Kummissjoni Ewropea > NGE > Falliment > Isvezja

L-aħħar aġġornament: 11-05-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Falliment - Isvezja

EJN logo

Din il-paġna issa skadiet. L-aġġornament qed jitħejja bħalissa u jkun disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.


 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Liema huma t-tipi u l-għanijiet differenti tal-proċeduri tal-insolvenza? 1.
2. X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ kull tip ta’ proċedura ta’ insolvenza? 2.
3. X’inhu l-irwol tad-diversi parteċipanti f’kull tip ta’ proċedura? 3.
4. X’inhuma l-effetti tal-ftuħ tal-proċeduri? 4.
5. X’inhuma r-regoli speċifiċi relatati ma’ ċerti kategoriji ta’ pretensjonijiet? 5.
6. X’inhuma r-regoli relatati ma’ azzjonijiet detrimentali? 6.
7. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex issir u biex tiġi aċċettata pretensjoni? 7.
8. X’inhuma r-regoli relatati mal-organizzazzjoni mill-ġdid u l-istrutturar mill-ġdid tad-dejn? 8.
9. X’inhuma r-regoli relatati mal-istralċ u l-għeluq tal-proċeduri? 9.

 

1. Liema huma t-tipi u l-għanijiet differenti tal-proċeduri tal-insolvenza? 

L-insolvenza skont id-definizzjoni fl-Att Żvediż dwar l-Insolvenza (1987:672) tibda teżisti meta wieħed ma jkunx kapaċi jħallas id-djun tiegħu b'mod normali u meta din l-inabilità ma tkunx temporanja. Il-persuni li jxolju jistgħu jiġu ddikjarati falluti (i konkurs) irrispettivament minn jekk humiex persuni legali jew naturali.

Soluzzjonijiet oħra qabel ma l-insolvenza tkun finali

Kemm il-kumpaniji u l-individwi privati jistgħu jidħlu fi ftehim volontarju mal-kredituri sabiex jitnaqqsu d-djun tagħhom. Dawn l-arranġamenti m'humiex speċifikament regolati bil-liġi iżda jiġu trattati bl-istess mod bħal forom oħra ta' ftehim.

Il-kumpaniji jistgħu japplikaw għal organizzazzjoni mill-ġdid (rekonstruktion) taħt l-Att dwar l-Organizzazzjoni mill-ġdid (1996:764). Il-proċedura tal-organizzazzjoni mill-ġdid tista' tintuża biss jekk il-kumpanija ma tkunx kapaċi tħallas id-djun li għandha tagħti jew ma tkunx kapaċi tagħmel dan fil-futur qarib. Għandu jkun hemm ukoll argumenti raġonevoli biex wieħed jemmen li l-organizzazzjoni mill-ġdid tista' tilħaq l-għan tagħha. Hemm bżonn li jew id-debitur stess ikun l-applikant jew inkella jkun aċetta li ssir l-applikazzjoni għall-organizzazzjoni mill-ġdid (ara mistoqsija 8).

Kemm l-insolvenza u anke l-organizzazzjoni mill-ġdid jippermettu li jintlaħaq ftehim mal-kredituri li fih parti mid-dejn biss ikollu jitħallas lura. Dan il-ftehim jista' jkun volontarju iżda jista' wkoll ikun impost minn qorti, f'liema każ ikun obbligatorju fuq il-kredituri kollha (kompożizzjoni pubblika).

FuqFuq

Persuni naturali jistgħu japplikaw għal strutturar mill-ġdid tad-dejn (skuldsanering) taħt l-Att dwar l-Istruttura mill-Ġdid tad-Dejn (2006:548). Il-kundizzjonijiet huma li l-persuna trid tkun residenti fl-Iżvezja, u tant trid tkun mgħarrqa fid-dejn li m'hemmx ċans li tħallas id-djun tagħha fil-futur qarib u jrid ikun xieraq li jsir ftehim dwar l-istrutturar mill-ġdid tad-dejn (ara mistoqsija 8).

2. X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ kull tip ta’ proċedura ta’ insolvenza? 

Debitur (sew jekk huwa persuna naturali jew kumpanija) li jkun xolja, i.e. id-debitur mhux kapaċi jħallas id-djun tiegħu b'mod normali u din l-inabilità mhix temporanja, jista' jiġi ddikjarat fallut.

Il-petizzjoni għall-falliment titressaq fil-qorti fejn id-debitur hu residenti, jew f'każ ta' kumpanija fejn hu stabbilit id-debitur. Il-petizzjoni tista' titressaq kemm mid-debitur jew mill-kreditur. Il-qorti tiddeċiedi dwar il-falliment u tappunta riċevitur uffiċjali. Id-deċiżjoni dwar il-falliment trid tiġi ppubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali (Post- och Inrikes Tidningar) u f'gazzetta waħda jew iżjed li jkunu qed jiġu ċċirkolati fir-reġjun.

3. X’inhu l-irwol tad-diversi parteċipanti f’kull tip ta’ proċedura? 

Il-qorti

Il-falliment hu proċedura ġudizzjarja. Il-qorti tiddeċiedi jekk proċedura għall-falliment tinbediex jew tiġix terminata. Ċerti deċiżjonijiet li jittieħdu waqt il-proċedura jridu jittieħdu wkoll mill-qorti.

Ir-riċevitur

Ir-riċevitur uffiċjali jamministra l-beni tul il-proċedura. Irid jikkunsidra d-drittijiet komuni tal-kredituri u jagħmel stralċ tal-beni mill-iżjed fis possibbli. Ir-riċevitur jieħu ħsieb il-propjetà tad-debitur, ibigħ il-beni u jaqsam il-bilanċ fost il-kredituri fl-ordni ta' preferenza kif stabbilita mil-liġi.

FuqFuq

L-Uffiċċju tas-Superviżjoni

L-Uffiċċju tas-Superviżjoni (Tillsynsmyndigheten) (li hu parti mill-Awtorità tal-Infurzar (Kronofogdemyndigheten)) jissorvelja l-amministrazzjoni tal-beni.

Il-fallut

Hemm obbligu bil-liġi fuq il-fallut (fuq id-diretturi f'każ ta' kumpanija) li jikoopera mar-riċevitur, il-qrati u l-Uffiċċju tas-Superviżjoni u li jipprovdilhom l-informazzjoni. Il-fallut hu obbligat li jieġu ġurament quddiem il-qorti li d-dikjarazzjoni tal-affarijiet tiegħu hi korretta. Wara li tkun ingħatat id-deċiżjoni u qabel ma l-fallut ikun ħalef id-dikjarazzjoni tal-affarijiet, ma jistax jitlaq mill-pajjiż mingħajr il-permess tal-qorti.

Il-kredituri

Id-drittijiet komuni tal-kredituri jridu jiġu protetti mir-riċevitur uffiċjali. Dwar affarijiet importanti, ir-riċevitur jista' jistaqsi lill-kredituri li għandhom interess partikolari u l-kredituri jistgħu jissejħu biex jidhru l-qorti bil-ġurament. L-Att dwar il-Falliment (1987:672) jistabilixxi regoli iżjed dettaljati dwar id-drittjiet tal-kredituri fil-proċedura.

4. X’inhuma l-effetti tal-ftuħ tal-proċeduri? 

Il-propjetà kollha tad-debitur hi inkluża fil-beni tal-falliment u sakemm ikun possibbli għandha tintuża biex jitħallsu d-djun. Madankollu, persuna naturali li tiġi dikjarata falluta tista' żżomm ċertu oġġetti personali li ma jistgħux jinqabdu skont ir-regoli tal-qbid taħt il-kodiċi tal-infurzar tad-dejn.

Il-fallut ma jistax jiddisponi minn propjetà li tappartjeni għall-beni. Għaldaqstant ma jistax jidħol fi ftehim jew, Pereżempju, ibigħ assi jew iħallas djun li jiffurmaw parti mill-beni. Ladarba tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar il-falliment, propjetà li tappartjeni għall-beni ma tistax tinħataf sakemm xi ass ma jkunx ġie mogħti bi pleġġ bħala sigurtà għal talba speċifika.

FuqFuq

Artikoli 21 u 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000

Dawn l-artikoli huma relatati mal-pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet għal proċeduri ta' insolvenza miftuħa u r-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni, fiż-żewġ każijiet fi Stat Membru ieħor. Meta tkun ittieħdet deċiżjoni li l-proċeduri tal-insolvenza ewlenija jsiru fi Stat Membru ieħor u d-debitur ikollu stabbiliment tan-negozju fl-Iżvezja d-deċiżjoni trid tiġi nnotifikata lill-Uffiċċju Żvediż tar-Reġistrazzjoni tal-Kumpaniji (Bolagsverket). Jeżistu wkoll każijiet oħra fejn trid issir din in-notifika. L-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Kumpaniji imbagħad jippubblika d-deċiżjoni fil-Gazzetta Uffiċjali.

L-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Kumpaniji jinnotifika wkoll lir-reġistri pubbliċi msemmija fl-Artikolu 22. Fl-Iżvezja, ir-reġistrazzjoni obbligatorja msemmija fl-Artikolu 22(2) hi r-responsabbilità tar-riċevitur uffiċjali jew l-amministratur tal-organizzazzjoni mill-ġdid kif xieraq.

5. X’inhuma r-regoli speċifiċi relatati ma’ ċerti kategoriji ta’ pretensjonijiet? 

Tpaċija

Persuna li għandha pretensjoni kontra d-debitur tista' tagħmel tpaċija kontra pretensjoni li d-debitur għandu kontriha sakemm il-pretensjonijiet ikunu tal-istess tip (eż ikunu it-tnejn pretensjonijiet ta' natura finanzjarja) u l-pretensjoni tal-kreditur tkun bdiet teżisti qabel id-deċiżjoni tal-falliment.

Pretensjonijiet preferenzjali (förmånsrätt)

Il-kredituri li għandhom sigurtà bi pretensjoni preferenzjali speċjali huma intitolati li jirċievu l-ħlas mill-assi qabel il-kredituri l-oħra. Dan jista' jkun il-każ, Pereżempju, meta ċertu ass ikun ġie pleġġjat bħala sigurtà.

FuqFuq

Il-kredituri li jkollhom sigurtà bi pretensjoni preferenzjali ġenerali huma intitolati li jirċievu l-ħlas qabel il-kredituri l-oħra bi pretensjoni inqas preferenzjali u l-kredituri bl-ebda pretensjoni preferenzjali. Pereżempju, garanzija ġenerika jkollha pretensjoni preferenzjali ġenerali. Il-pretensjonijiet li m'għandhomx drittijiet preferenzjali huma kollha ttrattati b'mod ugwali fid-distribuzzjoni tal-assi.

Garanziji ġeneriċi

Garanzija ġenerika hi sigurtà li għandha pretensjoni preferenzjali ġenerali. Madankollu, hi limitata b'mod li l-pretensjoni preferenzjali tapplika biss għal 55% tal-valur tal-assi li jibqgħu wara li jkunu tħallsu l-kredituri bi pretensjonijiet aħjar.

Kuntratti ta' impjieg

Il-kuntratti tal-impjieg ma jsirux awtomatikament inapplikabbli jekk min iħaddem jiġi ddikjarat fallut, u r-riċevitur uffiċjali jrid jiddeċiedi jekk jagħtix in-notifika tat-terminazzjoni. Il-pretensjoni ta' impjegat fir-rigward tal-ħlas ta' salarju jew rimunerazzjoni oħra tgawdi minn status preferenzjali ġenerali għal ċertu perjodu taż-żmien. Ir-regola bażika hi li pretensjonijiet li jkunu saru fi żmien tliet xhur qabel ma l-qorti tkun irċiviet l-petizzjoni tal-falliment u fi żmien xahar mid-deċiżjoni tal-falliment ikollhom status preferenzjali. Il-pretensjonijiet fir-rigward ta' salarju jew rimunerazzjoni oħra li għandhom status preferenzjali huma wkoll koperti sa ċertu ammont permezz ta' 'garanzija tas-salarju', li tfisser li jekk fil-beni tal-fallut m'hemmx biżżejjed assi biex jintlaħqu l-pretensjonijiet, l-impjegat jista' jġib kumpens mill-Istat. L-ammont tal-garanzija tas-salarju hu limitat; dawn il-garanziji jistgħu jitħallsu wkoll tul il-kors tal-organizzazzjoni mill-ġdid tal-kumpanija.

FuqFuq

6. X’inhuma r-regoli relatati ma’ azzjonijiet detrimentali?

La darba d-deċiżjoni tal-falliment tkun ittieħdet, id-debitur ma jistax jiddisponi mill-assi li jappartjenu għall-beni tal-falliment. Jekk id-debitur madankollu jiffavorixxi kreditur a spejjeż tal-oħrajn, jista' jiġi penalizzat. Hemm ukoll numru ta' possibilitajiet li r-riċevitur uffiċjali jreġġa' lura azzjoni legali li jkun wettaq id-debitur qabel id-deċiżjoni tal-falliment jekk din kienet detrimentali għall-kredituri.

Jekk id-debitur jiffavorixxi kreditur wieħed a spejjeż ta' oħrajn, l-azzjoni legali tad-debitur tista' titreġġa' lura meta b'konsegwenza tagħha d-debitur ikun sar insolventi u l-kreditur ivvantaġġjat kien konxju jew messu kien konxju minn dan il-fatt. Biex japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, it-tranżazzjoni trid tkun saret fi żmien ħames snin qabel id-data meta tkun intefgħet il-petizzjoni tal-falliment. Madankollu, jekk il-ħlas ikun sar lil xi ħadd li kien viċin tad-debitur, Pereżempju, xi membru tal-familja, il-limitu ta' ħames snin ma japplikax.

F'ċertu ċirkostanzi, il-ħlas ta' debitu jista' jiġi rkuprat jekk ikun sar f'inqas minn tliet xhur qabel ma tkun saret il-petizzjoni għall-falliment. Dan jgħodd jekk il-ħlas ikun sar b'mod mhux tas-soltu (i.e. mhux bl-użu tal-flus), jekk il-ħlas ikun sar qabel ma jkun waqtu, jew jekk kien jinvolvi ammont ta' flus hekk kbir li s-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur saret konsiderevolment agħar. Madankollu, dan ma jgħoddx jekk il-ħlas ikun jista' jitqies bħala normali. Dan ifisser li l-ħlas tad-debiti meta dawn ikunu dovuti ma jistgħux jiġu rkuprati b'mod normali.

FuqFuq

7. X’inhuma l-kondizzjonijiet biex issir u biex tiġi aċċettata pretensjoni? 

Il-kreditur li jkun għamel petizzjoni għall-falliment jissejjaħ biex jattendi laqgħa fejn jittieħed ġurament quddiem il-qorti. Kredituri oħra jissejħu permezz tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-falliment. Id-debitur hu taħt obbligu li jinnotifika lir-riċevitur uffiċjali, lill-qorti u lill-awtorità superviżorja b'min huma l-kredituri.

Jekk jiġi aġġudikat li l-assi huma biżżejjed biex isir il-ħlas lil kredituri li m'għandhomx pretensjoni preferenzjali, tiġi implimentata proċedura ta' prova ta' dejn. Ir-riċevitur japplika biex il-proċedura tiġi implimentata u l-qorti tieħu d-deċiżjoni. Il-qorti tiddeċiedi dwar it-tul taż-żmien li ddum il-proċedura, li għandha tkun bejn erba' u għaxar ġimgħat. Id-deċiżjoni li tiġi implimentata l-proċedura għall-prova tad-dejn trid tiġi pubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali u f'gazzetta waħda jew iżjed li jkunu qed jiċċirkolaw fir-reġjun. Il-kredituri imbagħad jistgħu jissottomettu l-pretensjonijiet tagħhom fil-qorti bil-miktub.

8. X’inhuma r-regoli relatati mal-organizzazzjoni mill-ġdid u l-istrutturar mill-ġdid tad-dejn? 

Organizzazzjoni mill-ġdid tal-kumpanija

Kumpaniji li jkunu jidhru li huma vijabbli fuq perjodu ta' żmien twil iżda li jinsabu f'diffikoltà finanzjarja li m'humiex kapaċi jħallsu d-djun tagħhom meta dawn huma dovuti jistgħu jiġu organizzati mill-ġdid. L-applikazzjoni ssir mill-kumpanija nnifisha jew minn kreditur. Il-qorti tiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid u tappunta amminstratur, li x-xogħol tiegħu jkun li jeżamina jekk jeżistux il-kondizzjonijiet biex il-kumpanija tibqa' taħdem u jekk jistax jintlaħaq arranġament finanzjarju mal-kredituri.

FuqFuq

Taħt il-proċedura tal-organizzazzjoni mill-ġdid, id-debitur iżomm id-dritt tad-dispożizzjoni fuq l-assi tiegħu. Madankollu, ma jitħalliex iħallas djun, jidħol f'irbit ġdid jew jittrasferixxi assi ta' importanza sostanzjali mingħajr il-kunsens tal-amministratur. Ma tista ssir l-ebda distribuzzjoni lill-kredituri waqt li tkun għaddejja l-proċedura. Lanqas ma jista d-debitur jiġi ddikjarat fallut sakemm m'hemmx raġunijiet partikolari biex wieħed jemmen li d-drittijiet tal-kreditur qed jiġu serjament ipperikolati. Il-proċedura tal-organizzazzjoni mill-ġdid iddum tliet xhur u tista' tiġi estiża bi tliet xhur kull darba. Jekk il-proċeduri tal-kompożizzjoni ma jiġux konklużi b'suċċess, madankollu, il-proċedura tal-organizzazzjoni mill-ġdid ma tistax iddum iżjed minn sena.

Jekk arranġament finanzjarju ma jistax jintħalaq mal-kredituri fuq bażi volontarja, il-qorti tista' timponi kompożizzjoni pubblika, jiġifieri li d-djun ikollhom jitnaqqsu bilfors. Il-kredituri li għandhom pretensjoniet preferenzjali ma jeħdux sehem fin-negozjati tal-kompożizzjoni. Proposta tal-komposizzjoni li tagħti lill-kredituri mill-inqas 50% tal-ammont tal-pretensjoni titqies li ġiet aċċettata jekk 60% tal-kredituri li jistgħu jivvutaw (li jridu wkoll jirrapreżentaw mill-inqas 60% tal-ammont tal-pretensjoni) jaċċettaw il-proposta. Jekk il-proposta tal-komposizzjoni tkun inqas baxxa, titqies li ġiet aċċettata jekk tkun aċċettata minn 75% tal-kredituri li jivvutaw (li jridu wkoll jirrapreżentaw mill-inqas 75% tal-ammont tal-pretensjoni). Ladarba l-komposizzjoni tiġi approvata tkun torbot fuq il-kredituri kollha li kienu intitolati li jieħdu sehem fin-negozjati tal-kompożizzjoni.

FuqFuq

Strutturar mill-ġdid tad-dejn

Persuna naturali li tant hi mgħarrqa fid-dejn li mhux se tkun kapaċi tħallas id-djun tagħha fil-futur qarib tista' tapplika għal strutturar mill-ġdid tad-dejn. Rekwiżit ieħor hu li dan għandu jkun xieraq fid-dawl taċ-ċirkostanzi personali u finanzjarji tad-debitur li japprova l-istrutturar mill-ġdid tad-dejn.

L-istrutturar mill-ġdid tad-dejn ifisser li d-djun kollha koperti mill-proċedura jitnaqqsu jew jiġu eliminati għal kollox. Applikazzjonijiet għal strutturar mill-ġdid tad-dejn jsiru mal-Awtorità tal-Infurzar. Il-kredituri kollha affetwati bi proposta tar-ristruttura mill-ġdid tad-dejn għandom jingħataw l-opportunità li jikkumentaw fuq il-proposta. Deċiżjoni tal-istrutturar mill-ġdid tad-dejn għandha tinkludi l-proporzjoni tad-dejn li għandu jħallas id-debitur. Tinkludi wkoll pjan ta' ħlas li normalment jieħu ħames snin.

Taħt il-pjan tal-ħlas id-debitur li d-djun tiegħu jkunu ġew strutturati mill-ġdid għandu jgħix fuq l-ammont minimu ta' għajxien. Jekk id-debitur m'għandux dħul ieħor li jaqbeż l-ammont minimu ta' għajxien m'għandu għalfejn iħallas xejn; dan jiġri f'madwar terz tal-każijiet.

9. X’inhuma r-regoli relatati mal-istralċ u l-għeluq tal-proċeduri? 

Ir-regoli dwar l-istralċ tal-beni tal-fallut huma stabbiliti fl-Att dwar il-Falliment. Ladarba l-assi jkunu nbiegħu, il-bilanċ irid jitqassam. Jekk l-assi fiż-żmien tal-falliment ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż tal-proċeduri tal-falliment, il-qorti tagħlaq il-proċeduri. Jekk ikun fadal xi assi, il-proċeduri jingħalqu meta l-qorti tiddeċiedi fuq id-distribuzzjoni tal-assi lill-kredituri skont l-ordni ta’ prijorità stabbilita mill-Att dwar il-Pretensjonijiet Preferenzjali (1970:979).

Jekk id-debitur ikun kumpanija jew persuna legali oħra u l-proċedura tal-falliment tkun inbdiet mingħajr eċċess, il-persuna legali tiġi xolta fi tmiem il-proċess. Jekk ikun hemm xi eċċess, il-likwidazzjoni ssir bid-distribuzzjoni lill-kredituri.

« Falliment - Informazzjoni Ġenerali | Isvezja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 11-05-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit