Kummissjoni Ewropea > NGE > Kumpens għall-vittmi tal-kriminalità > Polonja

L-aħħar aġġornament: 28-02-2008
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Kumpens għall-vittmi tal-kriminalità - Polonja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Il-ksib tal-kumpens fil-forma ta’ danni mill-ħati 1.
1.1. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex issir talba għal danni fil-kawża kontra l-persuna li wettqet ir-reat? 1.1.
1.2. Kif għandi nressaq it-talba, u lil min? 1.2.
1.3. Meta għandi nagħmel dan? 1.3.
1.4. Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew wara l-proċeduri? 1.4.
1.5. Kif għandi nressaq it-talba tiegħi? Liema evidenza għandi nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi? 1.5.
1.6. Huwa possibbli li nikseb il-kumpens mill-persuna li wettqet l-att kriminali? (ordni tal-kumpens)? 1.6.
1.7. Jekk il-qorti tagħtini d-danni, hemm xi għajnuna speċjali li jiena, bħala vittma ta’ att kriminali, nista’ nagħmel użu minnha biex tiġi infurzata s-sentenza kontra min wettaq ir-reat? 1.7.
2. Il-ksib tal-kumpens mill-istat 2.

 

1. Il-ksib tal-kumpens fil-forma ta’ danni mill-ħati

Ir-riforma tal-liġi kriminali u l-proċeduri kriminali fl-1997 biddlet b’mod sinifikanti l-istatus tal-vittma fil-proċeduri kriminali u preparatorji. Involviet filosofija ġdida ta’ kriminalizzazzjoni, li tista’ wkoll tiġi espressa billi jingħad li wieħed mill-għanijiet l-aktar importanti tal-proċeduri kriminali huwa li jissolva l-kunflitt bejn il-ħati u l-vittma, li jirriżulta minn att kriminali kommess kontra dan ta’ l-aħħar. Dan il-kunflitt jista’ jiġi solvut jew imħaffef b’mod konsiderevoli jekk id-dannu kkawżat lill-vittma jiġi kkumpensat.

1.1. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex issir talba għal danni fil-kawża kontra l-persuna li wettqet ir-reat?

L-Artikolu 39 numru 5 tal-Kodiċi Kriminali Pollakk jipprovdi għall-obbligu biex isir kumpens għad-dannu, bħala waħda mill-penali possibbli. Dan l-obbligu jirreferi kemm għat-telf (damnum emergens) kif ukoll għal benefiċċji mitlufa (lucrum cessans). Il-fatt li l-vittma sofriet dannu huwa l-kondizzjoni fundamentali biex jintalbu d-danni. Barra minn dan, il-kumpens għall-inġurja morali, jiġifieri telf f’interessi mhux materjali, huwa possibbli wkoll.

Kif inhu magħruf, skond l-Artikolu 299 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-vittma hija parti tal-proċedura preparatorja. Din id-dispożizzjoni timplika għadd ta’ konsegwenzi sinifikanti biex tintalab il-preżentata ta’ evidenza individwali, il-parteċipazzjoni fil-produzzjoni ta’ l-evidenza prodotta u l-preżentata ta’ talbiet provduti mil-liġi, li huma ta’ benefiċċju għall-vittma. Dan huwa kruċjali biex jiffurmaw ruħhom sewwa l-proċeduri fl-istadji sussegwenti.

FuqFuq

Sabiex issostni d-drittijiet tagħha fil-proċeduri ġudizzjarji, il-vittma tista’ tassumi r-rwol ta’ prosekutur awżiljarju (l-Artikoli 53 sa 58 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), flimkien mal-prosekutur pubbliku (prosekutur awżiljarju aċċessorju) jew minflok il-prosekutur pubbliku (prosekutur awżiljarju sussidjarju). Fir-rigward ta’ l-atti kriminali li jiġu prosegwiti, il-vittma tista’ taġixxi bħala l-prosekutur privat (l-Artikoli 59 – 61 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali). Fl-aħħar, sabiex isiru talbiet pekunjarji, il-vittma tista’ tressaq azzjoni ċivili fil-proċeduri kriminali.

L-azzjoni ċivili għal danni kontra persuna li twettaq reat tifforma kwistjoni separata. Ir-raġunijiet materjali għal dan it-tip ta’ proċedura huma d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili Pollakk dwar ir-responsabbiltà delittwali (l-Artikolu 415 – 449).

Id-dispożizzjoni li persuna li hija ħajta li għamlet dannu lill-persuna l-oħra hija obbligata tikkumpensa għal dan id-dannu (l-Artikolu 415 tal-Kodiċi Ċivili) hija r-regola ġenerali. Id-dispożizzjonijiet dwar id-delitti fihom regolamenti dettaljati dwar ir-responsabbiltà tal-minorenni taħt l-effett ta’ l-alkoħol jew ta’ l-intossikanti. Fihom ukoll regolamenti dwar ir-responsabbiltà ta’ persuni li jissorveljaw jew li huma responsabbli għas-subordinati tagħhom eċċ. L-Artikolu 444 tal-Kodiċi Ċivili jirregola r-responsabbiltà għall-inġurji personali jew tfixkil tas-saħħa. Jista’ jintalab kumpens għat-telf soffert (l-Artikolu 445 tal-Kodiċi Ċivili) għall-mewt ta’ dawk li sofrew inġurja (l-Artikolu 446 tal-Kodiċi Ċivili). L-Artikolu 448 tal-Kodiċi Ċivili fih il-proċedura dettaljata biex jintalab il-kumpens għall-interessi personali miksura, imsemmija fl-Artikolu 23 tal-Kodiċi Ċivili.

FuqFuq

Jeħtieġ li jingħad ukoll li l-ħtija ta’ min ikun wettaq l-att, li hija l-kondizzjoni biex isiru t-talbiet għad-danni, għandha ambitu ftit differenti fil-liġi ċivili u fil-liġi kriminali; dan jista’ jinfluwenza l-għażla tal-metodu użat biex jintalbu d-danni. Il-perjodi ta’ l-limitazzjonijiet għall-pretensjonijiet huma differenti fil-liġi ċivili (ħafna itwal) u fil-liġi kriminali.

1.2. Kif għandi nressaq it-talba, u lil min?

Id-dispożizzjonijiet dettaljati dwar din il-penali kriminali jinsabu fl-Artikolu 46 tal-Kodiċi Kriminali. Il-leġiżlatur iqis li l-kumpens għal dannu li jirriżulta minn att kriminali li jikkawża mewt, ħsara gravi għas-saħħa, tfixkil ta’ ħidma ta’ organu tal-ġisem jew tfixkil tas-saħħa, att kriminali kontra s-sigurtà fit-traffiku, jew att kriminali kontra l-ambjent, il-proprjetà jew it-tranżazzjonijiet kummerċjali bħala parti integrali ta’ sentenza dwar ir-responsabbiltà kriminali ta’ min wettaq l-att kriminali. Sentenza li tordna l-kumpens għal dannu kkawżat bħala riżultat ta’ att kriminali titqies li hija obbligu tal-qorti jekk il-vittma jew persuna oħra intitolata (eż., l-eqreb qarib skond il-Kodiċi Kriminali) tressaq azzjoni għal ħruġ ta’ sentenza bħal din. Tali preżentata għandha ssir direttament fil-qorti fil-kors ta’ smigħ. M’hemm ebda problema jekk il-vittma tixtieq tressaq azzjoni diġà fil-proċeduri preparatorji, iżda hija l-qorti li tiddeċiedi l-effettività tagħha fis-sentenza li tikkonkludi.

F’dan il-każ, il-qorti taġġudika (b’mod obbligatorju) dwar l-obbligazzjoni li jiġi kkumpensat id-dannu kollu jew parti minnu. Il-qorti ma tistax tirrifjuta li timponi dan l-obbligu jekk il-ħtija tal-persuna li wettqet l-att kriminali u d-dannu kkawżat it-tnejn ġew ippruvati. Fil-każ ta’ dubji dwar l-ambitu tad-dannu kawżat, il-qorti għandha tagħmel arranġamenti xierqa f’dan ir-rigward.

FuqFuq

Skond l-Artikolu 46 tal-Kodiċi Kriminali, fir-rigward ta’ l-obbligu tal-kumpens għad-danni, id-dispożizzjonijiet tal-liġi ċivili dwar il-preskrizzjoni ta' talbiet u l-possibbiltà li tiġi aġġudikata annwità ma jgħoddux. Din is-soluzzjoni għandha titqies ta’ benefiċċju għall-vittma, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-perjodi ta’ limitazzjoni għall-għotja ta’ sentenza huma, speċjalment fir-rigward tal-lista msemmija ta’ atti kriminali, itwal milli huma fil-liġi ċivili.

Spiss, speċjalment wara żmien twil, ma jkunx possibbli li jiġi stmat b’mod preċiż l-ambitu tad-dannu li jirriżulta minn att kriminali. L-Artikolu 46 (2) tal-Kodiċi Kriminali jipprovdi għall-possibbiltà li ssir deċiżjoni dwar ħlas supplementari biex il-vittma tiġi kkumpensata għal kwalunkwe ħsara gravi għas-saħħa, tfixkil tal-ħidma tal-ġisem jew tfixkil għas-saħħa. Id-deċiżjoni dwar ħlas supplementari jiddependi wkoll minn talba mill-vittma.

Huwa importanti mill-perspettiva tal-kumpens futur għall-vittma li l-prosekutur pubbliku jgħarraf lill-vittma li qed issir prosekuzzjoni. Il-vittma għandha tiġi mgħarrfa dwar id-drittijiet tagħha dwar talbiet pekunjarji u f’każijiet xierqa dwar id-dritt tagħha li tiddikjara li qed taġixxi bħala prosekutur awżiljarju. Għalhekk il-vittmi għandhom jiġu nnotifikati b’mod xieraq mill-awtoritajiet ta’ l-investigazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom.

Hemm rabta li ma tistax jinħall bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-Artikolu 415 (6) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li jipprovdi li jekk l-akkużat jinstab ħati jew il-proċeduri huma mwaqqfa taħt kondizzjoni, fil-każijiet speċifikat fil-liġi, il-qorti għandha tiddeċiedi dwar ħlas supplimentari jew timponi obbligu biex tikkumpensa għad-dannu. Il-Para. 5 ta’ dan l-Artikolu jagħti possibbiltà akbar lill-qorti, għaliex jekk l-akkużat jinstab ħati jew il-proċeduri huma mwaqqfa taħt kondizzjoni, il-qorti tista’ wkoll taġġudika ex officio dwar danni għall-vittma, kemm-il darba l-liġi ma tistipulax mod ieħor.

FuqFuq

Huwa obbligatorju li jsir kumpens għad-dannu meta jiġi applikat l-istrument tal-probazzjoni għat-twaqqif kondizzjonali tal-proċeduri. Skond l-Artikolu 67 (3) tal-Kodiċi Kriminali, fil-każ ta’ twaqqif tal-proċeduri kriminali taħt kondizzjoni, il-qorti għandha tobbliga lil min wettaq l-att kriminali jikkumpensa d-dannu.

Mhuwiex obbligatorju li jsir kumpens għad-dannu meta l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ta’ multa tkun sospiża taħt kondizzjoni. F’dan il-każ, skond l-Artikolu 71 (2) tal-Kodiċi Kriminali, il-qorti tista’ tordna lill-persuna misjuba ħatja tikkumpensa għad-dannu kemm-il darba ma tkunx tat is-sentenza provduta mill-Artikolu 46 tal-Kodiċi Kriminali.

Il-leġiżlatur jimmira li jsolvi l-kunflitt li jirriżulta mill-att kriminali. L-għan tal-prosekuzzjoni u tal-proċeduri ġudizzjarji għandu jkun li jsolvi l-litigazzjoni b’mod amikevoli, inter alia permezz ta’ proċeduri ta’ medjazzjoni. Jekk il-vittma u min wettaq l-att kriminali huma rikonċiljati, jew isir kumpens għad-dannu jew il-vittma u min wettaq l-att kriminali jaqblu dwar il-mod kif se jsir il-kumpens, il-qorti tista’ tapplika l-mitigazzjoni straordinarja tal-penali. Ukoll jekk ma tgħaddix għas-sentenza, il-qorti tista’ tagħmel ordni ta’ kumpens kriminali, jekk l-għan imfittex jista’ jiġi sodisfatt b’dan il-mod.

Fejn l-Artikolu 46 tal-Kodiċi Kriminali ma jgħoddx u l-prosekutur ikun ippreżenta azzjoni għal sejba sommarja ta’ ħtija, il-qorti tista’ tagħmel l-ammissjoni tal-mozzjoni kondizzjonali fuq il-kumpens għad-dannu kollu jew parti minnu (l-Artikolu 335 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

FuqFuq

Kif inhu magħruf, skond l-Artikolu 299 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-vittma hija parti għall-proċeduri preparatorji. Din id-dispożizzjoni timplika għadd ta’ konsegwenzi sinifikanti biex tintalab il-produzzjoni ta’ l-evidenza individwali, il-parteċipazzjoni fl-evidenza prodotta u l-preżentata ta’ talbiet provduti mil-liġi, li huma ta’ benefiċċju għall-vittma. Dan huwa kruċjali biex il-proċeduri jiffurmaw ruħhom sew fi stadji sussegwenti.

Il-vittma tista’ tassumi r-rwol ta’ prosekutur awżiljarju (l-Artikoli 53 – 58 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) flimkien mal-prosekutur pubbliku (prosekutur awżiljarju aċċessorju) jew minflok il-prosekutur pubbliku (prosekutur awżiljarju sussidjarju). Rigward l-atti kriminali li huma prosegwiti privatament, il-vittma tista’ taġixxi bħala prosekutur (l-Artikoli 59 – 61 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali). Sabiex isiru talbiet pekunjarji l-vittma tista’ tgħaqqad l-azzjoni ċivili mal-proċeduri kriminali.

Skond l-Artikolu 12 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-pretensjonijiet li jirriżultaw minn att kriminali jistgħu jinġabru jew fi proċeduri ċivili, jew f’każijiet provduti mil-liġi (jiġifieri l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), fil­-proċeduri kriminali. Il-proċedura ta’ l-adeżjoni li hija ekwivalenti għall-proċedura Franċiża ta’ "partie civile" hija strument fil-proċeduri kriminali u topera taħt il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iżda l-għan huwa li jiġi deċiż dwar il-pretensjonijiet tal-liġi ċivili ta’ l-attur ċivili kontra l-persuna akkużata. It-tressiq ta’ azzjoni ċivili fil-proċeduri kriminali joħloq sitwazzjoni ta’ litigazzjoni pendenti (lis pendens) u huwa kundizzjoni li tipprekludi l-proċeduri ċivili. U bil-kuntrarju – il-litigazzjoni pendenti quddiem il-qorti ċivili toħloq impediment għas-smigħ ta’ l-azzjoni ċivili fil-proċeduri kriminali u l-każ għalhekk ma jinstemax jew jieqaf.

FuqFuq

B’mod simili, sentenza valida ta’ qorti dwar il-pretensjonijiet tal-vittma fil-proċeduri kriminali toħloq sitwazzjoni ta’ res judicata li ma tistax terġa’ tiġi diskussa fil-qorti u hija kondizzjoni li tipprekludi l-każ milli jiġi eżaminat mill-ġdid fil-proċeduri ċivili. Iżda, meta d-danni aġġudikati ma jkoprux t-telf kollu jew ma jikkumpensawx b’mod xieraq għall-ħsara, il-vittma tista’ tfittex għal danni addizzjonali fil-proċeduri ċivili (l-Artikolu 415 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

1.3. Meta għandi nagħmel dan?

L-azzjoni għall-kumpens skond l-Artikolu 46 tal-Kodiċi Kriminali tista’ titressaq mill-vittma bin-notifika ta’ att kriminali fi proċeduri preparatorji jew wara titressaq akkuża mill-prosekutur. Ladarba l-vittma tkun ġiet identifikata bħala tali, tista’ tippreżenta azzjoni ta’ dan it-tip fil-qorti; għandha tkun infurmata dwar il-possibbiltà mill-awtoritajiet li qed iwettqu l-proċeduri.

Sa fejn huwa kkonċernat iż-żmien biex titressaq azzjoni ċivili fil-proċeduri kriminali, il-vittma tista’ tressaq azzjoni ċivili kontra l-persuna akkużata sabiex tagħmel talba pekunjarja li jirriżultaw direttament mill-att kriminali, sa meta jinbdew il-proċeduri legali fis-smigħ prinċipali. Hawn għandu jiġi enfasizzat li l-proċeduri legali jibdew fil-mument meta tinqara l-akkuża.

L-azzjonijiet għandhom jirtressqu fil-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni fil-każijiet kriminali. L-azzjoni ċivili tista’ titressaq diġà fil-kors tal-proċeduri preparatorji. F’dan il-każ l-awtorità inkarigata mill-proċeduri tehmeż l-azzjoni mal-fajl tal-każ u l-qorti tiddeċiedi jekk tiġix ammessa. Id-data biex titressaq l-azzjoni imbagħad titqies bħala d-data li fiha saret l-azzjoni. B’mod parallel mal-preżentata ta’ l-azzjoni fil-proċeduri preparatorji, il-vittma tista’ titlob li l-pretensjoni tiġi ggarantita. Prosekutur għandu jiddeċiedi dwar din il-kwistjoni, u d-deċiżjoni tiegħu tista’ tiġi appellata fil-qorti.

FuqFuq

Sakemm tinbeda l-proċedura legali l-eqreb qraba jistgħu jressqu azzjoni fil-każ tal-mewt tal-vittima. Jekk il-vittma tmut wara li titressaq l-azzjoni (sabiex l-attur ċivili wkoll imut), l-eqreb qraba jistgħu jassumu d-drittijiet tal-persuna li mietet fir-rigward tagħha (ara l-Artikolu 63 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

Jekk il-qorti kriminali tirrifjuta li tammetti l-azzjoni, il-vittma tista’, f’terminu limitat ta’ 30 jum mid-data tar-rifjut, tapplika biex l-azzjoni tiġi riferita għall-qorti ċivili.

Huwa biss fil-każijiet ta’ sejba ta’ ħtija jew ta’ waqfien taħt kondizzjonijiet tal-proċeduri, li l-qorti għandha tiddeċiedi dwar il-mertu tal-pretensjonijiet fl-azzjoni ċivili billi tammetti jew tiċħad l-azzjoni kollha jew parti minnha. Fil-każ ta’ deċiżjoni differenti, il-qorti għandha tħalli l-azzjoni mingħajr ma’ tinstema’. F’dak il-każ il-vittima għandha tressaq l-azzjoni tagħha fil-qrati ċivili.

Il-qorti tista’ tiddeklina milli taġġudika dwar l-obbligu li d-dannu jiġi kkumpensat. Jekk dan huwa l-każ, il-garanzija hija kkanċellata, iżda tista’ tressaq azzjoni fil-qorti ċivili f’terminu obbligatorju ta’ tliet xhur mill-validazzjoni tas-sentenza. Jekk titressaq azzjoni għall-kumpens ta’ dannu, il-garanzija tibqa’ valida, kemm-il darba ma tiddeċidix mod ieħor fil-proċeduri ċivili (l-Artikolu 294 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

Ir-rwol tal-prosekutur awżiljarju jippermetti wkoll lill-vittma tasserixxi d-drittijiet legali tagħha (inklużi dawk pekunjarji u dawk kumpensattivi) billi jgħin lill-prosekutur, li bħalma jissuġġerixxi l-isem stess, jirrappreżenta fuq kollox l-interess pubbliku.

FuqFuq

Jekk akkuża tkun inġiebet mill-prosekutur pubbliku, il-vittma tista’ tagħmel dikjarazzjoni (fil-forma miktuba jew bil-fomm, mar-rekord) li hija se tassumi r-rwol ta’ prosekutur awżiljarju sal-mument tal-bidu tal-proċedura fis-smigħ prinċipali. Vittmi oħrajn ta’ l-istess att kriminali jistgħu jissieħbu fil-proċeduri sakemm jinbdew il-proċeduri fis-smigħ prinċipali (u għalhekk fl-istess terminu).

Il-prosekutur awżiljarju ma jitlifx id-drittijiet tiegħu jekk il-prosekutur pubbliku jiddeċiedi li ma jipprosegwix.

Il-mewt tal-prosekutur awżiljarju ma tipprekludix proċeduri ulterjuri. L-eqreb persuni jistgħu jissieħbu fil-proċeduri fir-rwol ta’ prosekutur awżiljarju aċċessorju fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri. Sa fejn huwa kkonċernat il-prosekutur awżiljarju sussidjarju, l-eqreb persuna tista’ tissieħeb fil-proċeduri fi żmien tliet xhur.

Il-vittma tista’ tasserixxi d-drittijiet tagħha billi tressaq prosekuzzjoni privata fil-każ ta’ atti kriminali li jiġu mressqa bi prosekuzzjoni privata. Vittmi oħrajn ta’ l-istess att kriminali jistgħu jissieħbu fil-proċeduri pendenti sal-bidu tal-proċeduri legali fis-smigħ ewlieni. Jekk ikun jeħtieġ fl-interess pubbliku, il-prosekutur jista’ jibda l-proċeduri jew jissieħeb f’dawk pendenti. F’termini prattiċi dan jirreferi għal sitwazzjonijiet fejn mhuwiex magħruf fil-bidu nett tal-proċeduri jekk l-att kriminali huwiex se jiġi prosegwit bi prosekuzzjoni pubblika jew privata (eż., fejn l-att jikkostitwixxi offiża li għalih jgħodd l-Artikolu 156 il-Kodiċi Kriminali, jew sempliċi ksur ta’ l-invjolabbiltà personali ta’ individwu ieħor).

FuqFuq

Il-kumpens għad-dannu jista’ jkun marbut fil-qrib mal-miżuri preventivi provduti fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, jekk l-akkużat jew il-persuna l-oħra jiddepożitaw il-garanzija ddikjarata għal somma ta’ flus, fil-forma ta’ kontanti, garanziji, pleġġ jew ipoteka (garanzija fuq proprjetà hija prevista bħala miżura preventiva applikata sabiex jiġi ggarantit il-mixi xieraq tal-proċeduri). Il-proprjetà jew somma ta’ flus li jikkostitwixxu l-garanzija li ġew maqbuda jew miġbura huma trasferiti jew imħallsa lit-Teżor ta’ l-Istat. Il-vittma mbagħad għandha prijorità biex tissodisfa l-pretensjonijiet tagħha li jirriżultaw mill-att kriminali jekk id-dannu ma jistax jiġi kkumpensat b’mezzi oħrajn.

Meta l-vittma titlob kumpens għad-dannu kkawżat minn att illegali, il-garanzija minn qabel fuq il-proprjetà għall-għanijiet ta’ l-obbligazzjoni futura biex jingħata kumpens għad-dannu huwa importanti daqs l-att stess li jagħmel it-talba għall-kumpens skond l-Artikolu 46 tal-Kodiċi Kriminali.

1.4. Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew wara l-proċeduri?

Għandu jinħatar avukat għall-attur ċivili, skond ir-regoli provduti fil-proċedura ċivili. Avukat għall-prosekutur awżiljarju u għall-prosekutur privat jista’ jidher fil-proċedura.

Fil-każ ta’ att kriminali soġġett għal multa jew qbid ta’ proprjetà materjali, jew għall-impożizzjoni ta’ l-obbligu li jsir kumpens għad-dannu jew li jsir ħlas supplimentari, dawn il-penali jistgħu jiġu ggarantiti ex officio billi fuq il-proprjetà ta’ l-akkużat issir impożizzjoni (l-Artikolu 291 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali). Il-garanzija tinkiseb kif provdut fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Hemm possibbiltà li jiġu maqbuda l-mobbli jew drittijiet oħrajn ta’ proprjetà u li tiġi imposta projbizzjoni fuq il-bejgħ u l-ingumbrament tal-proprjetà immobbli. Din il-projbizzjoni għandha tiġi żvelata lil terzi fir-reġistru ta’ l-art u ta’ l-ipoteki jew, fejn ma jeżistix reġistru bħal dan, indikata fis-sett tad-dokumenti. Sa fejn huwa possibbli, il-proprjetà immobbli jew ditta li hija proprjetà tal-persuna akkużata tista’ titqiegħed taħt amministrazzjoni.

FuqFuq

Il-qorti tista’ tirrifjuta li taġġudika dwar l-obbligu li jingħata kumpens għad-dannu. Jekk dan hu l-każ, il-garanzija hija kkanċellata, iżda l-vittma tista’ tressaq azzjoni fil-qorti ċivili f’terminu obbligatorju ta’ tliet xhur mill-validazzjoni tas-sentenza. Jekk titressaq azzjoni għall-kumpens għad-dannu, il-garanzija tibqa’ valida, kemm-il darba l-qorti ma tiddeċidix mod ieħor fil-proċeduri ċivili (l-Artikolu 294 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprovdi għall-possibbiltà li jiġu ggarantiti talbiet materjali tal-vittma ta’ att kriminali wkoll fi stadju aktar bikri tal-proċeduri (L-Artikolu 295). Għalhekk il-Pulizija tista’ twettaq qbid provviżorju tal-proprjetà mobbli li tappartjeni għall-persuna suspettata, jekk hemm raġunijiet ta’ tħassib li jista’ jneħħihom b’mod li huwa detrimentali għall-vittma ta’ l-att kriminali. Il-qbid provviżorju jeħtieġ approvazzjoni b’ordni mill-prosekutur ta’ l-istat, maħruġa fi żmien ħamest ijiem.

1.5. Kif għandi nressaq it-talba tiegħi? Liema evidenza għandi nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Sa fejn hija kkonċernata ordni dwar danni kriminali (l-Artikolu 46 tal-Kodiċi Kriminali), il-vittma għandha tressaq talba għaliha u l-qorti għandha teżamina t-talba u tilħaq il-konklużjonijiet tagħha dwar l-evalwazzjoni tad-dannu soffert mill-vittma; madankollu, dan ma jħallix lill-vittma mingħajr rwol; id-dikjarazzjonijiet tal-vittma jistgħu jkunu utli f’dan ir-rigward.

Fil-każ ta’ azzjoni ċivili, il-valur ta’ l-oġġett ta’ kawża għandu jiġu stmat, skond il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Il-qorti ghandha tiddeċiedi li twaqqaf il-proċeduri fl-azzjoni ċivili marbuta mal-proċeduri kriminali jekk l-evidenza żvelata fil-kors tas-smigħ mhijiex biżżejjed għal sentenza dwar l-azzjoni u jekk il-ksib ta’ evidenza supplimentari jikkawża estensjoni konsiderevoli tal-proċeduri. F’azzjoni ċivili, il-vittma hija meħtieġa li jkollha rwol akbar.

FuqFuq

1.6. Huwa possibbli li nikseb il-kumpens mill-persuna li wettqet l-att kriminali? (ordni tal-kumpens)?

Fil-każijiet li jirrigwardaw l-atti kriminali li huma suġġetti għall-eżaminazzjoni taħt proċeduri sommarji (l-Artikolu 469 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), jiġifieri ġeneralment atti kriminali minuri, il-qorti, fuq il-bażi tal-materjal miġbur matul il-proċeduri preliminarji, tista’ toħroġ ordni kriminali (l-Artikolu 500 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u l-Artikoli sussegwenti). Meta toħroġ l-ordni kriminali, il-qorti għandha taġġudika t-talba kollha li tkun tressqet fl-azzjoni ċivili jew id-danni skond l-Artikolu 415 (5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

1.7. Jekk il-qorti tagħtini d-danni, hemm xi għajnuna speċjali li jiena, bħala vittma ta’ att kriminali, nista’ nagħmel użu minnha biex tiġi infurzata s-sentenza kontra min wettaq ir-reat?

Qorti li tkun aġġudikat talba għal dannu għall-proprjetà għandha tinkludi klawżola ta’ l-eżekuzzjoni ma’ deċiżjoni li hija soġġetta għall-eżekuzzjoni (l-Artikolu 107 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) fuq talba tal-persuna intitolata. Tiġi kkunsidrata deċiżjoni li timponi obbligu li jingħata kumpens għad-dannu kif ukoll deċiżjoni dwar pretensjonijiet għal dannu għall-proprjetà, jekk tkun tista’ tiġi infurzata bl-eżekuzzjoni taħt il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

2. Il-ksib tal-kumpens mill-istat

Fil-21 ta’ Settembru 2005 daħal fis-seħħ l-Att dwar il-Kumpens mill-Istat għall-Vittmi ta’ xi Atti Kriminali Intenzjonali. Il-kumpens huwa konsiderazzjoni bi flus imħallsa mill-baġit ta’ l-Istat lill-vittmi ta’ xi atti kriminali intenzjonali jew lill-eqreb qraba tagħhom. “Vittma” tfisser persuna naturali (ċittadin tar-Repubblika tal-Polonja jew kwalunkwe Stat Membru ieħor) li, b’riżultat ta’ att kriminali intenzjonali mwettaq bl-użu tal-vjolenza, mietet jew sofriet tfixkil fil-ħidma ta’ organu tal-ġisem jew tfixkil għas-saħħa kif provdut fl-Artikolu 156 (1) u 157 (1) tal-Kodiċi Kriminali.

FuqFuq

L-Att ikopri atti kriminali intenzjonali mwettqa biss fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja. L-Att introduċa prinċipju ta’ sussidjarjetà tal-kumpens ta’ l-Istat, li jfisser li jingħata biss meta l-persuna eliġibbli ma tistax tiksbu minn xi sors ieħor.

Il-kumpens jista’ jingħata irrispettivament minn jekk il-persuni li wettqu l-att ġewx identifikati, akkużati u/jew misjuba ħatja.

L-għotja tal-kumpens mill-Istat ma jirrilaxxax lill-persuna li wettqet l-att kriminali mill-obbligu tagħha li tikkumpensa d-dannu u lanqas ma tillimita d-dritt tal-vittma li titlob kumpens mill-persuna li wettqet l-att kriminali fil-proċeduri tal-qorti.

L-Artikolu 3 ta’ l-Att fih katalogu definit strettament ta’ spejjeż rimburżati: dawn jistgħu jkunu biss dħul mitluf jew mezzi oħrajn ta’ sussistenza, spejjeż mediċi jew spejjeż ta’ funeral. It-telf fl-interess materjali u l-kumpens għall-inġurji morali mhumiex koperti. L-ammont massimu possibbli tal-kumpens ġie stabbilit bħala PLN 12 000.

L-applikazzjonijiet għall-kumpens għandhom isiru f’terminu ta’ sentejn mit-twettiq ta’ att kriminali.

Kondizzjoni oħra biex jinkiseb il-kumpens hija l-istituzzjoni tal-proċeduri kriminali. Is-sitwazzjonijiet fejn il-proċeduri kriminali ma ġewx istitwiti minħabba li kien hemm ġrajja li tipprekludihom, eż., il-mewt tal-persuna li wettqet l-att kriminali, huma ttrattati fuq bażi eċċezzjonali. Iżda l-kumpens mhux dovut jekk il-proċeduri kriminali mibdija ma jitkomplewx għal dawn ir-raġunijiet:

  • ma twettaq ebda att kriminali jew hemm provi insuffiċjenti biex juru li twettaq att kriminali;
  • l-azzjoni in kwistjoni ma tikkostitwixxix att kriminali jew il-persuna responsabbli ma wettqitx att kriminali skond il-liġi;
  • l-impatt fuq is-soċjetà ta’ l-azzjoni in kwistjoni huwa negliġibbli;
  • il-proċeduri kriminali dwar l-istess att kriminali mwettaq mill-istess individwu ntemmu b’mod validu, jew hemm pendenti proċeduri istitwiti qabel;
  • ma sar ebda lment minn prosekutur awtorizzat;

jew jekk wara l-istituzzjoni tal-proċeduri legali l-qorti, wara li tkun stabbilixxiet iċ-ċirkostanzi provduti fl-Artikolu 17 (1) in-numri 1 u 2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, teħles lill-akkużat.

FuqFuq

Jekk jiġi aċċertat li ma kien hemm ebda raġunijiet għall-kumpens li tħallas, ladarba ma tkomplewx il-proċeduri kriminali jew jinħeles l-akkużat, l-Artikolu 13 (1) ta’ l-Att jipprovdi għal obbligu li jitħallas lura l-kumpens.

L-awtorità li tiddeċiedi dwar l-għotja tal-kumpens u fl-istess ħin li tħallas il-mezzi finanzjarji mill-baġit ta’ l-Istat hija qorti tad-distrett.

Il-formoli ta’ l-applikazzjoni għall-kumpens huma disponibbli għall-konvenjenza ta’ l-applikant.

L-awtorità li tassisti fit-territorju tal-Polonja hija l-prosekutur pubbliku tad-distrett.

Vittma ta’ att kriminali tista’ titlob il-kumpens għal dannu kkawżat minn uffiċjal pubbliku jew tal-gvern filwaqt li jwettaq id-dmirijiet tiegħu (l-Artikoli 415 – 421 tal-Kodiċi Ċivili). F’xi każijiet ir-responsabbiltà hija maqsuma bejn it-Teżor ta’ l-Istat u entità tal-gvern lokali jekk l-att kriminali sar waqt it-twettiq ta’ dmirijiet iddelegati mill-gvern ċentrali. Fit-18 ta’ Diċembru 2001, il-Qorti Kostituzzjonali rriteniet li l-Artikolu 418 tal-Kodiċi Ċivili, li llimita b’mod konsiderevoli l-possibbiltà li jintalbu d-danni mill-Istat, kien invalidu minħabba li kien jikser il-Kostituzzjoni.

Il-Kodiċi Pollakk dwar l-Infurzar tal-Pieni (l-Artikolu 43 (1), (2) u (3)) jipprovdi għal possibbiltà li tingħata għajnuna lill-vittmi ta’ atti kriminali u l-familji tagħhom mill-Fond ta’ Assistenza Post-Penitenzjarja, amministrat mill-Ministeru tal-Ġustizzja. Hija għajnuna sui generis li ma titħallasx lura mill-Istat, li mhijiex inkluża akkont ta’ kumpens fil-futur. Din l-assistenza tingħata direttament minn president ta’ qorti kompetenti jew imħallfin awtorizzati u uffiċjali professjonali tal-probazzjoni u tas-superviżjoni. Indirettament, din l-għajnuna tista’ tingħata minn organizzazzjoni mhux governamentali, li tkun kisbet mezzi mill-fond għall-assistenza lil vittmi ta’ atti kriminali u l-familji tagħhom. B’mod partikolari l-assistenza tikkonsisti fl-għotja ta’ benefiċċji f’kontanti, li jkopru l-ispejjeż għax-xiri ta’ l-ikel, mediċini, ħwejjeġ, ħlasijiet ta’ kera jew biex jitħallsu l-ispejjeż ta’ parir speċjalizzat legali jew psikoloġiku.

« Kumpens għall-vittmi tal-kriminalità - Informazzjoni Ġenerali | Polonja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 28-02-2008

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit