Kummissjoni Ewropea > NGE > Ftuħ ta’ kawża fil-qorti > Repubblika Ċeka

L-aħħar aġġornament: 12-05-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Ftuħ ta’ kawża fil-qorti - Repubblika Ċeka

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. Il-verżjoni tal-lingwa oriġinali ġiet aġġornata u trasferita lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Għandi għalfejn nidħol il-qorti? 1.
2. Għadni fil-ħin li niftaħ kawża fil-qorti? 2.
3. Jiena ċert li għandi mmur f’qorti fir-Repubblika Ċeka? 3.
4. Jekk fl-affermattiv, f’liema qorti partikulari għandi mmur fir-Repubblika Ċeka, meqjus fejn ngħix u fejn il-parti l-oħra tgħix, jew aspetti oħra tal-każ tiegħi? 4.
5. F’liema qorti partikulari għandi mmur f’dan l-Istat Membru, meta wieħed iqis in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont involut? 5.
6. Nista’ niftaħ kawża fil-qorti waħdi jew ikolli nsaqsi intermedjarju, bħal avukat, biex jirrappreżentani? 6.
7. Għand min eżattament għandi napplika: fl-uffiċċju tal-preżentati jew fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew ta’ xi amministrazzjoni oħra? 7.
8. F’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nagħmlu bil-fomm jew jeħtieġ li jkun bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors tiegħi bil-faks jew bil-posta elettronika? 8.
9. Jeżistu formoli speċjali biex jinġiebu azzjonijiet, jew, jekk fin-negattiv, kif nista’ nippreżenta l-każ tiegħi? Jeżistu elementi li għandhom ikunu inklużi fl-inkartament tal-qorti? 9.
10. Ikolli nħallas spejjeż tal-qorti? 10.
11. Ikolli nħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti? Jekk fl-affermattiv, ikolli nħallas lill-avukat mill-bidu nett? Nista’ napplika għal kontribuzzjoni għall-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedimenti? 11.
12. F’liema mument jitqies li l-azzjoni ġiet uffiċjalment imressqa? L-awtoritajiet jagħtuni xi konferma li l-każ tiegħi kien ippreżentat sewwa? 12.
13. Ningħata informazzjoni dettaljata dwar x’ikun ser jiġri wara (bħaż-żmien mogħti biex jiena nidher)? 13.

 

OBSAH

1. Għandi għalfejn nidħol il-qorti?

Kulħadd huwa intitolat imur il-qorti biex jitlob il-ħarsien ta' dritt li jkun ġie mhedded jew miksur. Hija dejjem idea tajba li wieħed jipprova jsolvi tilwima bonarjament. Jistgħu jintużaw ukoll diversi metodi alternattivi għas-soluzzjoni ta' tilwim. F'xi oqsma tad-dritt privat l-Istat jagħmilha possibbli għall-partijiet f'relazzjoni mad-dritt privat li jafdaw tilwima legali lil korp privat. Fir-Repubblika Ċeka, l-Att Nru 216/1994 stabbilixxa regoli relattivi għall-arbitraġġ. Attwalment qed jitħejja Att dwar il-medjazzjoni fi kwistjonijiet mhux kriminali. L-arbitraġġ iwassal għal deċiżjoni arbitrali li torbot liż-żewġ partijiet fit-tilwima u tieħu l-għamla ta' dritt eżegwibbli. Għal aktar dettalji ara "Soluzzjonijiet Alternattivi tat-Tilwim - ir-Repubblika Ċeka".

Ukoll wara li tkun dħalt il-qorti, ikun għadu possibbli li titlob lill-qorti tagħmel tentattiv għal konċiljazzjoni jekk in-natura tal-każ tkun tippermetti (Sezzjonijiet 67-69 u Sezzjoni 99 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili). Konċiljazzjoni approvata mill-qorti għandha l-istess effetti bħal ta' sentenza finali. Fl-istess waqt, hija tagħti dritt li jista' jkun eżegwit b'mezzi ġudizzjarji. Il-prinċipju ta' 'ne bis in idem' japplika għal konċiljazzjoni approvata mill-qorti.

2. Għadni fil-ħin li niftaħ kawża fil-qorti?

It-terminu preskrittiv ivarja f'diversi każi u jkun, għalhekk, aħjar li wieħed ikellem lil konsulent legali qabel ma jgħaddi wisq żmien. Talba għandha tkun ippreżentata fil-qorti kompetenti qabel ma t-terminu preskrittiv jiskadi (rikors għandu jkun ippreżentat fil-qorti fil-perjodu stipulat).

FuqFuq

Jekk it-terminu preskrittiv stipulat mil-liġi jkun skada, l-obbligazzjoni tad-debitur ma tintemmx iżda tidgħajjef. Dan ifisser illi din ma tkunx eżigwibbli jekk id-debitur jeċċepixxi li t-terminu preskrittiv ikun skada. Id-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-termini huma stabbiliti fis-Sezzjonijiet 100-114 tal-Att Nru 40/1964 (il-Kodiċi Ċivili). It-terminu preskrittiv għal obbligazzjonijiet kummerċjali huwa rregolat mis-Sezzjonijiet 387-408 tal-Att Nru 513/1991 (il-Kodiċi tal-Kummerċ). It-terminu ġenerali ta' preskrizzjoni huwa ta' tliet snin u jibda jiddekorri mill-jum li fih id-dritt seta' jkun eżegwit għall-ewwel darba. Fil-każ ta' obbligazzjonijiet kummerċjali, it-terminu ġenerali ta' preskrizzjoni huwa ta' erba' snin. It-tul ta' termini ġenerali ta' preskrizzjoni jiddependi min-natura tad-drittijiet mitluba.

Ara wkoll "Termini proċedurali ta' żmien - ir-Repubblika Ċeka".

3. Jiena ċert li għandi mmur f’qorti fir-Repubblika Ċeka?

Ara "Ġuriżdizzjoni tal-qrati".

4. Jekk fl-affermattiv, f’liema qorti partikulari għandi mmur fir-Repubblika Ċeka, meqjus fejn ngħix u fejn il-parti l-oħra tgħix, jew aspetti oħra tal-każ tiegħi?

Il-ġuriżdizzjoni tal-qorti hija ddeterminata mir-regoli ta' ġuriżdizzjoni territorjali, sustantiva u funzjonali. Ġuriżdizzjoni sostantiva tiddefinixxi l-kompetenza tad-diversi tipi ta' qrati, jiġifieri liema qorti tiddeċiedi l-pendenza fil-prim'istanza. Fi proċedimenti ċivili, ġuriżdizzjoni ċivili tfisser li qrati distrettwali jkollhom kompetenza għal proċedimenti fil-prim'istanza. Ġuriżdizzjoni territorjali tiddefinixxi l-kompetenza ta' qrati tal-istess tip, fi kliem ieħor liema qorti partikolari ta' prim'istanza għandha tisma' u tiddeċiedi każ partikulari. Il-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali hija l-qorti (domestika) ordinarja tal-parti li kontra tagħha tkun qed tittieħed l-azzjoni (il-konvenut), ħlief fejn il-liġi tistipula mod ieħor.

FuqFuq

Il-qorti ordinarja ta' parti fi proċedimenti hija ddeterminata skont jekk il-parti tkunx persuna fiżika (jew, għall-preċiżjoni, persuna fiżika li tkun qed tagħmel attività ta' negozju) jew entità ġuridika (hemm dispożizzjonijiet speċjali li jiddeterminaw il-qorti ordinarja għall-Istat, muniċipalitajiet u awtoritajiet lokali). B'mod ġenerali, il-qorti ordinarja ta' persuna fiżika hija l-qorti distrettwali li fid-distrett tagħha l-persuna fiżika jkollha r-residenza tagħha jew, jekk il-persuna ma jkollhiex residenza fissa, il-qorti li fid-distrett tagħha dik il-persuna tkun attwalment tinsab. Jekk persuna fiżika jkollha diversi postijiet ta' residenza, il-qorti ordinarja tinkludi l-qrati kollha distrettwali li fid-distretti tagħhom dik il-persuna tgħix bil-ħsieb li jkollha r-residenza tagħha hemmhekk b'mod permanenti. Fil-każ ta' entità ġuridika, il-qorti ordinarja hija l-qorti li fid-distrett tagħha jkun jinsab l-uffiċċju reġistrat tal-entità ġuridika. Jekk qorti reġjonali jkollha kompetenza sustantiva fuq il-kwistjoni fil-prim'istanza, il-qorti b'kompetenza territorjali tkun il-qorti li fid-distrett tagħha tkun tinsab il-qorti ordinarja tal-parti. Ġuriżdizzjoni funzjonali tiddefinixxi l-kompetenza tad-diversi tipi ta' qrati li wara jkunu involuti fis-smigħ tal-istess każ fejn ikunu ġew ippreżentati appelli ordinarji u straordinarji (fi kliem ieħor, hija tiddetermina liema qorti tiddeċiedi appelli ordinarji u straordinarji).

5. F’liema qorti partikulari għandi mmur f’dan l-Istat Membru, meta wieħed iqis in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont involut?

Kif indikat hawn fuq (ara l-mistoqsija 4), ir-regoli tal-ġuriżdizzjoni sostantiva tfisser li fi proċedimenti ċivili, fil-prinċipju, huma l-qrati distrettwali li għandhom ġuriżdizzjoni fil-prim'istanza. L-unika eċċezzjoni għal din ir-regola hija li l-qrati reġjonali jisimgħu u jiddeċiedu l-każijiet speċifikati fis-Sezzjoni 9(2) u (3) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili. Dan jinkludi, b'mod partikolari, it-teħid ta' deċiżjonijiet f'każijiet li n-natura tagħhom teħtiġilhom ċertu tagħrif espert u każijiet li jkunu aktar kumplessi fil-fatt u fid-dritt (bħall-protezzjoni ta' individwu, tilwim li jirriżulta mill-Att dwar id-Dritt tal-Awtur u d-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw il-protezzjoni tad-dejta personali f'sistemi ta' informazzjoni). Barra minn dan, il-qrati reġjonali jiddeċiedu fil-prim'istanza l-każijiet kummerċjali speċifikati fis-Sezzjoni 9(3) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili; il-każijiet kummerċjali kollha li mhumiex speċifikati hemmhekk jinstemgħu u jkunu deċiżi mill-qrati distrettwali.

FuqFuq

6. Nista’ niftaħ kawża fil-qorti waħdi jew ikolli nsaqsi intermedjarju, bħal avukat, biex jirrappreżentani?

Fir-Repubblika Ċeka, rappreżentazzjoni minn avukat mhix ġeneralment obbligatorja fi proċedimenti ċivili.

Kulmin ikollu l-kapaċità li jħarrek jew li jkun imħarrek, jiġifieri kulmin ikollu l-kapaċità legali (Sezzjonijiet 8-10 tal-Kodiċi Ċivili), ikun jista' jaġixxi fir-rigward ta' qorti u quddiemha. Persuna fiżika tikseb kapaċità sħiħa li tħarrek u li tkun imħarrka malli tilħaq l-età maġġuri, li hija ta' tmintax-il sena. Qabel dik l-età, persuna tista' tikseb l-età maġġuri biss biż-żwieġ. Parti fi proċedimenti li ma jkollhiex kapaċità sħiħa li tħarrek u li tkun imħarrka għandha tkun rappreżentata fil-proċedimenti. Persuna tista' ma jkollhiex il-kapaċità li tħarrek u li tkun imħarrka jekk qorti tkun illimitat il-kapaċità tagħha jew ċaħħdithiela.

Meta persuni fiżiċi ma jkollhomx kapaċità legali, jaġixxi f'isimhom rappreżentant. Parti fi proċedimenti tista' tkun rappreżentata:

  1. minn rappreżentant legali (Sezzjoni 22 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili);
  2. minn persuna li l-parti taħtar bi prokura (Sezzjonijiet 24-28a tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili);
  3. minn rappreżentant magħżul b'deċiżjoni ta' qorti (Sezzjonijiet 29-31 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili). L-awtorità biex wieħed jaġixxi bħala rappreżentant tingħata jew b'liġi, jew permezz ta' deċiżjoni ta' korp tal-Istat (rappreżentazzjoni legali) jew bi qbil dwar prokura. Kull persuna li taġixxi fi proċedimenti bħala rappreżentant ta' parti fi proċedimenti għandha tagħti prova tal-awtorità tagħha li taġixxi bħala rappreżentant.

7. Għand min eżattament għandi napplika: fl-uffiċċju tal-preżentati jew fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew ta’ xi amministrazzjoni oħra?

Talba (rikors biex jinbdew proċedimenti) għandha tkun ippreżentata fil-qorti li jkollha l-kompetenza sostantiva, territorjali u funzjonali. L-indirizzi tal-qrati Ċeki jinsabu fil-websajt li ġejja tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Ċeka: http://portal.justice.cz/uvod/Justice.aspx?id=soud ceština - English.

FuqFuq

8. F’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nagħmlu bil-fomm jew jeħtieġ li jkun bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors tiegħi bil-faks jew bil-posta elettronika?

Il-partijiet fi proċedimenti għandhom status ugwali u huma intitolati jaġixxu quddiem qorti fl-ilsien ta' art twelidhom (Sezzjoni 18 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili). Talba (rikors biex jinbdew proċedimenti) tista' tkun ippreżentata fl-ilsien art twelid tar-rikorrent. Biex it-talba tiegħek tiġi kkunsidrata malajr ikun aħjar, iżda, li tinkludi traduzzjoni biċ-Ċek ta' kull dokument indirizzat lill-qorti.

Rikors biex jinbdew proċedimenti jista' jkun ippreżentat bil-miktub, bil-fomm (irreġistrat) fl-uffiċċju tal-preżentati tal-qorti, fil-forma elettronika, b'telegramma jew bil-faks. Rikors jista' jsir bil-fomm fi proċedimenti dwar permess biex wieħed jiżżewweġ, fi proċedimenti biex tkun stabbilita jew miċħuda l-paternità, fi proċedimenti biex ikun stabbilit jekk ikunx meħtieġ il-kunsens tal-ġenituri tal-minuri għall-adozzjoni tiegħu jew tagħha, fi proċeduri ta' adozzjoni - liema proċedimenti jistgħu jinbdew ukoll mingħajr rikors, kif ukoll fil-każ ta' rikorsi għall-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni maħruġa fi proċedimenti bħal dawn. Kull qorti distrettwali għandha tlesti inkartament għal rikors bħal dan u tibagħtu mingħajr dewmien lill-qorti kompetenti. Rikors ta' din ix-xorta jkollu l-istess effetti daqs li kieku jkun sar direttament lill-qorti kompetenti. Rikors magħmul fil-forma elettronika, b'telegramma jew faks għandu jkun akkumpanjat bl-oriġinal jew b'kopja identika bil-miktub mill-anqas fi żmien tlett ijiem. Dan l-obbligu ma japplikax għal rikorsi magħmulin fil-forma elettronika akkumpanjati minn firma elettronika avvanzata kkonfermata minn ċertifikat kwalifikat rikonoxxut (skont l-Att Nru 227/2000).

FuqFuq

9. Jeżistu formoli speċjali biex jinġiebu azzjonijiet, jew, jekk fin-negattiv, kif nista’ nippreżenta l-każ tiegħi? Jeżistu elementi li għandhom ikunu inklużi fl-inkartament tal-qorti?

Ma hemmx formoli preskritti biex tkun ippreżentata talba (rikors biex jinbdew proċedimenti). Talba għandu jkollha elementi ġenerali u speċifiċi.

L-elementi ġenerali jinkludu l-indikazzjoni tal-qorti li lilha jkun indirizzat ir-rikors u l-isem tal-persuna li tissottomettieh. Barra minn hekk, għandu jirriżulta ċar mir-rikors liema rimedju jkun qed jintalab (f’liema rigward) u r-rikors għandu jkun iffirmat u datat. L-elementi speċifiċi jinkludu l-ismijiet, il-kunjomijiet u l-indirizzi tal-partijiet fil-proċedimenti (fil-każ ta’ entità ġuridika l-isem tan-negozju u l-uffiċċju reġistrat ukoll); jekk il-partijiet ikunu rappreżentati fil-proċedimenti, id-dettalji tar-rappreżentanti tagħhom għandhom ikunu inklużi wkoll; deskrizzjoni tal-fatti ewlenin u l-preżentazzjoni tax-xhieda. Talba għandha tagħmilha ċara x’ikun qed jitlob ir-rikorrent. Fejn ir-rikors ikun relatat ma’ kwistjonijiet kummerċjali, għandu jkun iddikjarat ukoll in-numru ta’ identifikazzjoni tal-entità ġuridika u tal-persuna fiżika li tkun qed tagħmel in-negozju inkwistjoni.

Jekk ir-rikors ma jkollux l-elementi preskritti jew ma jkunx jista’ jinftiehem jew ma jkunx ċar, il-qorti tistieden lill-parti biex tikkoreġi dawn in-nuqqasijiet fit-terminu preskritt. Jekk il-parti tonqos li tagħmel dan, il-qorti tissospendi l-proċedimenti.

L-għadd meħtieġ ta’ kopji ta’ rikors għandu jkun sottomess b’mod li l-qorti jkollha kopja waħda u kull parti tirċievi kopja waħda wkoll, jekk ikun meħtieġ.

FuqFuq

10. Ikolli nħallas spejjeż tal-qorti?

L-ispejjeż tal-qorti jitħallsu għal proċedimenti quddiem il-qrati tar-Repubblika Ċeka, jiġifieri għall-atti speċifikati fl-iskeda tat-tariffi u għal atti magħmulin mill-qrati u mill-amministrazzjoni tal-qorti. L-ammonti ta' dawn l-ispejjeż huma stabbiliti mill-Att Nru 549/1991 dwar l-ispejjeż tal-qorti. L-ispejjeż tal-qorti huma ffissati bħala somma waħda jew bħala perċentwali tal-valur tas-suġġett tal-proċedimenti.

Għadd ta' każijiet (l-aktar każijiet mhux kontenzjużi) huma eżenti minn kull ħlas ta' spejjeż. Dawn "il-każijiet eżenti skont is-suġġett" jinkludu b'mod partikolari kwistjonijiet relatati ma' tutela, adozzjoni, kura ta' minuri, dmirijiet tal-ġenituri u manteniment reċiproku tal-ulied, eċċ. Proċedimenti bħal dawn mhumiex soġġetti għal ħlas ta' spejjeż.

Rikorrenti fil-proċedimenti li ġejjin huma personalment eżenti minn ħlas ta' spejjeż: l-iffissar tal-ammont ta' ħlas ta' manteniment, kumpens għal ħsara lis-saħħa li tiġi minn inċidenti fuq il-post tax-xogħol jew mard okkupazzjonali, eċċ. Fejn ir-rikorrent ikun personalment eżenti mill-ħlas ta' spejjeż fi proċedimenti u l-qorti tiddeċiedi favur tiegħu/tagħha, l-ispejjeż għandhom jitħalsu mill-konvenut.

Barra minn hekk, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet individwali lil parti meta jitqiesu l-proprjetà u l-mezzi tagħha. Jekk ir-rikorrent ikun fi bżonn materjali minħabba nuqqas ta' impjieg fit-tul, mard serju, eċċ., huwa/hija jistgħu jitolbu lill-qorti għal eżenzjoni sħiħa jew parzjali mill-ħlas ta' spejjeż. Ikun aħjar jekk it-talba tinhemeż mar-rikors tiegħu/tagħha. Meta tkun qed tiddeċiedi tagħtix eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti, il-qorti tqis il-proprjetà u l-finanzi tar-rikorrent u ċ-ċirkustanzi soċjali tiegħu, l-ammont ta' spejjeż tal-qorti li jkollu jitħallas, in-natura tat-talba segwita, eċċ. Iżda eżenzjoni tista' ma tingħatax għal rikorsi vessatorji, rikorsi li jkunu jidhru li mhux ser jirnexxu jew rikorsi ta' difiża ta' xi dritt. Ara wkoll "Għajnuna legali - ir-Repubblika Ċeka".

FuqFuq

L-ispejjeż tal-qorti għandhom jitħallsu mal-preżentata ta' rikors biex jinbdew proċedimenti. Jekk ma jitħallsux mal-preżentata, il-qorti tistieden lill-parti biex tħallas l-ispejjeż u tgħarrafha li jekk l-ispejjeż ma jitħalsux fit-terminu preskritt, il-proċedimenti jkunu sospiżi.

11. Ikolli nħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti? Jekk fl-affermattiv, ikolli nħallas lill-avukat mill-bidu nett? Nista’ napplika għal kontribuzzjoni għall-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedimenti?

Ara "Għajnuna Legali - ir-Repubblika Ċeka".

12. F’liema mument jitqies li l-azzjoni ġiet uffiċjalment imressqa? L-awtoritajiet jagħtuni xi konferma li l-każ tiegħi kien ippreżentat sewwa?

Proċedimenti tal-qorti jitqiesu li jkunu nbdew fil-jum li l-qorti tirċievi r-rikors jew li fih toħroġ digriet biex jinbdew proċedimenti mingħajr rikors. Malli r-rikors jasal għand il-qorti, il-proċedimenti jinbdew; il-qorti ma tibgħatx konferma speċjali li jkunu nbdew proċedimenti. Jekk it-talba (rikors) tkun ippreżentata mill-persuna fl-uffiċċju tal-preżentati tal-qorti, konferma tal-preżentata tista’ tintalab f’għamla ta’ timbru fuq kopja tar-rikors. Jekk ikun hemm nuqqasijiet fil-preżentata, il-qorti tistieden lill-partijiet biex jikkoreġuhom. Jekk il-partijiet jonqsu li jagħmlu dan fit-terminu preskritt mill-qorti, il-proċedimenti jkunu sospiżi.

13. Ningħata informazzjoni dettaljata dwar x’ikun ser jiġri wara (bħaż-żmien mogħti biex jiena nidher)?

Mhemmx termini preskritti li fihom il-qrati għandhom jiddeċiedu dwar ilmenti. Ġaladarba l-proċeduri jkunu nbdew, il-qorti tipproċedi wkoll jekk ma jsirux sottomissjonijiet aktar. Il-qorti għandha tinnotifika t-talba (rikors biex jinbdew proċedimenti) personalment lill-partijiet l-oħra fil-proċedimenti. Matul il-proċedimenti, il-qorti tavża lill-partijiet bid-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Jekk ikun meħtieġ li tittieħed ċerta azzjoni proċedurali, il-qorti tiffissa t-terminu li matulu din l-azzjoni jkollha titwettaq. Il-partijiet fil-proċedimenti u r-rappreżentanti tagħhom ikunu intitolati jaraw l-inkartament ġudizzjarju, ħlief ir-reġistrazzjoni tal-votazzjoni, u li jieħdu estratti minnu u kopji tiegħu. L-imħallef sedenti jista’ jawtorizza lil kull persuna li jkollha interess ġuridiku fil-kawża jew raġuni serja biex tagħmel hekk li tara l-inkartament u tieħu estratti minnu u kopji tiegħu, sakemm ma jkunx inkartament li l-kontenut tiegħu għandu jibqa’ sigriet u kunfidenzjali skont dispożizzjonijiet legali speċifiċi.

« Ftuħ ta’ kawża fil-qorti - Informazzjoni Ġenerali | Repubblika Ċeka - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 12-05-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit