjoni għall-ħsara li tkun ġarrbet.

Jekk il-vittma tkun taħt l-età u r-rappreżentant legali tagħha ma jkunx applika għal kumpens fil-perjodu ta' skadenza, il-perjodu jibda jiddekorri mid-data meta l-vittma tagħlaq 18-il sena.

FuqFuq

2.12. Għal-liema telf nista’ ningħata kumpens?

Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija 2.3.

2.13. Kif ikun ikkalkulat il-kumpens?

Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija 2.3.

2.14. Teżisti somma minima u/jew massima li tista’ tingħata?

Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija 2.3.

2.15. Il-kumpens li nkun irċevejt, jew li nista’ nirċievi, għall-istess telf, iżda minn sorsi oħra (bħal assigurazzjoni) jitnaqqas mill-kumpens mogħti mill-Istat?

Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija 2.3.

2.16. Jeżistu kriterji oħra li jistgħu jinfluwenzaw l-opportunità tiegħi li nirċievi kumpens, jew kif is-somma ta’ kumpens tkun ikkalkulata, bħal l-imġiba tiegħi nnifsi b’rabta mal-ġrajja li tkun ikkawżat il-ħsara?

Ara t-tweġibiet għall-Mistoqsijiet 2.8., 1.5. u 2.9.

2.17. Nista’ nitħallas bil-quddiem għall-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Il-vittma tista’ tapplika għal ħlas bil-quddiem għal kumpens finanzjarju sa somma ekwivalenti għal 10 salarji minimi gross nazzjonali stabbiliti għas-sena meta l-vittma tkun applikat għal ħlas bil-quddiem mingħand il-kumitat responsabbli għall-għoti ta’ kumpens lill-vittmi ta’ reati.

FuqFuq

Il-ħlas bil-quddiem jista’ jintalab permezz ta’ applikazzjoni għal kumpens jew permezz ta’ talba separata li tista’ tkun sottomessa f’kull waqt wara avviż mis-servizzi tal-prosekuzzjonijiet pubbliċi jew tal-qorti tal-ġustizzja u mhux aktar tard minn 30 jum wara d-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal kumpens.

Il-ħlas bil-quddiem jingħata jekk il-vittma ssib ruħha f’qagħda finanzjarja prekarja.

Applikazzjoni ta’ vittma għal ħlas bil-quddiem għal kumpens tiġi eżaminata fi żmien 30 jum mid-data tal-applikazzjoni minn żewġ imħallfin fil-kumitat responsabbli għall-għoti ta’ kumpens lil vittmi ta’ reati.

Jekk il-kumpens ikun irrifjutat, il-vittma għandha trodd lura l-ħlas bil-quddiem sakemm l-applikazzjoni għal kumpens ma tkunx ġiet irrifjutata biss minħabba li l-awtur tar-reat ikun insolventi jew ikun għeb.

2.18. Minn fejn nista’ nikseb il-formoli meħtieġa u aktar informazzjoni dwar kif napplika? Teżisti helpline speċjali jew websajt li nista’ nuża?

Il-prosekuturi u l-uffiċjali tal-pulizija huma obbligati li jgħarrfu lill-vittmi ta’ reati dwar il-kundizzjonijiet u l-proċedura li tirregola l-għoti ta’ kumpens mill-Istat. L-informazzjoni tinġieb għall-attenzjoni tal-vittma mill-imħallef, il-prosekutur pubbliku, l-uffiċjal tal-pulizija jew aġent li l-vittma tikkuntattja, bil-kitba jew bil-fomm, f’lingwa li l-vittma tifhem.

2.19. Nista’ nikseb għajnuna legali biex nagħmel din l-applikazzjoni?

Ara t-tweġibiet għall-Mistoqsijiet 2.18 u 1.5.

2.20. Lil min għandi nibgħat l-applikazzjoni?

L-applikazzjonijiet għal kumpens għandhom jintbagħtu lill-qorti tal-ġustizzja li fil-ġuriżdizzjoni tagħha l-vittma tkun toqgħod. L-applikazzjoni tkun ipproċessata minn żewġ imħallfin fil-kumitat responsabbli għall-għoti ta’ kumpens lil vittmi ta’ reati, liema kumitat jinsab f’kull qorti tal-ġustizzja.

« Kumpens għall-vittmi tal-kriminalità - Informazzjoni Ġenerali | Rumanija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 12-05-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit